19.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/20


REGOLAMENT DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1558

tat-22 ta' Lulju 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bit-tfassil ta' tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi għall-applikazzjoni tal-garanzija tal-UE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(14) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proġetti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (“BEI”) appoġġati bil-garanzija tal-UE skont il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (“FEIS”) għandhom jiġu evalwati skont il-valutazzjoni u l-proċeduri ta' diliġenza dovuta tal-BEI inkluż il-qafas ta' evalwazzjoni tal-valur miżjud ibbażat fuq it-tliet pilastri (“il-metodu 3PVA”).

(2)

L-evalwazzjoni ta' dawn il-proġetti għandha titwettaq b'referenza għal tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi li tibni fuq il-metodu 3PVA tal-BEI. L-użu ta' tabella ta' valutazzjoni bħal din għandu jippermetti l-implimentazzjoni effiċjenti tal-EFSI filwaqt li jiżgura standards ta' kwalità għolja ta' evalwazzjoni.

(3)

It-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi għandha tintuża biex jiġi żgurat li l-garanzija tal-UE hija diretta lejn proġetti b'valur miżjud ogħla.

(4)

Fejn il-korpi governattivi tal-BEI jiddeċiedu li jirrevedu l-metodu 3PVA tal-BEI, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom minnufih jeżaminaw il-ħtieġa li jirrevedu u jemendaw, fejn meħtieġ, it-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi fid-dawl tal-metodu 3PVA rivedut,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi, imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2015/1017, biex tintuża mill-Kumitat ta' Investiment tal-EFSI biex jiżgura li tiġi stabbilita evalwazzjoni indipendenti u trasparenti tal-użu potenzjali u effettiv tal-garanzija tal-UE fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.


ANNESS

Tabella ta' Valutazzjoni tal-indikaturi

1.   Il-prinċipji ġenerali

Tabella ta' Valutazzjoni tal-indikaturi (it-“Tabella ta' Valutazzjoni”) tintuża mill-Kumitat ta' Investiment stabbilit skont il-paragrafi (7) sa (12) tal-Artikolu 7 tar- Regolament (UE) 2015/1017 biex tevalwa l-valur miżjud ta' operazzjoni li tkun potenzjalment appoġġjata mill-BEI skont il-garanzija tal-UE (1). Din tkun għodda għall-kumitat tal-investiment biex jipprijoritizza l-użu tal-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet li jivviżwalizzaw punteġġi ogħla u valur miżjud. Il-BEI jikkalkula l-punteġġi u l-indikaturi ex ante u jissorvelja r-riżultati fi tmiem il-proġett. Il-Kumitat tal-Investiment jirċievi l-punteġġi miksuba skont il-pilastri u l-valur rilevanti ta' kull indikatur.

It-Tabella ta' Valutazzjoni għandha erba' Pilastri:

—

Pilastru nru 1 — Il-kontribuzzjoni għall-objettivi tal-politika tal-EFSI

—

Pilastru nru 2 — Il-Kwalità u s-Sodezza tal-proġett

—

Pilastru nru 3 — Il-kontribuzzjoni teknika u finanzjarja

—

Pilastru nru 4 — Indikaturi kumplimentari.

Minħabba l-kampijiet ta' applikazzjoni distinti tagħhom, kull pilastru jiġi vvalutat individwalment mingħajr aggregazzjoni fi klassifikazzjoni singola waħda. Il-Kumitat tal-Investiment jassenja importanza ugwali għal kull pilastru, meta jipprijoritizza l-proġetti irrispettivament minn jekk il-pilastru individwali jippreżentax punteġġ numeriku jew jekk huwiex kompost minn indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi mingħajr punteġġ. Skont l-Artikolu 7(14) tar-Regolament tal-EFSI, din it-tabella ta' valutazzjoni tintuża mill-Kumitat ta' Investiment sabiex tiżgura valutazzjoni indipendenti u trasparenti tal-użu potenzjali u attwali tal-garanzija tal-UE. Dan huwa bla preġudizzju, u kumplimentari, għall-evalwazzjoni ta' proġetti potenzjali mill-Kumitat ta' Investiment skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament tal-EFSI.

