Brussell, 24.7.2024

COM(2024) 369 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ self, immaniġġjar tad-dejn u oħrajn relatati mas-self skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023)8010





























































L-1 ta’ Jannar 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2024






































Werrej

1.Sommarju

2.Introduzzjoni

3.Implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self fl-ewwel nofs tal-2024

4.Kost tal-finanzjament u bilanċi tal-likwidità

5.Passi biex tiġi żviluppata aktar l-ekosistema tal-Bonds tal-UE

6.Objettivi intermedji oħrajn fl-ewwel nofs tal-2024

7.Prospettiva tal-ħruġ għat-tieni nofs tal-2024

FINANZJAMENT MIĠBUR FL-EWWEL NOFS TAL-2024  

UŻU TAR-RIKAVAT

BONDS TAL-UE PENDENTI 
fit-30 ta’ Ġunju 2024 

FATTI EWLENIN dwar l-ewwe nofs (H1) 2024

-6 sindakazzjonijiet u 7 irkanti biex jinġabru EUR 74,2 biljun, b’maturità medja ta’ madwar 14-il sena.

-Il-kost tal-finanzjament kien ta’ 3,13 %, meta mqabbel ma’ 3,57 % fit-tieni nofs tal-2023.

-Il-biċċa l-kbira tal-fondi ntużat għal NextGenerationEU, li ġġib lill-EU aktar ekoloġika, aktar diġitali, u aktar diversifikata fil-provvista tal-enerġija tagħha.

-Saru l-ewwel pagamenti taħt il-Faċilità għall-Ukrajna li għadha kif ġiet stabbilita. Din il-faċilità se tipprovdi sa EUR 50 biljun f’appoġġ finanzjarju bejn l-2024 u l-2027 biex tgħin lill-Ukrajna fl-isforzi tagħha ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni.

-EUR 1,85 biljun oħra f’rikavati ntużaw biex tiġi ffinanzjata assistenza makrofinanzjarja ta’ EUR 50 miljun lill-Maċedonja ta’ Fuq u jiġi ffinanzjat mill-ġdid self tal-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà finanzjarja li se jimmatura ta’ EUR 1,8 biljun lill-Portugall.



1.Sommarju

Fl-ewwel nofs tal-2024, l-UE ġabret EUR 73,8 biljun f’finanzjament fit-tul permezz tal-eżekuzzjoni ta’ 6 sindakazzjonijiet u 7 irkanti, f’konformità mal-mira inkluża fil-pjan ta’ finanzjament ippubblikat f’Diċembru 2023. B’dan il-ħruġ, l-ammont ta’ Bonds tal-UE pendenti qabeż il-livell ta’ nofs triljun għall-ewwel darba, li jammonta għal EUR 514 biljun fl-aħħar ta’ Ġunju. Il-ħruġ kompla jseħħ taħt l-approċċ ta’ finanzjament unifikat tal-UE, li jippermetti lill-Kummissjoni tkompli tibni kurva unika u likwida ħafna b’appoġġ għal aċċess għas-suq aktar effiċjenti.

Il-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi qabad il-pass fl-istess ħin, b’EUR 11,3 biljun maħruġa meta mqabbel mal-EUR 4,7 biljun miġbura fil-perjodu preċedenti. Dan kien possibbli minħabba ż-żieda fil-volumi tan-nefqa ekoloġika eżegwita u rrapportata mill-Istati Membri, li ppermettiet lill-Kummissjoni tiġbor sa tmiem Ġunju 2024 aktar minn EUR 60 biljun f’bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU (NGEU). Il-programm ta’ bonds ekoloġiċi tam-NGEU kompla jissaħħaħ bl-espansjoni tal-ġabra ta’ nefqiet rilevanti għall-klima li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-bonds ekoloġiċi tan-NGEU. Dan segwa l-aġġornament tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri biex jiżdiedu miżuri ġodda rilevanti għall-klima fil-kuntest tar-REPowerEU. Ir-riżerva kibret għal EUR 266 biljun sa tmiem Ġunju, żieda minn EUR 189 biljun f’Diċembru 2023.

Bir-rikavati li nġabru mill-ħruġ ta’ bonds tal-UE, il-Kummissjoni setgħet tkompli tirreaġixxi b’mod f’waqtu u effettiv għal prijoritajiet ġodda tal-politika tal-UE kemm fl-UE kif ukoll fil-viċinat tagħha. B’mod speċifiku fl-ewwel nofs tal-2024, ġew żborżati EUR 33,6 biljun minn dawn ir-rikavati għall-implimentazzjoni tan-NextGenerationEU. L-Ukrajna rċeviet EUR 7,9 biljun taħt il-Faċilità għall-Ukrajna li għadha kif ġiet stabbilita. B’din il-faċilità, l-UE se tipprovdi sa EUR 50 biljun 1 f’appoġġ finanzjarju stabbli u prevedibbli bejn l-2024 u l-2027 biex tgħin lill-Ukrajna fl-isforzi tagħha ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni. EUR 1,85 biljun oħra f’rikavati ntużaw biex tiġi ffinanzjata assistenza makrofinanzjarja (AMF) ta’ EUR 50 miljun lill-Maċedonja ta’ Fuq u biex jiġi ffinanzjat mill-ġdid self ta’ EUR 1,8 biljun lill-Portugal skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM).

Il-kost tal-finanzjament tal-UE naqas f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li bbenefika wkoll minn issikkar tar-rendimenti tal-UE meta mqabbla mal-bonds ewlenin tal-gvernijiet Ewropej (EGBs) matul l-ewwel nofs tal-2024. Matul dan il-perjodu, id-differenzjali tar-rata tal-imgħax ta’ 10 snin bejn il-Bonds tal-UE u basket 50/50 ta’ bonds sovrani Ġermaniżi/Franċiżi niżlu minn 43 punt bażi fil-bidu għal 22 punt bażi fl-aħħar. B’riżultat ta’ dan, il-kost tal-finanzjament tal-UE taħt il-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet 2 naqas għal 3,1 %, meta mqabbel ma’ 3,6 % għall-perjodu ta’ finanzjament preċedenti.

