SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa) – Rifjut li jiġi awtorizzat t-tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin”

Fil-Kawża C‑793/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura

Biohemp Concept SRL

vs

Direcţia pentru Agricultură Judeţeană Alba,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Şereş, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Biohemp Concept SRL, minn M.-E. Coman, avocată,

–

għall-Gvern Rumen, minn R. Antonie, E. Gane u L. Ghiţă, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis, L. Radu Bouyon u M. ter Haar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, u fil-ĠU 2022, L 195, p. 106), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, fil-ĠU 2022, L 195, p. 106 u fil-ĠU 2023, L 200, p. 51), kif ukoll tal-Artikoli 35, 36 u 38 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Biohemp Concept SRL u d-Direcţia pentru Agricultură Judeţeană Alba (id-Direttorat Provinċjali tal-Agrikoltura ta’ Alba, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Agrikoltura”) dwar id-deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar, intiża għaċ-ċaħda parzjali tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-qanneb ippreżentata minn Biohemp Concept.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (UE) Nru 1305/2013

3

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15), jipprovdi:

“Il-FAEŻR għandu jikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020 billi jippromwovi l-iżvilupp rurali sostenibbli fl-Unjoni [Ewropea] kollha b’mod li jikkumplimenta l-istrumenti l-oħra tal-[politika agrikola komuni (PAK)], l-politika ta’ koeżjoni u l-politika komuni tas-sajd. Huwa għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ settur agrikolu tal-Unjoni li huwa kompetittiv u innovattiv, li jkun iżjed bilanċjat fil-livell territorjali u ambjentali, li ma jagħmilx ħsara lill-klima u li jkun reżiljenti. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tat-territorji rurali.”

4

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 huwa fformulat kif ġej:

“L-appoġġ taħt din il-miżura għandu jkopri investimenti tanġibbli u/jew intanġibbli li:

(a)

itejbu l-prestazzjoni globali u s-sostenibbiltà tal-azjenda agrikola;

(b)

jikkonċernaw l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u/jew l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-TFUE jew il-qoton, minbarra l-prodotti tas-sajd; ir-rendiment tal-proċess ta’ produzzjoni jista’ jkun prodott mhux kopert minn dak l-Anness; fejn l-appoġġ jingħata fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-prodott inizjali jista’ jkun ukoll prodott mhux kopert minn dak l-Anness I bil-kondizzjoni li l-investiment jikkontribwixxi għal waħda jew aktar mill-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali;

(c)

jikkonċernaw infrastruttura marbuta mal-iżvilupp, il-modernizzazzjoni jew l-adattament tal-agrikoltura u l-forestrija, inkluż l-aċċess għal azjendi agrikoli u art forestali, il-konsolidazzjoni u t-titjib tal-art, u l-provvista u l-iffrankar tal-enerġija u tal-ilma; jew

[…]”

Ir‑Regolament Nru 1307/2013

5

L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“L-erjas użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu biss ettari eliġibbli jekk il-varjetajiet użati jkollhom kontenut ta’ tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,2 %.”

6

Skont l-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament:

“Sabiex tiġi ppreservata s-saħħa pubblika, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 70 li jistipula regoli li jagħmlu l-għoti ta’ pagamenti soġġett għall-kondizzjoni ta’ użu ta’ żrieragħ iċċertifikati ta’ ċerti varjetajiet ta’ qanneb u l-proċedura għad-determinazzjoni ta’ varjetajiet tal-qanneb u l-verifika tal-kontenut ta’ tetraidrokannabinol tagħhom imsemmi fl-Artikolu 32(6)”.

