European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2184

4.12.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2184

tal-10 ta’ Settembru 2025

li jemenda r-Regolamenti delegati (UE) 2016/232 u (UE) 2017/891 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-obbligi ta’ notifika tal-prezzijiet tal-produtturi u l-implimentazzjoni ta’ ċerti mekkaniżmi ta’ importazzjoni fis-settur tal-frott u l-ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 173(1), il-punti (a), (b), (c), (d) u (j), l-Artikolu 181(2) u l-Artikolu 223(2), il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, in-notifika tal-prezzijiet tal-produtturi u tal-valuri u l-volumi ta’ ċerti prodotti importati mill-Istati Membri fis-setturi tal-frott u l-ħaxix u l-frott u l-ħaxix ipproċessati.

(2)

Sabiex tittejjeb iċ-ċarezza u tiġi armonizzata u ssimplifikata l-governanza tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, id-definizzjonijiet ta’ organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali u ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali jenħtieġ li jiġu allinjati mad-definizzjonijiet orizzontali tagħhom stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232 (3). Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li għall-fini ta’ rikonoxximent, l-istess regoli japplikaw għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-rigward tal-formazzjonijiet tranżnazzjonali tagħhom.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta għal prodotti maħsuba biss għall-ipproċessar tista’ tipproċessa dawk il-prodotti hija stess, fil-faċilitajiet tagħha stess jew f’dawk ta’ sussidjarja jew twassalhom lil faċilità esterna tal-ipproċessar.

(4)

Il-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata huwa wieħed mir-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. Peress li l-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata huwa rregolat mir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), huwa meħtieġ li tiġi aġġornata r-referenza legali għall-metodoloġija valida għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata, li hija stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 (5). Bl-istess mod, huwa meħtieġ li tiġi aġġornata r-referenza legali għall-metodoloġija għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u tal-assoċjazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, ir-regoli għall-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jenħtieġ li jitħassru mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891, peress li dawk huma rregolati mir-Regolament (UE) 2021/2115.

(5)

L-okkorrenza dejjem akbar ta’ avvenimenti estremi, bħal diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti, tista’ tirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni tal-membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi. F’każ li l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun qed tbigħ ukoll prodotti minn produtturi mhux membri, il-konformità mal-proporzjon tal-valur ta’ dik l-attività meta mqabbel mal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata tal-membri tista’ tirrestrinġi b’mod eċċessiv l-attività ekonomika ġenerali tal-organizzazzjoni tal-produtturi u thedded ir-rikonoxximent tagħha. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jitħallew jibbenefikaw minn deroga mill-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata tagħhom f’dawk iċ-ċirkostanzi estremi, biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-operazzjonijiet tagħhom.

(6)

Il-konċentrazzjoni tal-provvista hija l-għan ewlieni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti. Mod wieħed kif dan jinkiseb huwa permezz ta’ fużjonijiet. F’każ ta’ fużjonijiet, għall-finijiet ta’ simplifikazzjoni, id-dispożizzjonijiet għall-assenjazzjoni ta’ numru għall-finijiet tas-sistema ta’ identifikazzjoni unika jenħtieġ li jippermettu lill-Istati Membri jżommu wieħed min-numri ta’ identifikazzjoni eżistenti għall-organizzazzjoni tal-produtturi li tirriżulta jew jassenjaw numru ġdid.

(7)

L-Istati Membri jridu jiġbru u jinnotifikaw l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 222a(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Sabiex tittejjeb iċ-ċarezza fir-rigward tan-notifika, huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-frott u l-ħaxix li għalihom iridu jiġu nnotifikati t-tipi jew il-varjetajiet u l-formati tal-imballaġġ. Sabiex jiġi żgurat li l-metodoloġija għall-ġbir tal-prezzijiet li jridu jiġu nnotifikati tkun l-istess tul il-katina kollha tal-provvista, mill-ħruġ mill-azjenda agrikola sal-istadju tal-bejgħ bl-imnut, huwa meħtieġ allinjament mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185. (6)

(8)

Peress li l-finanzjament tal-programmi operazzjonali ta’ organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema pagamenti jistgħu jiġu sospiżi jew irkuprati f’każijiet meta l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jonqsu milli jirrispettaw il-kriterji tar-rikonoxximent.

