|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2831 |
11.11.2024 |
DIRETTIVA (UE) 2024/2831 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Ottubru 2024
dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (b), u l-Artikolu 16(2), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-għanijiet tal-Unjoni huma, fost l-oħrajn, li tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha u li taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Ewropa bbażata, inter alia, fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat, u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali. |
|
(2) |
L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) jipprevedi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu. L-Artikolu 27 tal-Karta jipproteġi d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża. L-Artikolu 8 tal-Karta jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha. L-Artikolu 12 tal-Karta jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni fil-livelli kollha. L-Artikolu 16 tal-Karta jirrikonoxxi l-libertà ta’ intrapriża. L-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi d-diskriminazzjoni. |
|
(3) |
Il-Prinċipju Nru 5 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pilastru”), ipproklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, jipprevedi li, irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-ħaddiema għandhom id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ; li, skont il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi, għandha tiġi żgurata l-flessibbiltà neċessarja biex l-impjegaturi jadattaw malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku; li għandhom jitrawmu forom innovattivi ta’ xogħol li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità; li għandhom jiġu mħeġġa l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti; li għandha tiġi ffaċilitata l-mobbiltà okkupazzjonali; u li għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-projbizzjoni tal-abbuż ta’ kuntratti atipiċi. Il-Prinċipju Nru 7 tal-Pilastru jipprevedi li l-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bil-miktub fil-bidu tal-impjieg dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg u li, qabel kwalunkwe sensja, il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiġu infurmati bir-raġunijiet u li jingħataw perjodu ta’ avviż raġonevoli u d-dritt ta’ aċċess għal riżoluzzjoni ta’ tilwim effettiva u imparzjali u, f’każ ta’ sensja mhux ġustifikata, dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat. Il-Prinċipju Nru 10 jipprevedi li l-ħaddiema għandhom, inter alia, id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq ix-xogħol u d-dritt li d-data personali tagħhom tkun protetta fil-kuntest tal-impjieg. Is-Summit Soċjali ta’ Porto tas-7 ta’ Mejju 2021 laqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni li jakkumpanja l-Pilastru. |
|
(4) |
Id-diġitalizzazzjoni qed tibdel id-dinja tax-xogħol, ittejjeb il-produttività u ssaħħaħ il-flessibbiltà, filwaqt li ġġib magħha wkoll xi riskji għall-impjiegi u għall-kundizzjonijiet tax-xogħol. It-teknoloġiji bbażati fuq l-algoritmi, inkluż is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ippermettew l-emerġenza u t-tkabbir tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Il-forom ġodda ta’ interazzjoni diġitali u t-teknoloġiji ġodda fid-dinja tax-xogħol, jekk jiġu rregolati u implimentati kif suppost, jistgħu joħolqu opportunitajiet għall-aċċess għal impjiegi deċenti u ta’ kwalità għal persuni li tradizzjonalment ma kellhomx aċċess bħal dan. Madankollu, jekk ma jkunux irregolati, dawn jistgħu jirriżultaw ukoll f’sorveljanza bbażata fuq it-teknoloġija, iżidu l-iżbilanċi tal-poter u l-opaċità fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u jinvolvu riskji għall-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, għat-trattament ugwali u għad-dritt għall-privatezza. |
|
(5) |
Ix-xogħol fuq il-pjattaformi jitwettaq minn individwi permezz tal-infrastruttura diġitali tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jipprovdu servizz lill-klijenti tagħhom. Ix-xogħol fuq il-pjattaformi jitwettaq f’varjetà wiesgħa ta’ oqsma u huwa karatterizzat minn livell għoli ta’ eteroġeneità fit-tipi ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali, fis-setturi koperti u fl-attivitajiet imwettqa, kif ukoll fil-profili tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Permezz tal-algoritmi, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu jorganizzaw, sa ċertu punt skont il-mudell kummerċjali tagħhom, it-twettiq tax-xogħol, ir-remunerazzjoni għax-xogħol u r-relazzjoni bejn il-klijenti tagħhom u l-persuni li jagħmlu x-xogħol. Ix-xogħol fuq il-pjattaformi jista’ jitwettaq esklużivament online permezz ta’ għodod elettroniċi (xogħol fuq il-pjattaformi online) jew b’mod ibridu li jgħaqqad proċess ta’ komunikazzjoni online ma’ attività sussegwenti fid-dinja fiżika (xogħol fuq il-pjattaformi fuq il-post). Ħafna mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali eżistenti huma atturi tan-negozju internazzjonali li jwettqu attivitajiet u jvaraw mudelli kummerċjali tagħhom f’diversi Stati Membri jew fil-livell transfruntier. |
|
(6) |
Ix-xogħol fuq il-pjattaformi jista’ jipprovdi opportunitajiet biex wieħed jaċċessa s-suq tax-xogħol aktar faċilment, jikseb introjtu addizzjonali permezz ta’ attività sekondarja jew igawdi minn ftit flessibbiltà fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Fl-istess ħin, il-biċċa l-kbira tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għandhom impjieg ieħor jew sors ieħor ta’ introjtu u għandhom it-tendenza li jkollhom paga baxxa. Barra minn hekk, ix-xogħol fuq il-pjattaformi qed jevolvi malajr, li jirriżulta f’mudelli kummerċjali u forom ta’ impjieg ġodda li xi drabi ma jkunux koperti mis-sistemi eżistenti ta’ protezzjoni. Għalhekk, huwa importanti li dak il-proċess jiġi akkumpanjat b’salvagwardji adegwati għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, irrispettivament min-natura tar-relazzjoni kuntrattwali. B’mod partikolari, ix-xogħol fuq il-pjattaformi jista’ jirriżulta fl-imprevedibbiltà tas-sigħat tax-xogħol u jista’ jċajpar il-linja li tifred relazzjoni ta’ impjieg minn attività tal-persuna b’impjieg indipendenti, u r-responsabbiltajiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema. Il-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg għandha konsegwenzi għall-persuni affettwati, peress li x’aktarx tirrestrinġi l-aċċess għad-drittijiet tax-xogħol u soċjali eżistenti. Din twassal ukoll għal kundizzjonijiet mhux ekwivalenti fir-rigward tan-negozji li jikklassifikaw lill-ħaddiema tagħhom b’mod korrett, u għandha implikazzjonijiet għas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali tal-Istati Membri, il-bażi taxxabbli tagħhom u l-kopertura u s-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom. Filwaqt li dawn l-isfidi huma usa’ mix-xogħol fuq il-pjattaformi, huma partikolarment akuti u urġenti fl-ekonomija tal-pjattaformi. |
|
(7) |
Il-kawżi quddiem il-qrati f’diversi Stati Membri wrew il-persistenza tal-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg f’ċerti tipi ta’ xogħol fuq il-pjattaformi, b’mod partikolari f’setturi fejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jeżerċitaw ċertu livell ta’ direzzjoni u kontroll. Filwaqt li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali spiss jikklassifikaw lill-persuni li jaħdmu permezz tagħhom bħala persuni b’impjieg indipendenti jew “kuntratturi indipendenti”, ħafna qrati sabu li l-pjattaformi jeżerċitaw direzzjoni u kontroll de facto fuq dawk il-persuni, u spiss jintegrawhom fl-attivitajiet kummerċjali ewlenin tagħhom. Għalhekk, dawk il-qrati kklassifikaw mill-ġdid lill-persuni allegatament b’impjieg indipendenti bħala ħaddiema impjegati mill-pjattaformi. |
|
(8) |
Is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu bl-algoritmi qed jieħdu dejjem aktar post il-funzjonijiet li normalment jitwettqu mill-maniġers fin-negozji, bħall-allokazzjoni tal-kompiti, l-ipprezzar ta’ assenjamenti individwali, id-determinazzjoni tal-iskedi tax-xogħol, l-għoti ta’ struzzjonijiet, l-evalwazzjoni tax-xogħol imwettaq, l-għoti ta’ inċentivi jew l-applikazzjoni ta’ trattament negattiv. B’mod partikolari, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jużaw dawn is-sistemi algoritmiċi bħala mod standard ta’ kif jorganizzaw u jimmaniġġaw ix-xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-infrastruttura tagħhom.Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi soġġetti għal din il-ġestjoni algoritmika spiss ma jkollhomx aċċess għal informazzjoni dwar kif jaħdmu l-algoritmi, liema data personali qed tintuża jew kif l-imġiba ta’ dawk il-persuni taffettwa d-deċiżjonijiet meħuda mis-sistemi awtomatizzati. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, rappreżentanti oħra tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, l-ispettorati tax-xogħol u awtoritajiet kompetenti oħra ma għandhomx aċċess għal tali informazzjoni. Barra minn hekk, il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi spiss ma jkunux jafu r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet li jittieħdu jew li jiġu appoġġati mis-sistemi awtomatizzati, u ma jkunux jistgħu jingħataw spjegazzjoni għal dawk id-deċiżjonijiet, li jiddiskutu dawk id-deċiżjonijiet ma’ persuna ta’ kuntatt umana, li jikkontestaw dawk id-deċiżjonijiet jew jitolbu rettifika jew, fejn rilevanti, rimedju. |
|
(9) |
Meta l-pjattaformi joperaw f’diversi Stati Membri jew fil-livell transfruntier, spiss ma jkunx ċar fejn ikun qed jitwettaq ix-xogħol fuq il-pjattaformi u minn min, speċjalment fir-rigward tax-xogħol fuq il-pjattaformi online. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx aċċess faċli għad-data dwar il-pjattaformi tax-xogħol diġitali, inkluż l-għadd ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, l-istatus fl-impjieg tagħhom u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dan jikkumplika l-infurzar tar-regoli applikabbli. |
|
(10) |
Korp ta’ strumenti legali jipprevedi standards minimi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha. Dan jinkludi, b’mod partikolari, id-Direttivi 2003/88/KE (4), 2008/104/KE (5) u (UE) 2019/1152 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill„ u strumenti speċifiċi oħra dwar aspetti bħas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, il-ħaddiema nisa tqal, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ix-xogħol għal żmien fiss, ix-xogħol part-time, u l-istazzjonar tal-ħaddiema. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) iddeċidiet (7) li l-ħin “stand-by”, li matulu l-opportunitajiet tal-ħaddiem li jwettaq attivitajiet oħra jkunu ristretti b’mod sinifikanti, għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol. Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tistabbilixxi qafas ġenerali li jistipula rekwiżiti minimi għad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati f’impriżi jew stabbilimenti fl-Unjoni. |
|
(11) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 (9) tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu miżuri li jiżguraw il-kopertura formali u effettiva, u l-adegwatezza u t-trasparenza, tal-iskemi tal-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kollha u għall-persuni kollha b’impjieg indipendenti. |
|
(12) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jiżgura l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, u b’mod partikolari jipprovdi ċerti drittijiet u obbligi kif ukoll salvagwardji li jikkonċernaw l-ipproċessar legali, ġust u trasparenti tad-data personali, inkluż fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet individwali awtomatizzati. |
|
(13) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jippromwovi l-korrettezza u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali li jużaw is-servizzi tal-intermedjazzjoni online provduti mill-operaturi tal-pjattaformi online. |
|
(14) |
Filwaqt li l-atti legali eżistenti tal-Unjoni jipprevedu ċerti salvagwardji ġenerali, l-isfidi fix-xogħol fuq il-pjattaformi jitolbu xi miżuri speċifiċi ulterjuri. Sabiex jiġi inkwadrat b’mod adegwat l-iżvilupp tax-xogħol fuq il-pjattaformi b’mod sostenibbli, huwa meħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi drittijiet minimi għall-ħaddiema tal-pjattaformi u regoli biex titjieb il-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, biex tindirizza dawk l-isfidi. Jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri li jiffaċilitaw id-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni, u jenħtieġ li tittejjeb it-trasparenza fir-rigward tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntieri. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jingħataw drittijiet li jkollhom bl-għan li jippromwovu t-trasparenza, il-korrettezza, is-sorveljanza minn bniedem, is-sigurtà u l-akkontabilità. Jenħtieġ li dawk id-drittijiet jiġu pprovduti bl-għan li jiġu protetti l-ħaddiema u jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-ġestjoni algoritmika, inkluż l-eżerċizzju ta’ negozjar kollettiv. Jenħtieġ li dan isir bil-għan li tittejjeb iċ-ċertezza legali u bil-għan li jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti bejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali u l-fornituri ta’ servizzi offline u li jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-Unjoni. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Din ma rriżultatx fi qbil bejn is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet. Madankollu, huwa importanti li tittieħed azzjoni f’dan il-qasam fil-livell tal-Unjoni, billi l-qafas legali attwali jiġi adattat għall-emerġenza tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż fir-rigward tal-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet skambji estensivi ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż pjattaformi tax-xogħol diġitali, assoċjazzjonijiet tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, esperti mill-akkademja, l-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
|
(16) |
Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi u li tipproteġi d-data personali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Iż-żewġ objettivi humasegwiti simultanjament u, filwaqt li jsaħħu lil xulxin u huma marbuta b’mod inseparabbli, wieħed mhuwiex sekondarju għall-ieħor. Fir-rigward tal-Artikolu 153(1), il-punt (b), TFUE, din id-Direttiva tistipula regoli bil-għan li jappoġġaw id-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-trasparenza fir-rigward tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntieri, kif ukoll li jipproteġu lill-ħaddiema fil-kuntest tal-ġestjoni algoritmika. Fir-rigward tal-Artikolu 16 TFUE, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli biex tittejjeb il-protezzjoni tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom billi jiżdiedu t-trasparenza, il-korrettezza, is-sorveljanza minn bniedem, is-sigurtà u l-akkontabilità tal-proċeduri ta’ ġestjoni algoritmika rilevanti fix-xogħol fuq il-pjattaformi. |
|
(17) |
Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni li għandhom, jew li, abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatti, jitqies li għandhom, kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri, b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni algoritmika li huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali jenħtieġ li japplikaw ukoll għall- persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma jkollhomx kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg. |
|
(18) |
Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi regoli obbligatorji li japplikaw għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali kollha, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tagħhom jew mil-liġi applikabbli b’mod ieħor, sakemm ix-xogħol fuq il-pjattaformi organizzat permezz ta’ dik il-pjattaforma tax-xogħol diġitali jitwettaq fl-Unjoni. |
|
(19) |
Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali huma differenti mill-pjattaformi online l-oħra fis-sens li jużaw sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet biex jorganizzaw ix-xogħol imwettaq mill-individwi fuq it-talba, ta’ darba jew ripetuta, tar-riċevitur ta’ servizz provdut mill-pjattaforma. Is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jipproċessaw id-data personali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u jieħdu jew jappoġġaw deċiżjonijiet li jaffettwaw, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawk il-karatteristiċi jwasslu biex il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jkollhom forma distinta ta’ organizzazzjoni tal-forniment ta’ servizzi minn professjonisti meta mqabbla ma’ forom aktar tradizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-forniment ta’ servizzi, bħal forom tradizzjonali ta’ ride-hailing jew ta’ dispaċċ ta’ servizzi tat-trasport. Barra minn hekk, iż-żieda fil-kumplessità fl-organizzazzjoni strutturali tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali timxi id f’id mal-evoluzzjoni rapida tagħhom, li spiss toħloq sistemi b’ġeometrija varjabbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol. Pereżempju, jista’ jkun hemm każijiet fejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu servizz li r-riċevitur tiegħu jkun il-pjattaforma tax-xogħol diġitali nnifisha jew entità kummerċjali distinta fl-istess grupp ta’ impriżi, jew inkella jorganizzaw ix-xogħol b’tali mod li jċajpar ix-xejriet tradizzjonali li huma tipikament rikonoxxibbli fis-sistemi tal-forniment ta’ servizzi.Dan jista’ jkun ukoll il-każ għal pjattaformi ta’ mikroxogħol jew ta’ esternalizzazzjoni miftuħa, li huma tip ta’ pjattaforma tax-xogħol diġitali online li jipprovdu lin-negozji u lil klijenti oħra b’aċċess għal forza tax-xogħol kbira u flessibbli biex jitlestew kompiti żgħar li jistgħu jsiru mill-bogħod permezz ta’ kompjuter u konnessjoni mal-Internet, bħall-ittaggjar. Il-kompiti jinqasmu u jitqassmu lil għadd kbir ta’ individwi (il-parteċipanti) li jistgħu jlestuhom b’mod asinkroniku. |
|
(20) |
L-organizzazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-individwi jenħtieġ li tinvolvi, bħala minimu, rwol sinifikanti fit-tqabbil tad-domanda għas-servizz mal-provvista tax-xogħol minn individwu li jkollu relazzjoni kuntrattwali mal-pjattaforma tax-xogħol diġitali, jew intermedjarju, irrispettivament mid-deżinjazzjoni formali mill-partijiet jew min-natura tagħha, u li jkun disponibbli biex iwettaq kompitu speċifiku. L-organizzazzjoni ta’ tali xogħol tista’ tinkludi attivitajiet oħra, bħall-ipproċessar tal-pagamenti. Jenħtieġ li l-pjattaformi online li ma jorganizzawx ix-xogħol imwettaq mill-individwi, iżda sempliċiment jipprovdu l-mezzi li bihom il-fornituri tas-servizzi jistgħu jilħqu lill-utent finali, mingħajr aktar involviment tal-pjattaforma, pereżempju billi jirreklamaw l-offerti jew it-talbiet għas-servizzi jew jaggregaw u juru l-fornituri tas-servizzi disponibbli f’żona speċifika, ma jitqisux li huma pjattaformi tax-xogħol diġitali. Id-definizzjoni ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali jenħtieġ li ma tinkludix lill-fornituri ta’ servizz li l-fini ewlieni tagħhom huwa li jisfruttaw jew li jaqsmu l-assi, bħall-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, jew li permezz tagħha individwi li ma jkunux professjonisti jistgħu jbigħu oġġetti mill-ġdid, u lanqas dawk li jorganizzaw l-attivitajiet tal-voluntiera. Jenħtieġ li d-definizzjoni tkun limitata għall-fornituri ta’ servizz li għalihom l-organizzazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-individwu, bħat-trasport ta’ persuni jew oġġetti jew tindif, tikkostitwixxi komponent meħtieġ u komponent essenzjali, u mhux sempliċiment komponent minuri u purament anċillari. |
|
(21) |
L-arranġamenti u l-proċessi tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u jirriflettu l-istejjer, l-istituzzjonijiet u s-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi rispettivi tagħhom. Fost il-kundizzjonijiet propizji għal djalogu soċjali li jiffunzjona sew hemm l-eżistenza ta’ trade unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi b’saħħithom u indipendenti, b’aċċess għall-informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jipparteċipaw fid-djalogu soċjali, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tan-negozjar kollettiv. |
|
(22) |
Skont il-Konvenzjoni Nru 135 (1971) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), attwalment ratifikata minn 24 Stat Membru, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jkunu persuni li huma rikonoxxuti bħala tali skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, kemm jekk ikunu rappreżentanti tat-trade unions, jiġifieri rappreżentanti maħtura jew eletti mit-trade unions jew minn membri ta’ tali unions, kif ukoll rappreżentanti eletti, jiġifieri rappreżentanti li jiġu eletti liberament mill-ħaddiema tal-impriża f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet jew tar-regolamenti nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi u li l-funzjonijiet tagħhom ma jkunux attivitajiet li jkunu rikonoxxuti bħala l-prerogattiva esklużiva tat-trade unions fil-pajjiż ikkonċernat. Dik il-Konvenzjoni tiddikjara li, meta jkun hemm rappreżentanti tat-trade unions u rappreżentanti eletti fl-istess impriża, din ir-rappreżentanza ma għandhiex tintuża biex jiddgħajfu l-pożizzjonijiet tat-trade unions ikkonċernati jew tar-rappreżentanti tagħhom, u li għandha tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti eletti u t-trade unions ikkonċernati jew ir-rappreżentanti tagħhom. |
|
(23) |
L-Istati Membri rratifikaw il-Konvenzjoni Nru 98 tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv (1949), li tipprovdi li atti li huma mfassla biex jippromwovu l-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema taħt id-dominanza ta’ impjegaturi jew ta’ organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, jew biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema b’mezzi finanzjarji jew b’mezzi oħra bl-għan li dawn l-organizzazzjonijiet jitqiegħdu taħt il-kontroll ta’ impjegaturi jew organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu atti ta’ interferenza, li l-Istati Membri tal-ILO jeħtieġ li jipproteġu l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema minnhom. Huwa importanti li tali atti huma indirizzati sabiex jiġi żgurat li, meta jiġu definiti jew implimentati arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni skont din id-Direttiva, l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jaħdmu fi spirtu ta’ kooperazzjoni b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-interessi kemm tal-impriża jew l-istabbiliment kif ukoll tal-ħaddiema. |
|
(24) |
F’xi każijiet, il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi ma għandhomx relazzjoni kuntrattwali diretta mal-pjattaforma tax-xogħol diġitali, iżda jinsabu f’relazzjoni ma’ intermedjarju li permezz tiegħu jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Dan il-mod kif jiġi organizzat ix-xogħol fuq il-pjattaformi spiss jirriżulta f’firxa wiesgħa ta’ relazzjonijiet differenti u kumplessi b’diversi partijiet, inkluż ktajjen ta’ sottokuntrattar, kif ukoll f’responsabbiltajiet imċajpra bejn il-pjattaforma tax-xogħol diġitali u l-intermedjarji. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz ta’ intermedjarji huma esposti għall-istess riskji relatati mal-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg tagħhom u mal-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet bħall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi direttament għall-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li, skont din id-Direttiva, persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jaħdmu permezz ta’ intermedjarji jgawdu l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jkollhom relazzjoni kuntrattwali diretta mal-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa, inkluż fejn xieraq permezz ta’ sistemi ta’ responsabbiltà in solidum. |
|
(25) |
Sabiex jiġġieldu kontra l-impjieg indipendenti falz fix-xogħol fuq il-pjattaformi u sabiex jiffaċilitaw id-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom proċeduri xierqa fis-seħħ biex jipprevjenu u jindirizzaw il-klassifikazzjoni ħażina tal-istatus fl-impjieg tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Jenħtieġ li l-għan ta’ dawk il-proċeduri jkun li tiġi aċċertata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg kif definita mil-liġi nazzjonali, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika, b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk li jiġi żgurat li l-ħaddiema tal-pjattaformi jgawdu bis-sħiħ l-istess drittijiet ta’ impjieg bħal ħaddiema oħra f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, mal-liġi nazzjonali u mal-ftehimiet kollettivi rilevanti. Meta l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg tiġi stabbilita abbażi tal-fatti, il-parti jew il-partijiet responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-impjegatur jenħtieġ li jiġu identifikati b’mod ċar u jenħtieġ li jikkonformaw mal-obbligi korrispondenti tal-impjegaturi skont il-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi applikabbli fis-settur tal-attività. |
|
(26) |
Meta xi parti tinstab li tkun impjegatur u tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun aġenzija tax-xogħol temporanju f’konformità mad-Direttiva 2008/104/KE, japplikaw l-obbligi skont dik id-Direttiva. |
|
(27) |
Il-prinċipju ta’ supremazija tal-fatti, li jfisser li l-aċċertazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg, jenħtieġ li tkun iggwidata primarjament mill-fatti marbuta mat-twettiq effettiv tax-xogħol, inkluż ir-remunerazzjoni għax-xogħol, u mhux mid-deskrizzjoni tar-relazzjoni mill-partijiet, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni 198 tal-ILO dwar ir-Rakkomandazzjoni ta’ Relazzjoni ta’ Impjieg Nru 198 (2006), huwa partikolarment rilevanti fil-każ tax-xogħol fuq il-pjattaformi fejn il-kundizzjonijiet kuntrattwali spiss jiġu ddeterminati b’mod unilaterali minn parti waħda. |
|
(28) |
L-abbuż tal-istatus tal-persuni b’impjieg indipendenti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’sitwazzjonijiet transfruntieri, huwa forma ta’ xogħol iddikjarat b’mod falz li sikwit ikun assoċjat ma’ xogħol mhux iddikjarat. L-impjieg indipendenti falz iseħħ meta persuna tkun iddikjarata bħala persuna b’impjieg indipendenti filwaqt li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ impjieg. Dikjarazzjoni falza ta’ impjieg independenti spiss issir biex jiġu evitati ċerti obbligi legali jew fiskali jew biex jinħoloq vantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma’ impriżi li josservaw il-liġi. F’numru ta’ sentenzi (12), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klassifikazzjoni ta’ persuna b’impjieg indipendenti skont il-liġi nazzjonali ma teskludix li dik il-persuna tiġi kkwalifikata bħala ħaddiem skont it-tifsira tal-liġi tal-Unjoni jekk il-fatt li dik il-persuna taħdem għal rasha jkun biss fittizju, u b’hekk fir-realtà jaħbi relazzjoni ta’ impjieg. |
|
(29) |
Jenħtieġ li l-iżgurar tad-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi ma jipprevjenix it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-persuni b’impjieg indipendenti ġenwin li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2022, li fiha “Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni f’impjieg indipendenti mingħajr impjegati” u tindika li, skont il-Kummissjoni, il-ftehimiet kollettivi bejn il-persuni f’impjieg indipendenti mingħajr impjegati u l-pjattaformi tax-xogħol diġitali relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tista’, għal dak l-għan, isservi bħala gwida utli. Madankollu, huwa kruċjali li l-introduzzjoni ta’ dawk il-ftehimiet kollettivi ma ddgħajjifx l-objettivi ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-klassifikazzjoni korretta tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fir-rigward tal-istatus fl-impjieg tagħhom. |
|
(30) |