2.   It-Tabella ta' Valutazzjoni

Kull operazzjoni tal-EFSI tiġi klassifikata abbażi ta' kull wieħed mill-erba' pilastri. Il-klassifikazzjoni hija kkalkulata fuq il-bażi ta' punti miksuba fuq għadd ta' indikaturi fi ħdan kull pilastru, billi tintuża l-iskala li ġejja:

Punti

Il-klassifikazzjoni tal-Pilastru nru 2

Il-klassifikazzjoni tal-Pilastru nru 1 u 3

0-49

Marġinali

Baxx

50-99

Aċċettabbli

Moderat

100-149

Tajjeb

Sinifikanti

> 150

Eċċellenti

Għoli

Il-Pilastru nru 4 jinkludi indikazzjonijiet komplimentari ta' natura kwantitattiva jew kwalitattiva u ma jiġix ikkonsolidat fi klassifikazzjoni individwali.

Pilastru nru 1 — Il-kontribuzzjoni għall-objettivi tal-politika tal-EFSI

Il-Pilastru Nru 1 jivvaluta l-konsistenza ma' u l-kontribuzzjoni tal-operazzjoni għat-twettiq tal-objettivi ġenerali tal-EFSI kif stipulat fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2015/1017. Il-metodoloġija biex tiġi vvalutata b'mod ġenerali l-klassifikazzjoni tal-Pilastru Nru 1 tkun ibbażata fuq il-kontribuzzjoni tal-operazzjoni li tvarja minn impatt “baxx”, “moderat”, “sinifikanti” għal “għoli”.

Il-valutazzjoni hija msejsa fuq id-dimensjonijiet li ġejjin:

—   “Kontribuzzjoni lejn l-objettivi tal-EFSI”: Il-proġetti kollha jridu jikkontribwixxu għallinqas għal wieħed mill-objettivi ġenerali skont l-EFSI. Proġetti bi prijorità politika baxxa, bħal proġett tat-toroq TEN “mhux prijoritarju”, jirċievu klassifikazzjoni baxxa.

—   “Objettivi ewlenin”: L-Artikolu 9(2) tar- Regolament (UE) 2015/1017, għal kull wieħed minn dawn l-objettivi ġenerali ta' politika, jidentifika għadd ta' oqsma ta' politika ewlenin, li huma meqjusa ta' importanza partikolari. Il-proġetti f'dawn l-oqsma ta' politika ewlenin jitilgħu b'livell wieħed fl-iskala ta' klassifikazzjoni. Il-karatteristiċi speċifiċi ta' proġett li jwasslu għal kontribuzzjoni partikolarment għolja bħal proġetti ta' dimostrazzjoni jew proġetti li jipprovdu kontribuzzjoni ewlenija għall-objettivi tal-Ewropa 2020 jitqiesu wkoll fil-klassifikazzjoni. Il-proġetti li jilħqu objettivi multipli, inklużi proġetti orizzontali bħall-koeżjoni u l-klima, jitilgħu livelli addizzjonali fil-klassifikazzjoni.

Jiġi użat indikatur singolu wieħed b'erba' livelli ta' klassifikazzjoni. Għall-finijiet ta' kalkolu tal-klassifikazzjoni ġenerali, jiġu allokati sa 50 punt għal kull livell ta' klassifikazzjoni. Meta magħduda flimkien (mingħajr ponderazzjoni), il-proġett jiġi mbagħad kategorizzat bħala “baxx” (anqas minn 50 punt), “moderat” (minn 50 sa 99 punt), “sinifikanti” (minn 100 sa 149 punt) u “għoli” (150 punt jew aktar).

Pilastru nru 2 — Il-kwalità u s-sodezza tal-proġett

Il-Pilastru nru 2 huwa msejjes fuq għadd ta' indikaturi biex jivvalutaw il-kwalità u s-sodezza tal-operazzjoni. Tingħata deskrizzjoni ta' approċċ differenti għal investimenti fi proġetti individwali jew għal dawk magħmula permezz ta' self intermedjat lil benefiċjarji multipli.

Id-dimensjonijiet u l-indikaturi ta' riżultati huma previsti li jiġu applikati fil-valutazzjoni ta' “proġetti individwali”:

