KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fit‑3 ta’ Lulju 2025 ( 1 )
Kawża C‑84/24
„EM SYSTEM“ UAB
vs
SEB bankas, AB
„Citadele banka“ AS Lietuvos filialas
(talba għal deċiżjoni preliminari mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja — Regolament (KE) Nru 765/2006 — Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet — Impatt fuq il-fondi ta’ kumpannija li 50 % tal-ishma tagħha huma miżmuma minn persuna elenkata”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Il-qbid ta’ jottijiet, karozzi tat-tlielaq u djar lussużi bħala parti mill-infurzar tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea ġibed attenzjoni konsiderevoli mill-midja f’dawn l-aħħar snin. Filwaqt li dawk l-inizjattivi jistgħu jissodisfaw is-sentiment pubbliku, l-isfida vera biex dawn il-miżuri jsiru effettivi tinsab fl-immirar tal-interessi finanzjarji ta’ dawk elenkati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. |
|
2. |
Il-każ odjern jikkonċerna preċiżament dak l-aspett. Il-kwistjoni hija dwar jekk il-“fondi u r-riżorsi ekonomiċi” ta’ persuna, li għandhom jiġu ffriżati minħabba li din il-persuna hija elenkata minn regolament li jimponi miżuri restrittivi, jinkludu wkoll l-assi ta’ kumpannija li din il-persuna tkun il-proprjetarja ta’ 50 % tal-ishma tagħha. |
|
3. |
Din il-mistoqsija tqum fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja”) ( 2 ). Wara l-elenkar ta’ A.V.S., ċittadin Bjelorussu, fl-anness ta’ dan ir-regolament, il-banek konvenuti mblukkaw il-kontijiet ta’ EM SYSTEM UABSYSTEM, kumpannija Litwana, li A.V.S. għandu eżattament 50 % tal-ishma tagħha. |
|
4. |
EM SYSTEM qiegħda tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qrati Litwani kompetenti. Essenzjalment, din il-kumpannija targumenta li hija tikkostitwixxi entità ġuridika indipendenti u li għalhekk ma jistax jiġi preżunt li l-iffriżar tal-assi impost fuq wieħed mill-azzjonisti tagħha għandu jestendi għall-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha. |
II. Il-kuntest tal-proċeduri preżenti u d-domandi preliminari
|
5. |
Fl‑24 ta’ Marzu 2006, il-Kunsill Ewropew ikkundanna “l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet tal-Bjelorussja […] meta arrestaw dimostranti paċifiċi waqt l-eżerċizzju tad-dritt leġittimu tagħhom ta’ għaqda libera sabiex jipprotestaw kontra t-tmexxija tal-elezzjoni presidenzjali” fil-Bjelorussja u “ddeċieda li jadotta miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet ta’ standards elettorali internazzjonali, inkluż il-President Lukashenko” ( 3 ). |
|
6. |
Fl‑10 ta’ April 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK ( 4 ). |
|
7. |
Din il-pożizzjoni komuni ġiet emendata mill-Pożizzjoni Komuni 2006/362/PESK ( 5 ), sabiex timponi ffriżar tal-assi fir-rigward ta’ ċerti persuni li kellhom rwol fl-azzjonijiet ripressivi kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja. |
|
8. |
Iż-żewġ pożizzjonijiet komuni ġew implimentati mir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja abbażi ta’ (dak li issa huwa) l-Artikolu 215 TFUE. |
|
9. |
Fil‑15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK ( 6 ). Din id-deċiżjoni spjegat li, minħabba l-“vjolazzjoni sistematika u kkoordinata tal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġijiet tar-Repubblika tal-Bjelorussja fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja”, il-miżuri eżistenti “għandhom ukoll jiġu imposti […] fuq persuni f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-Bjelorussja, u fuq persuni u entitajiet li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenko jew jappoġġawh, b’mod partikolari l-persuni u l-entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju jew materjali lir-reġim” ( 7 ). |
|
10. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2012/642 stipula li: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma minn jew huma kkontrollati minn:
2. L-ebda fond jew riżors ekonomiku m’għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ tali persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness”. |
|
11. |
Din id-deċiżjoni ġiet implimentata bir-Regolament (UE) Nru 1014/2012 ( 8 ), li, min-naħa tiegħu, emenda r-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja fost l-oħrajn għaliex bid-Deċiżjoni 2012/642, il-Kunsill “iddeċieda li jiċċara l-kriterji għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi” ( 9 ). |
|
12. |
Kif emendat, l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja jipprovdi li: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma l-proprjetà tagħhom jew miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. 2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni, tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom. 3. Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, b’mod dirett jew b’mod indirett, li jiġu evitati l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2. 4. L-Anness I għandu jikkonsisti f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill [2012/642][…] ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli ta’ ksur serju kontra d-drittijiet tal-bniedem, jew tar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew inkella li l-attivitajiet tagħhom joħolqu theddida serja għad-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entitajiet u korpi assoċjati magħhom, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom. 5. L-Anness I għandu jikkonsisti wkoll f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni [2012/642], ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenko jew jappoġġawh, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom.” |
|
13. |
Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, fid-dawl tar-ripressjoni li għaddejja tas-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2129 (ir-“Regolament li stabbilixxa l-lista tal-2020”) ( 10 ) biex jinkludi għadd ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-Anness I għar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. |
|
14. |
A.V.S. kien wieħed mill-persuni inklużi b’dan il-mod mill-Kunsill. Fir-raġunijiet tiegħu għall-elenkar ta’ A.V.S., il-Kunsill spjega li huwa bbenefika mir-reġim ta’ Lukashenko u appoġġjah u li għamel kummenti pubbliċi li jikkundannaw il-protesti tal-oppożizzjoni fil-Bjelorussja, u b’hekk ikkontribwixxa għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika f’dan il-pajjiż ( 11 ). |
|
15. |
Fit‑18 ta’ Diċembru 2020, l-għada tal-elenkar ta’ A.V.S. mill-Kunsill, il-banek konvenuti unilateralment, u għalhekk fuq inizjattiva tagħhom stess, iffriżaw il-fondi miżmuma minn EM SYSTEM fid-dawl tal-fatt li A.V.S huwa l-proprjetarju ta’ 50 % tal-ishma ta’ din il-kumpannija. |
|
16. |
Mill-fajl nazzjonali jidher li, dakinhar, il-bank konvenut SEB bankas AB ikkuntattja wkoll lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Litwanja biex jitlob konferma dwar jekk, minħabba l-elenkar ta’ A.V.S. bħala persuna suġġetta għal iffriżar tal-assi u l-ishma tiegħu f’EM SYSTEM, kienx korrett li jiġi effettwat dak l-iffriżar tal-assi u jekk tali bank għandux ikompli jiffriża l-kontijiet ta’ EM SYSTEM. |
|
17. |
Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, l-awtoritajiet Litwani kompetenti ma ħarġu l-ebda tip ta’ miżura dikjaratorja li tiċċara li EM SYSTEM kienet taqa’ fl-ambitu tal-iffriżar tal-assi impost mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. Kien biss fl‑14 ta’ Ottubru 2022, wara d-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida, li d-Direttur tal-Finansinių nusikaltimų tyrimo tarnyba prie Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerija (is-Servizz ta’ Investigazzjoni ta’ Kriminalità Finanzjarja tal-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tal-Litwanja) ħareġ ordni li tiċċara li EM SYSTEM kellha rabtiet ma’ persuna suġġetta għal miżuri restrittivi. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, rikors għal annullament ta’ din l-ordni jinsab pendenti separatament quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja). |
|
18. |
Fit‑30 ta’ Novembru 2021, EM SYSTEM ikkontestat id-deċiżjoni tal-banek konvenuti li jiffriżaw l-assi tagħha quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnius, il-Litwanja). |
|
19. |
Permezz tas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2023, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Vilnius) ċaħdet it-talba. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li s-sentenza ta’ dik il-qorti hija prinċipalment ibbażata fuq il-fehma li s-sehem ta’ 50 % ta’ A.V.S. f’EM SYSTEM jimplika “kontroll” fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ dik il-kumpannija, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. Għaldaqstant, l-iffriżar tal-assi impost minn dik id-dispożizzjoni japplika wkoll għal dawk l-assi ta’ EM SYSTEM li huma kkontrollati minn A.V.S. |
|
20. |
EM SYSTEM appellat din is-sentenza quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) li, fit‑23 ta’ Mejju 2023, ikkonfermat l-imsemmija sentenza u l-motivazzjoni tagħha. |
|
21. |
F’appell fil-kassazzjoni, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja, il-Litwanja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tosserva li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja ma jiddefinixxix il-kriterju li għandu jitqies meta jiġi evalwat jekk persuna jew entità ġuridika hijiex “l-proprjetà ta’, [hijiex] miżmum[a] jew ikkontrollat[a]” minn persuna jew entità oħra. Madankollu, din il-qorti tinnota li, fil-verżjoni bil-lingwa Litwana tal-Linji Gwida tal‑2018 ( 12 ) u tad-dokument tal-Aħjar Prattiki tal‑2022 ( 13 ), il-punti 55a u 62 rispettivament, jistabbilixxu kriterju ta’ “aktar minn 50 %” tad-drittijiet ta’ proprjetà ta’ entità għall-kunċett ta’ sjieda ( 14 ). Barra minn hekk, emendi sussegwenti għar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, riflessi fl-Artikolu 1j u l-Artikolu 1k(c), jirreferu għal sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq persuna ġuridika, entità jew korp “li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu b’mod dirett jew indirett proprjetà” ta’ persuna elenkata ( 15 ). Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-punti 55b u 63 tal-Linji Gwida tal‑2018 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar is-Sanzjonijiet u d-dokument tal-Aħjar Prattiki tal‑2022 rispettivament jindikaw li l-kunċett ta’ “kontroll” irid jinftiehem, fost affarijiet oħra, bħala rifless fis-setgħa li titwaqqaf il-ħatra ta’ direttur ta’ kumpannija. |
|
22. |
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tosserva li teżisti inċertezza dwar kif għandhom jiġu ddeterminati l-“proprjetà” jew il-“kontroll”, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn persuna elenkata tkun il-proprjetarja ta’ eżattament 50 % tal-ishma ta’ entità mhux elenkata. |
|
23. |
Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tosserva li, jekk jiġi preżunt li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) hija ssodisfatta, tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-preżunzjoni hijiex konfutabbli, u, jekk iva, jekk l-entità li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tistax tistrieħ fuq il-fatt li l-kundizzjoni fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja – li l-projbizzjoni ta’ aċċess għal fondi tapplika jekk il-fondi tal-kumpannija jintużaw minn, jew għall-benefiċċju ta’, persuna elenkata fl-Anness I ta’ dak ir-regolament – hija ssodisfatta. |
|
24. |
F’dan il-kuntest fattwali u legali, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirreferi d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
25. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-konvenuti fl-ewwel istanza, il-Gvern Finlandiż, Estonjan, Latvjan, Litwan u Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea. EM SYSTEM, SEB bankas AB u “Citadele banka” AS Lietuvos filialas, il-Gvern Spanjol, Ġermaniż, Litwan u Latvjan kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll argumenti orali fis-seduta li saret fis‑27 ta’ Marzu 2025. |
III. Analiżi
|
26. |
Miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni Ewropea kontra l-Bjelorussja, fost affarijiet oħra, jipprevedu miżuri mmirati kontra persuni li jappoġġjaw jew jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenko. Dawn il-miżuri jistabbilixxu li fondi u riżorsi ekonomiċi “li jappartjenu lil, huma l-proprjetà ta’, huma miżmumin jew ikkontrollati” minn persuni elenkati għandhom jiġu ffriżati. |
|
27. |
Jekk persuna elenkata hija proprjetarja ta’ 50 % tal-ishma ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja għandu jiġi interpretat bħala li jirrikjedi li l-banek jiffriżaw ukoll il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ tali kumpannija? Din hija l-essenza tal-ewwel domanda magħmula f’dan il-każ. |
|
28. |
Ser nipproponi li nagħti risposta għal din id-domanda f’żewġ stadji. L-ewwel, ser nispjega li l-iffriżar tal-assi impost mir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja ma jestendix awtomatikament għal kull kumpannija li fiha l-persuna elenkata għandha ishma. Fi kliem ieħor, l-elenkar ta’ azzjonist, anki jekk dik il-persuna tkun azzjonist maġġoritarju, ma jirriżultax, fih innifsu, fl-elenkar tal-kumpannija li l-ishma tagħha jappartjenu lil dik il-persuna (Taqsima III. A). Sussegwentement ser nispjega li, anki jekk il-kumpannija nnifisha tista’ ma tkunx elenkata, l-assi tagħha xorta jistgħu jinftiehmu bħala li huma “kkontrollati” mill-persuna elenkata. Is-sjieda ta’ 50 % tal-ishma għandha tinftiehem bħala li toħloq preżunzjoni ta’ “kontroll” mhux biss fuq il-kumpannija, iżda wkoll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha (Taqsima III. B). Għall-finijiet tal-każ preżenti, dan ifisser li l-banek konvenuti ma żbaljawx meta ffriżaw l-assi ta’ EM SYSTEM abbażi tal-fatt li A.V.S. kien proprjetarju ta’ 50 % tal-ishma f’dik il-kumpannija. Madankollu, kif ser nispjega wkoll, din il-preżunzjoni għandha tkun konfutabbli. Trid tippermetti lill-kumpannija tipprova li, minkejja l-ishma, il-persuna elenkata ma hijiex kapaċi tikkontrolla l-assi tagħha (Taqsima III. Ċ). |
|
29. |
Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tistabbilixxi jekk kumpannija li hija preżunta li hija kkontrollata minn azzjonist tistax tirribatti din il-preżunzjoni billi turi li l-assi tal-kumpannija ma humiex użati għall-benefiċċju tal-persuna elenkata. Madankollu, kif ser nuri, l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi, kif previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, u l-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal persuna elenkata, kif previst fl-Artikolu 2(2) tiegħu, huma żewġ miżuri indipendenti u mhux relatati. Għalhekk, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju — jiġifieri li l-effetti ta’ ffriżar tal-assi ma jistgħux jiġu kkontestati abbażi tal-fatt li l-fondi inkwistjoni ma humiex użati minn jew għall-benefiċċju ta’ persuna elenkata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhux neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja (Taqsima III. D). |