Id-direzzjoni u l-kontroll jistgħu jieħdu forom differenti f’każijiet konkreti, meta jitqies li l-mudell tal-ekonomija tal-pjattaformi qed jevolvi b’mod kostanti. Pereżempju, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali tista’ teżerċita direzzjoni u kontroll mhux biss b’mezzi diretti, iżda wkoll billi tapplika miżuri punittivi jew forom oħra ta’ trattament negattiv jew pressjoni. Fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi, spiss ikun diffiċli għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jkollhom aċċess xieraq għall-għodod u informazzjoni meħtieġa biex jasserixxu quddiem awtorità kompetenti n-natura reali tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom u d-drittijiet li jidderivaw minnha. Barra minn hekk, il-ġestjoni tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Dawk il-karatteristiċi tax-xogħol fuq il-pjattaformi jipperpetwaw il-fenomenu tal-klassifikazzjoni ħażina bħala impjieg indipendenti falz, u b’hekk ifixklu d-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u l-aċċess għal kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol deċenti mill-ħaddiema tal-pjattaformi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri li jipprevedu faċilitazzjoni proċedurali effettiva għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi meta jiddeterminaw l-istatus fl-impjieg korrett tagħhom. F’dak il-kuntest, il-preżunzjoni legali ta’ relazzjoni ta’ impjieg favur persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi hija strument effettiv li jikkontribwixxi ħafna għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi. Għalhekk, din ir-relazzjoni kuntrattwali jenħtieġ li tkun legalment preżunta bħala relazzjoni ta’ impjieg kif definita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jinstabu fatti li jindikaw direzzjoni u kontroll. |
|
(31) |
Preżunzjoni legali effettiva teħtieġ li l-liġi nazzjonali effettivament tagħmilha faċli biex il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jibbenefikaw mill-preżunzjoni. Jenħtieġ li r-rekwiżiti skont il-preżunzjoni legali ma jkunux ta’ piż u jenħtieġ li jtaffu d-diffikultajiet ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi biex jipprovdu evidenza li tindika l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg f’sitwazzjoni fejn hemm żbilanċ tal-poter fil-konfront tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali. L-għan tal-preżunzjoni legali huwa li tindirizza u tikkoreġi b’mod effettiv l-iżbilanċ tal-poter bejn il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u l-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Jenħtieġ li l-modalitajiet tal-preżunzjoni legali jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, dment li dawk il-modalitajiet jiżguraw l-istabbiliment ta’ preżunzjoni legali konfutabbli effettiva ta’ impjieg li tikkostitwixxi faċilitazzjoni proċedurali għall-benefiċċju tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, u li ma jkollhomx l-effett li jżidu l-piż tar-rekwiżiti fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew fuq ir-rappreżentanti tagħhom fi proċedimenti biex jiġi determinat l-istatus fl-impjieg korrett ta’ tali persuni. Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni legali ma twassalx awtomatikament għar-riklassifikazzjoni tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Jekk il-pjattaforma tax-xogħol diġitali titlob li tikkonfuta l-preżunzjoni legali, jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tkun responsabbli li tagħti prova li r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma tkunx relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri, b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
(32) |
F’konformità mal-objettiv ta’ din id-Direttiva li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi billi tiffaċilita d-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tagħhom u b’hekk tiżgura li dawn igawdu d-drittijiet rilevanti li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali u mill-ftehimiet kollettivi, jenħtieġ li l-preżunzjoni legali tapplika fil-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji rilevanti kollha fejn ikun ikkonċernat l-istatus fl-impjieg tal-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi. Filwaqt li din id-Direttiva ma timponi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex japplikaw il-preżunzjoni legali għal proċedimenti tat-taxxa, dawk kriminali jew tas-sigurtà soċjali, huwa kruċjali li l-preżunzjoni legali tiġi applikata b’mod effettiv fl-Istati Membri kollha, skont din id-Direttiva. B’mod partikolari, jenħtieġ li xejn f’din id-Direttiva ma jipprevjeni lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta’ liġi nazzjonali, milli japplikaw il-preżunzjoni legali fi proċedimenti fiskali, kriminali jew tas-sigurtà soċjali jew fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji oħra jew milli jirrikonoxxu r-riżultati tal-proċedimenti li fihom il-preżunzjoni legali tkun ġiet applikata għall-finijiet tal-għoti ta’ drittijiet lil ħaddiema riklassifikati taħt oqsma oħra tal-liġi. |
|
(33) |
Fl-interessi taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-preżunzjoni legali ma jkollha l-ebda effett legali retroattiv u għalhekk jenħtieġ li tapplika biss għall-perjodu li jibda mit-2 ta’ Diċembru 2026, inkluż għar-relazzjonijiet kuntrattwali konklużi qabel dik id-data u li jkunu għadhom għaddejjin f’dik id-data. Għalhekk, jenħtieġ li l-pretensjonijiet marbuta mal-eżistenza possibbli ta’ relazzjoni ta’ impjieg qabel dik id-data u d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw sa dik id-data jiġu vvalutati biss abbażi tal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli qabel dik id-data, inkluż id-Direttiva (UE) 2019/1152. |
|
(34) |
Ir-relazzjoni bejn persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi u pjattaforma tax-xogħol diġitali tista’ ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ relazzjoni ta’ impjieg f’konformità mad-definizzjoni stabbilita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ tal-Istat Membru rilevanti, b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li huwa possibbli li l-preżunzjoni legali tiġi kkonfutata billi tingħata prova, abbażi ta’ dik id-definizzjoni, li r-relazzjoni inkwistjoni ma tkunx relazzjoni ta’ impjieg. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom stampa ġenerali kompluta tal-elementi fattwali kollha li jiddeterminaw in-natura legali tar-relazzjoni, b’mod partikolari l-algoritmi li permezz tagħhom jimmaniġġaw l-operazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li pjattaformi tax-xogħol diġitali jkollhom l-oneru tal-prova meta jargumentaw li r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni mhijiex relazzjoni ta’ impjieg. Jenħtieġ li konfutazzjoni tal-preżunzjoni legali fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li tkun ta’ suċċess ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-preżunzjoni legali fi proċedimenti ġudizzjarji jew appelli sussegwenti, f’konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali. |
|
(35) |
L-implimentazzjoni effettiva tal-preżunzjoni legali permezz ta’ qafas ta’ miżuri ta’ appoġġ hija essenzjali biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trasparenza għall-partijiet kollha involuti. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jinkludu t-tixrid ta’ informazzjoni komprensiva lill-pubbliku, l-iżvilupp ta’ gwida fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti u prattiċi għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali, il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u t-twettiq ta’ kontrolli u spezzjonijiet effettivi, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali inkluż, kif xieraq, billi jiġu stabbiliti miri għal dawn il-kontrolli u spezzjonijiet. |
|
(36) |
Jenħtieġ li tali miżuri jappoġġaw l-aċċertazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istat Membru inkwistjoni b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja inkluż, jekk xieraq, il-konferma ta’ klassifikazzjoni ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaforma bħala persuna f’impjieg indipendenti ġenwin. Biex dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, b’attenzjoni partikolari għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali, jenħtieġ li jkollhom biżżejjed persunal. Dan jirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiġu pprovduti bir-riżorsi umani adegwati li jkollhom il-ħiliet meħtieġa u aċċess għal taħriġ xieraq u d-disponibbiltà ta’ għarfien espert tekniku fil-qasam tal-ġestjoni algoritmika. Il-Konvenzjoni Nru 81 tal-ILO dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947) tipprevedi indikazzjonijiet dwar kif għandu jiġi ddeterminat għadd suffiċjenti ta’ spetturi tax-xogħol għat-twettiq effettiv tad-dmirijiet tagħhom. Jenħtieġ li deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li tirriżulta f’bidla fl-istatus fl-impjieg ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi titqies mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jiddeċiedu dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet li jkun bi ħsiebhom iwettqu. |
|
(37) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkollaboraw ma’ xulxin, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, kif previst skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, għall-fini li tiġi żgurata d-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. |
|
(38) |
Filwaqt li r-Regolament (UE) 2016/679 jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi li jindirizzaw it-tħassib marbut mal-ipproċessar tad-data personali permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi. L-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2016/679 diġà jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, bil-liġi jew permezz ta’ ftehimiet kollettivi, jipprevedu regoli aktar speċifiċi biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tal-impjieg. Din id-Direttiva tipprevedi salvagwardji aktar speċifiċi li jikkonċernaw l-ipproċessar tad-data personali permezz ta’ sistemi awtomatizzati fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi, u b’hekk tipprevedi livell ogħla ta’ protezzjoni tad-data personali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. B’mod partikolari, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli aktar speċifiċi b’rabta mar-Regolament (UE) 2016/679 li jikkonċerna l-użu ta’ u t-trasparenza fir-rigward tat-teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll miżuri addizzjonali fir-rigward tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi biex tissalvagwardja l-protezzjoni tad-data personali ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, b’mod partikolari meta d-deċiżjonijiet jittieħdu jew jiġu appoġġati mill-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali. Jenħtieġ li t-termini relatati mal-protezzjoni tad-data personali f’din id-Direttiva jinftiehmu fid-dawl tad-definizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679. |
|
(39) |
L-Artikoli 5, 6 u 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 jeħtieġu li d-data personali tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti. Dan jimplika ċerti restrizzjonijiet fuq il-mod li bih il-pjattaformi tax-xogħol diġitali huma kapaċi jipproċessaw id-data personali permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Madankollu, fil-każ partikolari tax-xogħol fuq il-pjattaformi, il-kunsens tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom ma jistax jiġi preżunt li ngħata liberament. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi spiss ma jkollhomx għażla libera ġenwina jew ma jkunux jistgħu jirrifjutaw jew jirtiraw il-kunsens mingħajr detriment għar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom, minħabba l-iżbilanċ tal-poter bejn il-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi u l-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali ma jipproċessawx id-data personali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi abbażi tal-fatt li persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi tkun tat il-kunsens tagħha għall-ipproċessar tad-data personali tagħha. |
|
(40) |
Jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali, permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew kwalunkwe sistema awtomatizzata li tintuża biex tieħu jew tappoġġa deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, ma jipproċessawx data personali dwar l-istat emozzjonali jew psikoloġiku tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, u lanqas ma jipproċessaw data personali marbuta mal-konverżazzjonijiet privati tagħhom, jew jiġbru data personali waqt li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi ma jkunux qed joffru jew iwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, jipproċessaw data personali biex ibassru l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, inkluż il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettivi jew id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, kif definit fil-Karta, jew jipproċessaw data personali biex jinferixxu l-oriġini razzjali jew etnika, l-istatus tal-migrazzjoni, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, id-diżabilità, l-istat tas-saħħa, inkluż l-istatus ta’ mard kroniku jew tal-HIV, l-istat emozzjonali jew psikoloġiku, is-sħubija fi trade union, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna. |
|
(41) |
Jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali ma jipproċessawx id-data bijometrika tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għall-fini ta’ identifikazzjoni, jiġifieri l-istabbiliment tal-identità ta’ persuna billi jqabblu d-data bijometrika tagħha mad-data bijometrika maħżuna ta’ għadd ta’ individwi f’bażi ta’ data (identifikazzjoni bi tqabbil ma’ ħafna oħrajn). Dan ma jaffettwax il-possibbiltà tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jwettqu verifika bijometrika, jiġifieri li jivverifikaw l-identità ta’ persuna billi jqabblu d-data bijometrika tagħha mad-data provduta qabel minn dik l-istess persuna (verifika jew awtentikazzjoni individwali) meta dan l-ipproċessar tad-data personali jkun legali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew liġi rilevanti oħra tal-Unjoni u nazzjonali. |
|
(42) |
Data bbażata fuq il-bijometrika hija data personali li tirriżulta minn ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-fattizzi, is-sinjali jew il-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew ta’ mġiba ta’ persuna fiżika, bħall-espressjonijiet tal-wiċċ, il-movimenti, il-frekwenza tal-polz, il-vuċi, l-ittastjar jew il-mixja, li jistgħu jippermettu jew jikkonfermaw l-identifikazzjoni ta’ persuna fiżika. |
|
(43) |
L-ipproċessar tad-data personali minn sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jintużaw mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali x’aktarx li jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali dejjem iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2016/679. Filwaqt li tqis l-effetti li d-deċiżjonijiet meħuda mis-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandhom fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, b’mod partikolari, fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi, din id-Direttiva tistabbilixxi regoli aktar speċifiċi rigward il-konsultazzjoni mal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u r-rappreżentanti tagħhom fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. |