Il-Kummissjoni kienet impenjata wkoll tħejji l-passi li jmiss fl-isforz kostanti tagħha biex ittejjeb il-funzjonament u l-likwidità tas-suq għall-Bonds tal-UE, abbażi tal-feedback riċevut permezz tal-istħarriġ tal-investituri ta’ Ġunju 2023. Wara t-tnedija tal-arranġamenti ta’ kwotazzjoni f’Novembru 2023, il-Kummissjoni qed tiffinalizza t-tnedija ta’ faċilità ta’ riakkwist (“repo”) għall-Bonds tal-UE fil-bidu tal-ħarifa. Permezz tal-faċilità repo, il-Kummissjoni se ssellef temporanjament Bonds tal-UE speċifiċi lin-negozjanti primarji tal-UE biex tappoġġahom fl-attivitajiet tagħhom ta’ mmarkar tas-suq. B’mod parallel, il-Kummissjoni implimentat bidliet fil-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet tagħha sabiex tkun tista’ tottimizza l-kostijiet tal-finanzjament fil-firxa dejjem aktar wiesgħa ta’ programmi ffinanzjati mill-Bonds tal-UE. Dawn il-bidliet se joħolqu l-possibbiltà li l-finanzjament ta’ programmi ġodda jiġi strutturat skont il-ħtiġijiet ta’ dawn il-programmi u li dan jiġi maqlugħ mill-istruttura ta’ finanzjament meħtieġa għal obbligazzjonijiet relatati ma’ NextGenerationEU.

Il-Kummissjoni kienet f’kuntatt ma’ maniġers ewlenin tal-indiċi tas-suq tal-bonds sabiex tara jekk it-tkabbir tal-UE bħala emittent għandux jiġi rifless bl-inklużjoni tal-Bonds tal-UE fl-indiċijiet sovrani. Diversi maniġers tal-indiċi indikaw li se jqajmu l-kwistjoni mal-investituri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra bħala parti mill-proċessi ta’ rieżami regolari tagħhom. L-ewwel konsultazzjoni minn maniġer tal-indiċi żvelat appoġġ biex jiġu inklużi Bonds tal-UE fl-indiċijiet sovrani tagħhom iżda mhux fil-livell li l-maniġer tal-indiċi jqis meħtieġ biex jiġġustifika bidla fl-indiċi. Dan il-maniġer tal-indiċi se jerġa’ jikkunsidra l-kwistjoni fl-ewwel nofs tal-2025. Fit-tieni nofs tal-2024 se jsiru aktar konsultazzjonijiet dwar l-inklużjoni tal-Bonds tal-UE fl-indiċijiet sovrani minn maniġers oħra tal-indiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkabbar l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-possibbiltajiet li l-Bonds tal-UE joffru lill-investituri bħala assi fl-euro likwidi u bi klassifikazzjoni għolja.

Fl-aħħar nett, fl-24 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħabbret l-ippjanar ta’ finanzjament tagħha għat-tieni nofs tal-2024, b’mira ta’ massimu ta’ EUR 65 biljun ta’ ħruġ ta’ bonds bejn Lulju u Diċembru. Dan il-pjan ta’ finanzjament jirrifletti l-ħtiġijiet għoljin ta’ żborż fit-tieni nofs tal-2024. Huwa jħares ’il quddiem ukoll lejn l-2026 hekk kif il-finanzjament tan-NextGenerationEU jidħol fit-tieni nofs tal-ħajja ppjanata tiegħu u jiġu ffinanzjati programmi iżgħar addizzjonali permezz tal-ħruġ tal-Bonds tal-UE.

2.Introduzzjoni

Il-Kummissjoni ilha tissellef fondi f’isem l-Unjoni Ewropea għal aktar minn 40 sena. Matul l-aħħar 4 snin kien hemm żieda notevoli fil-ħruġ ta’ bonds tal-UE, minħabba li dan jiddependi fuq is-swieq kapitali biex jiffinanzja programmi kbar bħal SURE 3 , NextGenerationEU u l-għajnuna lill-Ukrajna (AMF+ fl-2023 u l-Faċilità għall-Ukrajna mill-2024). Fit-30 ta’ Ġunju 2024, id-dejn totali pendenti tal-UE kien ta’ aktar minn EUR 530 biljun, li minnhom EUR 22,3 biljun fil-forma ta’ Kambjali tal-UE.

Dan ir-rapport ta’ nofs is-sena 4 janalizza l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u t-30 ta’ Ġunju 2024. Jipprovdi wkoll prospettiva għall-ħruġ ta’ Bonds tal-UE fit-tieni nofs tal-2024. Dan ir-rapport ma jevalwax kif jintuża r-rikavat mill-ħruġ tal-Bonds tal-UE, inkluż għan-nefqa ekoloġika, hekk kif dan huwa kopert f’rapporti separati skont ir-regolamenti għal kull strument 5 .

Minbarra r-rakkomandazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ta’ Ġunju 2023 6 , l-anness għal dan ir-rapport jippreżenta indikaturi li jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ġenerali għall-immaniġġjar tad-dejn li tiggwida l-approċċ ta’ finanzjament unifikat tal-Kummissjoni 7 .

3.Implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self fl-ewwel nofs tal-2024

Fl-ewwel nofs tal-2024, il-Kummissjoni kompliet tiġbor fondi fis-swieq permezz tal-approċċ ta’ finanzjament unifikat tagħha. Minbarra li jissodisfaw l-impenji kollha ta’ żborż fil-ħin, l-ammonti tal-ħruġ u l-maturitajiet baqgħu fil-parametri stabbiliti minn qabel, u t-termini ta’ finanzjament kienu konformi ma’ dawk ta’ emittent tad-daqs u l-klassifikazzjoni tal-UE. It-taqsimiet ta’ hawn taħt jippreżentaw uħud mill-komponenti ewlenin tal-operazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ teħid u ta’ għoti b’self fl-ewwel nofs tal-2024. Aktar indikaturi użati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament tal-Kummissjoni huma diskussi fl-anness għal dan ir-rapport.