(9)

Filwaqt li l-Istati Membri jridu jeskludu l-produtturi ta’ prodotti organiċi biex jiddeterminaw ir-rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-produzzjoni organika jekk l-estensjoni tar-regoli tapplika b’mod espliċitu u speċifiku wkoll għall-produtturi, għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi ta’ prodotti organiċi.

(10)

Ir-regoli dwar in-notifika ta’ deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tar-regoli meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 164(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huma rregolati mill-Artikolu 5(2a) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/232, li jispeċifika l-iskadenzi u l-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw informazzjoni dwar l-estensjoni tar-regoli fis-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessati wkoll skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891. Sabiex tiġi evitata notifika doppja, l-obbligu li tiġi nnotifikata informazzjoni dwar l-estensjoni tar-regoli jenħtieġ li jitħassar mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891.

(11)

Skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw iż-żona jew iż-żoni ekonomiċi li fihom tapplika l-estensjoni tar-regoli. In-notifika ta’ dik l-informazzjoni ma hijiex meħtieġa skont ir-Regolament Delegat (UE) 2016/232. Minħabba l-ispeċifiċità tas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessati, meta l-estensjoni tar-regoli tintuża regolarment fil-livell reġjonali jew f’żoni ta’ produzzjoni speċifiċi, iżda mhux fil-livell nazzjonali, ir-rekwiżit li tiġi nnotifikata ż-żona ekonomika jew iż-żoni tal-estensjoni li jikkonċernaw dawk is-setturi jenħtieġ li jiġi inkluż fir-Regolament Delegat (UE) 2016/232.

(12)

L-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ ċerti frott u ċerti ħaxix abbażi ta’ kwotazzjonijiet miġbura fi swieq rappreżentattivi tal-importazzjoni, jekk l-importazzjonijiet ikunu ogħla minn 10 tunnellati. Minħabba l-bidliet fid-dinamika tas-suq u fl-iżvilupp tal-flussi kummerċjali, huwa meħtieġ li jittejbu r-regoli dwar in-notifika sabiex jirriflettu dawk il-bidliet u jipprevedu metodi alternattivi ta’ ġbir ta’ data f’każ li l-ebda suq tal-importazzjoni rappreżentattiv ma jiġi identifikat mill-Istati Membri. Barra minn hekk, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u l-għadd ta’ notifiki, filwaqt li tiżdied ir-robustezza tas-sistema, in-notifiki jenħtieġ li jsiru kull ġimgħa. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi introdotta definizzjoni tal-ġimgħa tas-suq fir-Regolament Delegat (UE) 2017/891.

(13)

L-Artikolu 181(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprovdi l-bażi għall-istabbiliment tas-sistema tal-prezz ta’ dħul għal ċerti prodotti tas-settur tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessati. Meta jiġi applikat il-valur doganali għall-frott u għall-ħaxix imsemmija fl-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-importatur irid iħallas garanzija jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 75 ta’ dak ir-Regolament Delegat. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod ċar il-perjodi ta’ applikazzjoni meta tkun meħtieġa l-garanzija li trid tiġi pprovduta mill-importatur.

(14)

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar il-lista tal-prodotti għall-finijiet tas-sistema tal-prezz tad-dħul, jeħtieġ li dan jirrifletti u jaġġorna l-kodiċi fl-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 skont l-aħħar Nomenklatura Magħquda valida.

(15)

Għalhekk, ir-Regolamenti Delegati (UE) 2016/232 u (UE) 2017/891 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5(2a) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/232, jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Fis-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessati, l-informazzjoni nnotifikata għandha tinkludi wkoll iż-żona ekonomika jew iż-żoni ekonomiċi li fihom tapplika l-estensjoni tar-regoli.”

Artikolu 2

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

‘organizzazzjoni tranżnazzjonali tal-produtturi’ u ‘assoċjazzjoni tranżnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi’ tfisser organizzazzjoni tal-produtturi u assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jikkonformaw mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punti (a) u (b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232 (*1), rispettivament;

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna ċerti aspetti ta’ kooperazzjoni bejn il-produtturi (ĠU L 44, 19.2.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/232/oj).”;"

(b)

jitħassar il-punt (e);

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, ir-referenza f’dan ir-Regolament għal organizzazzjonijiet tal-produtturi tinkludi organizzazzjonijiet tal-produtturi tranżnazzjonali u r-referenza għal assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi tinkludi assoċjazzjonijiet tranżnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.”;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-rigward ta’ prodott jew grupp ta’ prodotti maħsuba biss għall-ipproċessar meta l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu jistgħu jiżguraw li tali prodotti jew jiġu pproċessati minnhom stess, minn sussidjarja jew jiġu jitwasslu għall-ipproċessar permezz ta’ sistema ta’ kuntratti ta’ provvista.”