Ir‑Regolament Nru 1308/2013

7

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli, li tfisser il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I għat-Trattati bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura kif definit fl-atti leġislattivi tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

2.   Il-prodotti agrikoli kif iddefiniti fil-paragrafu 1 għandhom jinqasmu fis-setturi li ġejjin kif elenkati fil-partijiet rispettivi tal-Anness I:

[…]

h)

kittien u qanneb, Parti VIII;

[…]”

8

L-Artikolu 189 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Importazzjoni ta’ qanneb”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-prodotti li ġejjin jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

qanneb veru, mhux maħdum, tal-Kodiċi NM 53021000 li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament [Nru 1307/2013];

(b)

żrieragħ ta’ varjetajiet tal-qanneb, tal-Kodiċi NM ex12079920 għaż-żriegħ akkumpanjat bi prova li l-livell ta’ tetraidrokannabinol tal-varjetà kkonċernata mhuwiex ogħla minn dak iffissat skont l-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament [Nru 1307/2013];

(c)

żrieragħ tal-qanneb li mhumiex għaż-żriegħ, li jaqgħtu taħt il-kodiċi NM 12079991 u importati biss minn importaturi awtorizzati mill-Istat Membru biex jiġi żgurat li dawn iż-żrieragħ ma jkunux maħsubin għaż-żriegħ.

2.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal regoli aktar restrittivi adottati mill-Istati Membri f’konformità mat-TFUE u mal-obbligi skont il-Ftehim [tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)] dwar l-Agrikoltura.”

9

Fl-Anness I tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Lista ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)”, jinsab, b’mod partikolari, fil-Parti VIII, taħt il-kodiċi NM 5302, il-“Qanneb veru (Cannabis sativa L.) nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi skart tal-ħjut u stokk igarnettjat)”.

Ir‑Regolament Delegat tal‑Kummissjoni (UE) Nru 639/2014

10

L-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/707 tat‑28 ta’ Frar 2018, kien jipprevedi:

“1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 32(6) tar-Regolament [Nru 1307/2013], l-eliġibbiltà ta’ żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandha tkun soġġetta għall-użu taż-żerriegħa tal-varjetajiet elenkati fil-‘Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli’ fil‑15 ta’ Marzu tas-sena li għaliha jkun qed jingħata l-pagament u jiġi ppubblikat b’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE [tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 281)] […]

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sistema għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol (minn hawn ’il quddiem il-‘kontenut tat-THC’) fil-varjetajiet tal-qanneb, li tippermettilhom japplikaw il-metodu stabbilit fl-Anness III.

[…]”

Id‑dritt Rumen

Il‑Liġi Nru 18/1991

11

L-Artikolu 2 tal-Legea nr. 18/1991 a fondului funciar (il-Liġi Nru 18/1991 dwar il-Proprjetà Immobbli) tad‑19 ta’ Frar 1991, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1 tal‑5 ta’ Jannar 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

“Skont l-użu tagħhom, l-artijiet huma:

a)

artijiet għal użu agrikolu u, b’mod iktar partikolari:

–

artijiet agrikoli produttivi – artijiet li jinħartu, il-vinji, il-ġonna b’siġar tal-frott, il-mixtliet ta’ dwieli ta’ siġar tal-frott, pjantaġġuni ta’ ħops u ta’ siġar taċ-ċawsli, bwar, mergħat, serer, serer fotovoltajċi, nebbieta u strutturi oħra simili;

–

l-artijiet b’veġetazzjoni forestali, jekk dawn ma jkunux jifformaw parti minn żvilupp forestali, mergħat bis-siġar;

–

l-artijiet okkupati minn bini, installazzjonijiet agrikoli, impjanti tal-akwakultura u ta’ titjib tal-artijiet, it-toroq tekniċi u ta’ użu agrikolu, il-pjattaformi u postijiet ta’ ħażna li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-produzzjoni agrikola;

–

l-artijiet mhux produttivi li jistgħu jiġu organizzati u użati għall-produzzjoni agrikola”.

