Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Fl-isfond tat-tibdil demografiku fl-Ewropa u l-pressjoni li qed tirriżulta fuq l-iskemi statali tal-pensjonijiet, il-ħolqien ta’ pensjoni privata addizzjonali ta’ rtirar qiegħed jassumi importanza dejjem ikbar għaċ-ċittadini tal-Unjoni.
2. Rwol li ma jistax jiġi ttraskurat f’dan il-qasam huwa dak li għandhom l-iskemi professjonali ta’ rtirar. Madankollu, l-akkwist ta’ drittijiet għall-pensjoni addizzjonali skont l-iskemi professjonali normalment jirrikjedi li r-relazzjoni tax-xogħol tkun damet perijodu minimu jew illi għal perijodu minimu kontribuzzjonijiet f’isem il-ħaddiem ikunu tqiegħdu f’fond ta’ irtirar addizzjonali. Ikun biss meta jiġu kompluti tali perijodi minimi illi jiġi żġurat illi d-dritt għall-pensjoni ma “jintilifx” kollu jew parti minnu mill-mument li joħroġ mill-iskema professjonali ta’ rtirar jew, sempliċiment meta jtemm il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu. Sabiex jiġu indikati tali perijodi minimi ta’ żmien qed jintuża t-terminu perijodi ta’ kwalifikazzjoni .
3. Fil-każ preżenti l-interess jiffoka fuq l-imsemmija perijodi ta’ kwalifikazzjoni. M. Casteels, ħaddiem ta’ nazzjonalità Belġjana, ħadem għal bosta snin bla waqfien mal-istess kumpannija, il-linja tal-ajru British Airways. Madankollu, huwa ħadem f’diversi stabbilimenti ta’ British Airways f’Stati Membri differenti. Dan iddetermina l-affiljazzjoni konsekuttiva tiegħu ma’ diversi skemi professjonali ta’ rtirar. British Airways issa qiegħda tirrifjuta li tagħti lil M. Casteels il-pensjoni professjonali addizzjonali għall-perijodu ta’ ftit inqas minn tliet snin li matulhom huwa ħadem fil-Ġermanja u dan minħabba li ma baqax affiljat għall-perijodu minimu preskritt mill-iskema professjonali ta’ rtirar eżistenti fl-istabbilimenti Ġermaniżi ta’ British Airways u wkoll għax kien huwa stess li minn jeddu mexa għal stabbiliment ieħor ta’ British Airways.
4. Fil-każ preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tivverifika jekk l-imsemmija imġiba hijiex konformi mal-ligi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
5. Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tal-Unjoni, il-kuntest leġiżlattiv tal-kawża preżenti huwa kostitwit mid-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema (2) .
6. L-Artikolu 45 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 39 KE), għal dak li huwa rilevanti hawn, jiddisponi kif ġej:
“(1) Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.
(2) Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol
[…].
7. L-Artikolu 48 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 42 KE) jipprovdi li:
“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura legislattiva ordinarja għandhom jadottaw dawk il-miżuri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema; għal dan il-għan, għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw il-ħaddiema migranti impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom:
a) l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċju u fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-benefiċċju, tal-perjodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti;
b) il-pagament tal-benefiċċju lil persuni residenti fit-territorji ta’ l-Istati Membri.”
B – Id-dritt nazzjonali
8. Il-kuntest ġuridiku nazzjonali Ġermaniż fis-seħħ matul il-perijodu tal-fatti inkwistjoni kien jikkonsisti, minn naħa, mil-ligi għat-titjib tal-pensjoni professjonali ta’ rtirar (Gesetz zur Verbesserung der betrieblichen Altersversorgung; iktar ’il quddiem il-“BetrAVG”) (3) u, min-naħa l-oħra, minn ftehim kollettiv.
1. Il-ligi dwar it-titjib tal-pensjoni professjonali ta’ rtirar
9. Fil-verżjoni rilevanti għall-kawża preżenti (4) l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiddisponi kif ġej:
“Ħaddiem li ngħata assigurazzjoni tal-għoti ta’ pensjoni ta’ rtirar, ta’ invalidità jew tas-superstiti abbażi tar-relazzjoni tax-xogħol (skema ta’ rtirar ta’ impriża), jibqa’ jkollu dritt għall-pensjoni fil-każ fejn ir-relazzjoni tax-xogħol tiegħu tintemm qabel ma jkun hemm lok għad-dritt tiegħu jekk, sa dak iż-żmien, il-ħaddiem ikun laħaq l-età ta’ 35 sena u li
– jew l-assigurazzjoni tal-għoti tal-benefiċċji tkun eżistiet fir-rigward tiegħu minn tal-inqas għal 10 snin,
– jew il-bidu tal-impjieg tiegħu mal-impriża jmur lura għal minn tal-inqas 12‑il sena u l-assigurazzjoni tal-għoti tal-benefiċċji tkun eżistiet minn tal-inqas għal tliet snin […]” (5) .
10. L-Artikolu 17(3) tal-BetrAVG dak iż-żmien kien jiddisponi kif gej:
“Il-ftehim kollettivi jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 2 sa 5, 16, 27 u 28. Id-dispożizzjonijiet derogatorji għandhom japplikaw bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiema li ma humiex marbuta bi ftehim kollettiv, fil-każ fejn dawn jaqblu li fir-rigward tagħhom għandhom japplikaw id-dispozizzjonijiet rilevanti tal-ftehim. Fir-rigward tal-kumplament, ma għandu jkun hemm ebda deroga oħra mid-dispożizzjonijiet tal-liġi preżenti għad-detriment tal-ħaddiem.”
2. Il-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-Pensjonijiet
11. “Il-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-Pensjonijiet għall-Membri tal-Ekwipaġġ tal-Kabina u tal-Art ta’ British Airways plc fil-Ġermanja” (6) kien japplika għar-relazzjoni tal-impjieg ta’ M. Casteels matul il-perijodu li matuli kien jaħdem fil-Germanja. Dan il-ftehim kollettiv ġie konkluż fit-13 ta Lulju 1989 bejn l-amministrazzjoni ta’ British Airways fil-Germanja u s-sindakat “Öffentliche Dienste, Transport und Verkehr” (ÖTV) – (sindakat għas-servizzi pubbliċi, it-transport u t-traffiku), u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988. Il-ftehim kien jistipula d-dettalji tal-pensjoni addizzjonali tal-impriża għall-ħaddiema ta’ British Airways fil-Germanja. L-Artikolu 7 ta’ dan il-ftehim kollettiv kien jiddisponi li:-
“(1) Ħaddiema li bdew jaħdmu mal-British Airways wara l-31 ta’ Diċembru 1977, għandhom jibqgħu intitolati għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet tagħhom stess, mingħajr interessi, jekk jieqfu jaħdmu mal-impriża qabel jiddekorru l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni obbligatorji.
(2) Il-ħaddiema li bdew jaħdmu ma’ British Airways qabel l-1 ta’ Jannar 1978 huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:
a) Il-ħaddiema li jkunu kisbu drittijiet b’mod definittiv jistgħu, f’każ li jirtiraw mill-impriża qabel jilħqu l-età tal-pensjoni, jeżiġu r-rimbors tal-valur tal-benefiċċji tal-pensjoni li huma intitolati għalih abbażi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom […];
b) Il-ħaddiema li jieqfu jaħdmu minn jeddhom stess qabel l-iskadenza ta’ ħames snin servizz mal-British Airways, għandhom dritt għall-benefiċċji li jkunu ggarantiti mill-kontribuzzjonijiet imħallsa minnhom stess.
Il-ħaddiema li minn jeddhom jew għal kwalunkwe raġuni oħra jtemmu r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom minn mal-British Airways wara l-iskadenza ta’ ħames snin servizz iżda qabel twettqu l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni obbligatorji, għandhom ukoll dritt għall-benefiċċji ta’ pensjoni li jkunu ggarantiti sa dik id-data skont il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn British Airways […].
[...]”
III – Il-fatti u l-proċedura tal-kawża prinċipali
12. M. Casteels ħadem mingħajr waqfien mill-1 ta’ Lulju 1974 mal-kumpannija tal-ajru British Airways plc, kumpannija Ingliża li għandha bosta stabbilimenti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Matul il-ħajja professjonali tiegħu, M. Casteels ħadem fi Stati Membri varji fl-istabbilimenti ta’ British Airways, u partikolarment fil-Belġju, Franza u l-Ġermanja.