A. L-ebda ffriżar awtomatiku tal-assi mingħajr elenkar
|
30. |
Il-Gvern Ġermaniż josserva fis-sottomissjonijiet tiegħu li l-analiżi tal-qorti tar-rinviju tidher li tissuġġerixxi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ EM SYSTEM huma ffriżati biss minħabba l-fatt li A.V.S. huwa l-proprjetarju ta’ 50 % tal-ishma ta’ din il-kumpannija. |
|
31. |
Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tidher li tinterpreta l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja bħala li awtomatikament jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni indipendenti u legalment distinti anki fejn tali persuna ġuridika nnifisha ma tkunx elenkata fih. |
|
32. |
Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. |
|
33. |
Id-Deċiżjoni 2012/642 tistabbilixxi li l-Kunsill jista’ jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni jew entitajiet li fuqhom persuna elenkata teżerċita “kontroll”. |
|
34. |
Din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ politika esterna fil-kuntest ta’ “natura ġeografika jew tematika” partikolari li għaliha l-Kunsill jiddefinixxi “l-atteġġament ta’ l-Unjoni”. |
|
35. |
Il-miżuri tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) adottati skont l-Artikolu 29 TUE huma implimentati permezz ta’ regolamenti tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 215 TFUE. Dan it-tip ta’ regolament jista’ waħda min żewġ forom: (i) regolamenti li jipprevedu l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar, li huma adottati abbażi tal-Artikolu 215(1) TFUE ( 16 ), u (ii) dawk “immirati” lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u gruppi jew entitajiet mhux Statali. Tali miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 215(2) TFUE. |
|
36. |
Fiż-żewġ każijiet, il-Kunsill jadotta regolament b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni, u jinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-miżuri riżultanti. |
|
37. |
Anki jekk l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet immirati lejn persuni jew entitajiet individwali, is-setgħat attribwiti lill-Kunsill b’dan il-mod ma jagħtux lil din l-istituzzjoni “carte blanche” biex timponi miżuri restrittivi fuq kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika. |
|
38. |
Minħabba r-rabta intrinsika tagħhom mal-Artikolu 29 TUE, il-miżuri restrittivi imposti skont l-Artikolu 215(2) TFUE jistgħu jikkonċernaw biss lil dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom rabta suffiċjenti man-natura tematika jew ġeografika segwita mill-miżuri inkwistjoni ( 17 ). |
|
39. |
Huwa permezz tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jiġġustifikaw ( 18 ) l-elenkar ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi bis-saħħa tar-rabta tagħhom man-natura ġeografika jew tematika msemmija li l-Qrati tal-Unjoni jeżerċitaw is-setgħat sħaħ tagħhom ta’ stħarriġ ( 19 ) fir-rigward tal-kontroll tad-diskrezzjoni tal-Kunsill ( 20 ). |
|
40. |
Fil-każ preżenti, ir-Regolament dwar is-Sanzjonijiet tal-Bjelorussja stabbilixxa ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja. Parti minn dawn il-miżuri hija l-iffriżar tal-assi impost mill-Artikolu 2(1) kontra l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jinsabu fl-Anness I tiegħu. Il-Kunsill jikkunsidra li l-persuni elenkati f’dan l-anness għandhom rabta tematika mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u d-demokrazija f’dak il-pajjiż. |
|
41. |
Permezz tar-Regolament tal‑2020 dwar l-Elenkar, A.V.S. ġie miżjud mill-Kunsill biex jifforma parti minn din il-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi. |
|
42. |
Madankollu, ir-Regolament tal‑2020 dwar l-Elenkar ma jagħmilx riferiment għal EM SYSTEM bħala parti mill-entrata ta’ A.V.S ( 21 ). |
|
43. |
Lanqas ma jżid din il-kumpannija bħala entrata separata fl-Anness I tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja ( 22 ). |
|
44. |
Fi kliem ieħor, meta, fit‑18 ta’ Diċembru 2020, il-banek konvenuti ffriżaw il-kontijiet ta’ EM SYSTEM minħabba r-rabta ta’ din il-kumpannija ma’ A.V.S., din il-kumpannija ma kinitx elenkata fl-Anness I tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. |
|
45. |
Għaldaqstant, filwaqt li huwa ċar li, għal A.V.S., il-Kunsill qies li kien hemm rabta suffiċjenti man-“natura ġeografika jew tematika” tal-miżuri imposti mir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kunsill qies li kien hemm rabta bħal din ukoll fir-rigward ta’ EM SYSTEM – indipendentement mir-raġunijiet għall-elenkar ta’ A.V.S. ( 23 ). |
|
46. |
Għaldaqstant, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ din il-kumpannija ma ġewx iffriżati awtomatikament permezz tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. |
|
47. |
Li wieħed jassumi li tali elenkar seħħ fir-rigward ta’ EM SYSTEM anke fin-nuqqas ta’ miżura tal-Kunsill għal dan il-għan ikun kuntrarju għar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. |
|
48. |
Tabilħaqq, kif stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja, persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom jiġu nnotifikati dwar miżuri restrittivi, ir-raġunijiet għall-elenkar tagħhom, u offruti l-possibbiltà li jinstemgħu ( 24 ). |
|
49. |
Kif josserva l-Gvern Ġermaniż, mill-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642, li r-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja jimplimenta, jirriżulta b’mod ċar li huma biss l-assi tal-persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness li huma ffriżati awtomatikament. Dan huwa l-każ, anki fir-rigward ta’ kumpanniji li huma assoċjati ma’ jew proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuni li huma elenkati għaliex huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew għaliex jimminaw serjament id-demokrazija fil-Bjelorussja. |
|
50. |
Għaldaqstant, filwaqt li kumpanniji assoċjati ma’ jew huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn tali persuni jistgħu jiġu elenkati minħabba r-rabta tagħhom ma’ tali persuna, id-Deċiżjoni 2012/642 ma tippermettix li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi miżmuma minn dawn il-kumpanniji jiġu ffriżati awtomatikament mingħajr tali elenkar ( 25 ). |
|
51. |
Peress li l-miżuri tal-Kunsill adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE kellhom l-għan li jimplimentaw fid-dritt tal-Unjoni u jagħtu effett lid-Deċiżjoni 2012/642, ir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja għandu jiġi interpretat, safejn possibbli, fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni ( 26 ). |
|
52. |
B’tali interpretazzjoni huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li l-iffriżar tal-assi impost mir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja għandu jinqara biex jinkludi biss dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma elenkati fl-Anness I. |
|
53. |