Il‑Liġi Nru 339/2005

12

Skont l-Artikolu 12(4) tal-legea nr. 339/2005 privind regimul juridic al plantelor, stanțelor și preparatelor stupefiante și psihotrope (il-Liġi Nru 339/2005 dwar l-iskema ġuridika tal-pjanti, sustanzi u preparati narkotiċi u psikotropiċi), tad‑29 ta’ Novembru 2005 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1095 tal‑5 ta’ Diċembru 2005):

“Il-bdiewa awtorizzati jkabbru l-kannabis u l-peprin jistgħu jiżirgħu l-art tagħhom biss b’żerriegħa minn varjetajiet irreġistrati fil-katalgu uffiċjali ta’ varjetajiet u ibridi ta’ pjanti tat-tkabbir fir-Rumanija jew fil-katalgi [tal-Unjoni], li jkunu ġew prodotti minn stabbilimenti awtorizzati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Forestrija u għall-Iżvilupp Rurali, permezz tal-awtoritajiet territorjali ta’ kontroll u ċertifikazzjoni taż-żerriegħa”.

Il‑modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑Liġi Nru 339/2005

13

L-Artikolu 4(5) tal-Hotărârea nr. 1915 pentru aprobarea Normelor metodologice de aplicare a prevederilor Legii nr. 339/2005 (id-Deċiżjoni Nru 1915 li tapprova l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 339/2005), tat‑22 ta’ Diċembru 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 18 tal‑11 ta’ Jannar 2007) (iktar ’il quddiem il-“modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 339/2005”), jipprevedi:

“Għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għat-tkabbir ta’ pjanti li fihom sustanzi narkotiċi u psikotropiċi sabiex jintużaw fl-industrija jew fl-ikel, fil-qasam xjentifiku jew tekniku jew sabiex jinkisbu żrieragħ, il-bdiewa għandhom jissottomettu applikazzjoni lid-Direttorati Provinċjali tal-Agrikoltura jew lill-Muniċipalità ta’ Bukarest [ir-Rumanija]. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin, oriġinali u kopja, skont l-iskop tal-awtorizzazzjoni:

[…]

(b)

titolu tal-proprjetà, atti jew ċertifikati tal-pussess jew dokumenti oħra li jagħtu prova tal-użu legali tal-erja tal-art agrikola;

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

14

Biohemp Concept ippreżentat, fl‑14 ta’ Jannar 2021, quddiem id-Direttorat tal-Agrikoltura, applikazzjoni intiża għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni sabiex tkabbar il-qanneb fuq superfiċji ta’ 0.54 ettaru.

15

Fis‑27 ta’ Jannar 2021, din l-awtorità tat l-awtorizzazzjoni mitluba għal erja ta’ 0.50 ettaru u informat, fl-istess jum, lil Biohemp Concept li l‑0.04 ettaru ma kinux jikkostitwixxu art agrikola, iżda pjuttost bini għal użu agrikolu, li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(5)(b) tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi 339/2005.

16

Biohemp Concept ressqet quddiem l-imsemmija awtorità lment amministrattiv kontra dan ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni billi sostniet li l-bini inkwistjoni kien użat, fil-mument tal-preżentata ta’ dan l-ilment, bħala spazju protett għat-tkabbir tal-pjanti, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni maħruġa, fit‑3 ta’ Frar 2021, mill-Komun ta’ Pianu (ir-Rumanija). Hija rrikonoxxiet li inizjalment il-bini inkwistjoni kien għal użu agrikolu.

17

Fis‑17 ta’ Frar 2021, id-Direttorat tal-Agrikoltura ċaħad l-imsemmi lment.

18

Fit‑13 ta’ April 2021, Biohemp Concept ippreżentat rikors quddiem it-Tribunalul Alba (il-Qorti tal-Kontea ta’ Alba, ir-Rumanija). Insostenn tar-rikors tagħha, hija sostniet b’mod partikolari li r-rifjut tad-Direttorat tal-Agrikoltura li jagħti l-awtorizzazzjoni għall-erja ta’ 0.04 ettaru kien ibbażat prinċipalment fuq interpretazzjoni restrittiva u, għaldaqstant, żbaljata tal-kunċett ta’ “erja ta’ art agrikola”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Rumena, liema kunċett jinkludi l-artijiet okkupati minn bini jew minn installazzjonijiet agrikoli li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-produzzjoni agrikola.

