|
3.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 379/1 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tad-9 ta’ Awwissu 2022
dwar proposta għal direttiva fir-rigward tal-arranġamenti ta’ delega, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, ir-rapportar superviżorju, il-forniment ta’ servizzi depożitarji u ta’ kustodja u l-oriġinazzjoni tas-self minn fondi ta’ investiment alternattivi
(CON/2022/26)
(2022/C 379/01)
Introduzzjoni u bażi legali
Fit-25 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat pakkett ta’ atti legali b’appoġġ għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali, inkluża proposta għal direttiva li temenda d-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE fir-rigward tal-arranġamenti ta’ delega, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, ir-rapportar superviżorju, il-forniment ta’ servizzi depożitarji u ta’ kustodja u l-oriġinazzjoni tas-self minn fondi ta’ investiment alternattivi (1) (minn hawn ’il quddiem id-“direttiva proposta”).
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jagħti opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar id-direttiva proposta. Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li d-direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat, il-kompitu tas-SEBĊ li tikkontribwixxi għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat, u l-kompiti tal-BĊE relatati mal-ġbir ta’ tagħrif statistiku skont l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
Osservazzjonijiet Ġenerali
1. Għanijiet tad-direttiva proposta
|
1.1. |
Il-BĊE jilqa’ l-għanijiet prinċipali tad-direttiva proposta biex jimtlew ċerti lakuni regolatorji fil-funzjonament tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi” jew “AIFMD”), biex jiġi żgurat approċċ superviżorju koerenti għar-riskji li l-Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFs) joħolqu għas-sistema finanzjarja u biex jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq finanzjarju tal-UE. |
|
1.2. |
Il-BĊE jappoġġa wkoll l-għan ġenerali tad-direttiva proposta li tallinja aħjar ir-rekwiżiti tal-AIFMD u d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (minn hawn ’il quddiem l-“Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli Trasferibbli” jew “UCITSD”) dwar kwistjonijiet ugwalment rilevanti għaż-żewġ direttivi, bħal arranġamenti ta’ delega u servizzi ta’ kustodja. Madankollu, din l-opinjoni tiffoka fuq l-emendi proposti għall-AIFMD. |
|
1.3. |
Kif elaborat aktar hawn taħt, il-BĊE kien jilqa’ l-fatt li d-direttiva proposta kopriet ukoll kwistjonijiet li mhumiex indirizzati mill-AIFMD, bħall-operazzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ għodod makroprudenzjali applikati ex ante bħala mezz biex jitnaqqsu r-riskji għas-sistema finanzjarja li huma maħluqa minn AIFs, kif ukoll biex jiġi żgurat li data dettaljata dwar AIFs individwali tkun disponibbli għall-BĊE u banek ċentrali rilevanti oħra tas-SEBĊ. |
Osservazzjonijiet speċifiċi
2. Ġestjoni tal-likwidità u għodod makroprudenzjali
|
2.1. |
Il-BĊE jilqa’ b’mod ġenerali l-għan tad-direttiva proposta li tarmonizza l-obbligi tal-maniġers tal-AIF (AIFMs) fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riskji tal-likwidità, b’mod partikolari l-introduzzjoni tat-tipi ta’ għodod għall-ġestjoni tal-likwidità li għandhom ikunu disponibbli għall-AIFMs ta’ AIFs miftuħa biex jimmaniġġjaw ir-riskji tal-likwidità għal dawk il-fondi, bħal livelli għoljin ta’ tifdijiet minn investituri fi żmien qasir u tifdijiet li huma kkonċentrati f’segment partikolari ta’ fondi. Madankollu, id-direttiva proposta għandha timmira wkoll li tillimita d-diskrepanza tal-likwidità bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-AIFs, permezz ta’ miżuri li jimmiraw speċifikament jew l-assi jew l-obbligazzjonijiet. |
|
2.2. |
Id-dispożizzjonijiet tad-direttiva proposta dwar l-għodod tal-ġestjoni tal-likwidità (4) huma modesti. F’dan ir-rigward, id-direttiva proposta tirrikjedi li l-AIFMs ta’ AIFs miftuħa jagħżlu mill-inqas strument wieħed xieraq għall-ġestjoni tal-likwidità mil-lista stabbilita fl-Anness II tad-direttiva proposta għal użu possibbli fl-interess tal-investituri tal-AIF (5). Id-direttiva proposta tippermetti wkoll, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, is-sospensjoni temporanja tar-riakkwist jew it-tifdija ta’ unitajiet tal-AIF fejn dan ikun ġustifikat fir-rigward tal-interessi tal-investituri tal-AIF (6). Filwaqt li d-direttiva proposta għalhekk tispeċifika sett komuni ta’ għodod fakultattivi għall-ġestjoni tal-likwidità li l-AIFMs ta’ AIFs miftuħa jistgħu jużaw, il-kapaċità ta’ tali AIFs li jifilħu għar-riskji tal-likwidità tissaħħaħ jekk l-AIFMs ikunu meħtieġa, bħala minimu, jagħżlu diversi għodod elenkati u mhux sempliċiment waħda minnhom. |
