European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/834

10.4.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/834

tat-30 ta’ Marzu 2026

dwar l-estensjoni tal-mandat tal-President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/879 (2), il-Kunsill ħatar lis-Sa Petra HIELKEMA bħala President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Settembru 2021.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jipprevedi li l-mandat tal-President tal-EIOPA (il-“President”) għandu jkun ta’ ħames snin u jkun jista’ jiġi estiż darba. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li, matul id-disa’ xhur qabel tmiem il-mandat ta’ ħames snin, il-Bord tas-Superviżuri tal-EIOPA (il-“Bord tas-Superviżuri”) għandu jagħmel evalwazzjoni u li, b’kont meħud ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord tas-Superviżuri u bl-assistenza tal-Kummissjoni, jista’ jestendi l-mandat tal-President.

(3)

L-ewwel mandat ta’ ħames snin tas-Sa Petra HIELKEMA wasal biex jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2026.

(4)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, il-Bord tas-Superviżuri wettaq evalwazzjoni, li tivvaluta r-riżultati miksuba mis-Sa Petra HIELKEMA matul l-ewwel mandat tagħha bħala President, il-mod li bih inkisbu dawk ir-riżultati u d-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-EIOPA għas-snin li ġejjin.

(5)

L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-prestazzjoni tas-Sa Petra HIELKEMA kienet sodisfaċenti u li t-tmexxija kontinwa tagħha tikkontribwixxi għat-twettiq effettiv tal-mandat tal-EIOPA.

(6)

Il-Bord tas-Superviżuri għaldaqstant irrakkomanda li l-mandat tas-Sa Petra HIELKEMA bħala President jiġi estiż għat-tieni mandat.

(7)

Wara li kkunsidra l-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri, huwa xieraq li l-mandat tas-Sa Petra HIELKEMA bħala President jiġi estiż għat-tieni mandat ta’ ħames snin,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mandat tas-Sa Petra HIELKEMA bħala President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) huwa b’dan estiż għall-perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Settembru 2026.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYIOTOU


(1)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1094/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/879 tas-27 ta’ Mejju 2021 dwar il-ħatra tal-President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) (ĠU L 192, 1.6.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/879/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/834/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)