|
(44) |
Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jkunu soġġetti għal obbligi ta’ trasparenza u informazzjoni b’rabta mas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati li jintużaw biex jittieħdu jew jiġu appoġġati deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi, bħall-aċċess tagħhom għall-inkarigi tax-xogħol, il-qligħ tagħhom, is-sikurezza u s-saħħa tagħhom, il-ħin tax-xogħol tagħhom, l-aċċess tagħhom għat-taħriġ, il-promozzjoni tagħhom jew l-ekwivalenti tagħha, u l-istatus kuntrattwali tagħhom, inkluż ir-restrizzjoni, is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-kont tagħhom. Jenħtieġ li jiġi speċifikat it-tip u l-forma ta’ informazzjoni li għandha tingħata lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fir-rigward ta’ dawn is-sistemi awtomatizzati, kif ukoll il-ħin tal-forniment tagħha. Jenħtieġ li l-ħaddiema individwali tal-pjattaformi jirċievu dik l-informazzjoni f’forma konċiża, sempliċi u li tinftiehem, sa fejn is-sistemi u l-karatteristiċi tagħhom jaffettwawhom direttament u, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, sabiex ikunu infurmati b’mod effettiv. Jenħtieġ li jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu informazzjoni komprensiva u dettaljata dwar is-sistemi rilevanti kollha. Jenħtieġ li informazzjoni komprensiva u dettaljata dwar dawn is-sistemi awtomatizzati tingħata wkoll lir-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fuq talba tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. |
|
(45) |
Minbarra d-dritt għall-portabbiltà tad-data personali li s-suġġett tad-data jkun ipprovda lil kontrollur f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkollhom id-dritt li jirċievu, mingħajr xkiel u f’format strutturat, użat b’mod komuni u li jinqara mill-magni, kwalunkwe data personali ġġenerata permezz tat-twettiq tax-xogħol tagħhom fil-kuntest tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew is-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ pjattaforma tax-xogħol diġitali, inkluż klassifikazzjonijiet u rieżamijiet, biex jittrażmettuha jew tiġi trażmessa lil parti terza, inkluż pjattaforma oħra tax-xogħol diġitali. Jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi b’għodod biex jiffaċilitaw portabbiltà effettiva tad-data li tkun mingħajr ħlas, sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva u skont ir-Regolament (UE) 2016/679. |
|
(46) |
F’xi każijiet, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali ma jtemmux ir-relazzjoni tagħhom formalment ma’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi iżda jirrestrinġu l-kont tal-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi. Ir-restrizzjoni tal-kont għandha tinftiehem bħala kwalunkwe limitazzjoni imposta fuq il-kapaċità ta’ dik il-persuna li jitwettaq xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-kont, inkluż restrizzjoni tal-aċċess għall-kont jew għall-inkarigi tax-xogħol. |
|
(47) |
Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jagħmlu użu estensiv mis-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew is-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-ġestjoni ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Il-monitoraġġ b’mezzi elettroniċi jista’ jkun intrużiv u d-deċiżjonijiet meħuda jew appoġġati minn tali sistemi, bħal dawk relatati mal-offerta jew assenjazzjoni tal-kompiti, il-qligħ, is-sikurezza u s-saħħa, il-ħin tax-xogħol, l-aċċess għat-taħriġ, il-promozzjoni jew l-istatus fi ħdan l-organizzazzjoni u l-istatus kuntrattwali, jaffettwaw direttament lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, li jista’ ma jkollhomx kuntatt dirett ma’ maniġer jew superviżur uman. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiżguraw sorveljanza minn bniedem u regolarment, f’kwalunkwe każ kull sentejn, iwettqu evalwazzjoni tal-impatt tad-deċiżjonijiet individwali meħuda jew appoġġati minn sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi inkluż, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u t-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu involuti fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiżguraw li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani għall-għan ta’ tali sorveljanza u evalwazzjoni. Jenħtieġ li l-persuni inkarigati mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali bil-funzjoni ta’ sorveljanza jkollhom il-kompetenza, it-taħriġ u l-awtorità meħtieġa biex jeżerċitaw dik il-funzjoni, u b’mod partikolari d-dritt li jmorru kontra deċiżjonijiet awtomatizzati. Jenħtieġ li jkunu protetti mit-tkeċċija, minn miżuri dixxiplinarji jew trattament negattiv ieħor talli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, huwa importanti li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jindirizzaw in-nuqqasijiet sistematiċi fl-użu tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Għalhekk, meta l-attivitajiet ta’ sorveljanza jidentifikaw riskui għoli ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, jew il-ksur tad-drittijiet tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzawhom, inkluż il-possibbiltà li dawn is-sistemi jitwaqqfu. |
|
(48) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 jirrikjedi lill-kontrolluri tad-data jimplimentaw il-miżuri adatti biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data f’każijiet fejn dan tal-aħħar ikun soġġett għal deċiżjonijiet ibbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat. Dik id-dispożizzjoni tirrikjedi, bħala minimu, id-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb intervent uman min-naħa tal-kontrollur, biex jesprimi l-fehma tiegħu u jikkontesta d-deċiżjoni. Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, fil-kuntest tal-ġestjoni algoritmika u b’kont meħud tal-impatt serju fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi tad-deċiżjonijiet li jirrestrinġu, jissospendu jew jitterminaw ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom jew il-kont tagħhom, jew kwalunkwe deċiżjoni ta’ detriment ekwivalenti, jenħtieġ li tali deċiżjonijiet dejjem jittieħdu minn bniedem. |
|
(49) |
Minbarra r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-kuntest tal-ġestjoni algoritmika fix-xogħol fuq il-pjattaformi, jenħtieġ li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkollhom id-dritt li jiksbu, mingħajr dewmien żejjed, spjegazzjoni mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali dwar deċiżjoni, nuqqas ta’ deċiżjoni jew sett ta’ deċiżjonijiet meħuda jew appoġġati minn sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.Għal dak il-fini jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tipprovdi lil persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi bil-possibbiltà li jiddiskutu u jiċċaraw il-fatti, iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet ma’ persuna ta’ kuntatt umana fuq il-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Barra minn hekk, ċerti deċiżjonijiet x’aktarx ikollhom effetti negattivi partikolarment sinifikanti fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, b’mod partikolari fuq il-qligħ potenzjali tagħhom. Biex deċiżjoni li tirrestrinġi, tissospendi jew tittermina l-kont ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi, li tirrifjuta li tħallas għax-xogħol imwettaq minn dik il-persuna, jew li taffettwa l-aspetti essenzjali tar-relazzjoni kuntrattwali, jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tipprovdi lill-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi b’dikjarazzjoni bil-miktub tar-raġunijiet għal tali deċiżjonijiet, mal-ewwel opportunità u mhux aktar tard mid-data li fiha dawn id-deċiżjonijiet jieħdu effett. Fejn l-ispjegazzjoni jew ir-raġunijiet pprovduti ma jkunux sodisfaċenti jew fejn il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jqisu d-drittijiet tagħhom huma miksura minn xi deċiżjoni, jenħtieġ li huma jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali tirrieżamina d-deċiżjoni u li jirċievu tweġiba sostanzjata mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien ġimagħtejn minn meta tiġi riċevuta t-talba. Meta dawn id-deċiżjonijiet jiksru d-drittijiet ta’ dawk il-persuni, bħad-drittijiet tax-xogħol tagħhom, id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni tagħhom jew id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tirrettifika dawn id-deċiżjonijiet mingħajr dewmien żejjed jew, meta dan ma jkunx possibbli, jenħtieġ li tagħti kumpens adegwat għad-dannu mġarrab u tieħu l-passi meħtieġa biex tevita deċiżjonijiet simili fil-futur, inkluż, jekk xieraq, il-modifika jew it-twaqqif tal-użu tas-sistema awtomatizzata rilevanti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Fir-rigward tar-rieżami tad-deċiżjonijiet minn bniedem, jenħtieġ li jipprevalu d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (UE) 2019/1150 fir-rigward tal-utenti kummerċjali. |
|
(50) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (13) tintroduċi miżuri biex jiġi mħeġġeġ titjib fis-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, inkluż l-obbligu li l-impjegaturi jivvalutaw ir-riskji okkupazzjonali għas-saħħa u s-sigurtà u tistabbilixxi prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni li l-impjegaturi għandhom jimplimentaw. Is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet potenzjalment għandhom impatt sinifikanti fuq is-sikurezza u fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema tal-pjattaformi.Id-direzzjoni, l-evalwazzjoni u d-dixxiplina algoritmiċi jintensifikaw l-isforz tax-xogħol billi jżidu l-monitoraġġ, iżidu l-pass meħtieġ mill-ħaddiema, jimminimizzaw l-interruzzjonijiet fil-fluss tax-xogħol, u jestendu l-attività tax-xogħol lil hinn mill-post tax-xogħol u s-sigħat tax-xogħol konvenzjonali. It-tagħlim limitat fuq il-post tax-xogħol u l-influwenza limitata fuq il-kompiti minħabba l-użu ta’ algoritmi mhux trasparenti, l-intensifikazzjoni tax-xogħol u n-nuqqas ta’ sigurtà derivata mill-użu tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew is-sistemi awtomatizti ta’ teħed ta’ deċiżjonijiet x’aktarx li jżidu l-istress u l-ansjetà tal-forza tax-xogħol. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jevalwaw dawk ir-riskji, jivvalutaw jekk is-salvagwardji tas-sistemi humiex xierqa biex jindirizzaw dawk ir-riskji u jieħdu miżuri preventivi u protettivi xierqa. Jenħtieġ li jevitaw li l-użu ta’ tali sistemi jirriżulta fi pressjoni żejda fuq il-ħaddiema jew ipoġġi s-saħħa tagħhom f’riskju. Sabiex tissaħħaħ l-effettività ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li l-pjattaforma tax-xogħol diġitali tagħmel l-evalwazzjoni tar-riskju tagħha u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni disponibbli għall-ħaddiema tal-pjattaformi, ir-rappreżentanti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti. |
|
(51) |
Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi huma esposti, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ xogħol fuq il-pjattaformi fuq il-post, għal riskju ta’ vjolenza u fastidju, mingħajr ma jkollhom post tax-xogħol fiżiku fejn ikunu jistgħu jindirizzaw l-ilmenti. Il-fastidju u l-fastidju sesswali jista’ jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tal-pjattaformi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu miżuri preventivi, inkluż l-istabbiliment ta’ kanali ta’ rappurtar effettivi. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jappoġġaw miżuri effettivi biex jiġġieldu l-vjolenza u l-fastidju fix-xogħol fuq il-pjattaformi u, b’mod partikolari, jinkludu kanali xierqa għar-rappurtar għall-persuni li jwettqu xogħol ta’ pjattaforma li m’għandhomx relazzjoni ta’ impjieg. |
|
(52) |
L-informazzjoni u l-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, li huma regolati fil-livell tal-Unjoni skont id-Direttiva 2002/14/KE, huma kruċjali għat-trawwim ta’ djalogu soċjali effettiv. Peress li l-introduzzjoni ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew bidliet sostanzjali fl-użu tagħhom mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom impatti diretti fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol individwali tal-ħaddiema tal-pjattaformi, huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jinfurmaw u jikkonsultaw b’mod effettiv lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi qabel ma jittieħdu tali deċiżjonijiet, fil-livell xieraq. Minħabba l-kumplessità teknika tas-sistemi ta’ ġestjoni algoritmika, jenħtieġ li tingħata informazzjoni f’waqtha biex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi jkunu jistgħu jħejju għal konsultazzjoni, bl-assistenza ta’ espert magħżul mill-ħaddiema tal-pjattaformi jew mir-rappreżentanti tagħhom b’mod miftiehem, fejn meħtieġ. Il-miżuri ta’ informazzjoni u konsultazzjoni previsti fid-Direttiva 2002/14/KE jibqgħu mhux affettwati minn din id-Direttiva. |
|
(53) |
Fin-nuqqas ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ħaddiema jiġu infurmati direttament mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali dwar l-introduzzjoni ta’ jew bidliet sostanzjali fl-użu tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. |
|
(54) |
Numru ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi huma persuni b’impjieg indipendenti. L-impatt tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jintużaw mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali fuq il-protezzjoni tad-data personali ta’ persuni b’impjieg indipendenti u fuq l-opportunitajiet ta’ qligħ tagħhom huwa simili għal dak ta’ fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi. Għalhekk, jenħtieġ li d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva li jappartjenu għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-ġestjoni algoritmika, jiġifieri dawk li jikkonċernaw it-trasparenza fir-rigward tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-restrizzjonijiet fuq l-ipproċessar jew il-ġbir tad-data personali, il-monitoraġġ minn bniedem u r-rieżami ta’ deċiżjonijiet sinifikanti, japplikaw ukoll għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma jkollhomx relazzjoni ta’ impjieg. Jenħtieġ li d-drittijiet li jappartjenu għas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema tal-pjattaformi jew mar-rappreżentanti tagħhom, li huma speċifiċi għall-ħaddiema skont il-liġi tal-Unjoni, ma japplikawx għal persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li ma għandhomx relazzjoni ta’ impjieg. Ir-Regolament (UE) 2019/1150 jipprovdi salvagwardji fir-rigward tal-korrettezza u t-trasparenza għall-persuni b’impjieg indipendenti li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, sakemm dawn jitqiesu li huma utenti kummerċjali skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament. Fir-rigward tar-rieżami ta’ deċiżjonijiet sinifikanti minn bniedem, jenħtieġ li jipprevalu d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (UE) 2019/1150 fir-rigward tal-utenti kummerċjali. |
