|
16.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1357
tat-30 ta’ Ġunju 2021
li tawtorizza lis-Slovenja tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 tar-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 4628)
(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(8) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (“CPC”), ta’ taħriġ perjodiku li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. L-Artikolu 2(3) tar-Regolament jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”. |
|
(2) |
L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(3) |
B’ittra tal-20 ta’ Mejju 2021, is-Slovenja ppreżentat talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/267. Is-Slovenja tat informazzjoni addizzjonali biex tappoġġa t-talba tagħha fil-21 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Ġunju 2021. |
|
(4) |
Permezz tat-talba motivata tagħha, is-Slovenja tfittex awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni b’sitt xhur tal-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3), u awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni b’sitt xhur tal-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” u t-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa f’dak l-Istat Membru x’aktarx jibqgħu imprattikabbli wara t-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba l-miżuri li ħadet biex jiġi evitat jew jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19. |
|
(6) |
Skont is-Slovenja, it-taħriġ perjodiku kollu f’dak l-Istat Membru jeħtieġ li jitwettaq bil-preżenza fiżika tas-sewwieqa kkonċernati. Madankollu, minħabba s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, l-attivitajiet ta’ taħriġ perjodiku kellhom jiġu sospiżi jew limitati b’mod sinifikanti, b’mod partikolari minħabba l-miżuri fis-seħħ rigward ir-regoli tat-tbegħid soċjali. |
|
(7) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, dan l-Istat Membru daħal fl-ewwel stat ta’ lockdown fl-18 ta’ Marzu 2020, li dam sas-17 ta’ Mejju 2020, u fit-tieni stat ta’ lockdown fis-16 ta’ Novembru 2020, li dam sal-14 ta’ Frar 2021. Sussegwentement, is-Slovenja daħlet fit-tielet stat ta’ lockdown fl-1 ta’ April 2021, u dan dam sal-11 ta’ April 2021. B’kollox, dan l-Istat Membru għalhekk kien fi stat ta’ għeluq għal aktar minn ħames xhur u nofs, minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. |
|
(8) |
Skont is-Slovenja, dawn il-lockdowns kollha kienu akkumpanjati mill-adozzjoni ta’ miżuri li jipprojbixxu attivitajiet normali ta’ taħriġ perjodiku, minħabba l-miżuri tat-tbegħid soċjali fis-seħħ. B’mod speċifiku fit-tielet lockdown, li seħħ mill-1 sal-11 ta’ April 2021, it-taħriġ perjodiku ma tħalliex jitwettaq. |
|
(9) |
It-taħriġ perjodiku ilu permess minn Mejju 2021, għalkemm huwa limitat għal massimu ta’ 10 persuni kull kors. Skont is-Slovenja, is-suppożizzjoni tagħhom hi li se jkun biss fi tmiem l-2021 li t-trasportaturi se jkunu jistgħu jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom b’mod li jippermetti lis-sewwieqa kollha jlestu t-taħriġ perjodiku tagħhom fi żmien debitu. |
|
(10) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru, fid-dawl tal-lockdowns imsemmija hawn fuq, kien biss għadd imnaqqas ta’ sewwieqa li setgħu jattendu korsijiet ta’ taħriġ fil-passat reċenti, meta mqabbel mal-għadd ta’ sewwieqa li jkunu mistennija jattendu fl-istess perjodu f’sena normali. Dawk il-lockdowns, kif ukoll il-miżuri l-oħra li ddaħħlu fis-seħħ f’dak il-kuntest, wasslu biex madwar 50 % tas-sewwieqa ma komplewx jattendu t-taħriġ perjodiku, u s-Slovenja stmat ukoll li kull xahar ta’ lockdown irrappreżenta tnaqqis ta’ 8 % fl-attendenza ta’ sewwieqa għat-taħriġ perjodiku, meta mqabbel ma’ sitwazzjoni normali. |
|
(11) |