13. Skont kuntratt li sar fl-10 ta’ Marzu 1988 bejn M. Casteels u British Airways, l-iskema professjonali ta’ rtirar applikabbli għall-impjieg tiegħu kellha tkun dejjem dik l-iskema fis-seħħ fil-pajjiż fejn kien ikun qiegħed jaħdem. Kull darba li M. Casteels kien jiġi ttrasferit minn stabbiliment għal ieħor tal-kumpannija, kienu jsiru l-aġġustamenti kuntrattwali korrispondenti. L-għan kien li jissuġġetta r-relazzjoni tax-xogħol tiegħu għad-diversi skemi professjonali nazzjonali ta’ rtirar. L-intenzjoni kienet ukoll li jiġi evitat li M. Casteels jiġi affiljat kontemporanjament ma’ diversi skemi professjonali ta’ rtirar ta’ British Airways.
14. Il-kuntratt tal-10 ta’ Marzu 1988 jispeċifika wkoll li d-data tal-bidu tal-impjieg ta’ M. Casteels mal-British Airways għandha titqies għall-effetti kollha bħala l-1 ta’ Lulju 1974 (7) .
15. Mill-15 ta’ Novembru 1988 sal-1 ta’ Ottubru 1991 (8), M. Casteels ħadem fil-Ġermanja bħala mekkanik għall-manutenzjoni tal-ajruplani fl-istabbiliment ta’ British Airways f`Düsseldorf. Meta ġie ttrasferit fil-Ġermanja fid-19 ta’ Ottubru 1988 il-partijiet qablu li M. Casteels kellu jitqies f’dak li kellu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tiegħu tax-xogħol daqs li kieku kien ħaddiem Ġermaniż li kien ħadem mill-1 ta’ Lulju 1974 fl-istabbiliment Ġermaniż ta’ British Airways ħlief l-affiljazzjoni tiegħu mal-iskema professjonali ta’ rtirar li kienet fis-seħħ fil-Ġermanja għall-ħaddiema ta’ British Airways abbażi tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet. M. Casteels kellu jiġi inkluż f’tali skema biss mill-bidu effettiv tal-impjieg tiegħu fil-Ġermanja fil-15 ta’ Novembru 1988 (9) .
16. M. Casteels wara li aċċetta l-proposta ta’ British Airways biex imur jaħdem fl-istabbiliment tagħha f’Pariġi (l-ajruport Charles de Gaulle), fl-1 ta’ Ottubru 1991 ġie trasferit mill-Ġermanja għal Franza fejn ġie suġġett għall-iskema professjonali ta’ rtirar fis-seħħ għall-ħaddiema ta’ British Airways fi Franza. Mill-1 ta’ April 1996 ’il quddiem, M. Casteels ma reġax ġie ttrasferit u reġa’ ħadem għall-British Airways fil-Belġju fejn ġie affiljat mill-ġdid mal-iskema professjonali ta’ rtirar fil-Belġju.
17. Ma hemm l-ebda dubju li M. Casteels għandu dritt għall-pensjoni professjonali addizzjonali għall-perijodu ta’ wara r-ritorn definittiv tiegħu fil-Belġju fl-1 ta’ April 1996. Li kien kontroversjali u li kien is-suġġett tal-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti tax-Xogħol fil-Belġju – kien inizjalment it-trattament tal-perijodu preċedenti kollu inkluż il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 1974 u l-31 ta Marzu 1996. Madankollu, il-proċeduri ewlenin issa jikkonċernaw biss jekk M. Casteels huwiex intitolat għal pensjoni professjonali addizzjonali abbażi tal-attività tiegħu fil-Ġermanja. British Airways ċaħdet lil M. Casteels din il-pensjoni addizzjonali għaliex huwa minn jeddu telaq l-istabbiliment ta’ Düsseldorf qabel ma ddekorrew il-perijodi ta’ kwalifikazzjoni.
18. Bħalissa l-proċedura ewlenija hija pendenti fit-tieni istanza quddiem l-Arbeidshof te Brussel (10), jiġifieri l-Qorti tal-Appell għall-kawżi relatati max-xogħol.
IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19. Permezz tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2009 li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2009, l-Arbeidshof te Brussel (iktar ’il quddiem msejħa wkoll il-“qorti tar-rinviju”) issospendiet il-proċeduri u ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fin-nuqqas ta’ azzjoni mill-K unsill, l-Artikolu 42 KE jista’ jiġi invokat minn individwu kontra l-persuna li tħaddmu fis-settur privat fil-kuntest ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali?
2) L-Artikolu 39 KE, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 98/49/KE u l-Artikolu 42, meħudin individwalment jew flimkien, jipprekludu dan li ġej:
fil-każ ta’ ħaddiem li, minbarra fil-każ ta’ kollokament, ikun impjegat suċċessivament mill-istess persuna ġuridika/fiżika f’postijiet tan-negozju differenti li l-imsemmija persuna li tħaddem għandha fi Stati Membri differenti u jkun suġġett, kull darba, għal skemi ta’ pensjoni addizzjonali li jkunu fis-seħħ fl-imsemmija postijiet ta’ negozju, u
– sabiex jiġi stabbilit il-perijodu li, malli jiġi komplut, jagħti lok għal kisba ta’ drittijiet definittivi għal benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali (ibbażati fuq il-kontribuzzjonijiet minn dak li jħaddem u mill-ħaddiem) fi Stat Membru partikolari, la jittieħdu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz li l-ħaddiem diġà wettaq mal-istess persuna li tħaddmu fi Stat Membru ieħor, u lanqas l-affiljazzjoni tal-ħaddiem ma’ skema ta’ pensjoni addizzjonali f’dan l-Istat Membru,
– it-trasferiment ta’ ħaddiem, bil-kunsens tiegħu, għal post ta’ negozju tal-istess persuna li tħaddmu fi Stat Membru ieħor jitqies l-istess bħall-każ, previst mid-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ pensjoni, tal-irtirar volontarju tal-ħaddiem mill-post ta’ negozju, u li f’tali każ id-drittijiet għal pensjoni addizzjonali jkunu limitati għall-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiem stess,
u li din is-sitwazzjoni jkollha bħala konsegwenza sfavorevoli li l-ħaddiem jitlef id-drittijiet għall-benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali li huwa kien kiseb fir-rigward tal-impjieg tiegħu f’dan l-Istat Membru, u li dan ma kienx ikun il-każ kieku kien ħadem mal-persuna li tħaddmu fi Stat Membru wieħed u kien baqa’ affiljat mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali ta’ dak l-Istat Membru?
20. Fil-proceduri quddiem il-Qorti, barra minn M. Casteels u British Airways, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Greċja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea pprezentaw l-osservazzjonijiet taghhom bil-miktub. Fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2010 intervjenew British Airways, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.”
V – Evalwazzjoni
21. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-iskemi professjonali ta’ rtirar mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ugwaljanza remunerattiva bejn irġiel u nisa (11) ; reċentement, il-pensjonijiet professjonali ta’ rtirar kienu rilevanti wkoll fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema abbażi tal-orjentament sesswali tagħhom (12) . Għal kuntrarju, madankollu, f’dawn il-proċeduri jeħtieġ li jkunu determinati jekk il-perijodi ta’ kwalifikazzjoni għall-akkwist ta’ pensjoni professjonali addizzjonali, bħal dik li British Airways għandha l-għan li ċċaħħad lil M. Casteels, jiksrux il-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
22. Għalkemm fir-rigward tal-iskemi legali tal-assigurazzjoni tal-pensjonijiet ilhom jeżistu għal diversi snin dispożizzjonijiet tal-liġi sekondarja li jissalvagwardaw il-moviment liberu tal-ħaddiema (13), dispożizzjoni korrispondenti fil-qasam tal-pensjonijiet professjonali addizzjonali hija nieqsa (14) . Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’okkażjoni preċedenti, applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fis-seħħ għal skemi legali tal-assigurazzjoni tal-pensjonijiet (15) ma hijiex possibbli.
23. Permezz tad-Direttiva 98/49/KE (16) tfasslu l-ewwel passi għall-ħarsien tad-drittijiet tal-pensjonijiet addizzjonali tal-ħaddiema migranti. Madankollu, sa issa għadha ma ntlaħqitx trasferibbiltà awtentika jiġifieri, il-possibbiltà sħiħa għall-ħaddiema migranti li jakkwistaw u jikkonservaw id-drittijiet tal-pensjoni professjonali addizzjonali (17) . Barra minn hekk, id-Direttiva 98/49 ma tistax tkun applikata ratione temporis għall-fatti tal-kawża inkwistjoni, minħabba li din kellha tkun trasposta fid-diritt nazzjonali sal-25 ta’ Lujlu 2001 (18), jiġifieri ħafna wara l-perijodu li matulu M. Casteels kien jaħdem fl-istabbiliment Ġermaniż tal-British Airways f’Düsseldorf.
24. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-Arbeidshof te Brussel, tista’ tingħata biss permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.
