SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘‘pjanijiet u l-programmi’ […] li huma meħtieġa permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi’ – Miżura adottata mill-Gvern ta’ Stat Membru biss abbażi ta’ dispożizzjoni tal-kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tipprovdi li l-awtorità eżekuttiva tal-Istat tiġi eżerċitata minn jew taħt l-awtorità ta’ dan il-gvern”
Fil-Kawża C‑727/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura
Friends of the Irish Environment CLG
vs
Government of Ireland,
Minister for Housing, Planning and Local Government,
Ireland,
Attorney General,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Novembru 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Friends of the Irish Environment CLG, minn N. Steen, SC, J. Kenny, BL, u F. Logue, solicitor, |
|
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, SC, F. Valentine, SC, u E. Synnott, BL, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, L. Langrová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Friends of the Irish Environment CLG, organizzazzjoni mhux governattiva li topera fil-qasam tal-ambjent, u l-Government of Ireland (il-Gvern Irlandiż), il-Minister for Housing, Planning and Local Government (il-Ministru għad-Djar, għall-Patrimonju, għall-Ippjanar u għall-Kollettivitajiet Lokali, l-Irlanda), l-Irlanda u l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda) dwar deċiżjoni meħuda mill-Gvern Irlandiż dwar l-adozzjoni ta’ qafas nazzjonali ta’ ppjanar u ta’ pjan ta’ żvilupp nazzjonali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/42, intitolat “Għanijiet”: “L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifsir”, huwa fformulat kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
|
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi: “1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
[…] 4. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. […] 8. Il-pjanijiet u l-programmi li ġejjin mhumiex suġġetti għal din id-Direttiva:
9. Din id-Direttiva ma tgħoddx għall-pjanijiet u l-programmi ko-finanzjati taħt il-perjodu ta’ programmar kurrenti rispettiv […] tar-Regolament[i] tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 [tal‑21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 1),] u (KE) Nru 1257/1999 [tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391)].” |
|
6 |
L-Artikolu 4(3) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “Meta l-pjanijiet u l-programmi jifformaw parti minn xi ġerarkija, l-Istati Membri għandhom, bil-għan li jevitaw duplikazzjoni ta’ l-istima, jikkunsidraw il-fatt li l-istima ser issir, skond din id-Direttiva, fil-livelli differenti tal-ġerarkija. Għall-fini ta’, fost l-oħrajn, li ma jkunx hemm duplikazjzoni ta’ stima, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 5(2) u (3).” |
|
7 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/42, intitolat “Rapport dwar l-ambjent”: “1. Meta stima ambjentali tkun meħtieġa skond l-Artikolu 3(1), għandu jkun ippreparat rapport dwar l-ambjent li fih l-effetti sinifikanti li x’aktarx ikun hemm fuq l-ambjent b’konsegwenza ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm, u alternattivi raġonevoli billi jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew il-programm, ikunu identifikati, deskritti u evalwati. L-informazzjoni li għandha tingħata għal dan il-għan hi msemmija fl-Anness I. 2. Ir-rapport dwar l-ambjent ippreparat bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandu jinkludi l-informazzjoni li tista’ tkun mitluba b’mod raġonevoli meta jkunu ikkunsidrati l-għarfien u l-metodi ta’ stima, il-kontenut u l-livelli tad-dettal fil-pjan jew fil-programm, l-istadju tiegħu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u sa fejn ċerti materji jkunu stmati b’mod aktar xieraq fil-livelli differenti f’dak il-proċess sabiex ikun evitat duplikazzjoni ta’ l-istima. 3. L-informazzjoni rilevanti dwar l-effetti fuq l-ambjent tal-pjanijiet u l-programmi u miksuba fil-livelli l-oħra tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew permezz ta’ leġislazzjoni oħra tal-Komunità tista’ tintuża biex tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Anness I. […]” |
|
8 |
Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Frar 2012, ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 85/337. |
Id‑dritt Irlandiż
|
9 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 28(2) tal-Kostituzzjoni Irlandiża: “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Kostituzzjoni, l-awtorità eżekuttiva tal-Istat hija eżerċitata minn jew taħt l-awtorità tal-Gvern.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 2(1) tal-Planning and Development Act 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2000”), kien jipprevedi: “‘Strateġija nazzjonali għall-ippjanar tat-territorju’ tfisser l-‘Istrateġija Nazzjonali għall-Ippjanar tat-Territorju: 2002–2020’ ippubblikata mill-Gvern fit‑28 ta’ Novembru 2002, jew kull dokument ippubblikat mill-Gvern li jemenda jew jissostitwixxi din l-istrateġija.” |