Apparti dan, skont is-Slovenja, fl-2019 43 884 sewwieq attendew 920 taħriġ perjodiku, filwaqt li fl-2020, 19 089 sewwieq attendew biss 494 taħriġ perjodiku. Minħabba dan it-tnaqqis, is-Slovenja tistenna li d-domanda tkun ogħla mill-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ taħriġ biex isir it-taħriġ perjodiku. Ix-xogħol b’lura f’dak l-Istat Membru bħalissa huwa sinifikanti, u l-miżuri ta’ tbegħid soċjali li għadhom fis-seħħ ma jippermettux li tali xogħol b’lura jiġi ttrattat malajr. |
|
(12) |
F’konformità mal-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19 jaffettwaw ukoll it-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa. Minbarra d-diffikultajiet imsemmija hawn fuq għat-tlestija tat-taħriġ perjodiku, li skont is-Slovenja huma prekundizzjoni għat-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa, dan l-Istat Membru jirreferi wkoll għal-limitazzjoni tal-kapaċità tal-awtoritajiet amministrattivi lokali biex iwettqu t-tiġdid ta’ dawn id-dokumenti. Skont dan l-Istat Membru, fis-Slovenja, parti biss mill-persunal attwalment huwa permess fil-binjiet tal-awtoritajiet amministrattivi, u din ir-restrizzjoni x’aktarx li se tibqa’ fis-seħħ fil-futur prevedibbli. |
|
(13) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru, x’aktarx li xi wħud minn dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ fil-futur qrib, u possibbilment sal-aħħar tal-2021. Għalkemm is-sitwazzjoni attwali b’rabta mal-pandemija qed tmur għall-aħjar bil-mod fis-Slovenja, f’dan l-Istat Membru għad qed jinstabu madwar 300 infezzjoni ġdida kuljum, u meta jitqies id-daqs tal-pajjiż, dan huwa numru sinifikanti. Barra minn hekk, minħabba problemi bil-ktajjen tal-provvista, il-programm ta’ vaċċinazzjoni qed isir aktar bil-mod milli mistenni. Għalhekk is-Slovenja tistenna li għalissa jibqgħu fis-seħħ miżuri bħall-limitazzjoni tal-għadd ta’ persuni fuq ġewwa, bil-konsegwenza li inqas sewwieqa se jkunu jistgħu jlestu t-taħriġ perjodiku tagħhom. |
|
(14) |
Skont is-Slovenja, ir-raġuni biex jintalbu estensjonijiet għall-perjodi massimi permissibbli ta’ sitt xhur hija spjegata mill-fatt li hemm ammont sinifikanti ta’ kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa b’lura li għad iridu jiġġeddu, li huwa madwar 50 % aktar mill-ammont li normalment ikun mistenni. Barra minn hekk, għad ma hemmx ċertezza dwar kemm se ddum il-pandemija, u dwar kemm se jibqgħu fis-seħħ il-miżuri ta’ tbegħid soċjali. |
|
(15) |
Is-Slovenja teħtieġ biss estensjoni tal-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021, u mhux tal-perjodi ta’ 10 xhur stipulati fl-Artikolu 2(1), (3) u (5) tar-Regolament (UE) 2021/267. Bħala riżultat, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” u t-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa f’dak l-Istat Membru li kieku jiskadu fil-perjodu ta’ referenza l-ġdid, mhux se jiġu estiżi għal aktar minn 10 xhur. Għalhekk, l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sikurezza u sigurtà tat-trasport. |
|
(16) |
Għalhekk, is-Slovenja jenħtieġ li tiġi awtorizzata tapplika estensjoni b’sitt xhur tal-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikati fl-Artikolu 2(1), għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3), u fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2021/267. |
|
(17) |
Is-Slovenja qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u notifikata bl-Ingliż, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Slovenja hija awtorizzata tapplika l-estensjonijiet li ġejjin tal-perjodi speċifikati fl-Artikolu 2(1), (3) u (5) tar-Regolament (UE) 2021/267:
|
(a) |
estensjoni b’sitt xhur tal-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament; kif ukoll |
|
(b) |
estensjoni b’sitt xhur tal-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kummissjoni
Adina-Ioana VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).