L-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament fl-ewwel nofs tal-2024

F’Diċembru 2023, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li toħroġ EUR 75 biljun f’Bonds tal-UE matul il-perjodu minn Jannar sal-aħħar ta’ Ġunju 2024. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni ġabret total ta’ EUR 73,8 biljun f’Bonds tal-UE, b’maturità medja ta’ madwar 14-il sea (meta mqabbla ma’ 13-il sena għall-finanzjament miġbur fit-tieni nofs tal-2023).

Il-Kummissjoni użat taħlita ta’ 6 sindakazzjonijiet (57 %) u 7 irkanti (43 %), f’konformità mal-mira mħabbra. Il-ħruġ tal-Bonds tal-UE kien mifrux matul is-semestru, billi tqiesu l-kundizzjonijiet tal-likwidità tas-suq, filwaqt li ġiet żgurata preżenza regolari fis-suq.

Matul l-ewwel nofs tal-2024, il-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU żdied b’EUR 11,3 biljun għal EUR 60,2 biljun (kontra EUR 4,7 biljun fit-tieni nofs tal-2023). Dan sar possibbli biż-żieda fil-volumi tan-nefqa ekoloġika eżegwita u rrapportata mill-Istati Membri (ara t-Taqsima 6).

Ċart 2: Finanzjament miġbur bis-saħħa tal-approċċ ta’ finanzjament unifikat

* L-ewwel żewġ tranżazzjonijiet ta’ NextGenerationEU saru f’Ġunju 2021. Dawn ġew inklużi fin-numru għat-tieni nofs tal-2021, minħabba li kienu parti mill-istess pjan ta’ finanzjament bħat-tranżazzjonijiet li saru fit-tieni nofs tal-2021.

L-ammonti kollha f’biljuni ta’ EUR

It-tranżazzjonijiet fl-ewwel nofs tal-2024 ġabu l-ammont totali pendenti ta’ Bonds tal-UE għal ftit aktar minn EUR 514 biljun. Kważi EUR 360 biljun minn dan l-ammont inħarġu permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament unifikata tal-UE, imnedija f’Ġunju 2021. Minn dan l-aħħar ammont, EUR 60,2 biljun inħarġu fil-forma ta’ bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU.

Fl-ewwel nofs tal-2024, il-Kummissjoni ħarġet ukoll Kambjali tal-UE ta’ 3 xhur u 6 xhur permezz ta’ rkanti darbtejn fix-xahar biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fuq perjodu qasir. L-UE kellha EUR 22,3 biljun fi kreditu pendenti permezz ta’ Kambjali tal-UE fi tmiem Ġunju 2024.

Użu tar-rikavat

Wara dawn it-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni kompliet il-finanzjament tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri permezz tal-iżborż f’waqtu (jiġifieri fi żmien madwar 6 ijiem ta’ xogħol) tar-rikavat.

Fl-ewwel nofs tal-2024 intużaw aktar minn EUR 43 biljun tar-rikavati mill-finanzjament għall-politiki kollha kkombinati. L-akbar parti tar-rikavati miġbura fl-ewwel nofs tal-2024 - EUR 33,6 biljun - intużat biex tiffinanzja l-implimentazzjoni ta’ NextGenerationEU. Madwar EUR 15,7 biljun minn dawn ir-rikavati ġew żborżati lil 17-il Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Minn dawn, EUR 10,8 biljun kienu f’għamla ta’ għotjiet u EUR 4,9 biljun f’għamla ta’ self. EUR 17,9 biljun tar-rikavati ffinanzjaw programmi ġestiti mill-UE appoġġati mill-NGEU 8 . Ir-rikavati mill-ħruġ ta’ Bonds tal-UE ntużaw ukoll biex isir l-ewwel żborż ta’ EUR 5,9 biljun biex tiġi appoġġata l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP).

B’mod ġenerali, mis-sajf tal-2021, il-Kummissjoni użat ir-rikavati mill-finanzjament tagħha biex tiżborża EUR 293,6 biljun biex tappoġġa lin-NextGenerationEU. Dan jinkludi EUR 150,7 biljun f’għotjiet u EUR 84,1 biljun f’self lill-Istati Membri taħt l-RRF 9 ; u EUR 58,8 biljun għall-programmi ta’ NextGenerationEU ġestiti mill-UE.

Minbarra l-iżborżi tan-NextGenerationEU, il-Kummissjoni żborżat EUR 7,9 biljun lill-Ukrajna fl-ewwel nofs tal-2024 taħt il-Faċilità tal-Ukrajna. Matul l-ewwel nofs tal-2024, il-ħruġ tal-Bonds tal-UE ffinanzja wkoll self tal-AMF ta’ EUR 50 miljun lill-Maċedonja ta’ Fuq u riportament ta’ self eżistenti tal-EFSM lill-Portugall b’valur ta’ EUR 1.8 biljun.

Id-domanda tal-investituri u l-likwidità tas-suq sekondarju

Il-ħruġ ta’ bonds tal-UE kompla jgawdi minn domanda minn bażi ta’ investituri globali bbilanċjata u diversifikata 10 , anke f’kundizzjonijiet tas-suq volatili.

Il-primjums ta’ ħruġ ġodda (NIPs) 11 mitluba mill-investituri bħala konċessjoni meta l-UE toħroġ bonds permezz ta’ sindakazzjoni kienu madwar 1,2 punt bażi fl-ewwel nofs tal-2024. Dan huwa inqas mit-tieni nofs tal-2023 (meta ċ-ċifra kienet madwar 2,5 punt bażi) u f’konformità mal-konċessjonijiet offruti minn emittenti oħra fuq tranżazzjonijiet komparabbli (imkejla skont id-daqs u l-maturità) matul dak il-perjodu.



