22.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/38


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1014

tal-21 ta’ Ġunju 2021

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivifid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja.

(2)

Fis-16 ta’ April 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) adotta r-riżoluzzjoni 2571 (2021). L-UNSC fakkar fir-riżoluzzjoni 2174 (2014), li ddeterminat li l-miżuri stabbiliti fir-riżoluzzjoni 1970 (2011) japplikaw ukoll għal individwi u entitajiet involuti f’atti, jew jappoġġawhom, diversi minn dawk speċifikati fir-riżoluzzjoni 1970 (2011), li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew jostakolaw jew jimminaw it-twettiq b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha. Huwa enfasizza wkoll li tali atti jistgħu jinkludu l-ostakolar jew l-imminar tal-elezzjonijiet ippjanati fil-Pjan Direzzjonali tal-Forum ta’ Djalogu Politiku Libjan (LPDF).

(3)

Wara valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Libja, inkluż fir-rigward tal-elezzjonijiet ippjanati fil-Pjan Direzzjonali tal-Forum ta’ Djalogu Politiku Libjan, il-Kunsill iqis li huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-kriterji għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi jinkludu wkoll persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet li jostakolaw jew jimminaw dawk l-elezzjonijiet.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2(c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

involuti f’atti, jew li jappoġġaw atti, li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jostakolaw jew jimminaw it-twettiq b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha, fost l-oħrajn permezz ta’:

(i)

il-pjanifikazzjoni, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli, jew atti li jikkostitwixxu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Libja;

(ii)

attakki kontra kwalunkwe port tal-ajru, tal-art jew tal-baħar fil-Libja, jew kontra istituzzjoni jew installazzjoni statali Libjana, jew kontra kwalunkwe missjoni barranija fil-Libja;

(iii)

l-għoti ta’ appoġġ għal gruppi armati jew networks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu ta’ żejt mhux maħdum jew kwalunkwe riżorsa naturali oħra fil-Libja;

(iv)

it-theddid jew it-tiġgħil tal-istituzzjonijiet finanzjarji Statali Libjani u l-Libyan National Oil Company, jew l-involviment fi kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal jew tirriżulta fil-miżapproprjazzjoni tal-fondi Statali Libjani;

(v)

il-ksur, jew l-assistenza fl-evażjoni tad-dispożizzjonijiet tal-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbiliti fl-UNSCR 1970 (2011) u l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni;

(vi)

l-ostakolar jew l-imminar tal-elezzjonijiet ippjanati fil-Pjan Direzzjonali tal-Forum ta’ Djalogu Politiku Libjan;

(vii)

it-teħid ta’ azzjonijiet għal jew f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ persuni jew entitajiet elenkati;”;

(2)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2(c) huwa sostitwit b’dan li ġej;

“(c)

involuti f’atti jew li jappoġġaw atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Libja, jew li jostakolaw jew jimminaw it-twettiq b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha, fost l-oħrajn permezz ta’:

(i)

il-pjanifikazzjoni, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli, jew atti li jikkostitwixxu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem, fil-Libja;

(ii)

attakki kontra kwalunkwe port tal-ajru, tal-art jew tal-baħar fil-Libja, jew kontra istituzzjoni jew installazzjoni statali Libjana, jew kontra kwalunkwe missjoni barranija fil-Libja;

(iii)

l-għoti ta’ appoġġ għal gruppi armati jew networks kriminali permezz tal-isfruttament illeċitu ta’ żejt mhux maħdum jew kwalunkwe riżorsa naturali oħra fil-Libja;

(iv)

it-theddid jew it-tiġgħil tal-istituzzjonijiet finanzjarji Statali Libjani u l-Libyan National Oil Company, jew l-involviment fi kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal jew tirriżulta fil-miżapproprjazzjoni tal-fondi Statali Libjani;

(v)

il-ksur, jew l-assistenza fl-evażjoni tad-dispożizzjonijiet tal-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbiliti fl-UNSCR 1970 (2011) u l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni;

(vi)

l-ostakolar jew l-imminar tal-elezzjonijiet ippjanati fil-pjan direzzjonali tal-Forum ta’ Djalogu Politiku Libjan;

(vii)

it-teħid ta’ azzjonijiet għal jew f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ persuni jew entitajiet elenkati;”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34).