19

Ir-rikors ta’ Biohemp Concept ġie deċiż bħala infondat mit-Tribunalul Alba (il-Qorti tal-Kontea ta’ Alba) minħabba li l-erja ta’ 0.04 ettaru okkupata minn bini industrijali u amministrattiv għal użu agrikolu ma kinitx tissodisfa, bħala tali, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(5)(b) tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 339/2005. Fil-fatt, dan il-bini ma jistax jiġi assimilat ma’ “erja ta’ art agrikola”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Rumen kienet li jawtorizza t-tkabbir ta’ pjanti li fihom sustanzi narkotiċi u psikotropiċi intiżi għal użu industrijali u tal-ikel, fil-qasam mediku, xjentifiku jew tekniku, jew għal finijiet ta’ produzzjoni ta’ żrieragħ, biss għal artijiet agrikoli produttivi kif iddefiniti mil-Liġi Nru 18/1991.

20

Biohemp Concept adixxiet lill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’appell mis-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza.

21

Skont Biohemp Concept, il-kunċett ta’ “erja ta’ art agrikola”, fis-sens tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 339/2005, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni għat-tkabbir ta’ pjanti li fihom sustanzi narkotiċi u psikotropiċi intiżi għal ċerti użi tista’ tinħareġ biss għall-artijiet agrikoli fis-sens strett tal-kelma. Għall-kuntrarju, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-artijiet b’użu agrikolu. Il-fatt li jitkabbar fi spazji protetti l-qanneb b’kontenut tat-THC li ma jeċċedix il-limitu legali ta’ 0.2 % jippermetti li jinkisbu pjanti li għandhom konċentrazzjoni ta’ kannabidiol bejn 12 u 14 %, filwaqt li, għall-qanneb imkabbar fl-għelieqi fil-miftuħ, din il-konċentrazzjoni ma taqbiżx il‑1 %.

22

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk, fil-każ ta’ tkabbir f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa) hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-Regolamenti [Nru 1307/2013] u (UE) [Nru 1308/2013], kif ukoll l-Artikoli 35, 36 u 38 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn din tipprojbixxi t-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa) f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin adattati għal dan?”

Fuq id‑domanda preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

24

Il-Gvern Rumen jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 35, 36 u 38 TFUE.

25

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 TFUE, dan il-gvern jenfasizza, minn naħa, li mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax b’mod ċar jekk Biohemp Concept hijiex titlob il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi sabiex tesporta lejn Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, li ma teżistix rabta bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali u dawn id-dispożizzjonijiet.

26

Għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-ewwel waħda tagħti lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha huma jkunu ġew aditi. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-fatti li wasslu għall-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li trid tittieħed, li għandha tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, mBank (Dikjarazzjoni tal-konsumatur),C‑140/22, EU:C:2023:965, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża li tkun adita biha, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka f’każ ta’ trasferiment)C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġi li kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi”, “il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti”, kif ukoll “espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali”.

29

Issa, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tindikax biċ-ċarezza u l-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ għal liema raġunijiet il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 TFUE hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha.

30

Din it-talba lanqas ma tinkludi espożizzjoni suffiċjentement konkreta tal-informazzjoni fattwali li fuqha hija bbażata d-domanda preliminari, fir-rigward tal-Artikoli 35 u 36 TFUE.

31

Għaldaqstant, sa fejn id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 TFUE, din hija inammissibbli.