—

“Tkabbir” (indikatur nru 1 — li jvarja bejn 0 u 100 punt): Il-kontribuzzjoni ta' proġett għal tkabbir sostenibbli ġejja mill-impatt soċjoekonomiku tiegħu f'termini ta' kostijiet u benefiċċji. Meta possibbli, ir-rata ta' redditu ekonomika (economic rate of return — ERR) hija kkwantifikata bl-użu tal-aħjar prattika fil-professjoni tal-ekonomija. Jikkunsidra l-kostijiet u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-proġett, inklużi l-effetti konsekwenzjali (eż. ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, il-benefiċċji fit-tul għall-klima jew l-impatt fuq is-suq tax-xogħol jew l-effetti ambjentali negattivi). Madankollu, hemm ukoll proġetti li l-ERR tagħhom huwa diffiċli li jiġi stmat. Pereżempju, numru ta' setturi huma mmexxija b'konformità mal-istandards tal-UE u l-kwistjoni primarja hija li tiġi żgurata l-adozzjoni ta' soluzzjoni bl-inqas kost aktar milli jiġi vvalutat ir-redditu ekonomiku ġenerali (eżempju ta' dan huwa t-trattament tal-ilma u tal-iskart). Għal dawn is-setturi, il-valutazzjoni tal-kwalità hija bbażata fuq punti ta' riferiment settorjali. Għal grupp ta' qafas għall-operazzjonijiet ta' self, il-valutazzjoni hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq l-istrateġija tal-investiment u l-kriterji użati mill-promotur.

B'mod ġenerali, ir-rata minima ta' redditu meħtieġa għall-finanzjament tal-BEI hija ta' 5 %. Proġett standard b'rata ta' 5-7 % ta' ERR huwa meqjus bħala “aċċettabbli”, 7-10 % meqjus bħala “tajjeb”, filwaqt li proġett b'rata ogħla minn 10 % huwa meqjus bħala “eċċellenti”. Madankollu, il-klassifikazzjoni tar-riżultati hija bbażata wkoll fuq xi kunsiderazzjonijiet settorjali. Dawk is-setturi li attwalment huma meqjusa bħala inqas kompatibbli mal-ambjent (bħal uħud mill-mezzi ta' trasport) jiġu ffinanzjati biss jekk jitqiesu bħala “(tajbin)” minn perspettiva ta' interess ekonomiku, li jfisser minimu ta' 7 % ta' ERR. Kuntrarjament, għal proġetti magħżula b'benefiċċji fit-tul għall-klima, il-proġetti jitqiesu possibbli għall-finanzjament jekk jipproduċu medda ta' ERR ta' 3,5-5 % — bl-introduzzjoni ta' kategorija “marġinali”. Il-klassifikazzjoni attribwita għal proġetti fis-settur privat, minħabba l-profil tar-riskji u r-redditi tagħhom, hija stabbilita bħala “marġinali” għal rata ta' redditu ta' 5-7 %, “aċċettabbli” għal 7-10 %, “tajba” għal 10-15 %, u “eċċellenti” għall-ERRs ogħla minn 15 %. L-ERR tiġi kkalkulata billi jitqiesu pjenament l-esternalitajiet posittivi u negattivi, inklużi l-aspetti ambjentali u ta' tibdil fil-klima. Ir-rata hurdle tista' tiġi aġġustata mill-Bord ta' Tmexxija jekk hemm evidenza li din ma tkunx konformi mal-livell ekonomiku ġustifikabbli tagħha u bit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika fuq żmien twil.

—

“Kapaċitajiet tal-promotur” (indikatur nru 2 li jvarja bejn 0 u 30 punt). Dawn il-kapaċitajiet huma vvalutati permezz ta' ġudizzju kwalitattiv tal-kapaċità tal-promotur li jlesti l-proġett fil-ħin u b'mod effiċjenti waqt li jitqiesu wkoll il-kuntest istituzzjonali rilevanti u kull għajnuna teknika li trid tiġi pprovduta. Dan huwa partikolarment importanti għal self tal-qafas, fejn kriterji ta' prijoritizzazzjoni, l-implimentazzjoni tal-proġett u l-kapaċità ta' kontroll u s-sistemi ta' monitoraġġ u l-kontroll jiġu vvalutati, kif ukoll il-ġestjoni ambjentali, il-kompetizzjoni u r-rekwiżiti dwar l-akkwist pubbliku.

—

“Is-sostenibbiltà” (indikatur nru 3 — li jvarja bejn 0 u 30 punt): L-istandards tal-BEI jeżiġu li l-proġetti mhux biss ikunu ekonomikament vijabbli u b'hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir, iżda wkoll li jkunu sostenibbli f'termini ambjentali u soċjali. Huwa essenzjali li standards ambjentali u soċjali għoljin jiġu miżmuma. Dawn jiġu vvalutati permezz ta' linji gwida dettaljati stabbiliti fil-Manwal ta' Prattiki Ambjentali u Soċjali (2).