;

(3)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-daqs tal-organizzazzjoni tal-produtturi f’konformità mal-Artikolu 154(1)(b), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-valur jew il-volum tal-produzzjoni kummerċjabbli għandu jiġi kkalkolat fuq l-istess bażi bħall-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata stabbilit fl-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 (*2).

(*2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/126/oj).”;"

(4)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tbigħ prodotti ta’ produtturi li ma jkunux membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, f’każ li tkun rikonoxxuta għal dawk il-prodotti u sakemm il-valur ekonomiku ta’ dik l-attività jkun inqas mill-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tagħha kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126.

Madankollu, f’każ li l-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jonqos b’35 % jew aktar għal sena partikolari fir-rigward tal-medja tat-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti li jaqgħu barra mir-responsabbiltà u mill-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata għandu jitqies li jirrappreżenta 85 % tal-valur medju tal-produzzjoni kummerċjalizzata fis-suq fit-tliet perjodi ta’ referenza preċedenti ta’ 12-il xahar, għall-fini tal-istabbiliment tal-valur ekonomiku tal-attività msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-organizzazzjoni tal-produtturi affettwata mill-avvenimenti msemmija fit-tieni subparagrafu u involuta fil-bejgħ ta’ prodotti ta’ produtturi li ma humiex membri tagħha, għandha tagħti prova lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li t-tnaqqis fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kien jaqa’ barra mir-responsabbiltà u mill-kontroll tagħha.”

;

(b)

fil-paragrafu 4, “l-Artikolu 22(8)” huwa sostitwit bl-“Artikolu 31(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126”;

(5)

fl-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu, “l-Artikolu 22(8)” huwa sostitwit bl-“Artikolu 31(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126”;

(6)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-uffiċċju prinċipali ta’ organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali għandu jkun jinsab fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi tranżnazzjonali tikseb il-maġġoranza tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kkalkolat f’konformità mal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/126.”;

(b)

fil-paragrafu 3, jitħassar il-punt (b);

(7)

fl-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jingħaqdu flimkien, l-organizzazzjoni tal-produtturi li tirriżulta mill-fużjoni għandha tassumi d-drittijiet u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi individwali li ngħaqdu flimkien. L-Istat Membru għandu jiżgura li l-organizzazzjoni tal-produtturi li tirriżulta mill-fużjoni tikkonforma mal-kriterji kollha tar-rikonoxximent u żżomm wieħed min-numri eżistenti jew tiġi assenjata numru ġdid għall-finijiet tas-sistema ta’ identifikazzjoni unika msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892.”;

(8)

fl-Artikolu 21(3), jitħassar il-punt (b);

(9)

l-Artikolu 55 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 55

Notifika tal-prezzijiet tal-produtturi tal-frott u tal-ħaxix fis-suq intern

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa 12.00 (ħin ta’ Brussell) kull nhar ta’ Erbgħa, bil-prezzijiet tal-produtturi rreġistrati fi swieq rappreżentattivi taż-żoni ta’ produzzjoni tal-frott u l-ħaxix ikkonċernati matul il-ġimgħa ta’ qabel, meta d-data tkun disponibbli, kif ġej:

(a)

għall-frott u għall-ħaxix koperti mill-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni stabbilit fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2429 (*3), il-prezz tal-prodotti li jissodisfaw dak l-istandard;

(b)

għall-prodotti koperti minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni stabbilit fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2429, il-prezz tal-prodotti tal-klassi I.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw biss il-prezzijiet tal-frott u l-ħaxix prodotti fit-territorju tagħhom. Il-prezzijiet għandhom ikopru l-frott u l-ħaxix konvenzjonali u mhux organiċi maħsuba għas-suq tal-konsum frisk.