|
(55) |
L-obbligi tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali, inkluż fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni fir-rigward tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, japplikaw irrispettivament minn jekk tali sistemi jkunux maniġġati mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali nnifisha jew minn fornitur estern tas-servizzi li jwettaq l-ipproċessar tad-data f’isem il-pjattaforma tax-xogħol diġitali. |
|
(56) |
Sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti tax-xogħol, b’mod partikolari jekk ikunu stabbiliti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru li fih il-ħaddiem tal-pjattaformi jkun qed iwettaq ix-xogħol jew f’pajjiż terz, jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiddikjaraw ix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema tal-pjattaformi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettaq ix-xogħol. Sistema sistematika u trasparenti għall-għoti ta’ informazzjoni, inkluż fil-livell transfruntier, hija kruċjali wkoll biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta fost il-pjattaformi tax-xogħol diġitali. Jenħtieġ li l-obbligu biex jiġi ddikjarat xogħol imwettaq fuq il-pjattaforma skont din id-Direttiva ma jissostitwix l-obbligi fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet jew ta’ notifiki stabbiliti minn atti legali oħra tal-Unjoni. |
|
(57) |
L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol stabbilita mir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) tikkontribwixxi biex tiżgura mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol madwar l-Unjoni, b’mod partikolari billi tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri bil-ħsieb tal-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti, effiċjenti u effettivi tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, billi tikkoordina u tappoġġa spezzjonijiet miftiehma u konġunti, billi twettaq analiżi u valutazzjoni tar-riskju dwar kwistjonijiet tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol transfruntiera u billi tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat. Għalhekk taqdi rwol importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-attivitajiet transfruntieri ta’ ħafna pjattaformi tax-xogħol diġitali kif ukoll dawk marbuta max-xogħol mhux iddikjarat fix-xogħol fuq il-pjattaformi. |
|
(58) |
L-informazzjoni dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi mwettaq minn persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali, dwar l-għadd ta’ dawk il-persuni, dwar l-istatus fl-impjieg jew kuntrattwali tagħhom u dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għal dawk ir-relazzjonijiet kuntrattwali, hija essenzjali biex jappoġġaw lill-awtoritajiet rilevanti fid-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u biex jiżguraw il-konformità mal-obbligi legali, u huma essenzjali wkoll għar-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol ta’ pjattaformi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet rappreżentattivi tagħhom. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet u r-rappreżentanti jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali għal kjarifiki u dettalji addizzjonali fir-rigward tal-informazzjoni provduta. |
|
(59) |
Hemm evidenza tal-użu tax-xogħol mhux iddikjarat fil-pjattaformi tal-konsenji f’diversi Stati Membri. Dik il-prattika titwettaq permezz ta’ identitajiet mikrija, fejn persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jkollhom id-dritt li jaħdmu jirreġistraw fil-pjattaforma tax-xogħol diġitali u jikru l-kontijiet tagħhom lil migranti mingħajr dokumenti jew lil minorenni. Dan jinvolvi nuqqas ta’ protezzjoni ta’ dawk il-persuni, fosthom ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali, li s-sitwazzjoni tagħhom spiss tirriżulta f’limitazzjoni fl-aċċess għall-ġustizzja minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjoni jew ir-riskju ta’ deportazzjoni. Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra l-impjegaturi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali. L-obbligi ta’ trasparenza u r-regoli dwar l-intermedjarji stabbiliti f’din id-Direttiva jikkontribwixxu bil-qawwa, flimkien mad-Direttiva 2009/52/KE, biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tax-xogħol mhux iddikjarat fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Barra minn hekk, huwa importanti li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiżguraw verifika affidabbli tal-identità tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. |
|
(60) |
Ġiet żviluppata sistema estensiva ta’ dispożizzjonijiet għall-infurzar tal-acquis soċjali fl-Unjoni, li elementi tagħha jenħtieġ li jiġu applikati għal din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkollhom aċċess għal soluzzjoni għat-tilwim f’waqtha, effettiva u imparzjali u għal dritt għal rimedju, inkluż kumpens xieraq għad-dannu mġarrab. Speċifikament, meta titqies in-natura fundamentali tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva, il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jenħtieġ li jkomplu jgawdu minn din il-protezzjoni anke wara tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg jew relazzjoni kuntrattwali oħra li tkun wasslet għall-allegat ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva. |
|
(61) |
Ir-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jenħtieġ li jkunu jistgħu, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, jirrappreżentaw persuna waħda jew aktar li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fi kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv biex jinfurzaw kwalunkwe dritt jew obbligu li jirriżulta minn din id-Direttiva. It-tressiq ta’ pretensjonijiet f’isem il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew b’appoġġ tagħhom huwa mod kif jiġu ffaċilitati l-proċedimenti li inkella ma kinux jitressqu minħabba ostakli proċedurali u finanzjarji jew biża’ ta’ rappreżalji. |
|
(62) |
Ix-xogħol fuq il-pjattaformi huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ post tax-xogħol komuni fejn il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkunu jistgħu jsiru jafu lil xulxin u jikkomunikaw ma’ xulxin u mar-rappreżentanti tagħhom, anke bil-għan li jiddefendu l-interessi tagħhom fir-rigward tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali. Għalhekk, huwa meħtieġ li jinħolqu kanali ta’ komunikazzjoni diġitali, f’konformità mal-organizzazzjoni tax-xogħol tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali, fejn il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ xulxin fil-privat u b’sigurtà u jistgħu jiġu kkuntattjati mir-rappreżentanti tagħhom. Jenħtieġ li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali joħolqu dawn il-kanali ta’ komunikazzjoni fl-infrastruttura diġitali tagħhom jew b’mezzi effettivi simili, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni tad-data personali u joqogħdu lura milli jaċċessaw jew jimmonitorjaw dawk il-komunikazzjonijiet. |
|
(63) |
Fil-proċedimenti amministrattivi jew fil-proċeduri ġudizzjarji rigward id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti b’din id-Direttiva, l-elementi li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol li jagħmluha possibbli li jiġi ddeterminat l-istatus fl-impjieg korrett, u b’mod partikolari jekk il-pjattaforma tax-xogħol diġitali tmexxix jew tikkontrollax ċerti elementi tat-twettiq tax-xogħol, kif ukoll elementi oħra rigward l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, jistgħu jkunu fil-pussess tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali u ma jkunux aċċessibbli faċilment għall-persuni li jwettqu x-xogħol fuq il-pjattaformi u għall-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti għalhekk ikunu jistgħu jordnaw lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali tikxef kwalunkwe evidenza rilevanti taħt il-kontroll tagħhom, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, soġġetta għall-miżuri effettivi biex jipproteġu din l-informazzjoni. |
|
(64) |
Peress li din id-Direttiva tipprevedi regoli aktar speċifiċi u regoli addizzjonali meta mqabbla mar-Regolament (UE) 2016/679 fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji previsti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 ikollhom il-kompetenza li jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta’ dawk is-salvagwardji. Il-qafas proċedurali tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari l-Kapitoli VI, VII u VIII, jenħtieġ li japplika għall-infurzar tar-regoli addizzjonali u aktar speċifiċi ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ superviżjoni, ta’ kooperazzjoni u ta’ konsistenza, tar-rimedji, tar-responsabbiltà u tal-penali, inkluż il-kompetenza li jiġu imposti multi amministrattivi sal-ammonti imsemmija fl-Artikolu 83(5) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(65) |
Is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet użati fil-kuntest tax-xogħol fuq il-pjattaformi jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet ta’ ħaddiema tal-pjattaformi, u dan iqajjem kwistjonijiet ta’ liġi dwar il-protezzjoni tad-data kif ukoll ta’ oqsma oħra tal-liġi, bħal-liġi tax-xogħol. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data u awtoritajiet kompetenti oħra jikkooperaw, anke fil-livell transfruntier, fl-infurzar ta’ din id-Direttiva, inkluż fil-livell transkonfinali billi jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti ma’ xulxin, mingħajr ma jaffettwaw l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data. |
|
(66) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni prevista f’din id-Direttiva, huwa essenzjali li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jeżerċitaw id-drittijiet rispettivi tagħhom previsti minn din id-Direttiva, jiġu protetti mit-tkeċċija, jew mit-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom, u minn kwalunkwe azzjoni b’effett ekwivalenti inkluż is-sospensjoni tal-kont tagħhom. |
|
(67) |
Minħabba li l-objettiv doppju ta’ din id-Direttiva, jiġifieri it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi u l-protezzjoni tad-data personali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi komuni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif jinsab f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(68) |
Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, u għalhekk ma taffettwax il-prerogattiva tal-Istati Membri sabiex jintroduċu u jżommu d-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għal ħaddiema tal-pjattaformi. Jenħtieġ li d-drittijiet miksuba skont il-qafas legali eżistenti jkomplu japplikaw, inkluż fir-rigward ta’ mekkaniżmi li jiżguraw l-eżistenza ta’ relazzjoni tal-impjieg, dment li ma jiġux introdotti dispożizzjonijiet aktar favorevoli permezz ta’ din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tintuża sabiex tnaqqas id-drittijiet eżistenti stipulati fil-liġi eżistenti tal-Unjoni jew nazzjonali f’dan il-qasam, u lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni fil-qasam kopert b’din id-Direttiva jew prerogattivi eżistenti mogħtija lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. |
|
(69) |
L-awtonomija tas-sħab soċjali trid tiġi rrispettata. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu li s-sħab soċjali, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, iżommu, jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw ftehimiet kollettivi li jvarjaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema tal-pjattaformi. |
|
(70) |
Jenħtieġ li fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jevitaw l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali bla bżonn b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Għalhekk, l-Istati Membri mistiedna jivvalutaw l-impatt tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom fuq l-SMEs sabiex jiżguraw li dawn ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, b’attenzjoni partikolari għall-mikrointrapriżi u għall-piż amministrattiv. |
|
(71) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba minn din id-Direttiva. Jenħtieġ li f’konformità mal-liġi u mal-prattika nazzjonali, dawn jieħdu wkoll miżuri adegwati biex jiżguraw li s-sħab soċjali jiġu involuti b’mod effettiv u biex jippromwovu u jsaħħu d-djalogu soċjali bil-għan li tiġi implimentata din id-Direttiva. |
|
(72) |
F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (16), l-Istati Membri ntrabtu li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed, jew aktar, li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata. |
|
(73) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u ppublika kummenti formali fit-2 ta’ Frar 2022, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tad-data personali fix-xogħol fuq il-pjattaformi billi:
|
(a) |
tintroduċi miżuri li jiffaċilitaw id-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi; |
|
(b) |
tippromwovi t-trasparenza, il-ġustizzja, is-sorveljanza minn bniedem, is-sikurezza u l-irfigħ tar-responsabbiltà fil-ġestjoni algoritmika tax-xogħol fuq il-pjattaformi; u |
|
(c) |
ttejjeb it-trasparenza fir-rigward tax-xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntieri. |
2. Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet minimi li japplikaw għal kull persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni li għandha, jew li, abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatti, tista’ titqies li għandha kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli biex tittejjeb il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom billi tipprovdi miżuri dwar il-ġestjoni algoritmika applikabbli għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fl-Unjoni, inkluż dawk li ma għandhomx kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg.