32

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 TFUE, il-Gvern Rumen isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix l-informazzjoni neċessarja li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

33

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 38 TFUE jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u timplimenta politika komuni tal-agrikoltura u tas-sajd u, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-prodotti li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 39 sa 44 TFUE, dwar l-agrikoltura u s-sajd, huma elenkati fil-lista li hija s-suġġett tal-Anness I TFUE. Dan l-anness jinkludi, fil-Kapitolu 57, il-qanneb veru (Cannabis sativa) nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl, stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi skart tal-ħjut u stokk igarnettjat).

34

L-Artikolu 39 TFUE jiddefinixxi l-għanijiet tal-PAK.

35

Sa fejn ir-Regolament Nru 1308/2013 jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS) għall-prodotti elenkati fl-imsemmi anness u jipprevedi, fl-Artikolu 189(1) tiegħu, li l-qanneb mhux maħdum jista’ jiġi importat fl-Unjoni biss jekk ikun jissodisfa b’mod partikolari l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 1307/2013, dawn ir-regolamenti għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikoli 38 u 39 TFUE.

36

Għaldaqstant, sa fejn id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 TFUE, hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

37

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni dwar il-PAK għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi projbizzjoni, fi Stat Membru, tat-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa) f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin.

38

Preliminarjament, għandu jiġi nnotat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, li sistema idroponika hija sistema ta’ tkabbir li fiha l-għeruq tal-pjanta jiġu fornuti b’soluzzjoni komposta minn nutrijenti maħlula fl-ilma, li fiha s-sustanzi kimiċi neċessarji għall-iżvilupp tal-pjanti li jistgħu jikbru f’medium ta’ ilma, mingħajr ma jkollhom bżonn ta’ ħamrija.

39

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1308/2013, it-tkabbir tal-qanneb jaqa’ taħt l-OKS stabbilita minn dan ir-regolament għall-prodotti agrikoli.

40

Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin, għandu jiġi osservat li dan ir-regolament ma jeskludix espressament dawn is-sistemi ta’ tkabbir mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, fid-dawl tal-adegwatezza tal-imsemmija sistemi li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-PAK, stabbiliti fl-Artikolu 39(1) TFUE, ir-Regolament Nru 1308/2013 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeskludi impliċitament u b’mod ġeneralizzat dawn is-sistemi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-OKS li huwa jistabbilixxi.

41

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-preżenza ta’ regolament dwar l-OKS f’qasam speċifiku, l-Istati Membri għandhom jastjenu minn kull miżura li hija tali li tidderoga mill-imsemmi regolament jew li tmur kontrih. Huma wkoll inkompatibbli mal-OKS il-liġijiet li jostakolaw il-funzjonament tajjeb tagħha, anki jekk il-materja inkwistjoni ma tkunx ġiet irregolata b’mod eżawrjenti minn din l-OKS (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė,C‑2/18, EU:C:2019:962, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-OKS huma bbażati fuq il-prinċipju tas-suq miftuħ, li għalih għandu jkollu aċċess liberu kull produttur f’kundizzjonijiet effettivi ta’ kompetizzjoni effettiva (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk rifjut ta’ awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippreġudikax l-OKS li jagħmel parti minnha l-qanneb (Cannabis sativa) mhux maħdum, stabbilita bir-Regolament Nru 1308/2013. B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk tali rifjut jillimitax l-aċċess tal-bdiewa, milli jużaw sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin, għas-suq tal-qanneb f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.

44

Kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-parteċipanti l-oħra fiha, u kif jirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 74 sa 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali sistema ta’ tkabbir tista’ tiġġenera żieda ikbar fil-produzzjoni, tuża inqas riżorsi tal-ilma, tnaqqas il-firxa tal-artijiet neċessarji għat-tkabbir minħabba diversi ħsad imwettqa matul perijodu ta’ żmien partikolari, tiddependi inqas mill-klima mit-tkabbir f’għelieqi fil-miftuħ u tkun inqas affettwata minn organiżmi ta’ ħsara.