2.   Fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-prezz medju ponderat għal kull prodott, it-tipi, il-varjetajiet u d-daqsijiet jew il-preżentazzjonijiet tal-imballaġġ tagħhom imsemmija fl-Anness VI ta’ dan ir-Regolament, jekk applikabbli. Barra minn hekk, għall-prezzijiet irrapportati skont it-tip, il-varjetà u, meta jkun applikabbli, il-preżentazzjonijiet tad-daqs u tal-imballaġġ, għandu jiġi nnotifikat ukoll prezz medju ponderat nazzjonali għal kull prodott, ħlief għat-tadam. Meta l-prezzijiet irreġistrati jkunu jikkonċernaw tipi, varjetajiet, daqsijiet jew preżentazzjonijiet tal-imballaġġ oħra minbarra dawk speċifikati fl-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-tipi, il-varjetajiet, id-daqsijiet u l-preżentazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati.

3.   Il-prezzijiet innotifikati għandhom ikunu dawk tal-prodotti fl-istazzjon ta’ qabel l-imballaġġ, ippakkjati u, meta jkun applikabbli, fuq il-pallets, espressi f’euro għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett.

4.   L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw il-prezz kif speċifikat fil-paragrafu 2 ta’ frott u ħaxix ieħor u l-varjetajiet tiegħu mhux imsemmija fl-Anness VI fuq bażi volontarja.

5.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika, dwar il-metodoloġija użata biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet imsemmija fil-paragrafu 2, inklużi s-swieq rappreżentattivi u l-piżijiet tagħhom, kif ukoll kwalunkwe modifika tagħhom.

(*3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2429 tas-17 ta’ Awwissu 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għas-settur tal-frott u l-ħxejjex, għal ċerti prodotti tal-frott u tal-ħxejjex ipproċessati u għas-settur tal-banana, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1666/1999 u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 u (UE) Nru 1333/2011 (ĠU L, 2023/2429, 3.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2429/oj).”;"

(10)

l-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Jekk Stat Membru jkun stabbilixxa li organizzazzjoni tal-produtturi tonqos milli tħares wieħed mill-kriterji tar-rikonoxximent marbuta mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5 u 7, l-Artikolu 11(1) u (2) u l-Artikolu 17, dan għandu jibgħat lill-organizzazzjoni tal-produtturi inkwistjoni sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ġie identifikat in-nuqqas, permezz ta’ konsenja reġistrata, ittra ta’ twissija li tiddikjara n-nuqqas identifikat, il-miżuri korrettivi meħtieġa u l-perjodi ta’ żmien li matulhom iridu jittieħdu dawk il-miżuri, li ma għandhomx ikunu ta’ aktar minn erba’ xhur. Ladarba jiġi stabbilit nuqqas, l-Istati Membri għandhom jissospendu l-ħlasijiet ta’ għajnuna mogħtija lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix għall-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) jew fl-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5), sakemm il-miżuri korrettivi jkunu ttieħdu b’mod sodisfaċenti.

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2117/oj).”;"

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Nuqqas ta’ teħid tal-miżuri korrettivi msemmija fil-paragrafu 4 fil-perjodu ta’ żmien iffissat mill-Istat Membru għandu jwassal għal sospensjoni tal-ħlasijiet ta’ għajnuna mogħtija lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix għall-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u fl-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/2117 u għal tnaqqis tal-ammont ta’ għajnuna fis-sena b’1 % għal kull xahar u kull frazzjoni ta’ xahar, wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ żmien. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali orizzontali li tista’ tipprevedi s-sospensjoni ta’ tali azzjoni wara li jibdew il-proċedimenti legali marbuta.”

;

(11)

fl-Artikolu 69(2), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

il-produtturi jew il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi koperti mir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6), sakemm l-estensjoni tar-regoli f’konformità mal-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma tkoprix b’mod espliċitu u speċifiku tali produtturi jew prodotti.

(*6)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/848/oj).”;"

(12)

Jitħassar l-Artikolu 70;

(13)

fl-Artikolu 73 jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

‘ġimgħa tas-suq’ tfisser il-perjodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa tal-ġimgħa ta’ qabel l-iskadenza għan-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 74;”;

(14)

l-Artikolu 74 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 74

Notifika tal-prezzijiet rappreżentattivi medji ponderati u tal-kwantitajiet tal-prodotti importati

1.   Għal kull prodott u għall-perjodi stabbiliti fil-Parti A tal-Anness VII, għal kull ġimgħa tas-suq u għal kull oriġini, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, sas-18:00 (ħinijiet ta’ Brussell) kull nhar ta’ Tnejn dwar il-kwantità u l-prezz rappreżentattiv medju ponderat tal-prodotti importati mibjugħa fl-Istati Membri matul il-ġimgħa tas-suq preċedenti.