3. Din id-Direttiva tapplika għall-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jorganizzaw xogħol fuq il-pjattaformi mwettaq fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom jew mil-liġi li inkella tkun applikabbli.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“pjattaforma tax-xogħol diġitali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
|
|
(b) |
“xogħol fuq il-pjattaformi” tfisser xogħol organizzat permezz ta’ pjattaforma tax-xogħol diġitali u mwettaq fl-Unjoni minn individwu abbażi ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-pjattaforma tax-xogħol diġitali jew intermedjarju, u l-individwu, irrispettivament minn jekk hemmx relazzjoni kuntrattwali bejn l-individwu jew l-intermedjarju u r-riċevitur tas-servizz; |
|
(c) |
“persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi” tfisser individwu li jwettaq xogħol fuq il-pjattaformi, irrispettivament min-natura tar-relazzjoni kuntrattwali jew id-deżinjazzjoni ta’ dik ir-relazzjoni mill-partijiet involuti; |
|
(d) |
“ħaddiem tal-pjattaformi” tfisser kwalunkwe persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi li għandha, jew titqies li għandha, kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; |
|
(e) |
“intermedjarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, għall-fini li tagħmel ix-xogħol fuq il-pjattaformi disponibbli għal pjattaforma tax-xogħol diġitali jew permezz tagħha:
|
|
(f) |
“rappreżentanti tal-ħaddiema” tfisser rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi, bħal trade unions u rappreżentanti li huma eletti liberament mill-ħaddiema tal-pjattaformi f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali; |
|
(g) |
“rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi” tfisser rappreżentanti tal-ħaddiema u, sa fejn ikun previst fil-liġi u skont il-prattika nazzjonali, rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għajr ħaddiema tal-pjattaformi; |
|
(h) |
“sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ” tfisser sistemi li jintużaw għal jew li jappoġġaw, il-monitoraġġ, is-superviżjoni jew l-evalwazzjoni, permezz ta’ mezzi elettroniċi, tal-prestazzjoni tax-xogħol ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew l-attivitajiet imwettqa fl-ambjent tax-xogħol, inkluż bil-ġbir ta’ data personali,; |
|
(i) |
“sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet” tfisser sistemi użati għat-teħid jew l-appoġġ, permezz ta’ mezzi elettroniċi, ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinifikanti lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, b’mod partikolari deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-reklutaġġ tagħhom, l-aċċess tagħhom għall-inkarigi tax-xogħol u l-organizzazzjoni tagħhom, il-qligħ tagħhom, inkluż il-prezz ta’ inkarigi individwali, is-saħħa u s-sikurezza tagħhom, il-ħin tax-xogħol tagħhom, l-aċċess tagħhom għat-taħriġ, għall-promozzjoni tagħhom jew l-ekwivalenti tagħha, u l-istatus kuntrattwali tagħhom, inkluż ir-restrizzjoni, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-kont tagħhom. |
2. Id-definizzjoni ta’ “pjattaforma tax-xogħol diġitali” stabbilita fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma għandhiex tinkludi fornituri ta’ servizz li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jisfruttaw jew li jikkondividu assi jew li permezz tagħhom individwi li ma jkunux professjonali jistgħu jbiegħu oġġetti mill-ġdid.
Artikolu 3
Intermedjarji
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li, meta pjattaforma tax-xogħol diġitali tuża intermedjarji, il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jkollhom relazzjoni kuntrattwali ma’ intermedjarju jgawdu l-istess livell ta’ protezzjoni mogħti skont din id-Direttiva bħal dawk li għandhom relazzjoni kuntrattwali diretta ma’ pjattaforma tax-xogħol diġitali. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, biex jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa, li għandhom jinkludu, fejn xieraq, sistemi ta’ responsabbiltà in solidum.
KAPITOLU II
STATUS FL-IMPJIEG
Artikolu 4
Determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett
1. L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri xierqa u effettivi biex jivverifikaw u jiżguraw id-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, sabiex jaċċertaw l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri, b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni legali ta’ relazzjoni ta’ impjieg skont l-Artikolu 5.
2. L-aċċertazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg għandha tkun iggwidata primarjament mill-fatti marbuta mat-twettiq attwali tax-xogħol, inkluż l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-organizzazzjoni tax-xogħol fuq il-pjattaformi, irrispettivament minn kif tiġi deżinjata r-relazzjoni fi kwalunkwe arranġament kuntrattwali li seta’ ġie miftiehem bejn il-partijiet involuti.
3. Meta l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg tiġi stabbilita, il-parti jew il-partijiet responsabbli għall-obbligi ta’ impjegatur għandhom jiġu identifikati b’mod ċar f’konformità mas-sistemi legali nazzjonali.
Artikolu 5
Preżunzjoni legali
1. Ir-relazzjoni kuntrattwali bejn pjattaforma tax-xogħol diġitali u persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi permezz ta’ dik il-pjattaforma għandha tiġi preżunta legalment bħala relazzjoni ta’ impjieg meta jinstabu fatti li jindikaw direzzjoni u kontroll, f’konformità mal-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri u b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk il-pjattaforma tax-xogħol diġitali titlob li tikkonfuta l-preżunzjoni legali, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tkun responsabbli biex tagħti prova li r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni mhijiex relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri, b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu preżunzjoni legali konfutabbli effettiva ta’ relazzjoni ta’ impjieg li tikkostitwixxi faċilitazzjoni proċedurali għall-benefiċċju tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi.Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-preżunzjoni legali ma jkollhiex l-effett li żżid il-piż tar-rekwiżiti fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, jew ir-rappreżentanti tagħhom, fil-proċedimenti biex jaċċertaw l-istatus fl-impjieg korrett tagħhom.
3. Il-preżunzjoni legali prevista f’dan l-Artikolu għandha tapplika fil-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji rilevanti kollha meta tkun ikkonċernata d-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi.
Il-preżunzjoni legali ma għandhiex tapplika għall-proċedimenti li jikkonċernaw kwistjonijiet fiskali, kriminali jew tas-sigurtà soċjali. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-preżunzjoni legali f’tali proċedimenti bħala kwistjoni ta’ liġi nazzjonali.
4. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, u, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, ir-rappreżentanti tagħhom, għandu jkollhom id-dritt li jibdew il-proċedimenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 biex jiġi determinat l-istatus fl-impjieg korrett tal-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi.
5. Meta awtorità nazzjonali kompetenti tqis li persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi tista’ tkun klassifikata ħażin, hija għandha tibda azzjonijiet jew proċedimenti xierqa, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, sabiex tiddetermina l-istatus fl-impjieg korrett ta’ dik il-persuna.
6. Fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali li daħlu fihom qabel u li għadhom għaddejja fit-2 ta’ Diċembru 2026, il-preżunzjoni legali prevista f’ dan l-Artikolu għandha tapplika biss għall-perjodu li jibda minn dik id-data.
Artikolu 6
Qafas ta’ miżuri ta’ appoġġ
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas ta’ miżuri ta’ appoġġ sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-preżunzjoni legali u l-konformità magħha. B’mod partikulari, għandhom:
|
(a) |
jiżviluppaw gwida xierqa, inkluż fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti u prattiċi, sabiex pjattaformi tax-xogħol diġitali, persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u sħab soċjali jifhmu u jimplimentaw il-preżunzjoni legali, inkluż il-proċeduri għall-konfutazzjoni tagħha; |
|
(b) |
jiżviluppaw gwida u jistabbilixxu proċeduri xierqa għal awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, inkluż dwar kollaborazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti nazzjonali, sabiex b’mod proattiv jidentifikaw, iżommu fil-mira tagħhom u jsegwu pjattaformi tax-xogħol diġitali li ma jikkonformawx mar-regoli applikabbli għad-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi; |
|
(c) |
jipprevedu kontrolli u spezzjonijiet effettivi mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali u, b’mod partikolari, jipprevedu, fejn xieraq, kontrolli u spezzjonijiet fuq pjattaformi tax-xogħol diġitali speċifiċi fejn l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn tali pjattaforma u persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi tkun ġiet aċċertata minn awtorità nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiżguraw li tali kontrolli u spezzjonijiet ikunu proporzjonati u nondiskriminatorji. |
|
(d) |
jipprevedu taħriġ xieraq għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jipprevedu d-disponibbiltà ta’ għarfien espert tekniku fil-qasam tal-ġestjoni algoritmika, biex tali awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti msemmija fil-punt (b). |
KAPITOLU III
ĠESTJONI ALGORITMIKA
Artikolu 7
Limitazzjonijiet fuq l-ipproċessar ta’ data personali permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet
1. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali ma għandhomx, permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet:
|
(a) |
jipproċessaw kwalunkwe data personali dwar l-istat emozzjonali jew psikoloġiku ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi; |
|
(b) |
jipproċessaw kwalunkwe data personali marbuta ma’ konverżazzjonijiet privati, inkluż l-iskambji ma’ persuni oħra li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u r-rappreżentanti ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq pjattaformi; |
|
(c) |
jiġbru kwalunkwe data personali ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi sakemm dik il-persuna ma tkunx qed toffri jew twettaq xogħol fuq il-pjattaformi; |
|
(d) |
jipproċessaw data personali biex ibassru l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, inkluż il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ negozjar u azzjoni kollettivi jew id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni kif stabbilit fil-Karta; |
|
(e) |
jipproċessaw kwalunkwe data personali biex jinferixxu l-oriġini razzjali jew etnika, l-istatus tal-migrazzjoni, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, id-diżabilità, l-istat tas-saħħa, inkluż l-istatus tal-mard kroniku jew l-HIV, l-istat emozzjonali jew psikoloġiku, is-sħubija fi trade union, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna; |
|
(f) |
jipproċessaw kwalunkwe data bijometrika, kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (14), tar-Regolament (UE) 2016/679, ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi biex jistabbilixxu l-identità ta’ dik il-persuna billi jqabblu dik id-data ma’ data bijometrika ta’ persuni fiżiċi maħżuna f’bażi tad-data. |
2. Dan l-Artikolu għandu japplika għall-persuni kollha li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi mill-bidu tal-proċedura ta’ reklutaġġ jew għażla.
3. Minbarra s-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, dan l-Artikolu għandu japplika wkoll meta l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jużaw sistemi awtomatizzati li jieħdu jew jappoġġaw deċiżjonijiet li jaffettwaw bi kwalunkwe mod lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi.
Artikolu 8
Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data
1. L-ipproċessar ta’ data personali minn pjattaforma tax-xogħol diġitali permezz ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet huwa tip ta’ pproċessar li x’aktarx jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2016/679. Meta, skont dik id-dispożizzjoni, iwettqu l-valutazzjoni tal-impatt tal-ipproċessar ta’ data personali minn sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż fuq il-limitazzjonijiet tal-ipproċessar skont l-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali, filwaqt li jaġixxu bħala kontrolluri kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2016/679, għandhom jitolbu l-opinjoni tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u tar-rappreżentanti tagħhom.
2. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovdu l-valutazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 lir-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Artikolu 9
Trasparenza fir-rigward tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u s-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jinfurmaw lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi u, fuq talba, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dwar l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.
Dik l-informazzjoni għandha tikkonċerna:
|
(a) |
fir-rigward tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ:
|
|
(b) |
fir-rigward tas-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet:
|
|
(c) |
il-kategoriji kollha ta’ deċiżjonijiet meħuda jew appoġġjati minn sistemi awtomatizzati li jaffetwaw persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi f’kwalunkwe mod. |
2. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fil-forma ta’ dokument bil-miktub li jista’ jkun f’forma elettronika. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata f’forma trasparenti, intelliġibbli u aċċessibbli faċilment, b’lingwaġġ ċar u sempliċi.
3. Jenħtieġ li pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu lil persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi f’forma konċiża, bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tas-sistemi u l-karatteristiċi tagħhom li jaffettwawhom direttament, inkluż, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom:
|
(a) |
mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol; |
|
(b) |
qabel l-introduzzjoni ta’ bidliet li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol jew il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tax-xogħol; u |
|
(c) |
fi kwalunkwe ħin fuq talba tagħhom. |
Fuq it-talba ta’ persuni ji jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovduhom ukoll, f’forma komprensiva u dettaljata, bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tas-sistemi rilevanti kollha u l-karatteristiċi tagħhom.
4. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovdu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, f’forma komprensiva u dettaljata, bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tas-sistemi rilevanti kollha u l-karatteristiċi tagħhom. Huma għandhom jipprovdu tali informazzjoni:
|
(a) |
qabel l-użu ta’ dawk is-sistemi; |
|
(b) |
qabel l-introduzzjoni ta’ bidliet li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol jew il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tax-xogħol; u |
|
(c) |
fi kwalunkwe ħin fuq talba tagħhom. |
Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovdu lill--awtoritajiet nazzjonali kompetenti, f’forma komprensiva u dettaljata, bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe ħin fuq talba tagħhom.
5. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-persuni li għaddejjin minn proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ għażla. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’konformità mal-paragrafu 2, għandha tkun konċiża, u għandha tikkonċerna biss is-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew is-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet użati f’dik il-proċedura, u għandha tiġi pprovduta qabel ma tibda l-proċedura ta’ reklutaġġ jew tal-għażla.
6. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għandu jkollhom id-dritt għall-portabbiltà tad-data personali ġġenerata mix-xogħol li jwettqu fil-kuntest tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew is-sistemi awtorizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali, inkluż klassifikazzjonijiet u rieżamijiet, mingħajr effett negattiv fuq id-drittijiet tar-riċevitur tas-servizz skont ir-Regolament (UE) 2016/679.
Il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tipprovdi lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, mingħajr ħlas, b’għodod li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom għall-portabbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Meta l-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi titlob dan, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tibgħat tali data personali direttament lil parti terza.
Artikolu 10
Sorveljanza minn bniedem tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u tas-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jissorveljaw u, bl-involviment tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, regolarment, u fi kwalunkwe każ mill-inqas kull sentejn, iwettqu evalwazzjoni tal-impatt tad-deċiżjonijiet individwali meħuda jew appoġġati minn sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u sistemi awtorizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, użati mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali, fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi inkluż, fejn applikabbli, fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u t-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol.
2. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiżguraw biżżejjed riżorsi umani għas-sorveljanza u l-evalwazzjoni effettivi tal-impatt tad-deċiżjonijiet individwali meħuda jew appoġġati mis-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew is-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-persuni inkarigati mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali bil-funzjoni tas-sorveljanza u tal-evalwazzjoni għandu jkollhom il-kompetenza, it-taħriġ u l-awtorità meħtieġa biex jeżerċitaw dik il-funzjoni, inkluż li jipprevalu fuq deċiżjonijiet awtomatizzati. Dawk il-persuni għandhom igawdu mill-protezzjoni mit-tkeċċija jew l-ekwivalenti tagħha, minn miżuri dixxiplinarji u minn trattament negattiv ieħor fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.
3. Meta s-sorveljanza jew l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jidentifikaw riskju għoli ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol fl-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew ta’ sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew isibu li d-deċiżjonijiet individwali meħuda jew appoġġati minn sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtorizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ikunu kisru d-drittijiet ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tieħu l-passi meħtieġa, inkluż, jekk xieraq, il-modifika tas-sistema awtomatizzata ta’ monitoraġġ jew tas-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew il-waqfien tal-użu tagħha, sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet bħal dawn fil-futur.
4. L-informazzjoni dwar l-evalwazzjoni skont il-paragrafu 1 għandha tintbagħat lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom ukoll jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fuq talba tagħhom.
5. Kwalunkwe deċiżjoni li tirrestrinġi, tissospendi jew ittemm ir-relazzjoni kuntrattwali jew il-kont ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi jew kwalunkwe deċiżjoni oħra ta’ detriment ekwivalenti għandha tittieħed minn bniedem.
Artikolu 11
Rieżami minn bniedem
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jkollhom id-dritt li jiksbu spjegazzjoni orali jew bil-miktub mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali għal kwalunkwe deċiżjoni meħuda jew appoġġata minn sistema awtomatizzata ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mingħajr dewmien żejjed. L-ispjegazzjoni għandha tiġi pprovduta b’mod trasparenti u intelliġibbli, b’lingwaġġ ċar u sempliċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi b’aċċess għal persuna ta’ kuntratt deżinjata mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali biex tiddiskuti dwar il-fatti, iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni u tikkjarifikahom. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jiżguraw li dawn il-persuni ta’ kuntatt għandhom il-kompetenza, it-taħriġ u l-awtorità meħtieġa biex jeżerċitaw dik il-funzjoni.
Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jipprovdu lill-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi b’dikjarazzjoni bil-miktub tar-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni meħuda jew appoġġata minn sistema awtomatizzata ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li tirrestrinġi, tissospendi jew tittermina l-kont tal-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi, kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta l-ħlas għal xogħol imwettaq mill-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi, kwalunkwe deċiżjoni dwar l-istatus kuntrattwali tal-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi, kwalunkwe deċiżjoni b’effetti simili jew kwalunkwe deċiżjoni oħra li taffettwa l-aspetti essenzjali tal-impjieg jew relazzjonijiet kuntrattwali oħra, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard mid-data li fiha ssir effettiva.
2. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u, f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali, ir-rappreżentanti ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jaġixxu f’isimhom għandu jkollhom id-dritt li jitolbu lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali tirrieżamina d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha twieġeb għal din it-talba billi tipprovdi lill-persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi bi tweġiba li tkun preċiża biżżejjed u sostanzjata kif xieraq fil-forma ta’ dokument bil-miktub, li jista’ jkun f’forma elettronika, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien ġimagħtejn minn meta tasal it-talba.
3. Meta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tikser id-drittijiet ta’ persuna li twettaq xogħol fuq il-pjattaformi, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tirrettifika dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni tad-deċiżjoni. Meta tali rettifika ma tkunx possibbli, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha toffri kumpens xieraq għad-dannu mġarrab. Fi kwalunkwe każ, il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tieħu l-passi meħtieġa, inkluż, jekk xieraq, il-modifika tas-sistema awtomatizzata ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew il-waqfien tal-użu tagħha, sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet bħal dawn fil-futur.
4. Dan l-Artikolu ma jaffettwax il-proċeduri dixxiplinari u ta’ tkeċċija stabbiliti fil-liġi, il-ftehim kollettiv u l-prattiki nazzjonali.
5. Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li huma wkoll utenti kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2019/1150.
Artikolu 12
Sikurezza u saħħa
1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 89/391/KEE u d-direttivi relatati fil-qasam tas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali, fir-rigward tal-ħaddiema tal-pjattaformi, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom:
|
(a) |
jevalwaw ir-riskji tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u tas-sistemi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal saħħithom u s-sikurezza tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji possibbli tal-aċċidenti relatati max-xogħol, tar-riskji psikosoċjali u ergonomiċi; |
|
(b) |
jivvalutaw jekk is-salvagwardji ta’ dawk is-sistemi humiex xierqa għar-riskji identifikati meta jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ambjent tax-xogħol; |
|
(c) |
jintroduċu miżuri preventivi u ta’ protezzjoni xierqa. |
2. Fir-rigward tar-rekwiżiti stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom jiżguraw informazzjoni u konsultazzjoni effettivi u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema tal-pjattaformi u/jew tar-rappreżentanti tagħhom f’konformità mal-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 89/391/KEE.
3. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali ma għandhomx jużaw sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet bi kwalunkwe mod li jpoġġi pressjoni bla bżonn fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi jew inkella jpoġġi fir-riskju s-sikurezza u s-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema tal-pjattaformi.
4. Minbarra sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, dan l-Artikolu għandu japplika wkoll meta pjattaformi tax-xogħol diġitali jużaw sistemi awtomatizzati li jieħdu jew jappoġġaw deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-ħaddiema tal-pjattaformi bi kwalunkwe mod.
5. Sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema tal-pjattaformi, inkluż minn vjolenza u fastidju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jieħdu miżuri preventivi, inkluż li jipprovdu kanali effettivi għar-rappurtar.
Artikolu 13
Informazzjoni u konsultazzjoni
1. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 89/391/KEE fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni u għad-Direttivi 2002/14/KE u 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punti (f) u (g), tad-Direttiva 2002/14/KE, tar-rappreżentanti tal-ħaddiema mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali tkopri wkoll deċiżjonijiet li x’aktarx iwasslu għall-introduzzjoni jew għal bidliet sostanzjali fl-użu tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew tas-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.
Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jitwettqu taħt l-istess arranġamenti li jikkonċernaw l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2002/14/KE.
3. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi jistgħu jiġu megħjuna minn espert tal-għażla tagħhom, sa fejn ikunu jeħtieġu dan biex jeżaminaw il-kwistjoni li tkun is-suġġett tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni u biex isawru opinjoni. Meta pjattaforma tax-xogħol diġitali jkollha aktar minn 250 ħaddiem fl-Istat Membru kkonċernat, il-kostijiet tal-espert għandhom jitħallsu mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali, sakemm dawn ikunu proporzjonati. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-frekwenza tat-talbiet għal espert, filwaqt li jiżguraw l-effikaċja tal-assistenza.
Artikolu 14
Għoti ta’ informazzjoni lill-ħaddiema
Fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant tal-ħaddiema tal-pjattaformi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jinformaw direttament lill-ħaddiema tal-pjattaformi kkonċernati bid-deċiżjonijiet li x’aktarx iwasslu għall-introduzzjoni tal-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew li jwasslu għal bidliet sostanzjali fl-użu tagħhom. L-informazzjoni għandha tingħata fil-forma ta’ dokument bil-miktub li jista’ jkun f’forma elettronika. Għandha tiġi pprovduta f’forma trasparenti, intelliġibbli u aċċessibbli faċilment, b’lingwaġġ ċar u sempliċi.
Artikolu 15
Arranġamenti speċifiċi għar-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għajr ir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-pjattaformi
Ir-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għajr ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ipprovduti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema skont l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 9(1) u (4), l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 11(2), biss sa fejn ikunu qed jaġixxu f’isem il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li mhumiex ħaddiema tal-pjattaformi, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom.
KAPITOLU IV
TRASPARENZA FIR-RIGWARD TAX-XOGĦOL FUQ IL-PJATTAFORMI
Artikolu 16
Dikjarazzjoni tax-xogħol fuq il-pjattaformi
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali jiddikjaraw ix-xogħol imwettaq mill-ħaddiema tal-pjattaformi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettaq ix-xogħol, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fil-liġi tal-Istati Membri kkonċernati.
Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi skont il-liġi tal-Unjoni skont liema l-ħidma trid tiġi ddikjarata lill-korpi rilevanti tal-Istat Membru f’sitwazzjonijiet transfruntieri.