Ċart 3: Qasma tal-investituri fl-ewwel nofs tal-2024

Fl-istess ħin, il-likwidità tas-suq sekondarju tal-Bonds tal-UE kompliet tiżdied fl-ewwel trimestru tal-2024. Il-likwidità tal-Bonds tal-UE żdiedet b’mod sostanzjali mill-introduzzjoni fl-1 ta’ Novembru 2023 ta’ arranġamenti ta’ kwotazzjoni fejn in-negozjanti primarji tal-UE huma mħeġġa li jqiegħdu prezzijiet affidabbli tal-Bonds tal-UE fuq il-pjattaformi ewlenin tan-negozjar tal-bonds elettroniċi. Mill-introduzzjoni ta’ dawn l-arranġamenti ta’ kwotazzjoni, il-volumi ta’ negozjar ta’ kuljum tal-Bonds tal-UE fuq il-pjattaforma elettronika ewlenija tan-negozjar laħqu medja ferm ogħla minn EUR 800 miljun b’livelli massimi ta’ kuljum ta’ aktar minn EUR 2 biljun.

Il-Kummissjoni appoġġat ukoll il-likwidità tal-kurva tal-UE billi sfruttat linji eżistenti, flimkien mal-ħolqien ta’ oħrajn ġodda sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-programm u d-domanda tal-investituri. B’riżultat ta’ dan, l-ammont medju pendenti għal kull Bond tal-UE baqa’ ta’ madwar EUR 13-il biljun sa tmiem is-semestru. Fl-ewwel nofs tal-2004 kien hemm it-tnedija ta’ Bonds tal-UE konvenzjonali ġodda ta’ 5 snin, 10 snin u 15-il sena kif ukoll ta’ Bonds tal-UE konvenzjonali ta’ 30 sena u Bond tal-UE ekoloġiku ġdid ta’ 25 sena.



Ċart 4: Fatturat tas-suq sekondarju trimestrali tal-bonds tal-UE u tal-gvernijiet Ewropej 
(% tal-volum pendenti)

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea abbażi ta’ data tas-Sottokumitat tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar id-Dejn Sovran tal-UE (ESDM, EU Sovereign Debt Markets).

Nota: Is-suq tal-bonds tal-gvernijiet Ewropej (EGB, European government bond) hawnhekk jinkludi sovrani taż-żona tal-euro, il-Fond Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Għad ma hemmx data disponibbli għat-Tieni Trimestru (Q2) 2024.

4.Kost tal-finanzjament u bilanċi tal-likwidità

Kost tal-finanzjament

L-ispiża tal-finanzjament 12 għal Jannar sa Ġunju 2024 hija stmata għal 3,13 %. Dan jitqabbel ma’ 3,57 % għall-perjodu preċedenti ta’ 6 xhur (imqassar għal TC (time compartment) fit-tabella ta’ hawn taħt).

Ċart 5: Il-kost tal-finanzjament fuq il-kompartimenti taż-żmien

TC1

TC2

TC3

TC4

TC5

TC6

0,15 %

1,39 %

2,62 %

3,26 %

3,57 %

3,13 %

Fl-ewwel nofs tal-2024, minkejja t-tnaqqis fir-rata tal-imgħax tal-BĊE f’Ġunju 2024 (l-ewwel wieħed mill-2019), is-swieq finanzjarji naqqsu l-aspettattivi tagħhom ta’ tnaqqis fir-rati peress li l-inflazzjoni wriet li kienet aktar persistenti milli kien maħsub fil-bidu. B’riżultat ta’ dan, il-kostijiet tal-finanzjament żdiedu fis-suq kollu matul l-ewwel nofs tal-2024, għalkemm baqgħu taħt l-ogħla livell tagħhom ta’ Ottubru 2023. B’riflessjoni ta’ din ix-xejra, ir-rendimenti fuq Bonds tal-UE ta’ 10 snin għolew għal 3,2 %, minn 2,7 % fil-bidu tas-sena.

Minkejja dawn iż-żidiet madwar is-suq kollu, il-firxiet tar-rendiment bejn l-UE u l-biċċa l-kbira tal-emittenti tal-EGBs saru aktar stretti matul is-semestru. Pereżempju, id-differenzjali tar-rata tal-imgħax ta’ 10 snin bejn il-Bonds tal‑UE u basket 50/50 ta’ bonds sovrani Ġermaniżi/Franċiżi niżlu minn 43 punt bażi fil-bidu tas-semestru għal 22 punt bażi fi tmiemu. Dan l-iżvilupp kien parzjalment dovut għad-diskrepanza tal-għeluq bejn il-kurva ta’ swap u r-rendimenti tal-EGBs. Qabel, din id-diskrepanza kienet ikkawżat żieda fir-rendimenti tal-Bonds tal-UE meta mqabbla mar-rendimenti tal-Istati Membri fl-2022 u fl-2023.

Ċart 6: Rendimenti ta’ Bonds tal-UE ta’ 10 snin

Immaniġġjar tal-likwidità

Il-Kummissjoni żammet preżenza regolari u prevedibbli fis-swieq finanzjarji f’konformità mal-pjan ta’ finanzjament imħabbar f’Diċembru 2023, b’dati ppjanati għall-irkanti u s-sindakazzjonijiet. Matul l-ewwel semestru tal-2024, il-parteċipazzjonijiet medji tal-likwidità naqsu għal livelli b’mod sinifikanti aktar baxxi meta mqabbla mas-semestru preċedenti. Il-parteċipazzjonijiet medji kienu ta’ EUR 30,2 biljun fl-ewwel nofs tas-sena, meta mqabbla ma’ EUR 58,7 biljun fis-semestru preċedenti. Dan kien primarjament minħabba żborżi mdaqqsa kkonċentrati fi tmiem l-2023 u fil-bidu tal-2024, li naqqsu l-flus kontanti għal EUR 12,4 biljun fil-bidu tal-2024. Minħabba l-ħruġ ta’ flus bil-mod fix-xhur sussegwenti, il-bilanċi tal-flus żdiedu għal EUR 50,1 biljun fi tmiem is-semestru. Dawn il-bilanċi tal-flus se jintużaw fil-bidu tat-tieni nofs tas-sena biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ żborż ippjanati.

Il-parteċipazzjonijiet tal-likwidità ma ssarrfux f’kostijiet għall-programmi appoġġati. Għall-kuntrarju, inkiseb introjtu nett ta’ EUR 81,8 miljun fuq il-bilanċ tal-flus minn Jannar sa Ġunju 2024. Dan l-introjtu se jiġi kondiviż b’mod proporzjonali bejn il-baġit tal-UE u l-benefiċjarji tas-self tal-RRF.