25. L-Artikoli 39 KE u 42 KE li tirreferi naturalment għalihom il-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, kienu madankollu riformulati u bid-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009 tat-Trattat ta’ Lisbona saru l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE rispettivament. Abbażi tal-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li dispożizzjoni ġdida għandha tapplika wkoll għall-effetti preżenti u futuri ta’ sitwazzjonijiet eżistenti (19), sabiex il-kawża inkwistjoni tingħata risposta, għandu jsir riferiment biss għall-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE. Fil-fatt, hawnhekk, mhux qed tkun trattata l-evalwazzjoni leġittima ta’ deċiżjoni (amministrativa) abbażi ta’ dispożizzjoni li kienet fis-seħħ fil-perijodu tal-adozzjoni tagħha (20), iżda li jkunu evalwati ċ-ċansijiet attwali ta’ suċċess tad-dritt invokat minn ħaddiem (21) .
26. Il-fatt li fil-każ preżenti qed tiġi diskussa quddiem qorti Belġjana l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni fis-seħħ fil-Ġermanja, ma jipprekludi bl-ebda mod l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (22) .
A – Fuq l-ewwel domanda preliminari
27. Permezz tal-ewwel domanda preliminari, l-Arbeidshof te Brussel essenzjalment tixtieq tkun taf jekk persuna privata tistax tapplika fil-konfront tal-persuna li timpjegaha l-Artikolu 42 KE (li issa sar l-Artikolu 48 TFUE). Din id-domanda għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-fatt li, kif ġie espost iktar il fuq (23) għal perijodu rilevanti għalina hawnhekk, bejn l-1988 u l-1991, ma kinux jeżistu dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju għall-koordinament tal-pensjonijiet professjonali addizzjonali fil-livell tal-Unjoni Ewropea.
28. Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha effett dirett jekk tkun ċara u mingħajr kundizzjonijiet u ma tkun suġġetta għall-ebda provvediment ieħor ta’ eżekuzzjoni ta’ natura diskrezzjonali (24) . Għalhekk, fi kliem sempliċi, dispożizzjoni għandha tkun mingħajr kundizzjonijiet u preċiża biżżejjed fil-kontenut sabiex il-persuni individwali jkunu jistgħu japplikawha.
29. L-Artikolu 48 TFUE ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Id-dispożizzjoni tipprovdi bażi leġiżlattiva għal-leġiżlatur tal-Unjoni għall-adozzjoni, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, tal-miżuri neċessarji għall-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Din ma hijiex la mingħajr kundizzjoni fil-kontenut u lanqas preċiża biżżejjed.
30. L-Artikolu 48 TFUE huwa nieqes minn kontenut mingħajr kundizzjoni għaliex għall-implementazzjoni tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni hemm bżonn l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi setgħa diskrezzjonali wiesa’ fir-rigward tal-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu adottati (25) .
31. L-Artikolu 48 TFUE huwa nieqes minn kontenut preċiż għaliex f’din id-dispożizzjoni għall-qasam estremament kumpless tas-sigurtà soċjali, huma preskritti biss għanijiet ġenerali dwar, min-naħa, l-aggregazzjoni tal-perijodi assigurattivi [Artikolu 48(1)(a) TFUE], u min-naħa oħra, l-esportabbiltà tal-benefiċċji [Artikolu 48(1)(b) TFUE]. Madankollu, mhux possibbli li jkun konkluż direttament mill-Artikolu 48 TFUE, kif bl-istess mod id-dispożizzjoni ma tipprovdix indikazzjonijiet għal liema benefiċċji tal-assigurazzjoni u liema kundizzjonijiet għandha tkun stabbilita l-esportabbiltà. Madankollu għalkemm l-Artiklolu 48 TFUE jagħti lill-Kunsill mandat leġiżlattiv sabiex jistabbilixxi skema fuq il-livell tal-Unjoni (26), dan l-Artikolu ma jipprovdix biżżejjed speċifikazzjonijiet kif għandha tkun standardizzata din l-iskema.
32. Għalhekk, l-ewwel domanda preliminari tal-Arbeidshof te Brussel, għandha tingħata risposta f’sens negattiv.
B – Fuq it-tieni domanda preliminari
33. Permezz tat-tieni domanda preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment tixtieq tkun taf jekk il-moviment liberu tal-ħaddiema jimponix, għall-evalwazzjoni tal-perijodu ta’ kwalifikazzjoni għall-benefiċċji tal-pensjoni professjonali addizzjonali, li jkun ikkunsidrat iż-żmien kollu tal-impjieg li ħaddiem ikun ħadem mal-istess persuna fl-istabbilimenti tal-istess persuna fi Stati Membri differenti. Il-qorti tar-rinviju qed titlob, barra minn hekk, li jkun iċċarat jekk il-moviment liberu tal-ħaddiema jipprojbixxix li t-trasferiment ta’ dan il-ħaddiem minn stabbiliment għal ieħor jista’ jitqies, għall-finijiet tal-akkwist tal-imsemmija perijodi ta’ kwalifikazzjoni, bħala tluq volontarju mill-istabbiliment ikkunsidrat, anki jekk dan il-ħaddiem ikunu ta l-kunsens għal dan it-trasferiment.
34. Iż-żewġ aspetti ta’ din id-domanda tressqu kemm fir-rigward tal-Artikolu 39 KE, kif ukoll tal-Artikolu 42 KE (li saru l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 48(1) TFUE). Madankollu, dawn għandhom jitqiesu biss fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE (27), minħabba li l-Artikolu 48 TFUE ma għandux test preċiż biżżejjed (28), biex ikun jista’ jintuża bħala parametru għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
1. Kunsiderazzjonijiet preliminari
35. Il-Gvern Ġermaniż iqis li l-leġiżlazzjoni li fiż-żmien tal-każ kienet tirregola l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni fil-Ġermanja, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-BertAVG, ma setgħatx tmur kontra d-dritt tal-Unjoni għas-sempliċi fatt li tistabbilixxi biss dispożizzjonijiet minimi. Min iħaddem u l-ħaddiema huma liberi li jaqblu fuq kundizzjonijiet iktar favorevoli fil-kuntest tal-libertà kuntrattwali tagħhom, u b’mod partikolari li jistabbilixxu perijodi ta’ kwalifikazzjoni iqsar (ara wkoll l-Artikolu 17(3) tal-BetrAVG).
36. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti minimi stabbiliti mil-liġi dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema jistgħu jiġu evalwati skont id-dritt tal-Unjoni u għandhom ikunu kompatibbli miegħu (29), peress li huma dejjem espressjoni tal-mudell żviluppat mil-leġiżlatur għar-regolamentazzjoni tal-qasam inkwistjoni. Kuntest ġuridiku vinkolanti li japplika meta l-persuna li timpjega u l-ħaddiem ma jaqblux fuq xi derogi, għandu per se jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-leġiżlatur nazzjonali ma jistax iħalli lill-partijiet kontraenti l-obbligu li joħolqu sitwazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.
37. Fil-każ inkwistjoni, ma huwiex ta’ ħtieġa li nidħol fid-dettal ta’ din il-problema. Kif fil-fatt irriżulta kemm mill-fażi bil-miktub kif ukoll fil-fażi orali tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-pensjoni ta’ M. Casteels għall-perijodu li huwa ħadem huwa prekluż mhux mill-perijodi ta’ kwalifikazzjoni obbligatorji applikabbli fil-Ġermanja f’dak il-perijodu, iżda mill-Artikolu 7 tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet.
38. Fl-aħħar minn l-aħħar, huwa proprju dan il-ftehim kollettiv li l-qorti tar-rinviju qed tpoġġi fiċ-ċentru tal-kunsiderazzjonijiet tagħha meta fit-tieni domanda preliminari tirreferi għad-“[determinazzjoni] tal-perijodu li, malli jiġi komplut, jagħti lok għal kisba ta’ drittijiet definittivi għal benefiċċji ta’ pensjoni addizzjonali” u f’dan ir-rigward tirreferi u tenfasizza b’mod partikolari, “s-snin ta’ servizz li l-ħaddiem diġà wettaq mal-istess persuna li tħaddmu fi Stat Membru ieħor,” u s-“sitwazzjoni, kif stabbilita fir-regoli dwar il-pensjonijiet, ta’ ħaddiem li b’mod volontarju jitlaq mill-post ta’ negozju”.