Minn dan isegwi li l-iffriżar tal-assi ma japplikax għall-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ EM SYSTEM. |
|
54. |
Madankollu, dawn il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi xorta jistgħu jkunu suġġetti għal tali miżura f’każ fejn l-assi inkwistjoni, fil-fatt, ma jkunux ikkontrollati minn dik il-kumpannija, iżda minn persuna elenkata ( 27 ). |
|
55. |
Dan iwassalni għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju: tista’ tiġi preżunta l-preżenza ta’ tali kontroll jekk persuna elenkata tkun il-proprjetarja ta’ 50 % tal-ishma ta’ kumpannija mhux elenkata? |
B. Meta l-assi ta’ kumpannija mhux elenkata jkunu kkontrollati minn persuna elenkata
|
56. |
Fil-każ preżenti, jidher mill-fajl nazzjonali jirriżulta li l-banek konvenuti ffriżaw il-kontijiet ta’ EM SYSTEM fuq il-bażi li l-assi miżmuma fihom kienu suġġetti għall-“kontroll” ta’ persuna elenkata. Dan il-“kontroll” kien jirriżulta mill-fatt li A.V.S. kien il-proprjetarju ta’ 50 % tal-ishma f’dik il-kumpannija. |
|
57. |
Peress li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja japplika għal fondi u riżorsi ekonomiċi “li huma l-proprjetà ta’, huma miżmumin jew ikkontrollati” minn A.V.S, huwa ċar li l-ishma miżmuma minn din il-persuna jridu jiġu ffriżati ( 28 ). |
|
58. |
Din il-miżura hija mfassla biex tipprevjenih milli jbigħ dawk l-ishma sabiex jakkwista fondi u riżorsi ekonomiċi, u b’hekk jevita l-iffriżar tal-assi. |
|
59. |
Minħabba li r-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE joħolqu obbligi diretti għas-suġġetti kollha tad-dritt tal-Unjoni ( 29 ), mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni għal dan il-għan ( 30 ), il-banek konvenuti kellhom l-obbligu li jiżguraw l-effettività tal-iffriżar tal-assi impost b’dan il-mod fuq A.V.S. |
|
60. |
Madankollu, suġġett għal konferma, jidher li A.V.S. la “huwa l-proprjetarju ta’”, la “jżomm” il-fondi li huma s-suġġett ta’ din it-tilwima, u lanqas ma “jappartjenu” lilu. Il-fondi li l-banek konvenuti ffriżaw jidhru li huma proprjetà ta’ EM SYSTEM. |
|
61. |
Għalhekk hija l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontroll” li hija ta’ interess prinċipali għall-finijiet tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
62. |
Dan għaliex huwa biss jekk jiġi kkonstatat li A.V.S. jeżerċita kontroll fuq il-kontijiet ta’ EM SYSTEM li l-fondi miżmuma fihom ikunu wkoll suġġetti għall-iffriżar tal-assi impost mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. |
|
63. |
Madankollu, ir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “kontroll”. |
|
64. |
Għalhekk ma huwiex sorprendenti li l-partijiet li pparteċipaw f’dawn il-proċeduri ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, sal-punt li jifforma parti mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. |
|
65. |
Essenzjalment, il-Gvern Spanjol, Estonjan, Latvjan, Litwan u Finlandiż kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li kwalunkwe “kontroll” li A.V.S. jista’ jeżerċita fuq EM SYSTEM minħabba s-sehem tiegħu fiha jestendi wkoll għall-kontroll tiegħu tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-istess kumpannija. Għalhekk, sehem azzjonarju dominanti jistabbilixxi preżunzjoni ta’ kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ dik il-kumpannija. |
|
66. |
Il-Gvern Ġermaniż għandu l-fehma opposta. Huwa jqis li l-kontroll fuq kumpannija minħabba s-sehem azzjonarju ma huwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit ukoll kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ dik il-kumpannija. Għalhekk, is-sehem azzjonarju dominanti ma jistax jirriżulta f’preżunzjoni ta’ kontroll fuq l-assi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ kumpannija; jista’ jinftiehem biss bħala indikazzjoni li jista’ jkun hemm kontroll. Għalhekk, huma meħtieġa elementi addizzjonali biex jiġi stabbilit li l-kontroll ta’ kumpannija jestendi wkoll għall-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ kumpannija. Dan il-gvern isostni wkoll li l-ħolqien ta’ preżunzjoni ta’ kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ dik il-kumpannija jirriżulta f’inverżjoni fl-oneru tal-prova, li ma huwiex previst mir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. |
|
67. |
Purament mill-perspettiva tat-tifsira ordinarja attribwita lill-kunċett ta’ “kontroll” fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, il-Gvern Ġermaniż naturalment għandu raġun. Is-sempliċi parteċipazzjoni azzjonarja f’kumpannija, anki jekk maġġoritarja, ma tagħti l-ebda drittijiet diretti għall-kontroll tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ kumpannija. Is-sehem azzjonarju jintitola lis-sid għal ċerti drittijiet, bħad-drittijiet tal-vot fil-ħatra f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija u l-għotja tad-dividendi. Madankollu, dan normalment ma jaffettwax il-kontroll tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ kumpannija. L-użu tagħhom jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-kumpannija nnifisha u jiġi eżerċitat mid-diretturi tagħha. Dawn tal-aħħar, min-naħa tagħhom, huma suġġetti għal ċerti obbligi deontoloġiċi u legali biex jiżguraw li jaġixxu fl-aħjar interess tal-kumpannija, u mhux tal-azzjonisti tagħha, meta jiġġestixxu l-assi tal-kumpannija. |
|
68. |
Kieku kellha tiġi aċċettata din l-interpretazzjoni tal-Gvern Ġermaniż tal-kunċett ta’ “kontroll”, kont naqbel mingħajr ebda tlaqliq li s-sehem azzjonarju f’kumpannija ma jistax jirriżulta f’preżunzjoni ta’ kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ dik il-kumpannija. |
|
69. |
Madankollu, il-kunċett ta’ “kontroll” fil-qasam tal-miżuri restrittivi ma għandux l-istess tifsira bħal dik li normalment tingħatalu fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji ( 31 ). |
|
70. |
Fil-qasam tal-miżuri restrittivi, dan il-kunċett għandu jingħata tifsira li tirrifletti l-għan segwit mill-miżuri li minnhom jagħmel parti. |
|
71. |
Dawn il-miżuri għandhom fil-mira tagħhom persuni fiżiċi u ġuridiċi li l-Kunsill qies li jikkontribwixxu għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja u dawk li qies li jibbenefikaw minnhom jew jipprovdu appoġġ lir-reġim ta’ Lukashenko ( 32 ). |
|
72. |
Meqjusa f’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “kontroll” irrakkomandata mill-Gvern Ġermaniż ma tikkunsidrax l-għadd kbir ta’ modi kif A.V.S. jista’ jinfluwenza l-użu ta’ dawn l-assi indirettament, u b’hekk jippermetti l-evitar tal-miżuri inkwistjoni ( 33 ). |
|
73. |
Dan ir-riskju ta’ evitar huwa partikolarment importanti meta dak li jkun inkwistjoni huwa l-preżenza ta’ network ta’ patrunaġġ u lealtà ta’ nies li jibbenefikaw minn u jappoġġjaw reġim immirat minn miżuri restrittivi ( 34 ). |
|
74. |
F’sitwazzjoni bħal din, id-dettalji preċiżi tad-dritt tal-kumpanniji (inklużi l-obbligi tad-diretturi indipendenti) ma jirriflettux ir-realtà prattika ta’ kif l-assi jistgħu jiġu mċaqalqa f’perijodi qosra ta’ żmien ( 35 ). |
|
75. |
Minn dan isegwi li sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni, il-kunċett ta’ “kontroll”, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, irid jingħata interpretazzjoni li tkopri modi kemm diretti u kemm indiretti ta’ influwenza fuq l-użu ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ entità marbuta ma’ persuna elenkata ( 36 ). |
|
76. |