Biex tottimizza r-redditi fuq il-parteċipazzjonijiet ta’ flus kontanti mingħajr ma tpoġġi fondi f’riskju, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi l-kapaċità tagħha li timmaniġġja b’mod attiv parteċipazzjonijiet ta’ likwidità eċċessiva permezz tal-użu ta’ depożiti b’terminu ma’ kontropartijiet mingħajr riskju u ta’ ftehimiet ta’ riakkwist. Dan isegwi l-emenda tal-qafas ta’ governanza għall-programm tal-Bonds tal-UE s-sena l-oħra.

5.Passi biex tiġi żviluppata aktar l-ekosistema tal-Bonds tal-UE

L-istħarriġ tal-investituri ta’ Ġunju 2023 ġabar feedback siewi mill-parteċipanti fis-suq dwar passi possibbli biex jittejjeb il-funzjonament tas-swieq tal-Bonds tal-UE 13 . Il-Kummissjoni ħadet diversi miżuri f’konformità mas-sejbiet tal-istħarriġ, bħall-introduzzjoni ta’ arranġamenti ta’ kwotazzjoni għall-Bonds tal-UE f’Novembru 2023 (ara t-Taqsima 3 ).

Fl-ewwel semestru tal-2024, il-Kummissjoni kompliet taħdem fuq l-istabbiliment ta’ faċilità ta’ riakkwist (“repo”) biex tappoġġa lill-parteċipanti fis-suq fin-negozjar tal-Bonds tal-UE, kif imħabbar f’Diċembru 2022. Faċilità repo hija għodda użata b’mod komuni minn emittenti sovrani biex tappoġġa l-attività tal-ġenerazzjoni tas-suq tan-negozjanti primarji tagħhom. Permezz tal-faċilità repo, il-Kummissjoni se tagħmel it-titoli tagħha disponibbli fuq bażi temporanja f’każ ta’ skarsezza, u b’hekk tipprovdi lin-negozjanti primarji bl-assigurazzjoni meħtieġa għall-attivitajiet tagħhom ta’ ġenerazzjoni tas-suq billi tnaqqas b’mod sinifikanti r-riskji ta’ pożizzjonijiet (qosra) mhux saldati. Din il-faċilità ta’ garanzija ta’ kontinġenza għan-negozjanti primarji li jiddepożitaw il-prezzijiet fil-Bonds tal-UE se tkompli tagħti spinta lil-likwidità tal-Bonds tal-UE fis-suq sekondarju.

It-tnedija tal-faċilità repo hija mistennija li sseħħ fil-bidu tal-ħarifa, ladarba l-istruttura tal-implimentazzjoni mal-kontropartijiet magħżula tkun ġiet iffinalizzata.

6.Objettivi intermedji oħrajn fl-ewwel nofs tal-2024

Żieda ġenerali fin-nefqa ekoloġika eligabbli

Wara l-ħarġa ta’ bond ekoloġiċi tan-NextGenerationEU fit-tieni nofs tal-2023, li kienu ta’ EUR 4,7 biljun, il-ħruġ ta’ bond ekoloġiċi żdied għal EUR 11,3 biljun fl-ewwel nofs tal-2024 (ara t-Taqsima 3 ). Il-bonds ekoloġiċi totali tan-NextGenerationEU maħruġa mit-tnedija tal-programm fl-2021 żdiedu għal EUR 60,2 biljun (kontra EUR 48,9 biljun fi tmiem l-2023). Din iż-żieda fil-ħruġ kienet appoġġata minn żieda sinifikanti fl-infiq eżegwit u rrapportat mill-Istati Membri f’miżuri rilevanti għat-tranżizzjoni klimatika, li żdied minn EUR 26 biljun fi tmiem l-2023 għal EUR 43 biljun fi tmiem Ġunju 2024.

Il-programm ta’ bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU kompla jissaħħaħ b’żieda fil-ġabra totali ta’ nefqa ppjanata eliġibbli għall-finanzjament mill-bonds ekoloġiċi tal-NGEU wara l-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza taħt il-programm REPowerEU. L-Istati Membri aġġornaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika. Bħala riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, fi tmiem Ġunju 2024, it-total ta’ nefqiet ippjanati eliġibbli kien ta’ EUR 266 miljun, żieda minn EUR 189 biljun fit-31 ta’ Diċembru 2023.

Dawn l-iżviluppi se jippermettu l-introduzzjoni kontinwa u kostanti tal-programm ta’ bonds ekoloġiċi tan-NextGenerationEU fit-tieni nofs tal-2024.

Bidliet fid-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-kosti

F’Lulju 2024 ġiet emendata d-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-kosti 14 , li tistabbilixxi l-metodi użati għall-kalkolu tal-kost tal-finanzjament, il-immaniġġjar tal-likwidità u l-kosti amministrattivi għall-programmi ffinanzjati permezz tal-approċċ ta’ finanzjament unifikat. Dan kellu jirrifletti l-introduzzjoni ta’ programmi ġodda ta’ self taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata bħall-Faċilità għall-Ukrajna u l-Faċilità tal-Balkani tal-Punent.

L-emenda tintroduċi l-kunċett ta’ kompartimenti tal-programm biex jorganizzaw u jimmonitorjaw l-allokazzjoni tal-iżborżi u l-istrumenti ta’ finanzjament relatati għal kull politika. Din l-emenda tipprovdi flessibbiltà dwar il-profil tal-maturità tal-finanzjament tal-programmi differenti fid-dawl tal-istrutturi finanzjarji rispettivi tagħhom. Dan jagħti lill-UE l-possibbiltà li tiddistingwi l-maturitajiet tal-ħruġ biex tiffinanzja programmi ġodda jew NextGenerationEU.

7.Prospettiva tal-ħruġ għat-tieni nofs tal-2024

Fl-24 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li toħroġ EUR 65 buljun f’Bond tal‑UE fit-tieni nofs tal-2024, biex il-ħruġ totali tal-UE tal-2024 jilħaq EUR 140 biljun (imqabbel mal-mira ta’ finanzjament ta’ EUR 120 biljun fl-2023).

