26.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 397/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1758

tat-28 ta’ Awwissu 2020

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżenzjonijiet marbutin ma’ rata għolja ta’ sopravivenza u mal-eżenzjonijiet de minimis li japplikaw għal ċertu tip ta’ sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandu l-għan li jelimina b’mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ ħatt l-art għall-qabdiet ta’ speċijiet li għalihom hemm limiti tal-qbid.

(2)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-adozzjoni ta’ pjanijiet pluriennali li jkun fihom miżuri ta’ konservazzjoni għas-sajd li jisfrutta ċerti stokkijiet f’żona ġeografika rilevanti. Pjanijiet pluriennali bħal dawn jispeċifikaw id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art u jistgħu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni tkompli tispeċifika dawk id-dettalji abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/973, li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana, jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati li jispeċifikaw id-dettalji tal-obbligu ta’ ħatt l-art abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri.

(4)

Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands u l-Iżvezja għandhom interess ta’ ġestjoni tas-sajd dirett fil-Baħar tat-Tramuntana. Wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana u lill-Kunsill Konsultattiv tal-Istokkijiet Pelaġiċi, fid-29 ta’ Mejju 2019 dawk l-Istati Membri u r-Renju Unit ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni dwar id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għas-sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana. Ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet emendata fis-7 ta’ Awwissu 2019. Wara dawk ir-rakkomandazzjonijiet konġunti, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 (3).

(5)

Fit-8 ta’ Novembru 2019, l-Istati Membri kkonċernati u r-Renju Unit ressqu rakkomandazzjoni konġunta ġdida biex jirranġaw ċerti żbalji u ommissjonijiet mhux intenzjonali li kien hemm fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2238.

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tat-8 ta’ Novembru 2019 issuġġeriet li tingħata eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2021 għall-iskampu li jinqabad bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jkollhom manka b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 70 mm u li jkunu armati bi gradilja selettiva tal-ispeċijiet bi spazju ta’ mhux aktar minn 35 mm bejn il-vireg. Din hija eżenzjoni li għaliha hemm valutazzjoni xjentifika pożittiva (4) u li kienet diġà inkluża fil-pjanijiet għall-iskartar ta’ qabel. Fl-2018, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) qal li l-informazzjoni xjentifika li tappoġġa dik l-eżenzjoni kienet ibbażata fuq approċċ robust u li t-teknika ta’ validazzjoni użata fil-kuntest tal-flotot usa’ kienet raġonevoli (5). Minkejja dan il-kuntest xjentifiku pożittiv, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 illimita dik l-eżenzjoni b’mod mhux intenzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2020, għalkemm ma kien hemm l-ebda raġuni xjentifika għal dan. Għalhekk jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tkun tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(7)

Abbażi tal-valutazzjonijiet tal-STECF imsemmijin hawn fuq, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 bi żball inkluda wkoll obbligu li jintbagħtu rapporti sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020 dwar l-eżenzjoni għall-iskampu li jinqabad bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jkollhom manka b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 70 mm u li jkunu armati bi gradilja selettiva tal-ispeċijiet bi spazju ta’ mhux aktar minn 35 mm bejn il-vireg. Għaldaqstant, din l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi eskluża mill-obblihu li titressaq data addizzjonali.

(8)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 fih ommissjoni mhux intenzjonali dwar l-eżenzjoni marbuta mar-rata ta’ sopravivenza għall-qabdiet tal-barbun tat-tbajja’ u għall-qabdiet inċidentali tiegħu. Ir-rakkomandazzjoni konġunta li tressqet fis-7 ta’ Awwissu 2019 ssuġġeriet li tingħata eżenzjoni għall-barbun tat-tbajja’ li jinqabad b’ċerti xbieki tat-tkarkir li jintużaw għas-sajd għall-pixxiċatt jew għall-ħut tond li jkollhom daqs tal-malja ta’ mill-inqas 90 sa 99 mm u li jkunu armati b’pannell Seltra; jew li jkollhom daqs tal-malja ta’ mill-inqas 80 sa 99 mm. L-STECF innota li r-rati ta’ sopravivenza jvarjaw minn studju rilevanti għall-ieħor (u kienu ta’ bejn 18 u 75 %) u nnota li, għall-barbun tat-tbajja’ iżgħar, ir-rati huma partikularment iktar baxxi (6). Għal din ir-raġuni, l-eżenzjoni kellha tingħata biss sal-31 ta’ Diċembru 2020, imma bi żball l-Artikolu 6(4) ma speċifikax dan. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-obbligu tar-rappurtar ta’ data addizzjonali jkun ikopri din l-eżenzjoni wkoll.

(9)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tat-8 ta’ Novembru 2019 issuġġeriet li tiddaħħal eżenzjoni de minimis għal-lipp li jinqabad b’ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ 120 mm jew iktar.

(10)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2035 (7) ta eżenzjoni de minimis għal-lipp li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni li jinqabad b’ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ 120 mm jew iktar fis-subżona 4 tal-ICES. Dik l-eżenzjoni ngħatat abbażi tal-evidenza xjentifika li taw l-Istati Membri u li ġiet approvata mill-valutazzjoni xjentifika (8). L-STECF innota li, minħabba l-morfoloġija tal-lipp, kien raġonevoli li wieħed jassumi li huwa teknikament diffiċli titjieb is-selettività biex jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa tal-lipp. Dik l-eżenzjoni ma ddaħħlitx fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 minħabba żball fil-komunikazzjoni bejn il-grupp reġjonali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 jiġi emendat biex ikun jinkludiha.

(11)

Jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 jiġi emendat kif xieraq.

(12)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati ma’ dan, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ ftit wara li jiġi ppubblikat. Minħabba li r-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020, jenħtieġ li dan ir-Regolament ukoll jibda japplika minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2238 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b)(1) u (3) għandha tapplika b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jibagħtu informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(b)(1) u (3) malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020. Sal-31 ta’ Lulju 2020, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika li tkun ingħatat.”;

(2)

l-Artikolu 6(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(c) u fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jibagħtu informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(c) u fil-paragrafu 2 malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020. Sal-31 ta’ Lulju 2020, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika li tkun ingħatat.”;

(3)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (n), wara l-frażi introduttorja, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“l-eżenzjoni de minimis stabbilita f’dan il-punt għandha tapplika b’mod provviżorju sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett għandhom jibagħtu informazzjoni xjentifika addizzjonali li tappoġġa l-eżenzjoni malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2020. Sal-31 ta’ Lulju 2020, l-STECF għandu jivvaluta l-informazzjoni xjentifika li tkun ingħatat;”;

(b)

jiżdied il-punt (o) li ġej:

“(o)

fis-sajd demersali għal-lipp minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT u PTB) b’daqs tal-malja ta’ 120 mm jew iżjed fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES:

kwantità ta’ lipp li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni li ma għandhiex taqbeż it-3 % tal-qabdiet annwali totali tal-lipp f’dak it-tip ta’ sajd.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2238 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu tip ta’ sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana għall-perjodu mill-2020 sal-2021 (ĠU L 336, 30.12.2019, p. 34).

(4)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/c/document_library/get_file?uuid=f2e28988-14e4-4fdf-9770-0619edd32e64&groupId=43805

(5)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf

(6)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf/0b2566fa-f07c-4215-99a7-3b7aa1a5265e

(7)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/2035 tat-18 ta' Ottubru 2018 li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuna għall-perjodu 2019-2021 (ĠU L 327, 21.12.2018, p. 17).

(8)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf/9798bf87-66be-467a-aeb9-4950cddbddfb