|
11 |
Wara d-dħul fis-seħħ, fit‑22 ta’ Ottubru 2018, tal-Planning and Development (Amendment) Act 2018 (il-Liġi tal-2018 li Temenda l-Liġi dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2018”), il-Kapitolu IIA tal-Parti II tal-Liġi tal-2000, huwa fformulat kif ġej: “Il-qafas nazzjonali ta’ ppjanar
[…] Kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fil-qafas nazzjonali ta’ ppjanar 20C. […]
|
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
12 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2018, il-Gvern Irlandiż adotta n-National Planning Framework (il-Qafas Nazzjonali ta’ Ppjanar, iktar ’il quddiem in-“NPF”) u n-National Development Plan (il-Pjan Nazzjonali ta’ Żvilupp, iktar ’il quddiem in-“NDP”), żewġ partijiet tal-Project Ireland 2040 (il-Proġett Irlanda 2040). Din id-deċiżjoni ġiet “ikkonfermata” b’deċiżjoni ta’ dan il-Gvern tad‑29 ta’ Mejju 2018. |
|
13 |
L-għan tal-Proġett Irlanda 2040 huwa li jistabbilixxi pjan unifikat u koerenti għall-użu u għall-iżvilupp tal-art fil-pajjiż. In-NPF jistabbilixxi qafas ta’ ppjanar biex jiggwida l-iżvilupp u l-investiment matul is-snin li ġejjin u jiddefinixxi, skont il-proposta preliminari tiegħu, “objettivi nazzjonali u prinċipji ewlenin li għandhom jagħtu lok għal pjanijiet iktar iddettaljati u iktar preċiżi”. Għalhekk, dan ma jipprevedix id-dettalji kollha għat-territorju nazzjonali kollu, iżda “jippermetti lil kull reġjun jkollu r-rwol prinċipali fl-ippjanar u fl-iżvilupp tal-komunitajiet tiegħu”. In-NPF huwa akkumpanjat min-NDP, li huwa deskritt bħala strateġija deċennali fil-qasam tal-investimenti ta’ kapital pubbliku li jammontaw għal EUR 116 biljun, li jiddefinixxi l-mod kif il-finanzjament għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ ċerti proġetti meqjusa bħala essenzjali sabiex jinkisbu r-riżultati strateġiċi identifikati fin-NPF u li jidentifika x-xogħlijiet importanti ta’ infrastruttura li jipproponi li jiffinanzja mingħajr ma jindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-ippjanar u mal-iżvilupp. |
|
14 |
Permezz ta’ sentenza u ta’ digriet tal‑24 ta’ April 2020 kif ukoll permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Mejju 2020, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ċaħdet it-talba mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża għall-adozzjoni ta’ digrieti certiorari li l-għan tagħhom kien l-annullament tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2018, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2018. |
|
15 |
Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2021 u ta’ digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2021, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-High Court (il-Qorti Għolja). |
|
16 |
Fl‑4 ta’ Jannar 2022, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell minn dawn id-deċiżjonijiet tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu hija tikkontesta l-validità tan-NPF u tan-NDP. Hija ssostni, essenzjalment, li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42 ma ġewx osservati fil-kuntest tal-adozzjoni tagħhom u li, fir-rigward b’mod iktar partikolari tan-NPF, is-soluzzjonijiet alternattivi raġonevoli ma ġewx deskritti u evalwati b’mod suffiċjenti fuq bażi korretta meta mqabbla mal-analiżi mwettqa fir-rigward tal-għażla ppreferuta. |
|
17 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li, anki jekk in-NPF kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni skont id-Direttiva 2001/42, din l-evalwazzjoni ma kinitx meħtieġa minn din id-direttiva, peress li n-NPF ma huwiex pjan jew programm imsemmi fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, peress li dan in-NPF ma huwiex meħtieġ “permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. L-istess japplika f’dak li jirrigwarda n-NDP, li, barra minn hekk, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva abbażi tal-Artikolu 3(8) tagħha. |
|
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
19 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandux jiġi interpretat fis-sens li miżura adottata mill-Gvern ta’ Stat Membru biss abbażi ta’ dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tipprevedi li l-awtorità eżekuttiva tal-Istat għandha tiġi eżerċitata minn jew taħt l-awtorità ta’ dan il-gvern tista’ tikkostitwixxi “pjan” jew “programm”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(a), meta din il-miżura tiddefinixxi kuntest li fih l-implimentazzjoni ta’ ċerti proġetti tista’ tiġi awtorizzata jew irrifjutata fil-ġejjieni. |