Għall-finijiet ta’ dan il-każ, il-kwistjoni għalhekk ma hijiex jekk, bis-saħħa tal-ishma tiegħu f’EM SYSTEM, A.V.S. huwiex kapaċi jiddisponi liberament mill-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ din il-kumpannija, iżda pjuttost jekk din ir-rabta ma’ EM SYSTEM tippermettilux jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-kumpannija relatati ma’ dawn il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ( 37 ). |
|
77. |
Meta dak li jkun qed jiġi kkontestat huwa l-iffriżar ta’ fondi, il-ħin huwa essenzjali. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li, f’każ ta’ dewmien fl-implimentazzjoni ta’ tali miżuri, ikun hemm riskju li l-kapital ser jiġi dirett ’il bogħod mill-persuna fiżika jew ġuridika intiża li tkun il-mira tal-miżura restrittiva. Għalhekk, għandu jiġi żgurat effett ta’ sorpriża f’kull ħin ( 38 ). |
|
78. |
Dan ifisser li l-persuni kollha suġġetti għad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi, fl-iqsar żmien possibbli, li jimplimentaw iffriżar tal-assi. |
|
79. |
Għal dan il-għan, huwa neċessarju li wieħed jaħdem b’ċerti preżunzjonijiet dwar l-istruttura interna tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ persuni ġuridiċi potenzjalment affettwati. |
|
80. |
Dan jidher wkoll mid-dokumenti tal-Kunsill tal-Linji Gwida tal‑2018 tal-Aħjar Prattiki tal‑2022, li jistabbilixxu li indikatur wieħed ta’ “kontroll” jista’ jkun li wieħed ikollu d-dritt li jeżerċita influwenza dominanti fuq persuna jew entità ġuridika ( 39 ). |
|
81. |
Filwaqt li poter bħal dan jista’ jissussisti wkoll f’każ ta’ ammont iżgħar ta’ ishma, fejn persuna tkun proprjetarja ta’ 50 % tal-ishma f’kumpannija, din il-persuna normalment tkun kapaċi tiddetta jew tipprevjeni ċerti deċiżjonijiet fi ħdan dik il-kumpannija, jew tal-inqas tkun kapaċi tiżgura li l-affarijiet tal-entità jitmexxew skont ix-xewqat tagħha ( 40 ). |
|
82. |
Għalhekk, huwa ġustifikabbli li wieħed jippreżumi li sehem ta’ 50 % f’kumpannija jippermetti mhux biss il-kontroll fuq tali kumpannija, iżda wkoll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha. |
|
83. |
Għall-finijiet tal-każ preżenti, isegwi li l-banek konvenuti ma żbaljawx meta ffriżaw il-kontijiet ta’ EM SYSTEM minħabba s-sehem ta’ 50 % dovuti lil A.V.S. f’dik il-kumpannija, u fil-fatt kienu obbligati li jagħmlu hekk bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. |
|
84. |
Filwaqt li l-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li l-“kontroll” minn A.V.S. seta’ bl-istess mod irriżulta mill-istatuti ta’ EM SYSTEM, ma nqisx li din jew kwalunkwe evalwazzjoni oħra hija meħtieġa jew utli. Wara kollox, il-persuni kollha suġġetti għad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux raġonevolment jiġu mistennija li jkollhom disponibbli għalihom l-istatuti tal-kumpanniji kollha rreġistrati fl-Unjoni Ewropea. |
|
85. |
Bl-istess mod, jista’ jkun minnu li d-dritt li wieħed jeżerċita ċerti setgħat ta’ votazzjoni bis-saħħa tal-ishma mhux bilfors jimplika “kontroll” fuq l-assi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ kumpannija. Madankollu, anki kieku wieħed kellu disponibbli l-istruttura ta’ governanza tal-kumpanniji affettwati (u l-kompetenza meħtieġa), xorta waħda jkollu jinvestiga jekk, f’każ partikolari, is-setgħat ta’ votazzjoni bis-saħħa tal-ishma jwasslux għall-potenzjal ta’ kontroll. |
|
86. |
Tali passi addizzjonali jieħdu ż-żmien; u l-ħin huwa element li huwa skars meta l-iffriżar tal-assi jseħħ b’mod immedjat. |
|
87. |
Fl-istess waqt, l-użu ta’ preżunzjonijiet ma jistax jitqies b’indifferenza u jrid ikun suġġett għal ċerti limitazzjonijiet. Issa, ser nittratta dan l-element. |
C. Il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ “kontroll”
|
88. |
L-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ kumpannija għandu effetti negattivi sinjifikattivi fuq ir-reputazzjoni tagħha u fuq il-kapaċità ta’ kumpannija li tmexxi n-negozju tagħha ( 41 ). |
|
89. |
Għaldaqstant, jekk wieħed jinterpreta l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja b’mod li jikkontjeni preżunzjoni li sehem ta’ 50 % tfisser li l-azzjonist jingħata l-kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ dik il-kumpannija, dik il-preżunzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss fejn il-kumpannija affettwata tkun tista’ tressaq provi kuntrarji u tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet tad-difiża tagħha ( 42 ). |
|
90. |
Ladarba tiġi stabbilita din il-preżunzjoni (fil-każ preżenti mill-banek konvenuti), l-oneru tal-prova jgħaddi għall-kumpannija affettwata biex tipprovdi evidenza li, minkejja li l-persuna elenkata hija l-proprjetarja ta’ 50 % tal-ishma, ma tista’ teżerċita l-ebda kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha. |
|
91. |
Kuntrarjament għall-osservazzjoni tal-Gvern Ġermaniż, tali “inverżjoni” fl-oneru tal-prova mhux bilfors irid ikun espressament prevista mil-liġi. Dan ir-riżultat jista’ jkun impliċitu ladarba preżunzjoni ta’ kontroll bis-saħħa ta’ 50 % tal-ishma tiġi interpretata fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja. |
|
92. |
Imma quddiem min għandha titressaq il-prova tan-nuqqas ta’ kontroll? |
|
93. |
Għażla waħda hija l-persuna li tkun implimentat il-miżura restrittiva inkwistjoni. Fil-każ preżenti, dawn ikunu l-banek konvenuti. Madankollu, id-deċiżjoni dwar talba bħal din tista’ tkun oneruża wisq biex tintalab minn dawn l-entitajiet. Barra dan, jista’ wkoll jagħti l-każ li ma jkollhomx inċentiv biex ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom, minħabba l-preżenza ta’ dispożizzjoni espressa fir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja li tipproteġi lil dawn l-entitajiet u lid-diretturi u l-impjegati tagħhom mir-responsabbiltà fl-implimentazzjoni in bona fide tal-miżuri inkwistjoni ( 43 ). |
|
94. |
Għażla oħra hija li tali evidenza tiġi pprovduta lil korp tal-Istat Membru inkwistjoni. Fil-każ preżenti, għalkemm, kif spjegajt, il-leġiżlazzjoni Litwana tidher li nbidlet, l-ebda korp bħal dan ma kien involut fil-mument meta qamu l-fatti tat-tilwima preżenti ( 44 ). |
|
95. |
F’każ bħal dan, l-uniku post biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ “kontroll” huwa quddiem il-qrati kompetenti ta’ Stat Membru. |
|
96. |
Quddiem tali qrati, il-kumpannija affettwata trid tkun kapaċi tistabbilixxi li l-persuna elenkata ma tistax teżerċita kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha. Kif sostna l-Gvern Spanjol, dawn il-qrati jrid ikollhom ġurisdizzjoni sħiħa biex jistħarrġu l-provi ppreżentati lilhom. |
|
97. |
Kif juru l-proċeduri preżenti, din il-possibbiltà ta’ stħarriġ indipendenti hija disponibbli fil-Litwanja, f’konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, peress li EM SYSTEM ikkontestat id-deċiżjoni tal-banek konvenuti li jiffriżaw il-kontijiet tagħha quddiem il-qrati kompetenti ta’ ġurisdizzjoni ċivili ( 45 ). |
|
98. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tidher inċerta dwar kif għandha tiġi ppruvata l-assenza ta’ kontroll. |
|
99. |
F’dan is-sens, bit-tieni domanda tagħha, tistaqsi jekk il-fatt li kumpannija hija suġġetta għall-projbizzjoni li tagħmel disponibbli fondi jew riżorsi ekonomiċi lil persuna elenkata, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, jistax jintuża bħala argument biex juri assenza ta’ kontroll ( 46 ). |