Dawn il-volumi ta’ finanzjament huma parti mill-progressjoni ppjanata tal-ħruġ tal-Bonds tal-UE lejn volumi ta’ madwar EUR 150 - EUR 160 biljun fl-2025 u l-2026. Dan biex tiġi ffinanzjata l-firxa usa’ ta’ programmi ta’ politika tal-UE (eż. NextGenerationEU, appoġġ lill-Ukrajna, il-Faċilità ta’ Riforma u Tkabbir tal-Faċilità tal-Balkani tal-Punent u programmi ta’ assistenza makrofinanzjarja). L-ammonti miġbura permezz tal-ħruġ ta’ Bonds tal-UE se jiġu ssupplimentati b’finanzjament fuq terminu qasir permezz ta’ Kambjali tal-UE u għodod oħra ta’ finanzjament fuq perjodu qasir, bil-programm tal-Kambjali tal-UE jkompli jiżdied fit-tieni nofs tal-2024. L-eżekuzzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ finanzjament se teħtieġ preżenza kontinwa fis-suq matul is-semestru kollu permezz ta’ tranżazzjonijiet sindakati u rkantijiet.

Anness: Indikaturi ta’ implimentazzjoni dwar l-użu tal-mezzi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ effiċjenza u effettività tal-istrateġija ġenerali tal-immaniġġjar tad-dejn tal-Kummissjoni

Mezzi

Indikatur

Valur f’H1 2024 (sakemm ma jkunx indikat mod ieħor)

Kummentarju dwar l-eżekuzzjoni f’H1 2024

Implimentazzjoni tal-programm tal-Bonds tal-UE

a) Ħruġ regolari tul il-kurva kollha

Ħruġ regolari ta’ Bonds tal-UE (u bonds ekoloġiċi tal-NGEU) fil-maturitajiet kollha tul il-kurva (sa 30 snin) biex jipprovdi lil tipi differenti ta’ investituri b’opportunitajiet ta’ investiment. Dan huwa mod kif tinżamm domanda qawwija tal-investituri u b’hekk il-flessibbiltà biex jiġu ddeterminati l-volumi ta’ ħruġ u l-maturitajiet għal tranżazzjonijiet individwali bbażati fuq il-kundizzjonijiet tas-suq.

I.Tqassim tal-maturità tal-programm ta’ ħruġ

1-4 snin: 15 %

4-8 snin: 17 %

8-12 snin: 22 %

12-17 snin: 11 %

17-23 snin: 11 %

23-31 snin: 24 %

F’H1 2024, il-Kummissjoni segwiet l-objettiv tagħha permezz ta’ ħruġ regolari ta’ bonds fit-termini differenti kollha biex tipprovdi lill-kurva tal-UE likwidità fis-segmenti kollha. It-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament kienu mifruxa matul is-semestru biex tiġi żgurata preżenza regolari fis-suq. Matul is-semestru, saru aktar tranżazzjonijiet milli fis-semestru preċedenti minħabba l-mira ta’ finanzjament fl-ewwel nofs (H1) tal-2024 ta’ massimu ta’ EUR 75 biljun (meta mqabbel ma’ EUR 40 biljun f’H1 2023).

Filwaqt li tiġi żgurata preżenza fil-meded ta’ maturità kollha tal-valuri referenzjali, il-ħruġ kien, bħala medja, immirat kemxejn lejn it-tarf it-twil tal-kurva (b’maturità medja ta’ ħruġ ta’ madwar 14-il sena), fid-dawl tal-ħtieġa li t-tifdijiet jinfirxu fuq tul ta’ żmien, iżda wkoll domanda aktar qawwija mill-investituri għall-Bonds tal-UE b’data twila.

Il-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi kien ogħla milli fis-semestru preċedenti, f’konformità mal-mira ta’ finanzjament ġenerali ogħla, nefqiet ekoloġiċi kumulattivi rrapportati mill-Istati Membri, u l-kalibrazzjoni xierqa tal-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi għal dawn in-nefqiet.

b)

II.Distribuzzjoni f’waqtha tal-ħruġ

6 sindakazzjonijiet u 7 irkanti ta’ bonds, li jirriżultaw f’żewġ (2) ħarġiet jew tlieta (3) kull xahar.

c)

III.Ħruġ ekoloġiku 15

Madwar EUR 11-il biljun permezz tal-ħruġ il-ġdid ta’ bond tal-2050 ta’ taps ta’ bonds tal-2048 u 2033.

d) Kisba ta’ bilanċ xieraq ta’ rkanti u sindakazzjonijiet

L-użu ta’ tekniki ta’ finanzjament differenti b’bilanċ xieraq, skont il-volumi totali ta’ ħruġ u l-kundizzjonijiet tas-suq, sabiex jiġu mmaniġġjati r-riskji ta’ eżekuzzjoni, tittejjeb il-likwidità tas-suq sekondarju u jittejbu l-kostijiet tat-teħid b’self.

I.Irkant tat-tqassim / sindakazzjoni f’%

43 % tal-ħruġ ta’ bonds permezz ta’ rkant.

Fl-ewwel nofs tal-2024, il-Kummissjoni ħarġet 43 % tal- Bonds tal-UE permezz ta’ rkant, li huwa bejn wieħed u ieħor l-istess sehem bħal fis-semestru ta’ finanzjament preċedenti.

e) Stabbiliment ta’ bonds kbar u likwidi ta’ valur referenzjali

L-użu tal-Bonds tal-UE sabiex il-volum pendenti ta’ linji differenti jinġieb f’livelli proporzjonati ma’ linji kbar u likwidi ta’ valur referenzjali.

I.Ħruġ permezz ta’ bonds ġodda vs volum maħruġ permezz ta’ taps

·EUR 30-il biljun permezz ta’ bonds ġodda

·EUR 43,8 biljun permezz ta’ taps

Biex tappoġġja l-likwidità tat-titoli tal-UE, il-Kummissjoni użat it-tranżazzjonijiet tagħha biex tisfrutta l-linji ta’ finanzjament eżistenti, b’bejn wieħed u ieħor 59% tal-volum ta’ finanzjament immobilizzat permezz ta’ taps.