2. Il-moviment liberu tal-ħaddiema
39. L-Artikolu 45 TFUE ma japplikax biss għall-miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi iżda wkoll għal dispożizzjonijiet oħra ta’ natura oħra li għandhom l-għan li jirregolaw ix-xogħol, u speċjalment il-ftehim kollettiv (30) . Dispożizzjonijiet li jirregolaw ftehim kollettivi fil-qasam tal-pensjonijiet professjonali addizzjonali, bħal dawk ikkontestati f’dan il-każ, jistgħu jiġu evalwati abbażi tal-parametru tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
a) Restrizzjonijiet fil-moviment liberu
i) Kunsiderazzjonijiet ġenerali
40. Kemm id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali msemmija fih (31) għandhom jiġu applikati mingħajr distinzjoni għal kull ħaddiem li jaħdem fil-Ġermanja fil-post ta’ negozju ta’ British Airways. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlux distinzjoni bbażata direttament fuq in-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati, u ma hemmx elementi li jindikaw li, min-natura tagħhom, dawn jaffettwaw lill-ħaddiema barranin iktar milli lill-ħaddiema nazzjonali u li għalhekk jistgħu jirriżultaw f’diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità (32) .
41. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 45 TFUE mhux biss jipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni, diretta jew indiretta abbażi tan-nazzjonalità, iżda wkoll ir-regoli nazzjonali li, minkejja li japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati, jikkostitwixxu xkiel (jew “limitazzjoni”) għall-moviment liberu tagħhom (33) . Fil-fatt, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew trendi inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (34) .
42. B’mod ġenerali, id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-moviment liberu tal-persuni, huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (35) .
43. Dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet, irendu inqas attraenti għall-ħaddiema, il-perspettiva li jħallu l-istabbiliment tagħhom sabiex imorru jaħdmu fi stabbiliment ieħor li jkun affiljat ma’ skema professjonali ta’ rtirar jew li ma jkun affiljat mal-ebda skema. Fil-fatt, jekk it-tluq mill-istabbiliment u d-diżaffiljazzjoni konsekuttiva mill-iskema professjonali tal-irtirar iwassluhom biex jitilfu d-drittijiet tal-pensjoni, il-ħaddiema kkonċernati jġarrbu telf finanzjarju sinjifikattiv f’termini tal-pensjoni professjonali ta’ rtirar privata tagħhom. B’hekk, pereżempju, M. Casteels qed jiġi mċaħħad mid-dritt għall-pensjoni professjonali għall-perijodu tas-servizz tiegħu fl-istabbiliment Ġermaniż ta’ British Airways f’Düsseldorf, u ma huwiex se jibbenefika mill-kontribuzzjonijiet li min kien iħaddmu ħallas lill-iskema tal-pensjoni professjonali.
44. Ċertament dawn ir-regoli u t-telf assoċjat magħhom ma għandhomx jiġu evalwati abbażi tal-Artikolu 45 TFUE, jekk jostakolawx jew ma jinkoraġġixxux it-trasferiment bejn l-istabbilimenti fl-istess Stat Membru . Id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu ma japplikawx, fil-fatt, għal sitwazzjonijiet li huma sempliċiment interni (36) . Dawn id-dispożizzjonijiet, iżda, jikkostitwixxu ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, meta huma – bħal fil-każ inkwistjoni – jista’ jkollhom effetti negattivi fuq it-trasferiment transkonfinali fi stabbilimenti li jinsabu fi Stati Membri oħrajn. Fil-fatt, dispożizzjonijiet li jistgħu jiddiswadu liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jitilqu minn Stat Membru biex jagħmlu xogħol fi Stat Membru ieħor, jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema (37) .
45. Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti biss li kieku l-effetti tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv li huma kkontestati kienu wisq inċerti u indiretti biex ikunu kapaċi jikkostitwixxu limitazzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema (38) . Fil-każ inkwistjoni ma hemm ebda evidenza f’dan is-sens. Ħaddiem fis-sitwazzjoni ta’ M. Casteels, li wara tliet snin ta’ servizz jista’ jiddependi biss fuq il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tiegħu stess (39), mingħajr ma jibbenefika mill-ammonti mħallsa minn min iħaddmu, iġarrab telf finanzjarju kunsiderevoli fil-konfront tal-kollegi tiegħu li jibqgħu jaħdmu fl-istess post. Barra minn hekk, ma nżammx id-dritt tiegħu għal pensjoni professjonali addizzjonali għall-perijodi ta’ servizz ikkonċernat (40), li għalhekk irriżulta f’telf sostanzjali f’termini tal-pensjoni privata ta’ rtirar tiegħu. Dan it-telf ekonomiku, flimkien mat-telf f’termini ta’ pensjoni privata addizzjonali ta’ rtirar, huma biżżejjed biex jiddiswadu ħaddiem milli jittrasferixxi ruħu f’stabbiliment ieħor barra l-pajjiż.
ii) Fuq l-argumenti mressqa minn British Airways
46. L-oġġezzjonijiet imressqa minn British Airways ma jaffettwawx il-fatt li hemm restrizzjoni fil-moviment liberu tal-ħaddiema. Għal kompletezza, se neżaminhom fil-qosor.
– Paragun ma’ bidla purament interna tal-istabbiliment
47. L-ewwel nett, skont British Airways ma hemmx restrizzjoni, peress illi M. Casteels xorta kien ser jitlef id-drittijiet għall-pensjoni li kieku ttrasferixxa ruħu fi stabbiliment ieħor li jinsab fl-istess Stat Membru. Il-Gvern Grieg huwa tal-istess opinjoni.
48. Dan l-argument mhux rilevanti.
49. Minn naħa, il-kunċett tal-limitazzjoni tal-moviment liberu mhux neċessarjament jassumi li s-sitwazzjonijiet transkonfinali huma s-suġġett ta’ trattament differenti jew inqas favorevoli meta mqabbel mas-sitwazzjonijiet purament nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi tenniet l-eżistenza ta’ limitazzjonijiet anki fil-każijiet meta l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika bl-istess mod kemm għas-sitwazzjonijiet interni kif ukoll għal dawk transkonfinali (41) .
50. Min-naħa l-oħra, ħarsa lejn il-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet turi li fil-każ inkwistjoni, kuntrarjament għal dak sottomess minn British Airways, il-mobbiltà internazzjonali kienet effettivament trattata b’mod inqas favorevoli fil-fatti milli l-mobbiltà purament nazzjonali. Kif jirriżulta mill-atti, il-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet jinkludi, fuq livell ġeografiku, it-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minħabba li kien japplika għall-persunal fuq l-art ta’ British Airways “fil-Ġermanja” (42) .
51. B’hekk, jekk meta fl-1991 M. Casteels telaq minn Düsseldorf u mar f’post ieħor fil-Ġermanja fi stabbiliment ieħor ta’ British Airways, dan it-trasferiment, abbażi tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet, ma kien ikollu ebda effett fuq id-drittijiet għall-pensjoni tiegħu. Għall-kuntrarju, it-trasferiment internazzjonali tiegħu fi stabbiliment Franċiż ta’ British Airways, wassal għat-telf tad-drittijiet tal-pensjoni abbażi tal-imsemmi Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet – dejjem skont l-interpretazzjoni ta’ British Airways.
– L-ostakoli fl-aċċess għas-suq tax-xogħol fi Stati Membri oħra
52. It-tieni nett, British Airways issostni li l-moviment liberu ta’ M. Casteels ma kienx limitata, minħabba li r-regoli tal-ftehim kollettiv fil-fatt bl-ebda mod ma waqqfu lil M. Casteels milli jitrasferixxi minn stabbiliment għall-ieħor tal-kumpanija tal-ajru, minn Stat Membru għal ieħor. Il-fatti juru li matul is-snin, M. Casteels ħadem fi stabbilimenti differenti ta’ British Airways fi Stati Membri differenti. Għalhekk l-“aċċess tiegħu għas-suq tax-xogħol” fi Stati Membri oħra ma kien bl-ebda mod ostakolat.
53. Anki dan l-argument ma jreġix.
54. Minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm restrizzjoni kull darba li l-miżura hija ta’ natura li tfixkel jew trendi inqas attraenti l-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (43) . Din hija s-sitwazzjoni tal-każ inkwistjoni, peress li r-regoli tal-ftehim kollettiv u l-possibbiltà ta’ telf ekonomiku f’termini tal-pensjoni privata addizzjonali għandhom effett ta’ deterrent għall-ħaddiema li għandhom il-ħsieb li jbiddlu l-istabbiliment (44) . Fi kwalunkwe każ ma jistax jiġi eskluż, b’kunsiderazzjoni għat-tibdil demografiku u tal-ħtieġa dejjem tikber tal-pensjonijiet privati addizzjonali ta’ rtirar, li l-ħaddiema, fil-mument li jiddeċiedu jekk jeżerċitawx id-dritt tagħhom tal-moviment liberu, jikkunsidraw il-possibbiltà tat-telf tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni privata addizzjonali ta’ rtirar (45) .
55. Min-naħa l-oħra, ma huwiex kontestabbli li M. Casteels, b’konsegwenza tat-trasferiment li seħħ fis-sena 1991 mill-istabbiliment Ġermaniż ta’ British Airways ta’ Düsseldorf għal dak Franċiż, kien kostrett li jġarrab telf ekonomiku kif ukoll tnaqqis tal-pensjoni privata addizzjonali ta’ rtirar, meta d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv ikunu applikati skont kif tixtieq British Airways.