|
100. |
Huwa diffiċli li jiġu enumerati b’mod astratt l-argumenti li kumpannija suġġetta għall-preżunzjoni ta’ “kontroll” tista’ tressaq. Dawn jiddependu fuq numru ta’ fatturi, bħall-istruttura ta’ governanza tal-kumpannija, l-istatuti tagħha, u r-realtajiet tal-funzjonament ta’ din il-kumpannija ( 47 ). |
|
101. |
Iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju telenka fit-tielet domanda tagħha, bħala (i) is-separazzjoni tal-assi tal-kumpannija minn dawk tal-azzjonisti tagħha, (ii) il-fatt li d-direttur tal-kumpannija (għajr persuna elenkata fl-Anness I tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja) jaġixxi f’isem il-kumpannija, u (iii) l-fatt li l-aċċess għall-kontijiet bankarji tal-kumpannija huwa mogħti biss lid-direttur tal-kumpannija, kollha jistgħu jkunu indikaturi li ma jeżisti l-ebda kontroll mill-azzjonist dominanti. |
|
102. |
Madankollu, fih innifsu, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma huwa biżżejjed biex jipprova l-assenza ta’ kontroll bis-saħħa ta’ 50 % tal-ishma, u lanqas dawn l-elementi, fihom innifishom, ma jistgħu jiggarantixxu li l-imsemmi azzjonist ma jistax jinfluwenza u tabilħaqq ma jinfluwenzax kif jintużaw il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-kumpannija. |
|
103. |
Minn dan isegwi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-iffriżar tal-assi impost mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja kontra persuni elenkati fl-Anness I għar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja ma jestendix awtomatikament għal kumpannija mhux elenkata f’dak l-anness. Madankollu, fejn persuna elenkata f’dak l-anness tippossjedi 50% jew iktar tal-ishma f’dik il-kumpannija, jista’ jiġi preżunt li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ dik il-kumpannija huma kkontrollati mill-persuna elenkata fl-anness, u għalhekk iridu jiġu ffriżati. Dik il-preżunzjoni hija konfutabbli u suġġetta għal rieżami minn awtorità nazzjonali.. |
D. Ir-rabta bejn il-projbizzjoni li fondi jew riżorsi ekonomiċi jiġu magħmula disponibbli u r-rekwiżit ta’ “kontroll”
|
104. |
Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk EM SYSTEM tistax tistabbilixxi li A.V.S. ma għandux kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha abbażi tal-fatt li dawn l-assi ma humiex disponibbli għalih b’mod dirett jew indirett. |
|
105. |
Ser nindirizza dan il-punt fil-qosor. |
|
106. |
Il-projbizzjoni li fondi jew riżorsi ekonomiċi jiġu magħmula disponibbli, b’mod dirett jew indirett, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja, hija, fil-fehma tiegħi, awtonoma u distinta mill-obbligu li jiġu ffriżati fondi kif previst fl-Artikolu 2(1) tiegħu. |
|
107. |
Din l-opinjoni hija kondiviża mill-Kummissjoni u mill-Gvern Ġermaniż. |
|
108. |
L-ewwel, ir-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja ma jorbotx dawn iż-żewġ miżuri, u lanqas ma tista’ tiġi implikata tali rabta mill-iskop tagħhom. |
|
109. |
It-tieni, is-sempliċi eżistenza ta’ projbizzjoni li fondi jiġu magħmula disponibbli għal persuna elenkata bħal A.V.S. ma tipprekludix lil tali persuna milli teżerċita kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ kumpannija mhux elenkata, bħal EM SYSTEM. |
|
110. |
It-tielet, il-projbizzjoni li fondi jiġu magħmula disponibbli għal persuna elenkata, bħal A.V.S., tkompli tissussisti irrispettivament minn jekk kumpannija mhux elenkata, bħal EM SYSTEM, jirnexxilhiex tipprova li tali persuna ma teżerċitax kontroll fuq il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha ( 48 ). |
|
111. |
Minn dan isegwi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li deċiżjoni li jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ entità mhux elenkata li hija kkontrollata minn persuna elenkata fl-Anness I għar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja isseħħ indipendentement mill-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għal dik il-persuna. Id-deċiżjoni li jiġu ffriżati fondi ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi li l-assi ta’ kumpannija li l-fondi tagħha huma ffriżati ma jintużawx minn, jew għall-benefiċċju tal-persuna elenkata. |
|
112. |
Peress li t-tielet domanda saret bil-kundizzjoni li t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għal dik id-domanda. |
IV. Konklużjoni
|
113. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus (ĠU 2008, L 352M, p. 432), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (EU) Nru 1014/2012, tas-6 ta’ Novembru 2012, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU 2012, L 307, p. 1),
( 3 ) Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat‑23/24 ta’ Marzu 2006, Konklużjoni 1, ST/7775/06, 24 ta’ Marzu 2006, p. 35.
( 4 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/276/PESK tal‑10 ta’ April 2006 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK (ĠU 2006, L 101, p. 5).
( 5 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/362/PESK tat‑18 ta’ Mejju 2006 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK (ĠU 2006, L 294M, p. 95).
( 6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal‑15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2012/642/PESK”).
( 7 ) Deċiżjoni 2012/642, premessi 5 u 6.
( 8 ) Regolament Tal-Kunsill (EU) Nru 1014/2012 tas‑6 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU 2012, L 307, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1014/2012”).
( 9 ) Ir-Regolament Nru 1014/2012, premessa 2.
( 10 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2129 tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-[Regolament dwar is-Sanzjonijiet tal-Belarus] (ĠU 2020, L 426I, p. 1).
( 11 ) Din il-ġustifikazzjoni sħiħa tgħid kif ġej: “Huwa wieħed min-negozjanti ewlenin li joperaw fil-Belarus, b’interessi kummerċjali fil-kostruzzjoni, il-bini tal-magni, l-agrikoltura u setturi oħra. Huwa rrappurtat li huwa wieħed mill-persuni li bbenefikaw l-iktar mill-privatizzazzjoni matul il-mandat ta’ Lukashenko bħala President. Huwa wkoll membru tal-presidju tal-assoċjazzjoni pubblika favur Lukashenk[o] ‘Belaya Rus’ u membru tal-Kunsill għall-Iżvilupp tal-Intraprenditorija fir-Repubblika tal-Bjelorussja. Bħala tali qed jibbenefika minn u jappoġġja r-reġim ta’ Lukashenk[o]. F’Lulju 2020 huwa għamel kummenti pubbliċi li jikkundannaw il-protesti tal-oppożizzjoni fil-Bjelorussja, u b’hekk ikkontribwixxa għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika”.
( 12 ) Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE, ST/5664/18, tal‑4 ta’ Mejju 2018, “il-Linji Gwida tal-2018”
( 13 ) Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, L-Aħjar Prattiki tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi, ST/10572/22, tas-27 ta’ Ġunju 2022, id-dokument tal-Aħjar Prattiki tal-2022.
( 14 ) Enfasi miżjuda. Fin-noti ta’ qiegħ il-paġna għall-punt 55a tal-Linji Gwida tal‑2018 u għall-punt 63 tad-dokument tal-Aħjar Prattiki tal‑2022, iż-żewġ dokumenti jirreferu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar is-Sistema tat-Terroriżmu tal‑2001”), li l-Artikolu 1(5) tiegħu jipprovdi li “Proprjetà ta’ persuna, grupp jew entità legali’ tfisser li tkun fil-pussess ta’ 50 % jew iktar tad-drittijiet proprjetarji ta’ persuna, grupp jew entità legali, jew li jkollok interess maġġoritarju fihom”.