|
20 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42 jipprevedi li ċerti pjanijiet jew ċerti programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali. |
|
21 |
B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u għall-programmi kollha li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, fl-ewwel lok, dawn għandhom ikunu ppreparati għas-setturi koperti minn din id-dispożizzjoni u, fit-tieni lok, dawn għandhom jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 tista’ tiġi awtorizzata fil-ġejjieni (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens), C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 36). |
|
22 |
F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, in-NPF jissodisfa t-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva. |
|
23 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li huma biss dawk il-“pjanijiet u l-programmi” li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 li huma koperti minn din id-direttiva, u li għalhekk huma koperti mill-Artikolu 3 tagħha. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 jiddefinixxi l-“pjanijiet u l-programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva, bħala dawk li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li huwa jipprevedi, jiġifieri, minn naħa, li jkunu ġew ippreparati u/jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew li jkunu ġew ippreparati minn awtorità bil-għan tal-adozzjoni tagħhom mill-Parlament jew mill-Gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva (l-ewwel kundizzjoni) u, min-naħa l-oħra, li jkunu meħtieġa permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi (it-tieni kundizzjoni) (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, An Bord Pleanála et (Sit ta’ St Teresa’s Gardens), C‑9/22, EU:C:2023:176, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa”, fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42, u, għalhekk, suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent skont il-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, dawk il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali, li jiddeterminaw kemm l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura għall-preparazzjoni tagħhom. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, u sabiex l-effett utli tagħha jiġi ppreżervat, miżura għandha titqies bħala “meħtieġa” meta fid-dritt nazzjonali tkun teżisti bażi legali speċifika li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jadottawha, anki jekk din l-adozzjoni ma tkunx ta’ natura obbligatorja (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern, C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi li għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li n-NPF ġie adottat abbażi ta’ tali bażi legali partikolari. |
|
27 |
Skont il-qorti tar-rinviju, in-NPF ġie adottat b’deċiżjoni tal-Gvern li jaġixxi esklużivament bis-saħħa tal-awtorità mogħtija lilu mill-Artikolu 28(2) tal-Kostituzzjoni Irlandiża. |
|
28 |
Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, “[b] la ħsara għad-dispożizzjonijiet [tal-Kostituzzjoni Irlandiża], l-awtorità eżekuttiva tal-Istat hija eżerċitata minn jew taħt l-awtorità tal-Gvern”. |
|
29 |
Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni, mhux biss talli ma tirregolax l-adozzjoni ta’ pjanijiet jew ta’ programmi billi tipprevedi l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura għall-preparazzjoni tagħhom, iżda talli din tillimita ruħha li tistabbilixxi, konformement mal-prinċipju kostituzzjonali tas-separazzjoni tal-poteri, li, b’kuntrast għall-awtorità leġiżlattiva u għall-awtorità ġudizzjarja, l-awtorità eżekuttiva tal-Istat hija, b’mod ġenerali, eżerċitata minn jew taħt l-awtorità tal-Gvern. |
|
30 |
Għalkemm huwa minnu li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2001/42 li huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti koperti minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Bund Naturschutz in Bayern, C‑300/20, EU:C:2022:102, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Madankollu, interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/42 fis-sens li miżura li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni tan-NPF taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tmur lil hinn minn interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, l-effett ta’ tali interpretazzjoni jkun li s-sustanza tat-tieni waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 2(a) ta’ din l-istess direttiva tinġieb fix-xejn. |
|
32 |