Għall-prodotti li għalihom il-perjodu ta’ applikazzjoni msemmi fil-Parti A tal-Anness VII ma jkoprix is-sena kollha, l-ewwel ġimgħa tas-suq li għaliha għandhom jiġu nnotifikati l-prezzijiet hija t-tieni ġimgħa qabel il-bidu tal-perjodu ta’ applikazzjoni. Għal dawk il-prodotti, l-aħħar ġimgħa tas-suq li l-prezzijiet tagħha għandhom jiġu nnotifikati hija l-ġimgħa ta’ qabel id-data tat-tmiem tal-perjodu tal-applikazzjoni.

2.   Il-prezz imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, għandu jiġi rreġistrat għall-varjetajiet u għad-daqsijiet kollha disponibbli, fl-istadju tal-importatur jew tal-bejjiegħ bl-ingrossa għal kull suq tal-importazzjoni jew, meta ma jkun hemm l-ebda prezz disponibbli f’dak l-istadju, għall-istadju tal-bejjiegħ bl-ingrossa jew tal-bejjiegħ bl-imnut.

Għandu jiġi rreġistrat għal kull suq tal-importazzjoni li l-Istati Membri jqisu bħala rappreżentattiv, u li għandu jinkludi għall-inqas lil Milan, Perpignan u Rungis jew, meta l-ebda suq tal-importazzjoni ma jiġi ddefinit mill-Istati Membri, il-prezz rappreżentattiv medju ponderat għandu jiġi rreġistrat fil-livell nazzjonali.

Meta l-prezz rappreżentattiv medju ponderat jiġi stabbilit fl-istadju tal-bejjiegħ bl-ingrossa jew tal-bejjiegħ bl-imnut, dan għandu jitnaqqas bi:

(a)

9 % biex jitqies il-marġni tan-negozju tal-bejjiegħ bl-ingrossa; u

(b)

EUR 0,7245 għal kull 100 kilogramma fir-rigward tal-kostijiet tal-immaniġġjar u t-taxxi u l-imposti tas-suq.

3.   Il-prezzijiet rappreżentattivi medji ponderati għandhom jitnaqqsu bl-ammonti li ġejjin:

(a)

b’marġni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ 15 % għaċ-ċentri tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Milan u Rungis u ta’ 8 % għaċ-ċentri tal-kummerċjalizzazzjoni l-oħrajn; u

(b)

l-kostijiet tat-trasport u tal-assigurazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni.

4.   Għall-kostijiet tat-trasport u tal-assigurazzjoni li jridu jitnaqqsu skont il-paragrafu 3, il-punt (b), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ammonti standard għat-tnaqqis. Tali ammonti standard u l-metodi għall-kalkolu tagħhom, kif ukoll il-modifika possibbli tagħhom, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni minnufih.

5.   Għall-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII koperti minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni, il-prezzijiet rappreżentattivi għandhom ikunu l-medja ponderata tal-Klassi I u tal-Klassi II ta’ kull prodott ikkonċernat, sakemm il-prodotti fi klassi waħda ma jammontawx għal mill-inqas 90 % tal-kwantitajiet totali kkummerċjalizzati, f’liema każ għandhom jitqiesu biss il-kwotazzjonijiet għal dik il-klassi.

Għall-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII li ma humiex koperti minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni, il-prezzijiet tal-prodotti li huma konformi mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom jitqiesu li huma rappreżentattivi.

6.   Meta l-kwantità msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, għal prodott tkun anqas minn 10 tunnellati f’ġimgħa tas-suq, il-prezz rappreżentattiv medju ponderat korrispondenti ma għandux jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni. Il-limitu ta’ 10 tunnellati għandu jkun maħsub bħala l-volum kumulattiv matul il-ġimgħa tas-suq. Jekk il-ġimgħa tas-suq ikollha inqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol, l-Istati Membri għandhom japplikaw tnaqqis proporzjonali ta’ żewġ tunnellati għal kull jum mhux tax-xogħol għal dak il-limitu.”