Tnedew linji ġodda ta’ finanzjament biex jipprovdu lis-suq linji ġodda ta’ valuri referenzjali, meta meħtieġa, fuq il-kurva u bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tan-negozjanti primarji tal-UE. Matul is-semestru tnedew bonds ġodda ta’ 3 snin, 10 snin, 15 snin, 25 snin u ta’ 30 sena.

B’riżultat ta’ dan, l-ammont medju pendenti għal kull bond baqa’ ta’ madwar EUR 13-il biljun sal-aħħar tas-semestru, li jiżgura likwidità konsistenti tal-bonds.

f)

II.Veloċità tal-użu ta’ bonds ġodda 16

bejn xahar u xahrejn

g)

III.Daqs medju tal-bonds pendenti 17

Madwar 13-il biljun

h)

IV.Fatturat relattiv mal-volum tal-ħruġ

Madwar 108 % bejn Jannar-Mejju 2024 kontra 92 % matul H2 2023.

i)

V.Fatturat assolut

EUR 544 biljun bejn Jannar u Mejju 2024 kontra EUR 397 biljun f’H2 2023.

d) Immaniġġjar tal-profil ta’ maturità tal-ħruġ tal-Bonds tal-UE b’kunsiderazzjoni xierqa għal:

·il-marġni ta’ manuvra addizzjonali temporanju (għal teħid b’self relatat mal-NGEU) u l-marġni ta’ manuvra permanenti (għall-AMF+) taħt il-baġit tal-UE

·it-tifdija futura ta’ żborżi fi kwalunkwe sena partikolari

·ħtiġijiet ta’ riportament stabbli fil-futur

·il-ħtieġa li tiġi protetta l-klassifikazzjoni tal-UE biex jiġu żgurati kostijiet baxxi tat-teħid b’self fit-tul u domanda qawwija mill-bażi tal-investituri ewlenin tagħha.

I.Maturità medja tal-ħruġ

Madwar 14-il sena

F’H1 2024, il-ħruġ ta’ Bonds tal-UE kellu maturità medja ta’ 14-il sena. Dan irrifletta l-ħtieġa li l-profil tat-tifdijiet jinfirex fuq tul ta’ żmien, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġu attirati l-investituri għat-tranżazzjonijiet tas-suq primarju tal-UE. Il-maturità medja baqgħet taħt il-maturità medja massima ta’ 17-il sena stabbilita fid-deċiżjoni annwali dwar it-teħid b’self għall-2024.

Iż-żmien medju sal-maturità tad-dejn pendenti baqa’ stabbli (ta’ madwar 12-il sena).

Ir-rifinanzjament baqa’ wkoll stabbli, riflessjoni tal-ħruġ fil-passat u relatat mal-profil tat-tifdija.

e)

II.Żmien medju sal-maturità tad-dejn pendenti

Madwar 12-il sena

f)

III.Rifinanzjament ta’ terminu qasir, jiġifieri l-perċentwal ta’ stokk pendenti tal-bonds u l-kambjali li jimmaturaw fit-12-il xahar li ġejjin

Inqas minn 11 %

g)

IV.Rifinanzjament ta’ terminu medju, jiġifieri l-perċentwal ta’ stokk pendenti tal-bonds u l-kambjali li jimmaturaw fil-5 snin li ġejjin

Inqas minn 37 %.

Implimentazzjoni tal-programm tal-Kambjali tal-UE

Ħruġ regolari ta’ Kambjali tal-UE b’maturitajiet sa sena permezz ta’ rkant biex jiġu attirati investituri addizzjonali (jew portafolli addizzjonali ta’ investituri eżistenti) u jiġi appoġġat l-immaniġġjar tal-likwidità.

I.Volum pendenti ta’ Kambjali tal-UE

EUR 15-22-il biljun

Id-dejn pendenti fil-programm tal-Kambjali tal-UE żdied xi ftit minn madwar EUR 15-il biljun għal madwar EUR 22 biljun tul il-perjodu. Dan irrifletta l-iżvilupp kontinwu tal-programm bħala għodda biex tiġi pprovduta likwidità addizzjonali meta jkun meħtieġ.

II.Għadd ta’ rkanti tal-Kambjali tal-UE

12

Immaniġġjar tal-likwidità

L-immaniġġjar ta’ pula ta’ likwidità bil-ħsieb tal-obbligi ta’ pagament, il-ħtiġijiet ta’ żborż u l-kostijiet tal-bilanċ tal-flus, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq.

I.Għadd ta’ fallimenti ta’ pagamenti minħabba nuqqas ta’ likwidità

Xejn

Il-Kummissjoni ssodisfat b’suċċess il-ħtiġijiet ta’ żborż u ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ saldu matul is-semestru.

Network tan-negozjanti primarji

L-attrazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li juru impenn qawwi biex jappoġġaw il-ħruġ tal-UE.

I.Għadd ta’ istituzzjonijiet li ffirmaw impenji ta’ sottoskrizzjoni għal tranżazzjonijiet matul l-aħħar 6 xhur

19 (imqabbla ma’ 16 fit-tieni nofs tal-2023)

Il-Kummissjoni kompliet tiġi appoġġata min-negozjanti primarji tal-UE u r-rotazzjoni ta’ negozjanti primarji li huma maniġers ewlenin konġunti fis-sindakazzjonijiet għenet lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mill-banek kollha eliġibbli biex ikunu parti minn sindakat.

Komunikazzjoni ma’ diversi partijiet ikkonċernati tas-suq u emittenti pari

Iż-żamma u l-bini tal-fiduċja mal-bażi tal-investituri, il-parteċipanti fis-suq u l-emittenti pari biex jappoġġaw id-domanda għad-dejn tal-UE u jtejbu l-fehim tal-UE dwar id-dinamika tas-suq u l-ħtiġijiet tal-investituri.

I.Devjazzjonijiet mit-twaqqit imħabbar minn qabel għall-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ finanzjament

Xejn

Il-Kummissjoni żammet komunikazzjoni regolari u prevedibbli mas-swieq, f’konformità ma’ avviżi preċedenti.