Artikolu 17
Aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għar-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi:
|
(a) |
l-għadd ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali kkonċernata, diżaggregat skont il-livell ta’ attività, u l-istatus kuntrattwali jew l-istatus fl-impjieg tagħhom; |
|
(b) |
it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali, determinati mill-pjattaforma tax-xogħol diġitali u applikabbli għal dawk ir-relazzjonijiet kuntrattwali; |
|
(c) |
id-durata medja ta’ attività, il-medja ta’ sigħat maħduma fil-ġimgħa għal kull persuna u l-medja tal-introjtu mill-attività ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq pjattaformi fuq bażi regolari permezz tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali kkonċernata; |
|
(d) |
l-intermedjarji li magħhom il-pjattaforma tax-xogħol diġitali jkollha relazzjoni kuntrattwali. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu informazzjoni dwar ix-xogħol imwettaq mill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u l-istatus fl-impjieg tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti.
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata għal kull Stat Membru fejn il-persuni jkunu qed iwettqu xogħol fuq il-pjattaformi permezz tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali kkonċernata. Fir-rigward tal-punt (c) tal-paragrafu 1, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta biss fuq talba.
4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi aġġornata mill-inqas kull sitt xhur, u, fir-rigward tal-punt (b) tal-paragrafu 1, kull darba li t-termini u l-kundizzjonijiet jiġu emendati fis-sustanza tagħhom.
Minkejja l-ewwel sentenza, fir-rigward tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali li huma SMEs, inklużi intrapriżi mikro, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi aġġornata tal-anqas darba fis-sena.
5. L-awtoritajiet kompetenti u r-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi għandu jkollhom id-dritt li jitolbu lill-pjattaformi tax-xogħol diġitali għal kjarifiki u dettalji addizzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni provduta, inkluż dettalji dwar il-kuntratt tal-impjieg. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali għandhom iwieġbu għal tali talba billi jipprovdu tweġiba sostanzjata mingħajr dewmien żejjed.
KAPITOLU V
RIMEDJI U INFURZAR
Artikolu 18
Dritt għal rimedju
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 79 u 82 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż dawk li r-relazzjoni ta’ impjieg jew relazzjoni kuntrattwali oħra tagħhom intemmet, ikollhom aċċess għal soluzzjoni għat-tilwim f’waqtha, effettiva u imparzjali u għad-dritt għal rimedju, inkluż kumpens xieraq għad-dannu mġarrab, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn din id-Direttiva.
Artikolu 19
Proċeduri f’isem il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew b’appoġġ għalihom
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u entitajiet legali għandhom, f’konformità mal-liġi jew prattika nazzjonali, interess leġittimu biex jiddefendu d-drittijiet tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva biex jinfurzaw kwalunkwe drittijiet jew obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li tali rappreżentanti u entitajiet legali jkunu jistgħu jaġixxu f’isem il-persuna, waħda jew diversi, li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jew b’appoġġ għalihom fil-każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu li jirriżulta minn din id-Direttiva, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali.
Artikolu 20
Kanali ta’ komunikazzjoni għall-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jipprovdu lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, permezz tal-infrastrutturi diġitali tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali jew b’mezzi effettivi simili, bil-possibbiltà li jikkuntattjaw u jikkomunikaw ma’ xulxin fil-privat u b’sigurtà, u biex jikkuntattjaw jew jiġu kkuntattjati mir-rappreżentanti tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, filwaqt li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali joqogħdu lura milli jaċċessaw jew jimmonitorjaw dawk il-kuntatti u komunikazzjonijiet.
Artikolu 21
Aċċess għall-evidenza
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-proċedimenti li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, il-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jordnaw lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali biex tiżvela kwalunkwe evidenza rilevanti li tkun tinsab fil-kontroll tagħha.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw l-iżvelar ta’ evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jikkunsidrawha rilevanti għall-proċedimenti. Huma għandhom jiżguraw li, meta jordnaw l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi biex jipproteġu din l-informazzjoni.
Artikolu 22
Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi
L-Istati Membri għandhom jintroduċu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu lill-ħaddiema li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż dawk li jkunu rappreżentanti tagħhom, minn kwalunkwe trattament negattiv min-naħa tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali u minn kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment imressaq quddiem il-pjattaforma tax-xogħol diġitali jew li tirriżulta minn kwalunkwe proċediment mibdi bil-għan li tiġi infurzata l-konformità mad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.
Artikolu 23
Protezzjoni mis-sensja
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu it-tkeċċija jew it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, jew azzjoni ekwivalenti, u t-tħejjijiet kollha għalihom fuq il-bażi li eżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.
2. Il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi li jqisu li ġew mkeċċija, li l-kuntratt tagħhom ġie tterminat jew li kienu soġġetti għal kwalunkwe azzjoni b’effett ekwivalenti, minħabba li jkunu eżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, jistgħu jitolbu lill-pjattaforma tax-xogħol diġitali tipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għat-tkeċċija, it-terminazzjoni tal-kuntratt jew kwalunkwe azzjoni ekwivalenti. Il-pjattaforma tax-xogħol diġitali għandha tipprovdi dawk ir-raġunijiet bil-miktub mingħajr dewmien żejjed.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi msemmija fil-paragrafu 2 jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità jew korp kompetenti ieħor, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm din it-tkeċċija, it-terminazzjoni ta’ kuntratt jew azzjoni ekwivalenti, għandha tkun il-pjattaforma tax-xogħol diġitali li turi li t-tkeċċija, it-terminazzjoni ta’ kuntratt jew azzjoni ekwivalenti kienet bbażata fuq raġunijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.
4. L-Istati Membri ma għandhomx jintalbu japplikaw il-paragrafu 3 għal proċedimenti fejn huwa f’idejn il-qorti jew awtorità jew korp kompetenti ieħor li jinvestigaw il-fatti tal-każ.
5. Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għall-proċedimenti kriminali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Istat Membru.
Artikolu 24
Superviżjoni u penali
1. L-awtorità superviżorja jew l-awtoritajiet responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom ikunu responsabbli wkoll għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-applikazzjoni tal-Artikoli 7 sa 11 ta’ din id-Direttiva sa fejn għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Kapitoli VI, VII u VIII tar-Regolament (UE) 2016/679.
L-ogħla limitu għall-multi amministrattivi msemmi fl-Artikolu 83(5) ta’ dak ir-Regolament għandu jkun applikabbli għall-ksur tal-Artikoli 7 sa 11 ta’ din id-Direttiva.
2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra għandhom, fejn rilevanti, jikkooperaw fl-infurzar ta’ din id-Direttiva, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fejn jitqajmu mistoqsijiet dwar l-impatt tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ jew tas-sistemi awtomatizzati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi. Għal dak il-fini, dawk l-awtoritajiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti ma’ xulxin, inkluż l-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-ispezzjonijiet jew tal-investigazzjonijiet, meta tiġi mitluba jew fuq l-inizjattiva tagħhom stess.
3. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkooperaw permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti u l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-preżunzjoni legali, bl-appoġġ tal-Kummissjoni.
4. Meta l-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi fi Stat Membru għajr dak li fih tkun stabbilita l-pjattaforma tax-xogħol diġitali, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni għall-fini tal-infurzar ta’ din id-Direttiva.
5. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ dwar id-drittijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati għan-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur tal-impriża u għall-għadd ta’ ħaddiema affettwati.
6. Fil-każ ta’ ksur relatat mar-rifjut tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jikkonformaw ma’ deċiżjoni legali li tiddetermina l-istatus fl-impjieg korrett tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu penali, li jistgħu jinkludu penali finanzjarji.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 25
Promozzjoni ta’ negozjar kollettiv għal xogħol fuq il-pjattaformi
L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tas-sħab soċjali u filwaqt li jqisu d-diversità tal-prattiki nazzjonali, jieħdu miżuri xierqa biex jippromwovu r-rwol tas-sħab soċjali u jħeġġu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ negozjar kollettiv għal xogħol fuq il-pjattaformi, inkluż miżuri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett tal-ħaddiema tal-pjattaformi u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom relatati mal-ġestjoni algoritmika stabbilita fil-Kapitolu III.
Artikolu 26
Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli
1. Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema tal-pjattaformi fl-Istati Membri, inkluż fir-rigward tal-proċeduri stabbiliti għad-determinazzjoni tal-istatus fl-impjieg korrett ta’ persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi kif ukoll il-prerogattivi eżistenti tar-rappreżentanti tagħhom.
2. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema tal-pjattaformi, jew li jħeġġu jew jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema tal-pjattaformi, f’konformità mal-objettivi ta’ din id-Direttiva.
3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor mogħti lill-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi minn atti legali oħra tal-Unjoni.
Artikolu 27
Tixrid ta’ informazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ marbuta mas-suġġett kif jinsabu fl-Artikolu 1, inkluż informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-preżunzjoni legali, jinġiebu għall-attenzjoni tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi u l-pjattaformi tax-xogħol diġitali, inkluż SMEs, kif ukoll il-pubbliku. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tiġi pprovduta b’mod ċar, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, inkluż lill-persuni b’diżabilità.
Artikolu 28
Ftehimiet kollettivi u regoli speċifiċi dwar l-ipproċessar ta’ data personali
L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew bi ftehimiet kollettivi, jipprevedu regoli aktar speċifiċi biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi skont l-Artikoli 9, 10 u 11, f’konformità mal-Artikolu 26(1). L-Istati Membri jistgħu jippermettu li s-sħab soċjali jżommu, jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw ftehimiet kollettivi, f’konformità mal-liġi jew prattika nazzjonali, li, filwaqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema tal-pjattaformi, jistabbilixxu arranġamenti dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-Artikoli 12 u 13, u, meta jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 29(4), minn dawk imsemmija fl-Artikolu 17.
Artikolu 29
Traspożizzjoni u implimentazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-2 ta’ Diċembru 2026. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
3. L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u jippromwovu u jtejbu d-djalogu soċjali bil-ħsieb li jimplimentaw din id-Direttiva.
4. L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati li din id-Direttiva mistennija twassal.
Artikolu 30
Rieżami mill-Kummissjoni
Sat-2 ta’ Diċembru 2029, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali fuq livell tal-Unjoni u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, u b’kont meħud tal-impatt fuq l-SMEs, inklużi intrapriżi mikro, tirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tipproponi, fejn xieraq, emendi leġiżlattivi. Fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt tal-użu tal-intermedjarji fuq l-implimentazzjoni ġenerali ta’ din id-Direttiva kif ukoll lill-effettività tal-preżunzjoni legali.
Artikolu 31
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 32
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
ZSIGMOND B. P.
(1) ĠU C 290, 29.7.2022, p. 95.
(2) ĠU C 375, 30.9.2022, p. 45.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2024.
(4) Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).
(5) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(6) Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).
(7) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2018 f’Ville de Nivelles vs Rudy Matzak, C-518/15, ECLI: EU:C:2018:82; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Marzu 2021, RJ v Stadt Offenbach am Main, C-580/19, ECLI:EU:C:2021:183; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Marzu 2021, D.J. v Radiotelevizija Slovenija, C-344/19, ECLI:EU:C:2021:182.
(8) Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).
(12) Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja:
|
— |
3 ta’ Lulju 1986, Deborah Lawrie-Blum vs Land Baden-Württemberg, C-66/85, ECLI:EU:C:1986:284; |
|
— |
13 ta’ Jannar 2004, Debra Allonby vs Accrington & Rossendale College, Education Lecturing Services, kummerċ bħala Protocol Professional u Segretarju tal-Istat għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi, C-256/01, ECLI:EU:C:2004:18; |
|
— |
14 ta’ Ottubru 2010, Union Syndicale Solidaires Isère vs Premier ministre et, C-428/09, ECLI:EU:C:2010:612; |
|
— |
11 ta’ Novembru 2010, Dita Danosa vs LKB Līzings SIA, C-232/09, ECLI:EU:C:2010:674; |
|
— |
4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media vs Staat der Nederlanden, C-413/13, ECLI:EU:C:2014:2411; |
|
— |
9 ta’ Lulju 2015, Ender Balkaya vs Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH, C-229/14, ECLI:EU:C:2015:455; |
|
— |
17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik gGmbH vs Ruhrlandklinik gGmbH, C-216/15, ECLI:EU:C:2016:883; |
|
— |
16 ta’ Lulju 2020, UX vs Governo della Repubblica italiana, C-658/18, ECLI:EU:C:2020:572; |
u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ April 2020, B vs Yodel Delivery Network Ltd, C-692/19, ECLI:EU:C:2020:288.
(13) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).
(15) Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi f’soġġorn illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24).
(16) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(17) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(18) Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2831/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)