;

(15)

l-Artikolu 75 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta l-valur doganali tal-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII ta’ dan ir-Regolament jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u jkun ogħla b’aktar minn 8 % tar-rata fissa kkalkolata mill-Kummissjoni bħala valur standard tal-importazzjoni fil-ħin tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx tal-prodotti għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-importatur għandu jipprovdi garanzija f’konformità mal-Artikolu 148 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (*7). Il-garanzija għandha tapplika matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ddeterminat fl-Anness VII ta’ dan ir-Regolament għal kull prodott. Id-dazju tal-importazzjoni li għalih jistgħu jkunu soġġetti l-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII għal dan ir-Regolament, għandu jkun l-ammont tad-dazju dovut li kieku l-prodott inkwistjoni kien ikklassifikat fuq il-bażi tal-valur standard tal-importazzjoni kkonċernat.

(*7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).”;"

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta l-valur doganali tal-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII ta’ dan ir-Regolament jiġi kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 74(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, id-dazju għandu jitnaqqas kif previst fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892. F’dak il-każ, għall-perjodu ta’ applikazzjoni ddeterminat fl-Anness VII ta’ dan ir-Regolament għal kull prodott, l-importatur għandu jipprovdi garanzija ugwali għall-ammont ta’ dazju li kien iħallas kieku l-klassifikazzjoni tal-prodotti saret abbażi tal-valur standard tal-importazzjoni applikabbli.”

;

(16)

L-Anness VII huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/891/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna ċerti aspetti ta’ kooperazzjoni bejn il-produtturi (ĠU L 44, 19.2.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/232/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/126/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1185/oj).


ANNESS

“ANNESS VII

Lista ta’ prodotti għall-finijiet tas-sistema tal-prezz tad-dħul stabbilita fit-Titolu III

Mingħajr preġudizzju għar-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, id-deskrizzjoni tal-prodotti hija meqjusa bħala li hija biss indikattiva. Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-arranġamenti previsti fit-Titolu III jiġi ddeterminat mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċijiet NM kif jeżistu fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fejn tidher “ex” quddiem il-kodiċi NM, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-doveri addizzjonali jiġi ddeterminat kemm mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi NM, kif ukoll mid-deskrizzjoni tal-prodotti, u l-perjodu korrispondenti tal-applikazzjoni.

PARTI A

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Perjodu tal-applikazzjoni

0702 00 10 ,

0702 00 91 ,

0702 00 99

Tadam sħiħ, b’dijametru ta’ mhux iktar minn 47 mm,

Tadam ieħor f’għenieqed,

Tadam ieħor

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

ex 0707 00 05

Ħjar maħsub għall-ipproċessar

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

ex 0709 91 00

Qaqoċċ

Mill-1 ta’ Novembru sat-30 ta’ Ġunju

0709 93 10

Zukkini

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru

ex 0805 10 22 ,

ex 0805 10 24 ,

ex 0805 10 28

Larinġ taż-żokra,

Larinġ abjad,

Larinġ ħelu ieħor

Mill-1 ta’ Diċembru sal-31 ta’ Mejju

ex 0805 22 00

Klementini, friski

Mill-1 ta’ Novembru sal-aħħar ta’ Frar

ex 0805 21 10 ,

ex 0805 21 90 ,

ex 0805 29 00

Satsumas, friski

Mandolini u tanġerini, friski

Wilkings ibridi oħrajn simili taċ-ċitru, għajr it-tanġerini, is-satsumas u l-klementini, friski

Mill-1 ta’ Novembru sal-aħħar ta’ Frar

ex 0805 50 10

Lumi (Citrus limon, Citrus limonum), frisk

Mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Mejju

ex 0806 10 10

Għeneb tal-mejda

Mill-21 ta’ Lulju sal-20 ta’ Novembru

ex 0808 10 80

Tuffieħ

Mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju

ex 0808 30 90

Lanġas

Mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ April

ex 0809 10 00

Berquq

Mill-1 ta’ Ġunju sal-31 ta’ Lulju

ex 0809 29 00

Ċiras, għajr iċ-ċiras qares

Mill-21 ta’ Mejju sal-10 ta’ Awwissu

ex 0809 30 20 ,

ex 0809 30 30 ,

ex 0809 30 80

Ħawħ ċatt (Prunus persica var. platycarpa) u nuċiprisk ċatt (Prunus persica var. platerina),

Nuċiprisk,

Ħawħ ieħor

Mill-11 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru

ex 0809 40 05

Għanbaqar

Mill-11 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru

PARTI B

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Perjodu tal-applikazzjoni

ex 0707 00 05

Ħjar maħsub għall-ipproċessar

Mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru

ex 0809 21 00

Ċiras qares (Prunus cerasus)

Mill-21 ta’ Mejju sal-10 ta’ Awwissu

”

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/2184/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)