56. Id-dritt għall-moviment liberu stabbilit bl-Artikolu 45 TFUE ċertament ma jagħti ebda garanzija lill-ħaddiema li jsibu, f’kull Stat Membru fejn ikunu, l-istess qafas ġuridiku fil-qasam professjonali, soċjali u fiskali (46) . Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu, għandhom l-għan li jipproteġu lill-ħaddiema mill-iżvantaġġi speċifiċi marbuta mal-eżerċitar tal-moviment liberu(47) ; b’mod partikolari, l-eżerċitar tal-moviment liberu ma jistax ikollu l-effett li l-ħaddiem iħallas il-kontribuzzjonijiet tiegħu lil fond mitluf (48) . Iżda, dan huwa dak li preċiżament qed twassal għalih il-leġiżlazzjoni tal-ftehim kollettiv fil-każ inkwistjoni jekk tkun interpretata u applikata kif tixtieq British Airways: ħaddiem li, qabel ma jtemm il-perijodu ta’ kwalifikazzjoni obbligatorju, jmur fi Stat Membru ieħor jitlef id-dritt – kollu jew parti minnu – li huwa jkun akkwista bil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-pensjoni taħt il-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet.
– Paragun mal-kawża Graf
57. It-tielet nett, British Airways, titlob li jsir paragun bejn dan il-każ u dak Graf (49) . Iż-żewġ kawżi jirreferu għat-telf tal-benefiċċji ekonomiċi b’konsegwenza ta’ tibdil voluntarju tal-post tax-xogħol mill-ħaddiem involut; jekk fil-każ Graf ma kienx iddikjarat li kien hemm restrizzjoni għad-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema, anki f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tgħid li kien hemm xi restrizzjoni.
58. Anki dan l-argument ma jikkonvinċinix
59. Il-kawża Graf kienet dwar kumpens għal tkeċċija skont il-liġi Awstrijaka, magħrufa bħala “Abfertigung” (kumpens għal tkeċċija). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’dak il-każ, id-dritt għal dan il-kumpens għal tkeċċija kien jiddependi “fuq avveniment futur u ipotetiku, jiġifieri ksur ulterjuri tal-kuntratt tiegħu mingħajr ma hu [il-ħaddiem] stess ikun ħa l-inizjattiva għal dan il-ksur jew minħabba xi raġuni attribwita lilu” (50) . Għal kuntrarju, dan il-każ huwa dwar dritt tal-pensjoni akkwistat abbażi tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet, u ma jiddependix fuq “avveniment futur u ipotetiku”, iżda fuq ċirkustanza neċessarja marbuta mal-eżerċitar tad-dritt tal-moviment liberu, jew fi kliem ieħor l-għażla tal-post fejn wieħed jaħdem (51) .
60. Għandu jiġi kkunsidrat li l-garanzija tal-ħlas tal-pensjoni li għamlet British Airways lil M. Casteels saret mill-mument li huwa beda jaħdem f’Düsseldorf fil-15 ta’ Novembru 1988, u li M. Casteels mill-ewwel ġurnata akkwista, minħabba l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mħallsa minnu u mill-persuna li timpjegah, id-dritt għall-pensjoni professjonali addizzjonali. Jekk issa dan id-dritt jiġi kkunsidrat bħala “mitluf”, jirriżulta f’telf ta’ flus li M. Casteels kien faddal matul it-tliet snin li ħadem f’Düsseldorf, sabiex jipprovdulu pensjoni privata ta’ rtirar. Anki dan il-fatt juri li din il-kawża hija kompletament differenti minn Graf.
61. Fid-dawl ta’ dan kollu, jiena nibqa’ tal-opinjoni, li regoli kollettivi, bħal dawk fil-kawża inkwistjoni jostakolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema kif stabbilit bl-Artikolu 45 TFUE u jikkostitwixxu restrizzjoni ta’ din il-libertà fundamentali.
b) Ġustifikazzjoni
62. Miżura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattati u jekk tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll, f’każ simili, li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (52) .
63. Waqt is-seduta, il-partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja u qablu li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv dwar il-perijodi ta’ kwalifikazzjoni, bħal dawk fil-kawża inkwistjoni, għandhom l-għan prinċipali li jsaħħu r-rabtiet bejn il-ħaddiema u l-persuna li timpjega; huma intiżi biex isostnu l-fedeltà tal-ħaddiem lejn l-impriża u, fl-istess waqt il-ħaddiem ikun ikkompensat. Fl-opinjoni tiegħi, inżid li dawn id-dispożizzjonijiet iżiedu ċ-ċertezza fl-ippjanar tal-funzjonament tal-iskema professjonali tal-pensjoni ta’ rtirar filwaqt li jippermettu lill-istituzzjoni li tamministraha biex tiffranka l-ispejjeż amministrattivi ġeneralment mitluba għall-ġestjoni u l-implementazzjoni ta’ drittijiet tal-pensjoni modesti.
64. Dawn l-għanijiet kollha huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet leġittimi relatati max-xogħol u d-dritt soċjali (53), li huma attribwibbli fil-kamp tal-interess pubbliku ġenerali.
65. Mingħajr ebda dubju, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi bħal dawk tal-każ inkwistjoni, huma ideali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
66. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju eżami f’iktar dettal, biex jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv – speċjalment jekk jiġu interpretati skont dak issuġġerit minn British Airways – tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi fil-kamp tal-liġi tax-xogħol u tad-dritt soċjali.
67. Skont British Airways, għall-applikazzjoni tal-perijodi ta’ kwalifikazzjoni, it-trasferiment ta’ M. Casteels mill-Ġermanja għall-Franza fl-1 ta’ Ottubru 1991, għandu jkun ikkunsidrat bħala waqfien voluntarju tar-relazzjoni tiegħu tax-xogħol fil-Ġermanja; min-naħa l-oħra, ma għandhomx ikunu kkunsidrati l-perijodi li matulhom ħadem fi stabbilimenti oħra ta’ British Airways.
68. Din l-interpretazzjoni, li evidentement ikollha bħala konsegwenza t-telf, għal ħaddiema bħal M. Casteels, tad-dritt tiegħu għall-pensjoni (54), ma tirriżultax neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet fil-kamp tal-liġi tax-xogħol u tad-dritt soċjali.
69. L-ewwel nett, fir-rigward tar-rabta tal-ħaddiem mal-persuna li timpjegah, huwa evidenti li dan l-għan ma għandu ebda riskju jekk il-ħaddiem jittrasferixxi ruħu minn stabbiliment tal-persuna li timpjegah għal stabbiliment ieħor tal-istess persuna li timpjegah. Anzi, il-ħaddiem inkwistjoni jagħti prova ċara tal-fedeltà tiegħu favur il-persuna li timpjegah jekk, meta jkun mitlub, jaċċetta li jitrasferixxi minn post għal ieħor fi Stat Membru ieħor fl-interess tas-servizz.
70. Dan imur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex tkun żgurata l-fedeltà tal-ħaddiem jekk, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv, li jistgħu jirriżultaw fit-telf tad-dritt tiegħu għall-pensjoni professjonali addizzjonali, ikunu invokati kontrih meta jsir it-trasferiment.
71. Fit-teorija, is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti għal dak li jirrigwarda t-tieni għan indikat iktar ’il fuq, jiġifieri dak li tkun żgurata ċ-ċertezza tal-ippjanar u li jiġu evitati spejjeż amministrattivi mitluba għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-pensjoni modesti. Fir-rigward ta’ dan l-għan, anki “trasferiment intern” ta’ ħaddiem minn stabbiliment għal ieħor tal-istess persuna li timpjegah, jista’ fit-teorija jiġġustifika t-telf tad-drittijiet għall-pensjoni, meta dan it-trasferiment isir wara perijodu partikolarment qasir ta’ xogħol. “Trasferiment intern” wara kważi tliet snin ta’ xogħol kontinwu fl-istess stabbiliment ma jsirx wara perijodu ta’ xogħol partikolarment qasir, speċjalment meta hija kkonċernata relazzjoni ta’ xogħol bħal dik ta’ M. Casteels, fejn trasferimenti transkonfinali frekwenti fl-interess tas-servizz huma normali u indikati wkoll fil-kuntratt ta’ impjieg (55) .
72. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fi ftehim kollettiv, bħal dawk fil-każ inkwistjoni, ma tistax tkun iġġustifikata fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
3. Konsegwenzi għall-kawża prinċipali
73. Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li, sa fejn permess mill-marġni ta’ diskrezzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, tagħti lid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali interpretazzjoni u applikazzjoni skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (56) .