—

“L-impjiegi” (indikatur nru 4 — li jvarja bejn 0 u 40 punt): L-indikatur tal-impjiegi jkopri l-impjiegi matul il-kostruzzjoni u t-tħaddim tagħhom. L-impjiegi meħtieġa matul il-kostruzzjoni huma stmati bl-użu ta' koeffiċjenti speċifiċi tal-industrija. Il-valutazzjoni ta' impjiegi matul it-tħaddim tagħhom għandha tinkiseb permezz ta' sentenza mill-analisti tal-proġett li jqabblu l-proġett mal-esperjenza fis-settur. It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor il-klassifikazzjoni maqsuma bejn impjieg matul il-kostruzzjoni kif ukoll l-impjiegi matul it-tħaddim tagħhom. Pereżempju, proġetti b'kontenut għoli ta' xogħol matul il-kostruzzjoni jinkludu xi xogħlijiet ta' inġinerija ċivili (notevolment xogħlijiet imxerrdin ta' riabilitazzjoni), l-effiċjenza fl-enerġija u s-silvikultura. Aktar impjiegi matul it-tħaddim huma assoċjati ma' ċerti proġetti industrijali.

L-impjieg

punt wieħed

20 punt

40 punt

Ekwivalenti għal full time matul il-kostruzzjoni (għal kull EUR miljun kost ta' investiment)

< 3,5

3,5 – 7,0

> 7,0

Ekwivalenti għal full time matul it-tħaddim (għal kull EUR miljun kost ta' investiment)

< 0,50

0,51 – 1,00

> 1,00

Il-klassifikazzjoni ġenerali nru 2 għal proġetti individwali tkun ikkalkulata billi jingħaddu l-punti tal-erba' sottokategoriji msemmija hawn fuq biex tingħata klassifikazzjoni ġenerali għall-proġett li jvarja bejn “marġinali” (inqas minn 50 punt), “aċċettabbli” (50 sa 99 punti), “tajjeb” (100 għal 149 punti) u “eċċellenti” (150 punt u aktar).

Fir-rigward ta' “Self Intermedjat Multi Benefiċjarju” (Multi Beneficiary Intermediated Loans — MBIL), il-Pilastru Nru 2 jipprovdi valutazzjoni tal-kapaċità u l-effikaċja ta' entitajiet finanzjarji u oħrajn (inklużi istituzzjonijiet promozzjonali) biex jaġixxu bħala intermedjarji. Il-valutazzjoni hija bbażata fuq it-tliet indikaturi indipendenti li ġejjin:

—

Il-kapaċità u s-sodezza tal-intermedjarju u l-kwalità tal-ambjent ta' ħidma.

—

Iż-żieda fl-aċċess għall-finanzjament u t-titjib fil-kundizzjonijiet ta' finanzjament, inkluż għall-benefiċjarji finali.

—

L-impjiegi fil-livell tal-benefiċjarji finali.

Il-punti mogħtija għall-indikaturi f'kull kategorija jingħaddu flimkien mingħajr ponderazzjoni biex tingħata klassifikazzjoni ġenerali għall-proġett minn “marġinali” (inqas minn 50 punt), “aċċettabbli” (50 sa 99 punt), “tajjeb” (100 għal 149 punti) għal “eċċellenti” (150 punt u aktar).

Pilastru nru 3 — Il-kontribuzzjoni teknika u finanzjarja lill-proġett

Il-Pilastru nru 3 jiffoka fuq il-valur li joriġina mill-involviment tal-BEI u l-appoġġ minn EFSI innifsu, li joffri benefiċċji finanzjarji u mhux finanzjarji b'appoġġ tal-proġett. Din il-kontribuzzjoni speċifika hija vvalutata permezz ta' tliet indikaturi u kull wieħed minnhom ikejjel id-dimensjonijiet komplimentari ta' valur miżjud:

—

“Il-Kontribuzzjoni Finanzjarja”, jiġifieri t-titjib tat-termini ta' finanzjament tal-kontroparti meta mqabbla ma' sorsi alternattivi ta' finanzjament (tnaqqis fir-rata tal-imgħax u/jew tul ta' żmien itwal għas-self).

—

“Il-Faċilitazzjoni Finanzjarja”, jiġifieri żieda fl-effiċjenza ta' appoġġ minn partijiet oħra kkonċernati; l-ingranaġġ ta' riżorsi ta' partijiet terzi b'mod partikolari mis-settur privat; effetti ta' sinjali lil selliefa oħrajn).

