16.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/12


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 500/2014

tal-11 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 fir-rigward tal-għoti ta' għajnuna għall-miżuri ta' akkumpanjament fil-qafas ta' Skema tal-Frott u Ħaxix għall-Iskejjel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 24(1)(c) u 24(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2) mill-1 ta' Jannar 2014.

(2)

L-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-għajnuna mill-Unjoni mogħtija fil-qafas tal-Iskema tal-Frott u Ħaxix għall-Iskejjel tista' tkopri wkoll il-miżuri ta' akkumpanjament meħtieġa biex irendu l-iskema iktar effettiva. Għaldaqstant, jeħtieġ li dawk il-miżuri jiġu ddefiniti f'dak li jirrigwarda l-għanijiet tagħhom u l-ispejjeż marbutin magħhom, u jeħtieġ li jiġi stabbilit liema minn dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 (3) jipprevedi regoli għall-applikazzjoni tal-Iskema tal-Frott u Ħaxix għall-Iskejjel, u b'mod partikolari, jipprevedi l-obbligu li l-Istati Membri jiddeskrivu, fl-istrateġiji tagħhom, il-miżuri ta' akkumpanjament li jkun beħsiebhom jadottaw sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-iskema. L-istess Regolament jipprevedi wkoll regoli dwar l-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni. Għaldaqstant, jixraq li r-Regolament (KE) Nru 288/2009 jiġi emendat sabiex jinkludi r-regoli dwar il-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(4)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 288/2009 jipprevedi li l-Istati Membri li jistabbilixxu Skema ta' Frott u Ħaxix għall-Iskejjel jistgħu japplikaw għall-għajnuna mill-Unjoni għal perjodu wieħed jew iktar li jkunu jibdew fl-1 ta' Awwissu u jintemmu fil-31 ta' Lulju. Sabiex titqies l-istruttura perjodika tas-sena skolastika, ir-regoli l-ġodda dwar il-miżuri ta' akkumpanjament għandhom japplikaw sa mill-1 ta' Awwissu 2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 288/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 288/2009 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu, fl-istrateġiji tagħhom, il-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Il-miżuri ta' akkumpanjament għandhom jappoġġaw id-distribuzzjoni ta' prodotti tal-frott u l-ħaxix u għandhom ikunu marbutin direttament mal-għanijiet tal-Iskema tal-Frott u Ħaxix għall-Iskejjel fir-rigward taż-żieda fil-konsum tal-frott u l-ħaxix fit-terminu qasir taż-żmien u fit-tul, kif ukoll fir-rigward tal-ħolqien ta' drawwiet tajbin tal-ikel. F'dawn il-miżuri jistgħu jkunu involuti wkoll il-ġenituri u l-għalliema.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.).” "

(2)

L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, għandu jiżdied il-punt (iv) li ġej:

“(iv)

l-ispejjeż għall-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 23(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u b'mod partikulari:

—

l-ispejjeż għall-organizzazzjoni ta' klassijiet ta' dewqan, għall-ħolqien u ż-żamma ta' sessjonijiet ta' ġardinaġġ, għall-organizzazzjoni ta' żjarat fl-irziezet u għal attivitajiet simili mmirati li jqarrbu lit-tfal lejn il-biedja,

—

l-ispejjeż għal miżuri li għandhom l-għan li jedukaw lit-tfal dwar il-biedja, dwar drawwiet tajbin tal-ikel u dwar kwistjonijiet ambjentali marbutin mal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-prodotti tal-frott u l-ħaxix,

—

l-ispejjeż għal miżuri li jsiru sabiex tiġi appoġġata d-distribuzjoni tal-prodotti, u li huma konformi mal-għanijiet tal-Iskema tal-Frott u Ħaxix għall-Iskejjel.”;

(ii)

ir-raba' subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-ispejjeż għall-komunikazzjoni u għall-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fil-punti (b)(iii) u (iv) tal-ewwel subparagrafu rispettivament, ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-qafas ta' skemi oħra ta' għajnuna mill-Unjoni.”;

(b)

fil-paragrafu 2 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont totali tal-fondi tal-Unjoni użati biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż skont il-punt (b)(iv) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont annwali tal-għajnuna mill-Unjoni allokata lill-Istat Membru kkonċernat, wara l-allokazzjoni definittiva msemmija fl-Artikolu 4(4).”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 tas-7 ta' April 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta' frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott [u Ħaxix] għall-Iskejjel (ĠU L 94, 8.4.2009, p. 38).