Konsegwentement, miżura, bħan-NPF, adottata biss abbażi ta’ dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru bħal dik imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza ma tistax, għaldaqstant, titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42, minkejja li din il-miżura tissodisfa t-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, imfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza. |
|
33 |
Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 2(1) tal-Liġi tal-2000 kien jipprevedi li l-“[is]trateġija nazzjonali għall-ippjanar tat-territorju” jew kull emenda tagħha għandha tiġi ppubblikata. Fil-fatt, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tistabbilixxi rekwiżit ta’ pubblikazzjoni mingħajr madankollu ma tiddetermina l-proċedura għall-preparazzjoni tan-NPF. Għalhekk, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax jitqies li l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar, abbażi tal-Artikolu 28(2) tal-Kostituzzjoni Irlandiża, kienet “irregolata”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. |
|
34 |
Minn dan isegwi li miżura li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni tan-NPF ma tissodisfax it-tieni waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 u, konsegwentement, ma tikkostitwixxix “pjan jew programm” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
35 |
Din il-konklużjoni hija bla ħsara għall-evalwazzjoni, fid-dawl tad-Direttiva 2001/42, tal-pjanijiet jew tal-programmi li sejrin jiġu, jekk ikun il-każ, adottati għall-implimentazzjoni tan-NPF. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda tali pjanijiet jew programmi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2001/42 sabiex ikunu suġġetti għall-obbligu tat-twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali, għandu b’mod partikolari jiġi osservat li sa fejn n-NPF ma huwiex “pjan” jew “programm”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, u għalhekk, sa fejn ma jagħmilx parti minn “xi ġerarkija”, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva, l-ebda dispożizzjoni tagħha ma tawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali jiġġustifikaw l-eventwali effetti fuq l-ambjent ta’ dawn il-pjanijiet jew programmi minħabba li tali effetti jirriżultaw minn linji gwida deċiżi f’miżura bħalma huwa n-NPF. |
|
37 |
Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 34 ta’ din is-sentenza hija wkoll bla ħsara għall-evalwazzjoni, fid-dawl tal-istess direttiva, tal-pjanijiet jew tal-programmi li sejrin ikunu, skont il-każ, adottati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi tal-2000, kif emendata bil-Liġi tal-2018, inklużi, b’mod partikolari, skont l-eventwali modifika jew skont l-eventwali sostituzzjoni tan-NPF imwettqa konformement mal-proċedura prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura adottata mill-Gvern ta’ Stat Membru biss abbażi ta’ dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tipprevedi li l-awtorità eżekuttiva tal-Istat għandha tiġi eżerċitata minn jew taħt l-awtorità ta’ dan il-gvern ma tissodisfax il-kundizzjoni li tkun “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi” u, konsegwentement, ma tistax tikkostitwixxi “pjan” jew “programm”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(a). |
Fuq it‑tieni domanda
|
39 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/42, moqri flimkien mal-Artikolu 3(8) u (9) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li:
|
|
40 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-domanda tirrigwarda n-NDP. |
|
41 |
Madankollu, minn din id-domanda jirriżulta wkoll li n-NDP, li jikkostitwixxi waħda miż-żewġ partijiet tal-proġett Irlanda 2040, ġie adottat mill-Gvern Irlandiż fuq l-istess bażi legali bħan-NPF. |
|
42 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 26 sa 34 ta’ din is-sentenza u tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq it‑tielet domanda
|
43 |
Mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li miżura bħan-NPF ma tikkostitwixxix “pjan” jew “programm”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 u, konsegwentement, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet domanda li tirrigwarda l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/42 u l-metodoloġija applikabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-pjanijiet u tal-programmi suġġetti għal din id-direttiva. |
Fuq l‑ispejjeż
|
45 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
miżura adottata mill-Gvern ta’ Stat Membru biss abbażi ta’ dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tipprevedi li l-awtorità eżekuttiva tal-Istat għandha tiġi eżerċitata minn jew taħt l-awtorità ta’ dan il-gvern ma tissodisfax il-kundizzjoni li tkun “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi” u, konsegwentement, ma tistax tikkostitwixxi “pjan” jew “programm”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(a). |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.