Matul is-semestru, seħħet allokazzjoni mnaqqsa ta’ EUR 2 biljun minħabba l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament attraenti fl-irkanti tal-bonds.

Il-Kummissjoni ppubblikat regolarment statistika tal-investituri li baqgħet stabbli u kompliet tara żieda fil-bażi diversifikata tal-investituri tagħha.

II.Devjazzjoni mill-volumi mħabbra fil-pjan ta’ finanzjament

Inqas minn EUR 2 biljun jew inqas minn 2% (meta mqabbel ma’ inqas minn 6% f’H2 2023).

III.Statistika dwar id-distribuzzjoni tal-investituri

Għal kull tip: teżori tal-banek 28,2 %, maniġers ta’ fondi 24,3 %, fondi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet 20,7 %, banek ċentrali/istituzzjonijiet uffiċjali 18,0 %, banek 6,5 %, fondi ħeġġ 1,8 %

Għal kull pajjiż/reġjun: Ir-Renju Unit 16,6 %, Franza 14,1 %, il-Benelux 12,2 %, l-Iberia 11,5 %, il-Ġermanja 11,0 %, Nordiċi 9,7 %, oħrajn tal-UE 9,2 %, l-Italja 6,9 %, l-Asja-Paċifiku 3,6 %, Ewropa oħra 1,9 %, l-Ameriki 1,7 %, il-Lvant Nofsani u l-Afrika 1,6 %

(1)  EUR 17-il biljun kienu fil-forma ta’ għotjiet u garanziji baġitarji u EUR 33 biljun fil-forma ta’ self.
(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024)1520 li tistabbilixxi l-qafas għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ immaniġġjar tad-dejn permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.
(3)  L-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE, European instrument for temporary Support to mitigate Unemployment Risks in an Emergency).
(4) Imħejji f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023)8010, li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-approċċ ta’ finanzjament unifikat għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ immaniġġjar tad-dejn.
(5) Ara, pereżempju, ir-rapporti annwali għall- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Assistenza Makro-Finanzjarja u r-rapport dwar l-Allokazzjoni u l-Impatt tal-Bonds Ekoloġiċi ta’ NextGenerationEU .
(6)   Ir-Rapport speċjali 16/2023: L-immaniġġjar tad-dejn tal-NGEU fi ħdan il-Kummissjoni u t-Tweġibiet tal-Kummissjoni
(7) Deskrizzjoni tal-istrateġija ġenerali tal-immaniġġjar tad-dejn tista’ tinstab fir-rapport ta’ nofs is-sena dwar l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u għoti ta’ self tal-UE mill-1 ta’ Jannar 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2023, ara Fourth half-yearly report on the execution of the EU borrowing and lending operations.PDF (europa.eu) .
(8) Dawn jinkludu għal Orizzont Ewropa, il-Fond InvestEU, ReactEU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (rescEU), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.
(9) EUR 5.5 biljun addizzjonali ta’ pagamenti mill-RRF ġew iffinanzjati minn sorsi oħra (jiġifieri l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (BAR, Brexit adjustment reserve)).
(10) Sal-lum, il-ħruġ tal-UE attira b’kollox aktar minn 1,800 investitur differenti minn aktar minn 70 pajjiż differenti. Aktar minn 60 % tal-investiment f’sindakazzjonijiet tal-Bonds tal-UE ġie minn investituri li jinsabu fl-UE, u aktar minn 20 % ġie minn investituri internazzjonali li joperaw mir-Renju Unit. Il-kumplament ġie minn investituri internazzjonali fl-Asja jew f’pajjiżi Ewropej oħrajn li ma humiex fl-UE bħan-Norveġja u l-Iżvizzera. Aktar minn 65 % tal-Bonds tal-UE maħruġa kienu sejrin għal investituri li jixtruhom biex iżommuhom (jiġifieri maniġers ta’ fondi, kumpaniji tal-assigurazzjoni, fondi tal-pensjonijiet u banek ċentrali/istituzzjonijiet uffiċjali). Hemm ukoll rappreżentanza tajba ta’ investituri li jitolbu maturitajiet differenti. Il-banek ċentrali/l-istituzzjonijiet uffiċjali u t-teżori tal-banek (li ġeneralment jippreferu jinvestu f’maturitajiet sa massimu ta’ 10 snin) jammontaw għal madwar 45 % tax-xiri ta’ Bonds tal-UE fis-swieq primarji, filwaqt li l-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni (li jippreferu maturitajiet ta’ aktar minn 10 snin) jammontaw għal kważi 15 %.
(11) NIP huwa premium li l-emittent iħallas sabiex jipperswadi lill-investituri jixtru l-bonds tiegħu fis-suq primarju pjuttost milli fis-suq sekondarju.
(12)  Il-kostijiet tal-imgħax imġarrba jiġu allokati lill-baġit u lill-Istati Membri li jirċievu self f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024)1520. Din il-metodoloġija tiddistingwi bejn tliet kategoriji differenti ta’ kostijiet: (i) il-kost tal-finanzjament għall-finanzjament ta’ appoġġ mhux rimborżabbli u żborżi ta’ self ikkalkulati għal kompartimenti ta’ żmien ta’ 6 xhur; (ii) il-kost taż-żamma u l-immaniġġjar tal-likwidità; u (iii) l-ispejjeż amministrattivi.
(13) Informazzjoni aktar dettaljata dwar l-eżiti tal-istħarriġ tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Kummissjoni hawnhekk .
(14) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024)1520 li tistabbilixxi l-qafas għall-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ immaniġġjar tad-dejn permezz tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.
(15) Informazzjoni addizzjonali dwar il-bonds ekoloġiċi tal-NGEU tista’ tinstab fid-Dashboard tal-Bonds Ekoloġiċi tal-NGEU hawnhekk:
(16)  Abbażi tal-għadd medju ta’ xhur bejn il-ħruġ il-ġdid u l-ewwel tap meta jitqiesu l-linji l-ġodda użati matul is-semestru.
(17)  Bonds pendenti fuq l-għadd ta’ bonds fl-aħħar tas-semestru. Abbażi ta’ bonds maħruġa taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata.