31999L0009



Official Journal L 056 , 04/03/1999 P. 0046 - 0046


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/9/KE

tas-26 ta' Frar 1999

li temenda d-Direttiva 97/17/KE li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KE rigward it-tikketti li jindikaw il-konsum ta' l-enerġija tal-magni tal-dar tal-ħasil tal-platti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta' Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni bit-tikketti u bit-tagħrif standard tal-prodott dwar il-konsum ta' l-enerġija u ta' riżorsi oħra ta' apparat tad-dar [1], u b'mod partikolari Artikolu 9 tagħha,

Billi d-Direttiva tal-Kummissjoni 97/17/KE [2] timplimenta d-Direttiva 92/75/KEE rigward it-tikkettjar ta' l-enerġija tal-magni tal-dar tal-ħasil tal-platti;

Billi kien hemm dewmien fl-iżvilupp u l-adozzjoni tal-metodi tal-kejl (l-EN 50242); billi fin-nuqqas ta' standard armonizzat tal-kejl, huwa impossibbli għall-fornituri li jwettqu l-obbligi tagħhom skond id-Direttiva 97/17/E; billi għalhekk l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi differita;

Billi l-miżuri ppovvduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-kumitat stabbilit b'Artikolu 10 tad-Direttiva 92/75/KEE.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 97/17/KE jinbidel b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-28 ta' Frar 1999. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih. Għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonijiet mill-1 ta' Marzu 1999.

Madankollu, l-Istati Membru għandhom jippermettu sal-31 ta' Lulju 1999:

- it-tqegħid fis-suq, il-kummerċjalizzazzjoni u/jew il-wiri tal-prodotti, u

- it-tqassim tal-komunikazzjonijiet stampati riferiti f'Artikolu 2(4),

li ma jikkonformawx ma' din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri riferiti fl-ewwel subparagrafu, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza."

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, is-26 ta' Frar 1999.

Għall-Kummissjoni

Christos Papoutsis

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 297, 13. 10. 1992, p. 16.

[2] ĠU L 118, 7. 5. 1997, p. 1.

--------------------------------------------------