( 15 ) Enfasi miżjuda.
( 16 ) Kif turi l-ġurisprudenza, dawn it-tipi ta’ miżuri jkopru wkoll “[i]l-mexxejja ta’ […] pajjiż u wkoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom”; ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 166) u, f’dan is-sens, sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138, punt 61).
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill (C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 52) (li tispjega li “l-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġ min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim li kontrih tkun qed tittieħed azzjoni”). Ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 215(1) TFUE, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 166); tat‑13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138, punt 64); u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑330/15 P,, EU:C:2016:601, punt 46) (li kollha jitkellmu dwar il-ħtieġa ta’ “rabta suffiċjenti” bejn il-persuni kkonċernati u l-pajjiż terz immirat mill-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata) (li tispjega li l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE jirrikjedi “li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi”).
( 19 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 326) (li tispjega li “l-qrati Komunitarji għandhom, skont il-ġurisdizzjoni li huma għandhom bis-saħħa tat-Trattat KE, jiggarantixxu stħarriġ, bħala regola ġenerali komplet, tal-legalità tal-atti Komunitarji kollha fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju”, inkluż stħarriġ tal-miżuri meħuda mill-PESK).
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 88) (li tispjega li “[f]id-dawl tal-firxa wiesgħa tal-finijiet u tal-għanijiet tal-PESK, kif espressi fl-Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK, b’mod partikolari fl-Artikoli 23 u 24 TUE, il-Kunsill għandu prerogattiva wiesgħa fid-definizzjoni ta’ dan l-għan”).
( 21 ) Dak kien id-disinn adottat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE tat‑23 ta’ Ġunju 2008 li timplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 163, p. 29), li żiedet is-segwenti fl-anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad‑19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2008, L 335M, p. 969, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 423): “Bank Melli, Melli Bank Iran u kull fergħa u sussidjarja tiegħu, inklużi (a) Melli Bank plc (b) Bank Melli Iran Zao”. Madankollu, filwaqt li l-elenkar ta’ numru ta’ entitajiet taħt l-istess dikjarazzjoni tar-raġunijiet jista’ jissodisfa r-rekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif jargumentaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni b’riferiment għas-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill (T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punt 146), riferiment indeterminat għal karatteristika partikolari kondiviża minn numru ta’ entitajiet mhux nominati, bħal li tkun “sussidjarja” ta’ kumpannija elenkata, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.
( 22 ) Meta mistoqsi fis-seduta għaliex EM System ma kinitx elenkata hi stess, speċjalment wara li t-tieni azzjonist, li kien proprjetarju tal‑50 % tal-ishma rimanenti ta’ dik il-kumpannija, ġie elenkat fl‑2024, il-Kunsill wieġeb li r-Rappreżentant Għoli ma pproponiex tali elenkar (ara l-entrata 278 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3177 tas‑16 ta’ Diċembru 2024 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, ĠU L 2024/3177, rettifika fil-ĠU L 2025/90175).
( 23 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 8a tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja li jistabbilixxi l-proċedura speċifika li l-Kunsill għandu jsegwi f’każ li jixtieq jemenda l-Anness I ta’ dan ir-regolament. Il-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi speċifikament li “[f]ejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), hu għandu jemenda l-Anness I kif meħtieġ”. Il-paragrafu 2 tiegħu jiddikjara li “l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet”.
( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 284) (li tispjega li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti tal-Unjoni u li, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma jistgħux jiġu aċċettati miżuri inkompatibbli mar-rispett tagħhom). Ara wkoll l-Artikolu 215(3) TFUE, li jistabbilixxi li l-miżuri restrittivi imposti skont dik id-dispożizzjoni “għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar salvagwardji legali” u d-Dikjarazzjoni 25 dwar l-Artikolu 75 u l-Artikolu 215 [TFUE] (li tiddikjara li “r-rispett għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali jimplika, b’mod partikolari, li tingħata attenzjoni xierqa lill-protezzjoni u r-rispett tad-dritt ta’ persuni fiżiċi jew entitajiet konċernati li jgawdu mill-garanziji previsti mil-liġi. Għal dan il-għan u sabiex ikun garantit kontroll ġudizzjarju strett tad-deċiżjonijiet li jimponu miżuri restrittivi fuq persuna fiżika jew entità, tali deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ċari u definiti. Dawn il-kriterji għandhom ikunu adattati skond l-ispeċifiċità ta’ kull miżura restrittiva”).
( 25 ) Għandi nosserva wkoll li t-tifsira tal-kelma “kkontrollati” kif użata fl-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2012/642 u fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja jidher li hu differenti mit-tifsira tal-istess kelma użata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642. Filwaqt li tal-ewwel jistabbilixxi l-kriterji għall-Kunsill biex jiddetermina liema suġġetti jistgħu jiġu elenkati (jiġifieri l-ambitu personali tal-miżura), tal-aħħar jiddetermina li l-assi kkontrollati mill-entità elenkata għandhom jiġu ffriżati (jiġifieri l-ambitu sostantiv tal-miżura).
( 26 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 141) (li tispjega li peress li l-objettiv ta’ regolament tal-Kunsill adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE huwa l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jingħata effett lil deċiżjoni tal-Kunsill fil-qasam tal-PESK, il-kliem ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati, safejn possibbli, fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni).
( 27 ) Dik tidher li hija wkoll il-konklużjoni li laħaq il-Kunsill fil-punt 35 tad-dokument tal-Aħjar Prattiki tal‑2022: “[…] il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ entità mhux deżinjata li jkollha personalità ġuridika separata minn persuna jew entità deżinjata mhumiex koperti, għajr jekk ikunu kkontrollati jew miżmumin mill-persuna jew l-entità deżinjata”.
( 28 ) L-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja jiddefinixxi l-“fondi” bħala “assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, li jinkludu iżda mhux limitati għal: […] (c) titoli negozjati kemm pubblikament kif ukoll privatament”. Għalhekk huwa ċar li l-ishma jaqgħu fl-ambitu tal-iffriżar tal-assi impost mill-Artikolu 2(1) tiegħu.
( 29 ) F’dan ir-rigward, ta’ min jagħmel riferiment għall-Artikolu 288 TFUE, li jistabbilixxi li “[r]egolament għandu jkollu applikazzjoni ġenerali [u] [j]kun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha”.
( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Venezwela vs Il‑Kunsill (jekk Stat terz huwiex affettwat) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 90) (li tispjega li l-miżuri restrittivi fil-konfront tal-Venezwela “japplikaw mingħajr ma hija meħtieġa l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, la mill-Unjoni u lanqas mill-Istati Membri”).
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 70) (li tispjega li “l-kunċett ta’ ‘kumpannija miżmuma jew ikkontrollata’ ma għandux, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, l-istess portata bħal dik li għandu, b’mod ġenerali, fid-dritt tal-kumpanniji, fejn il-kwistjoni tkun li tiġi identifikata r-responsabbiltà kummerċjali ta’ kumpannija li legalment tkun taħt il-kontroll deċiżjonali ta’ entità kummerċjali oħra”).
( 32 ) Deċiżjoni 2012/642, il-premessi 6 u 7.
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 69) (li tieħu l-pożizzjoni li l-interpretazzjoni tal-kliem “miżmuma” jew “ikkontrollata” b’mod li tinkludi biss żamma jew kontroll dirett tippermetti li l-miżuri restrittivi jiġu “evitati b’numru kbir ta’ possibbiltajiet ta’ kontroll kuntrattwali jew fattwali”).