45

Għalhekk, minħabba dawn il-karatteristiċi, din is-sistema ta’ tkabbir tista’ tissodisfa diversi għanijiet tal-PAK, stabbiliti fl-Artikolu 39(1) TFUE, b’mod partikolari dawk li jinsabu, l-ewwel nett, fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri li “tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol”, it-tieni nett, fil-punt (d) tal-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri li “tiggarantixxi d-disponibilità tal-provvisti”, u t-tielet nett, fil-punt (e) tal-istess dispożizzjoni, jiġifieri li “tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur”.

46

Kif osservat ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta, minħabba l-imsemmija karatteristiċi, l-investimenti fit-tkabbir tal-qanneb imwettaq f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin jistgħu jagħtu lok għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1305/2013.

47

Issa, rifjut ta’ awtorizzazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-effett li jeskludi mis-suq tal-qanneb il-bdiewa li jużaw sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin. Tali rifjut jista’ għalhekk jippreġudika r-relazzjonijiet kompetittivi billi jipprekludi lil ċerti bdiewa, bħal Biohemp Concept, milli jieħdu vantaġġ minn dawn is-sistemi li huma intiżi li jiżguraw l-aħjar użu tal-fatturi ta’ produzzjoni u jippermettu għalhekk li tiżdied il-produttività tal-agrikoltura tal-qanneb (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 21).

48

L-iżvantaġġ kompetittiv imġarrab minn dawn il-bdiewa huwa enfasizzat mill-fatt li l-projbizzjoni inkwistjoni tista’ ċċaħħadhom mill-possibbiltà li jitolbu l-benefiċċju ta’ għajnuna, prevista fil-kuntest tal-PAK, għall-investimenti relatati mal-imsemmija sistemi.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk l-ispazji magħluqin użati għat-tkabbir idroponiku tal-qanneb jaqgħux jew le taħt il-kunċett ta’ “erja” fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 189 tar-Regolament Nru 1308/2013, għandu jitqies li miżura li tikkonsisti fil-projbizzjoni tat-tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin, bħal dik li tirriżulta mir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tippreġudika l-OKS stabbilita minn dan ir-regolament tal-aħħar, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali kopert minn din l-OKS li jipprevali fuq dawk imfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

50

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tali miżura ma tistax tiġi ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali kopert minn din l-OKS u għalhekk tippreġudika lil din l-OKS, ma jistax jiġi eskluż li din tista’ tinżamm. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istabbiliment ta’ OKS ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali li jsegwu għan ta’ interess ġenerali minbarra dawk koperti minnha, anki jekk dawn ir-regoli jkunu jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern fis-settur ikkonċernat (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė,C‑2/18, EU:C:2019:962, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’kull wieħed miż-żewġ każijiet imsemmija fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, il-miżura għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė,C‑2/18, EU:C:2019:962, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

52

Il-Gvern Rumen isostni, minn naħa, li l-projbizzjoni tat-tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin għandha għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika peress li din is-sistema ta’ tkabbir iwassal, skont analiżi xjentifiċi, għal riskji li jinqabeż il-limitu ta’ kontenut tat-THC previst fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 fil-pjanti tal-qanneb imkabbra b’dan il-mod u, min-naħa l-oħra, li, b’din is-sistema ta’ tkabbir, il-livell ta’ din is-sustanza ma jista’ jiġi kkontrollat b’mod effettiv la qabel u lanqas wara l-ħsad ta’ dawn il-pjanti.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 189(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, il-qanneb mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 53021000 jista’ jiġi importat fl-Unjoni biss jekk ikun jissodisfa b’mod partikolari l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 1307/2013.

54

L-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprevedi li l-erjas użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu biss ettari eliġibbli fis-sens ta’ dan ir-regolament jekk il-varjetajiet imkabbra jkollhom kontenut ta’ THC li ma jaqbiżx 0.2 %.