—

“Il-Kontribuzzjoni u l-Pariri tal-BEI”, jiġifieri l-provvista ta' servizzi mhux finanzjarji fil-forma ta' kontribuzzjonijiet ta' esperti/trasferiment ta' għarfien sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-proġett u msaħħa l-kapaċità istituzzjonali kif ukoll sabiex jingħataw pariri dwar l-istrutturar finanzjarju. Din tista' tkun ipprovduta minn Ċentru ta' Konsulenza Ewropew għall-Investiment u kull faċilità oħra ta' konsulenza eżistenti bħal JASPERS, ELENA jew tal-prodott “InnovFin Advisory” iffinanzjat mill-baġit ta' Orizzont 2020 jew permezz ta' mezzi xierqa oħra bħal appoġġ għall-implimentazzjoni tal-proġett.

Kull indikatur jiġi klassifikat b'mod indipendenti billi tiġi segwita l-metodoloġija eżistenti u dokumentata sewwa tal-BEI, kif tista' jiġi emendata minn żmien għal żmien. L-istess bħall-Pilastru nru 1, il-klassifikazzjoni tvarja minn “baxx” għal “għoli”. Il-punti mogħtija għal kull indikatur jingħaddu flimkien mingħajr ponderazzjoni biex tingħata klassifikazzjoni ġenerali għal dan il-pilastru għall-proġett minn “baxx” (inqas minn 50 punt), “moderat” (50 sa 99 punti), “sinifikanti” (100 għal 149 punti) sa “għoli” (150 punt u aktar).

Pilastru nru 4 — Indikaturi komplimentari

It-Tabella ta' Valutazzjoni tkun ikkomplimentata mill-indikaturi li ġejjin li għandhom jiġu rrapportati għal kull operazzjoni b'mod li jitqiesu l-aspetti trażversali ewlenin tal-operazzjonijiet tal-BEI skont l-EFSI:

—

L-addizzjonalità. Għandu jiġi speċifikat jekk l-operazzjoni hijiex attività speċjali jew operazzjoni normali. Għal operazzjonijiet normali, tingħata spjegazzjoni ulterjuri li tiġġustifika l-addizzjonalità kif iddefinita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/1017;

—

Sett ta' indikaturi relatati ma' kuntest makroekonomiku fejn iseħħ il-proġett, li jippermetti inter alia lill-membri tal-Kumitat tal-Investiment sabiex jivvalutaw l-impatt potenzjali fuq id-disparitajiet ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni u l-potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil: (i) l-indikaturi speċifiċi għas-sitwazzjoni tal-investiment; (ii) il-Marġni tal-Potenzjal tal-Produzzjoni, ikkalkulat abbażi tal-metodoloġija tal-funzjoni ta' produzzjoni approvata mill-Kunsill Ecofin; (iii) it-tkabbir potenzjali tal-PGD; (iv) l-indikaturi speċifiċi għall-qgħad: ir-rata ta' qgħad, il-bidla minn sena għal sena fir-rata ta' qgħad u tqabbil mal-medja tal-UE; (v) il-kost kompost tal-indikatur tas-self għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji, jew meta dawn mhumiex disponibbli, ir-rati ta' interessi bankarji għall-korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Fid-dawl ta' dawn l-indikazzjonijiet, il-Kumitat tal-Investiment jagħti attenzjoni partikolari lill-proġetti li jgħinu sabiex jindirizzaw diskrepanzi ekonomiċi fi ħdan l-Unjoni;

—

L-effett multiplikatur mistenni mill-intervent tal-EFSI;

—

L-ammont ta' finanzjamenti privati mobilizzati;

—

Il-kooperazzjoni ma' Banek Promozzjonali Nazzjonali u l-appoġġ għal Pjattaformi ta' Investiment;

—

Il-kofinanzjament ma' Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

—

Il-kofinanzjament ma' strumenti oħra tal-UE (jiġifieri Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, eċċ.);

—

Ir-realizzazzjoni ta' effiċjenza enerġetika (għall-operazzjonijiet rilevanti);

—

L-indikatur ta' azzjoni klimatika (għall-operazzjonijiet rilevanti).


(1)  It-Tabella ta' Valutazzjoni ma tkoprix operazzjonijiet skont l-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/1017.

(2)  http://www.eib.org/attachments/strategies/environmental_and_social_practices_handbook_en.pdf