( 34 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2023, Shakutin vs Il‑Kunsill (T‑141/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:303, punt 153) (li taċċetta li l-Kunsill stabbilixxa li “l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi sostanzjali minn negozjanti fil-Bjelorussja huwa possibbli biss bl-approvazzjoni tar-reġim ta’ Lukashenko”). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Court of Appeal of England and Wales, (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales) tas‑27 ta’ Frar 2024 fil-kawża Dalston Projects Ltd et vs Secretary of State for Transport [2024] EWCA Civ 172, punt 122), li tirreferi għal dikjarazzjoni ta’ xhud li tispjega li “n-natura tal-ekonomija politika Russa hija essenzjalment waħda ta’ patrunaġġ”, jiġifieri “sistema fejn opportunitajiet u benefiċċji materjali, kuntratti tal-gvern, u pożizzjonijiet għolja fil-gvern u entitajiet affiljati mal-gvern, huma pprovduti mill-istat lil ċirku żgħir ta’ nies minn ġewwa, bi tpattija għal-lealtà u l-appoġġ tagħhom”).
( 35 ) Ara wkoll is-sentenza tal-Court of Appeal of England and Wales, (il-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales) tas‑27 ta’ Frar 2024 fil-kawża Dalston Projects Ltd et vs Secretary of State for Transport [2024] EWCA Civ 172, punt 183, fejn dik il-qorti qisitha bħala “konklużjoni ta’ sens komun” u “mhux punt li jiddependi fuq id-dettalji preċiżi tad-dritt tal-kumpanniji” li fejn żewġ imsieħba jew iktar fin-negozju, b’rabtiet ma’ reġim li jrid jiġi miġġieled permezz ta’ miżuri restrittivi, jkollhom ishma kollettivi f’kumpannija, ikun hemm riskju ta’ evitar ta’ ffriżar tal-assi.
( 36 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Bank Sepah (C‑340/20, EU:C:2021:903, punti 43 u 56) (li tinnota, fir-rigward tal-ambitu ta’ ffriżar tal-assi li “l-iffriżar ta’ fondi huwa intiż li jillimita kemm jista’ jkun l-operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fuq fondi ffriżati” u li “sabiex jintlaħqu dawn [l-għanijiet segwiti minn miżura restrittiva], mhux biss huwa leġittimu, iżda wkoll indispensabbli li d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ ‘ffriżar ta’ fondi’ u ta’ ‘ffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ jingħataw interpretazzjoni wiesgħa għaliex għandu jiġi prekluż kull użu tal-assi ffriżati li jippermetti li jiġu evitati r-regolamenti inkwistjoni u li jiġu sfruttati n-nuqqasijiet tas-sistema”).
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punti 70 u 71) (li tispjega li l-kunċett ta’ “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata” għandu jkopri s-sitwazzjoni fejn il-persuna fiżika jew ġuridika “tkun f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet kummerċjali ta’ persuna oħra li magħha jkollha relazzjonijiet kummerċjali, u dan anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta legali, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital, bejn dawn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi”).
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ir‑Repubblika Franċiża vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61) (li tispjega li, fil-każ ta’ ffriżar tal-assi, sabiex jiġi żgurat li l-effikaċja ta’ dik il-miżura ma tiġix kompromessa, tali miżura “għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat”).
( 39 ) Ara l-Linji Gwida tal‑2018, punt 55b u d-dokument tal-Aħjar Prattiki tal‑2022, punt 63. Dawn id-dispożizzjonijiet jiddistingwu rispettivament bejn id-dritt li wieħed jeżerċita tali influwenza u l-poter li jagħmel dan anki mingħajr ma jkun id-detentur ta’ tali dritt.
( 40 ) F’dan il-punt ikun utli li jiġi osservat li, skont il-fajl nazzjonali, ftit wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament tal‑2020 dwar l-Elenkar, sar tentattiv biex tiġi ttrasferita somma sostanzjali ta’ flus mill-kontijiet ta’ EM System għall-kont bankarju personali tad-direttur tagħha. Dan it-trasferiment ġie mblukkat minn wieħed mill-banek konvenuti.
( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill (C‑600/16 P, EU:C:2018:966, punt 33) (li tirrikonoxxi li l-interess li persuna tirrestawra r-reputazzjoni tagħha japplika wkoll għall-kumpanniji milquta minn miżuri restrittivi).
( 42 ) Ara l-punt 55c tal-Linji Gwida tal‑2018 u l-punt 65 tad-dokument tal-Aħjar Prattiki tal‑2022, fejn il-Kunsill jispjega li jikkunsidra l-kriterji ta’ proprjetà jew ta’ kontroll bħala konfutabbli. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 74) (li tenfasizza r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, “għalkemm l-eżistenza ta’ rabta legali, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital ta’ kumpannija tista’, f’ċerti każijiet, tiġi riflessa fil-possibbiltà li jiġu influwenzati l-għażliet tal-entità miżmuma jew ikkontrollata, din l-eżistenza ma hijiex kundizzjoni sine qua non għall-eżerċizzju ta’ tali influwenza”).
( 43 ) Ara l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja.
( 44 ) Kif spjega l-Gvern Litwan, issa teżisti l-possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ “kontroll” quddiem korp tal-Istat inkarigat bit-tfassil tal-lista ta’ entitajiet li l-assi tagħhom huma kkontrollati minn persuna elenkata. Kontestazzjoni bla suċċess għal din l-“implimentazzjoni” mbagħad tiftaħ il-possibbiltà għal rimedju ġudizzjarju quddiem il-qrati amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru.
( 45 ) Barra minn hekk, kif jenfasizza d-digriet tar-rinviju tal-qorti tar-rinviju, jidher li hemm sistema fis-seħħ fil-Litwanja li permezz tagħha huwa possibbli li jintalab ir-rilaxx ta’ assi ffriżati fejn persuna elenkata ma tibqax iżżomm jew tikkontrolla l-assi inkwistjoni, jew fejn tapplika waħda mid-derogi previsti fid-dritt tal-Unjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar Sanzjonijiet kontra l-Bjelorussja.
( 46 ) Kif ser nispjega fit-Taqsima D, ma nqisx li dan huwa possibbli.
( 47 ) Kif ġustament irrimarka il-Gvern Litwan, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, huwa irrilevanti jekk il-persuna elenkata li hija proprjetarja ta’ 50 % tal-ishma, effettivament eżerċitatx kontroll dominanti fil-passat jew interferietx mat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ kuljum fir-rigward tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-entità mhux elenkata. Dak li jimporta huwa li tali possibbiltà teżisti bis-saħħa tal-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ dik il-persuna f’dik il-kumpannija. Ara wkoll, bl-istess mod, is-sentenza fil-kawża tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il‑Kunsill (T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punt 125) u s-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2014, Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il‑Kunsill (T‑174/12 u T‑80/13, EU:T:2014:52, punt 110) (it-tnejn li huma jiċħdu l-argument li l-assenza ta’ interferenza minn azzjonist dominanti fil-passat hija deċiżiva għall-azzjonijiet futuri ta’ din il-persuna f’kuntest ta’ miżuri restrittivi).
( 48 ) Pereżempju, irrispettivament minn jekk il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha humiex iffriżati minħabba s-sehem ta’ A.V.S. f’EM System, din il-kumpannija hija impedita milli tħallsu dividendi fuq l-ishma tiegħu.