74. L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-kawża prinċipali hija l-kompetenza tal-qorti nazzjonali (57) . Madankollu, xieraq li nesponi l-osservazzjonijiet li ġejjin sabiex nagħti risposta għat-tieni domanda preliminari.
75. Abbażi tal-għan tal-Artikolu 45 TFUE, li jikkonsisti li jintlaħaq moviment liberu iktar wiesa’ tal-ħaddiema, għandu jiġi evitat li ħaddiem, meta jiġi trasferit minn stabbiliment ta’ min iħaddmu għal ieħor tal-istess persuna li qiegħed fi Stat Membru ieħor, jitlef id-drittijiet eventwali tiegħu għall-pensjoni professjonali addizzjonali.
76. Biex l-għan tal-Artikolu 45 TFUE jintlaħaq għandu jkun ikkunsidrat fir-rigward tal-perijodi ta’ kwalifikazzjoni, iż-żmien kollu li l-ħaddiem ħadem mal-istess persuna fi stabbilimenti diversi fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 45 TFUE jipprojbixxi li t-trasferiment ta’ ħaddiem bejn postijiet differenti tax-xogħol tal-istess persuna fi Stati Membri differenti jitqies, fir-rigward tal-kompletezza tal-perijodi ta’ kwalifikazzjoni, bl-istess mod bħal tluq volontarju mill-istabbiliment, anki jekk il-ħaddiem jaċċetta t-trasferiment.
77. Fil-każ inkwistjoni ma jirriżultax li hija eskluża l-possibbiltà li jiġu interpretati u applikati, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u abbażi tal-ħtiġijiet tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-perijodi ta’ kwalifikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet, flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-BetrAVG. Huwa biżżejjed li l-“perijodu ta’ servizz” ta’ M. Casteels ma’ British Airways jiġi kkalkolat abbażi taż-żmien totali tar-relazzjoni tiegħu ta’ impjieg li bdiet mill-1 ta’ Lulju 1974 (58) .
78. Din il-kunsiderazzjoni sħiħa taż-żmien li M. Casteels ħadem mill-1 ta’ Lulju 1974, tirriżulta assolutament plawsibbli jekk niftakru li fl-10 ta’ Marzu 1988 kien miftiehem espressament bejn il-partijiet li jiġi kkunsidrat “għall-effetti kollha” li l-impjieg ta’ M. Casteels mal-British Airways beda fl-1 ta’ Lulju 1974.
79. Ċertament, skont evalwazzjoni unanima tal-partijiet fil-kawża prinċipali, M. Casteels ma kellux ikun affiljat ma’ iktar minn skema professjonali waħda tal-pensjoni ta’ rtirar. Madankollu, ma hemm l-ebda biża’ ta’ arrikkiment indebitu mill-ħaddiem (minħabba l-kisba ta’ iktar drittijiet għall-pensjoni professjonali addizzjonali għall-istess perijodu), iżda, għal kollox kuntrarju, li jitpoġġa fi żvantaġġ mhux iġġustifikat (minħabba t-telf tad-drittijiet tal-pensjoni professjonali fir-rigward ta’ perijodu ta’ kważi tliet snin). Dan jindika li fir-rigward tal-kompletezza ta’ perijodi ta’ kwalifikazzjoni possibbli, għandu jkun ikkunsidrat il-perijodu sħiħ tar-relazzjoni ta’ impjieg mal-British Airways.
80. Jekk l-1 ta’ Lulju 1974 tittieħed bħala l-bidu tal-impjieg mal-British Airways, M. Casteels jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-ħaddiema “li bdew jaħdmu mal-(British Airways) qabel l-1 ta’ Jannar 1978” (59) .
81. Barra minn hekk, M. Casteels jista’ jitqies ukoll, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2)(b) tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet, bħala ħaddiem li, “waqaf” jaħdem mal-British Airways qabel ma temm il-perijodu ta’ kwalifikazzjoni obbligatorju, kif stipulat fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-BertAVG, iżda “wara ħames snin servizz magħha” (60) .
82. Dan ifisser li M. Casteels, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2)(b) tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet, ikollu d-dritt mhux biss għall-benefiċċji tal-pensjoni li jirriżultaw mill-istess kontribuzzjonijiet tiegħu, iżda wkoll għal dawk li mmaturaw abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna ma’ min jaħdem sat-trasferiment tiegħu fi Franza. M. Casteels, b’hekk, għaż-żmien li kien jaħdem fil-Ġermanja jkollu dritt sħiħ għall-pensjoni, meta jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet tiegħu u tal-persuna li timpjegah.
83. Il-fatt li fl-1991, British Airways xoljiet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni kollettiva għal dak li jirrigwarda lil M. Casteels (61), huwa għal kollox irrelevanti. Jekk meħtieġ, British Airways għandha tagħti lil M. Casteels kumpens f’ammont li jikkorrispondi għall-pensjoni professjonali addizzjonali għax-xogħol tiegħu fil-Ġermanja.
84. Jekk għall-kuntrarju tal-aspettattivi ma tirriżultax possibbli interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha twaqqaf l-applikazzjoni tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet fil-parti fejn jipprekludi d-dritt tal-pensjoni ta’ M. Casteels. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-moviment liberu tal-ħaddiema jista’ jiġi invokat direttament fir-rigward tal-ftehim kollettiv, anki fil-każ ta’ relazzjonijiet legali “orizzontali” bejn persuni privati (62) .
4. Fuq il-limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza
85. F’każ li d-domandi mressqa mill-Arbeidshof te Brussel ikunu konklużi skont dak propost minni, il-gvern Grieg jitlob limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza.
86. L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni tikkjarifika u tispeċifika, jekk ikun neċessarju, it-tifsira u l-ambitu ta’ din ir-regola, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u kif kellha tiġi applikata mill-mument li ddaħlet fis-seħħ (63) . Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali (64) minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali (65) li tista’ tiġi imposta limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ deċiżjoni preliminari. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi kkonstatata, huwa neċessarju li jkunu ssodisfati żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l- bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (66) .
87. L-ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa sodisfatt fil-każ inkwistjoni.
88. Fir-rigward tal-kriterju tal- bona fide , jeħtieġ li jiġi rilevat li għal żmien twil, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv kienu evalwati abbażi tad-dritt tal-Unjoni (67) . Il-partijiet soċjali fi Stati Membri differenti ma setgħux, in bona fide, jibbażaw fuq il-fatt li r-regoli tal-perijodi ta’ kwalifikazzjoni miftiehma minnhom fil-ftehim kollettiv, kienu b’mod ġenerali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
89. Bħalma ddikjara l-Gvern Ġermaniż fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull każ, il-liġi tax-xogħol Ġermaniża timponi li għandhom dejjem jiġu kkunsidrati l-perijodi ta’ servizz mwettqa fi stabbilimenti esteri tal-istess persuna li tħaddem.
90. Fir-rigward tal-kriterju relatat ma’ diffikultajiet serji, l-ebda parti fil-kawża prinċipali ma argumentat li s-soluzzjoni proposta f’dan il-każ tista’ tippreżenta theddida serja għall-bilanċ finanzjarju tal-iskemi professjonali ta’ rtirar (68) . Dan huwa diffiċli li jkun immaġinat peress li l-kawża inkwistjoni tittratta biss iż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni li għalihom diġà saru ħlasijiet mill-ħaddiem u l-persuna li timpjega.
91. Għalhekk ma nqis neċessarja ebda limitazzjoni ratione temporis tad-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.
VI – Konklużjoni
92. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet tiegħi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Arbeidshof te Brussel bil-mod segwenti:
1) L-Artikolu 48 TFUE ma għandux effett dirett.
2) Meta ħaddiem ikun ħadem għall-istess persuna fi stabbilimenti diversi fi Stati Membri differenti, u f’kull stabbiliment kien affiljat mal-iskema professjonali ta’ rtirar fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, id-dispożizzjonijiet tal-iskemi differenti ta’ rtirar għandhom ikunu interpretati u applikati kemm jista’ jkun bl-iktar mod konformi mal-Artikolu 45 TFUE. B’mod partikolari, hemm lok li l-prinċipji segwenti jiġu osservati:
– meta jiġi kkalkolat iż-żmien ta’ servizz li ħaddiem ikun għamel mal-persuna li timpjegah sabiex jakkwista d-dritt għall-pensjoni definittiv, għandu jkun ikkunsidrat iż-żmien kollu li ħaddiem ikun għamel fl-istabbilimenti kollha tal-istess persuna li timpjegah;
– it-trasferiment ta’ dan il-ħaddiem minn stabbiliment għal ieħor ma jistax ikun ikkunsidrat bħala tluq voluntarju mill-iskema professjonali ta’ rtirar, anki jekk il-ħaddiem ikun approva dan it-trasferiment.
(1) .