55

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fir-rigward tat-tkabbir tal-qanneb, il-leġiżlatur tal-Unjoni ta attenzjoni partikolari għall-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Għalkemm dan l-għan ta’ interess ġenerali għandu, ċertament, jiġi bbilanċjat mal-għanijiet tal-PAK imfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 28), mil-limitu ta’ 0.2 % kontenut ta’ THC stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta madankollu li l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għandu jipprevali fuq dawn l-għanijiet l-oħra fil-każ li jirriżulta, kif isostni l-Gvern Rumen, li dan il-limitu jinqabeż iktar faċilment fil-każ ta’ tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin u li huwa, barra minn hekk, eċċessivament diffiċli li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-imsemmi limitu fil-każ ta’ tkabbir tal-qanneb f’tali sistemi.

56

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, meta jkun hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew l-importanza ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li r-realtà ta’ dawn ir-riskji tkun kompletament murija. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu kull miżura li tista’ tnaqqas kemm jista’ jkun riskju għas-saħħa (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nordic Info,C‑128/22, EU:C:2023:951, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Ċertament, l-Istati Membri, meta jadottaw miżuri restrittivi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipproduċu provi xierqa, li juru li wettqu analiżi tal-adegwatezza, tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni u li jipproduċu kull prova oħra li tippermetti li jiġu ssostanzjati l-argumenti tagħhom. Madankollu, tali oneru tal-prova ma jistax iwassal sabiex ikun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti juru, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex fl-istess kundizzjonijiet (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nordic Info,C‑128/22, EU:C:2023:951, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, hija obbligata, fl-ewwel lok, li tevalwa jekk l-analiżi xjentifiċi invokati mill-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet tiegħu jurux li jeżistu inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju ikbar li jinqabeż il-limitu tal-kontenut ta’ THC, previst fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, fil-pjanti tal-qanneb tal-varjetajiet ippubblikati fil-“Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli” minħabba t-tkabbir tagħhom f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin.

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-adegwatezza tal-projbizzjoni tat-tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura restrittiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li hija ta’ natura li tiggarantixxi l-għan ta’ saħħa pubblika mfittex biss jekk tkun tissodisfa verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq u jekk tiġi implimentata b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Filwaqt li huwa paċifiku li l-projbizzjoni ta’ din is-sistema ta’ tkabbir tal-qanneb telimina kull riskju li jinqabeż il-limitu tal-kontenut ta’ THC, previst fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, fil-pjanti tal-qanneb u għalhekk tissodisfa verament l-intenzjoni li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, kif issostni Biohemp Concept, id-dipartimenti tar-Rumanija minbarra dak ta’ Alba jawtorizzawx l-imsemmija sistema, li jippreġudika l-implimentazzjoni koerenti u sistematika ta’ dan l-għan.

61

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-projbizzjoni tat-tkabbir tal-qanneb f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex fid-dawl tal-għanijiet tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39(1) TFUE u tal-funzjonament tajjeb tal-OKS. Din il-projbizzjoni għandha titqies li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju meta l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jista’ jiġi protett b’mod daqstant effettiv permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punti 40 u 41).

62

Għal dan l-għan, il-qorti tar-rinviju hija b’mod partikolari obbligata tevalwa jekk kontrolli fuq il-post, bi frekwenza u skont modalitajiet li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija minn amministrazzjoni kompetenti, tal-kontenut tat-THC tal-pjanti tal-qanneb imkabbra f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin, jkunux jippermettu li jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika b’mod daqstant effettiv bħal projbizzjoni tat-tkabbir tal-qanneb f’tali sistemi.

63

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni dwar il-PAK għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix projbizzjoni, fi Stat Membru, tat-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa) f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin, sakemm din il-projbizzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u li, fid-dawl tal-għanijiet tal-PAK kif ukoll tal-funzjonament tajjeb tal-OKS, din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

Fuq l‑ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni dwar il-politika agrikola komuni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix projbizzjoni, fi Stat Membru, tat-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa) f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin, sakemm din il-projbizzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u li, fid-dawl tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni kif ukoll tal-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.