(2) – Fuq il-verżjoni applikabbli minn tali dispozizzjonijiet, ara iktar ’l isfel (punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
(3) – BGBl. I, 1974, p. 3610.
(4) – Rilevanti għall-każ preżenti hija l-BetrAVG fil-verżjoni tad-19 ta’ Diċembru 1974, li kienet fis-seħħ mit-22 ta’ Diċembru 1974 sal-31 ta’ Diċembru 2001.
(5) – Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Ġermaniż, mill-2001 il-perijodu ta’ kwalifikazzjoni jista’ jkun sa massimu ta’ ħames snin. L-Artikolu 1b(1) tal-BetrAVG jistipula li: “Ħaddiem li jibbenefika mill-impenji għall-għoti ta’ benefiċċji skont l-iskema ta’ rtirar ta’ kumpannija, għandu jżomm id-dritt għall-benefiċċji meta r-relazzjoni tax-xogħol tiegħu tintemm qabel il-bidu tad-dritt tiegħu iżda wara li jilħaq l-età ta’ 25 sena u li, fid-data tat-tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, l-impenji jkunu ilhom jeżistu għal mill-inqas ħames snin (dritt definittiv għall-pensjoni) […]” (BGBl. I, 2001, p. 1328, u BGBl. I, 2007, p. 2838).
(6) – Iktar ’il quddiem imsejjaħ ukoll “Il-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjoni”, jew “Il-Ftehim Kollettiv”.
(7) – It-test originali bl-Ingliż ta’ dan il-kuntratt għall-parti hawn rilevanti, jistipula kif gej: “[…] your employment with British Airways for all purposes will count from 01.07.1974.”
(8) – Jidher li jkun iktar korrett li jsir riferiment għat-30 ta’ Settembru 1991 bħala data finali, minħabba li M. Casteels mill-1 ta’ Ottubru 1991, kien diġà jaħdem fl-istabbiliment Franċiża ta’ British Airways (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
(9) – It-test oriġinali bl-Ingliż ta’ dan il-kuntratt ibbażat fuq offerta ta’ British Airways tad-19 ta’ Ottubru 1988, jipprovdi li: “We will effect a transfer from your present employment with British Airways at Brussels which means that your conditions of employment will be those for German Staff having started with British Airways on 1 st July 1974. […] The exception to this will be the membership of the British Airways pension scheme in Germany. You will become a member of this scheme after joining British Airways at Düsseldorf. ”
(10) – Arbeitsgerichtshof Brüssel.
(11) – Ara pereżempju s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (C-262/88, Ġabra p. I-1889); tas-6 ta’ Ottobru 1993, Ten Oever (C-109/91, Ġabra p. I-4879); tat-28 ta’ Settembru 1994, Coloroll Pension Trustees (C-200/91, Ġabra p. I-4389), kif ukoll tad-9 ta’ Ottobru 2001, Menauer (C-379/99, Ġabra p. I-7275).
(12) – Sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, Ġabra p. I‑1757); ara wkoll il-konklużjonijiet ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2010 mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Römer (C-147/08, Ġabra p. I‑0000).
(13) – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol 1, p. 35), li dan l-aħħar ġie sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol 5, p. 72).
(14) – Regolament Nru 1408/71 ma japplikax għall-pensjonijiet professjonali ta’ rtirar, ara s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑35/97, Ġabra I‑5325, punti 34 u 35).
(15) – Sentenza tal-20 ta’ April 1999, Nijhuis (C‑360/97, Ġabra p. I‑1919, punt 30).
(16) – Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998, dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni komplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol 3, p. 323).
(17) – Proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2005, maħsuba għal dan l-iskop, li b’mod partikolari għandha l-għan li tillimita l-possibbiltà li jkunu introdotti perijodi ta’ kwalifikazzjoni u li jkun żgurat it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni addizzjonali, sa issa għadha ma ġietx adottata [proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar titjib fit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni addizzjonali, COM(2005) 507 finali, li kienet emendata bid-dokument COM(2007) 603 finali, fid-9 ta’ Ottubru 2007].
(18) – Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/49, it-terminu għat-traspożizzjoni kien jiskadi 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva. L-Artikolu 11 tad-direttiva stabbilixxa li d-data tad-dħul fis-seħħ tal-istess direttiva, hija l-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea , li kienet il-25 ta’ Lulju 1998. It-terminu għat-traspożizzjoni għalhekk skada fil-25 ta’ Lulju 2001.
(19) – Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (C-143/73, Ġabra p. 1433, punt 8); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, Ġabra p. I-1049, punt 50), u tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C‑428/08, Ġabra p. I‑6765, punt 66); fl-aħħar nett, fl-istess sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ottobru 2010, Lassal (C‑162/09, Ġabra p. I‑0000, punt 39).
(20) – Fil-perijodu li fih M. Casteels kien jaħdem fil-Ġermanja (mill-15 ta’ Novembru 1988 sal-1 ta’ Ottubru 1991), għall-moviment liberu tal-ħaddiema kienu japplikaw l-Artikoli 48‑51 tat-Trattat KEE fil-verżjoni tal-Att Uniku Ewropew.
(21) – Anki fis-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, Ġabra p. I‑2177), il-Qorti tal-Ġustizzja rrimedjat id-domandi preliminari, li tressqu lilha skont l-Artikolu 39 KE, filwaqt li irreferiet għall-Artikolu 45 TFUE.
(22) – F’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1989, Eau de Cologne & Parfümerie-Fabrik 4711 (C‑150/88, Ġabra p. 3891, punt 12, flimkien mal-punt 1).
(23) – Ara iktar ’il fuq (punti 22 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
(24) – Sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (C-26/62, Ġabra p. 1, b’mod partikolari p. 24), u tal-15 ta’ Jannar 1986, Hurd (C-44/84, Ġabra p. 29, punt 47).
(25) – Sentenzi Nijhuis (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 30), u tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier‑Glisczinski (C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 64).
(26) – L-Artikolu 48 TFUE “il-kompitu li jistabbilixxi skema sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jegħlbu l-ostakoli li jistgħu jsibu minħabba r-regoli nazzjonali adottati fil-qasam tas-sigurtà soċjali” (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 1995, Vougioukas, C‑443/93, Ġabra p. I‑4033, punt 30; tas-16 ta’ Diċembru 2004, My, C‑293/03, Ġabra p. I‑2013, punt 34, kif ukoll is-sentenza von Chamier‑Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 64). F’dan il-kuntest, l-għan prinċipali li għandu jkun segwit jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ moviment liberu ’l iktar kompluta possibbli għall-ħaddiema migranti (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1978, Belbouab, C-10/78, Ġabra p. 1915, punt 5).
(27) – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kamp tal-pensjonijiet professjonali addizzjonali jistgħu jkunu evalwati abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, kif turi, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer (C-392/98, Ġabra p. I-4585, b’mod partikolari l-punt 36).
(28) – Ara dwar dan il-punt, il-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari (punti 27-32 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
(29) – Il-Qorti tal-Ġustizzja f’ħafna kawżi trattat il-kwistjoni dwar il-konformità tal-liġi tal-Unjoni mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni minima tal-ħaddiema; ara, pereżempju, dwar il-ħinijiet tax-xogħol, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, kawżi magħquda minn C-397/01 sa C-403/01, Pfeiffer et (Ġabra p. I-8835), u tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel (C-313/02, Ġabra p. I-9483), dwar il-leave tal-maternità, sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-519/03, Ġabra p. I-3067). F’dawn il-kawżi kollha kien ikun possibbli jiġu inklużi fil-kuntratt tax-xogħol kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk indikati fil-liġi nazzjonali. Anki l-protezzjoni minima tal-liġi nazzjonali għandha tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.
(30) – Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, Ġabra p. 1405 punti 16 u 17); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punti 82-84); tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C-400/02, Ġabra p. I-8471), kif ukoll is-sentenza Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 30 u 31).
(31) – Ara l-Artikolu 7 tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet, li jirreferi f’diversi okkażżjonijiet għat-“tmiem tal-perjodi ta’ kwalifikazzjoni obbligatorji” (ara aktar ’il fuq punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
(32) – Dwar id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, ara fost oħrajn, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann (C-212/05, Ġabra p. I-6303, punt 30), u tat-13 ta’ April 2010, Bessol et (C-73/08, Ġabra p. I‑2735, punt 41).
(33) – Sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C-190/98, Ġabra p. I-493, punt 18); tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981, punti 50 u 51); tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-464/02, Ġabra p. I-7929, punt 45), kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-269/07, Ġabra p. I-7811, punt 107).
(34) – Sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32), tat-30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-150/04, Ġabra p. I-1163, punt 46 flimkien mal-punti 35 u 45), kif ukoll is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Vallonja (minn issa ’l quddiem “Assigurazzjoni għall-kura Fjammina”, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 45).
(35) – Sentenzi Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 94), Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-464/02, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 34); Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 44), kif ukoll is-sentenza Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 33).
(36) – Sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C-18/95,Ġabra p. I-345, punt 26), u Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 33 u 38).
(37) – F’dan is-sens, is-sentenzi Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 96); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-464/02, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 35); Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 44 sat-tmiem, u 48), kif ukoll is-sentenza Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 34).
(38) – Is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C-190/98, Ġabra p. I-493, punt 25) u Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 51).
(39) – Fil-proċeduri quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiex iċċarat jekk M. Casteels kienx effettivament rimburżat għall-kontribuzzjonijiet li ħallas bejn l-1988 u l-1991.
(40) – Jirriżulta mill-anness 9 tal-osservazzjonijiet tal-British Airways li din tal-aħħar waqqfet il-kuntratt tal-assigurazzjoni tal-grupp ma’ Victoria Lebensversicherung AG f’Novembru 1991 f'dak li jirrigwarda lil M. Casteels.
(41) – Ara pereżempju, is-sentenzi Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30) u Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21), fejn ir-regoli applikati mill-federazzjonijiet tal-futbol rigward it-trasferiment tal-plejers tal-futbol lil klabbs oħra kienu japplikaw kemm għal trasferimenti interni kif ukoll għal trasferimenti transkonfinali. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-libertà tal-istabbiliment, ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, kawżi magħquda, Apothekerkammer des Saarlandes et (C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171), li s-suġġett tagħha kien il-prinċipju Ġermaniż imsejjaħ “Fremdbesitzverbotli” li jirriżerva d-dritt għall-ispiżjara biss li jkunu sidien ta’ spiżerija; dan il-prinċipju japplika wkoll kemm għall-impriżi nazzjonali kif ukoll għal dawk barranin li jixtiequ jkollhom spiżerija fil-Ġermanja.
(42) – Ara l-Artikolu 1 tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet li l-istess British Airways ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-anness 7 għas-sottomissjonijiet tagħha.
(43) – Sentenzi Kraus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 32), u Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 48 sa tmiem, u l-punt 55); fl-istess sens – fil-qasam tal-libertà tal-istabbiliment – is-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 22).
(44) – Bl-istess mod il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 34, punt 48), ikkwalifikat bħala xkiel għall-moviment liberu tal-ħaddiema il-fatt li dawn, b’konsegwenza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-kamp tas-sigurtà soċjali, “jinsabu fis-sitwazzjoni li fiha jissubixxu kemm it-telfa tal-benefiċċju ta’ l-assigurazzjoni għall-kura, kif ukoll limitazzjoni fl-għażla tal-post fejn jitrasferixxu r-residenza tagħhom jista’.”
(45) – Fl-istess sens, ara s-sentenza Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 53).
(46) – Fil-kamp tad-dritt soċjali, ara s-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, kawżi magħquda Hervein et (C-393/99 u C-394/99, Ġabra p. I-2829, punt 51); tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C-493/04, Ġabra p. I-2369, punt 34); tal-1 ta’ Ottubru 2009, Leyman (C-3/08, Ġabra p. I-9085, punt 45), tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-211/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61), u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Van Delft et (C-345/09, Ġabra p. I‑0000, punt 100).
(47) – F’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1975, Petroni (C-24/75,Ġabra p. 1149, punt 13); tas-7 ta’ Marzu 1991, Masgio (C-10/90, Ġabra p. I-1119, punt 18); tal-11 ta’ Settembru 2008, Petersen (C-228/07, Ġabra p. I-6989, punt 43), kif ukoll is-sentenza Leyman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 41).
(48) – Sentenzi Hervein et (punt 51 sat-tmiem), Piatkowski (punt 34 sat-tmiem) u Leyman (punt 45 sat-tmiem) u Van Delft et (punt 101) kollha ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46.
(49) – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.
(50) – Sentenza Graf (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 24).
(51) – Fl-istess sens, is-sentenza Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 51).
(52) – Ara, is-sentenza Kraus (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 32); Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 104); Assigurazzjoni għall-kura Fjammina (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 55), kif ukoll is-sentenza Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 38).
(53) – Il-Qorti tal-Ġustizzja, irrikonoxxiet li min iħaddem jista’ jikkumpensa, permezz ta’ diversi miżuri l-fedeltà lill-impriża tal-ħaddiema tiegħu, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (C-333/97, Ġabra p. I-7243, punt 28), u tal-10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi (C-196/02, Ġabra p. I-1789, punt 63). Anki l-ispejjeż amministrattivi mitluba għall-kalkolu tal-benefiċċji soċjali jistgħu jingħataw importanza; il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dan, pereżempju, permezz tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1408/71: ara s-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1982, Sinatra (C-7/81, Ġabra p. 137, punt 9), u tal-21 ta’ Marzu 1990, Ravida (C-85/89, Ġabra p. I-1063, punt 20).
(54) – Il-garanzija tal-ħlas tal-benefiċċji soċjali għal M. Casteels skont il-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet seħħ biss wara li huwa beda jaħdem f’Düsseldorf fil-15 ta’ Novembru 1988. Konsegwentement, dik il-garanzija, kienet ilha teżisti inqas minn tliet snin meta sar it-trasferiment tiegħu fi Franza. Iż-żmien li kien jaħdem f’Düsseldorf ukoll kien inqas minn tliet snin. Konsegwentement M. Casteels, ma kienx għamel il-perijodu ta’ kwalifikazzjoni obbligatorju skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 1(1) tal-BetrAVG, li jagħmlu riferiment għall-Artikolu 7(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet.
(55) – Ara, f’dan ir-rigward, il-Ftehim Kollettiv tal-10 ta’ Marzu 1988 bejn il-partijiet tal-kawża prinċipali (aktar ’il fuq f’paragrafu 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
(56) – Sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Murphy et (C-157/86, Ġabra p. 673, punt 11); tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht (C-262/97, Ġabra p. I-7321, punt 39), kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C-208/05, Ġabra p. I-181, punt 68).
(57) – Ġurisprudenza stabbilita: ara, fost ħafna oħrajn, tal-15 ta’ Lulju 1964, Van der Veen (C-100/63, Ġabra p. 1215, b’mod partikolari p. 1230), u tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C-54/07, Ġabra p. I-5187, punt 19).
(58) – Kif iddikjara l-Gvern Ġermaniż fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-liġi Ġermaniża tax-xogħol, kif interpretata fil-ġurisprudenza tal-Qorti suprema Ġermaniża, attwalment tirrikjedi li r-relazzjoni tax-xogħol tkun meqjusa b’mod sħiħ.
(59) – Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant ad litem tal-British Airways ammetta speċifikament, li l-Artikolu 7(2) tal-Ftehim Kollettiv Nru 3 dwar il-pensjonijiet, jista’ jkun applikat għal Casteels.
(60) – Fis-sens strett tal-kelma, Casteels qatt ma waqaf jaħdem mal-British Airways, għaliex anki t-trasferiment tiegħu fi Franza fl-1991 sar fuq talba tal-British Airways, u l-impjieg tiegħu mal-British Airways baqa’ għaddej wara l-1 ta’ Lulju 1974.
(61) – Dan jirriżulta minn ittra ta’ Victoria Lebensversicherung AG, li l-British Airways ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-anness 9 għas-sottomissjonijiet tagħha.
(62) – Ara, f’dan is-sens Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30), u Olympique Lyonnais (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21), li fihom l-effetti tal-ftehimiet kollettivi dwar rapporti individwali tax-xogħol ma’ soċjetajiet tal-futbol bħala persuni li jipprovdu x-xogħol, fl-istess sens, is-sentenza Walrave u Koch (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 17 u 31-34). Fis-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C-281/98, Ġabra p. I-4139, punti 30-36), u tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C-94/07, Ġabra p. I-5939, punti 41-48) il-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn minn hekk, peress li tat fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ impjieg irregolat mil-liġi privata, effett dirett għall-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni impliċita – effetti, irrispettivament mill-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv.
(63) – Sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (C-61/79, Ġabra p. 1205, punt 16); Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 141); tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 66), kif ukoll is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 90).
(64) – Sentenzi Denkavit italiana (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 17), Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 142); kif ukoll Bressol et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 91).
(65) Sentenzi Barber (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 44),Bidar (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 67); kif ukoll Bressol et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 91); fl-istess sens, ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C-333/07, Ġabra p. I-10807, punt 122).
(66) – Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka (C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 51); tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalincheve (C-2/09, Ġabra p. I‑4939, punt 50), kif ukoll is-sentenza Bressol et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 91).
(67) – Ara sentenza Walrave u Koch (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 17), fundamentali f’dan ir-rigward.
(68) – Dwar dan il-kriterju, ara sentenza Barber (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 44), fis-sens analogu, anki qabel, is-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (C-43/75, Ġabra p. 455, punt 70).