|
2.3. |
Id-direttiva proposta tirrikjedi li l-Kummissjoni tibda reviżjoni tal-funzjonament tar-regoli stabbiliti fl-AIFMD fi żmien 60 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva proposta (7). Il-BĊE jappoġġa r-reviżjoni proposta, b’mod partikolari sa fejn hija relatata mal-adegwatezza tar-rekwiżiti applikabbli għall-AIFMs li jiġġestixxu fondi li joriġinaw minn self, minħabba l-potenzjal għal riskji għall-istabbiltà finanzjarja f’dan is-settur li qed jgħaddi minn tkabbir kontinwu. Madankollu, ir-reviżjoni proposta għandha tiġi estiża biex tkopri żewġ aspetti addizzjonali. L-ewwel nett, ir-reviżjoni għandha tkopri l-iżviluppi f’għodod makroprudenzjali għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, b’mod partikolari l-użu ta’ għodod ta’ ġestjoni tal-likwidità ex ante biex jindirizzaw id-diskrepanza tal-likwidità. Ċerti għodod makroprudenzjali (8) jistgħu jitfasslu apposta għal riskji speċifiċi għall-istabbiltà finanzjarja li jistgħu jinqalgħu fis-settur tal-AIF u jistgħu jiġu implimentati qabel ma jseħħ avveniment ta’ stress. It-tieni nett, ir-reviżjoni għandha tkopri speċifikament kif l-AIFMs ta’ AIFs ingranati miftuħa jistabbilixxu limiti ta’ ingranaġġ u kif, skont l-AIFMD (9), l-awtoritajiet kompetenti jużaw is-setgħat superviżorji tagħhom fir-rigward ta’ tali limiti ta’ ingranaġġ. Fil-valutazzjoni tal-aspetti tal-ġestjoni tal-AIF fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti. |
3. Rapportar
|
3.1. |
Id-direttiva proposta għandha l-għan li telimina r-rekwiżiti ta’ rapportar duplikat eżistenti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali, inklużi, b’mod partikolari, ċerti regolamenti tal-istatistika adottati mill-BĊE (10), biex tittejjeb l-effiċjenza u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-AIFMs (11). Għal dan il-għan, id-direttiva proposta tagħti mandat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) biex tippreżenta lill-Kummissjoni rapport għall-iżvilupp ta’ ġbir ta’ data superviżorja integrata li jiffoka, inter alia, fuq kif jitnaqqsu l-oqsma ta’ duplikazzjonijiet u inkonsistenzi bejn l-oqfsa ta’ rapportar fis-settur tal-ġestjoni tal-assi u setturi oħra tal-industrija finanzjarja. Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, huwa propost li l-ESMA għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib, inter alia, mal-BĊE (12). |
|
3.2. |
Il-BĊE jinsab lest li jikkoopera mal-ESMA fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport għall-iżvilupp ta’ ġbir ta’ data superviżorja integrata sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ rekwiżiti oħra ta’ rapportar għall-fondi ta’ investiment. Il-BĊE jenfasizza, madankollu, li l-integrazzjoni tal-infrastruttura ta’ rapportar sottostanti ma tridx tinterferixxi ma’ jew tippreġudika b’xi mod ieħor il-kompetenza tal-BĊE li jadotta regolamenti statistiċi għall-finijiet tiegħu stess jew li jkompli jinkludi s-sett sħiħ ta’ rekwiżiti ta’ rapportar statistiku rilevanti fir-regolamenti rilevanti tal-BĊE, bħal dawk dwar il-ġbir ta’ statistika dwar investimenti f’titoli u dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ fondi ta’ investiment (13). |
4. Aċċess tas-SEBĊ għal data dettaljata dwar is-settur tal-AIF
|
4.1. |
Il-BĊE jinnota li l-Artikolu 25(2) tal-AIFMD jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti (14) tal-Istat Membru ta’ domiċilju ta’ AIFM jiżguraw li l-informazzjoni kollha miġbura skont l-Artikolu 24 tal-AIFMD fir-rigward tal-AIFMs kollha li huma jissorveljaw u l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 7 tal-AIFMD (minn hawn ’il quddiem id-“data individwali tal-AIF”) issir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri rilevanti oħra, kif ukoll għall-ESMA u għall-BERS, permezz tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 50 tal-AIFMD dwar il-kooperazzjoni superviżorja. Madankollu, id-direttiva proposta ma tbiddilx b’mod sinifikanti la t-tipi ta’ data individwali tal-AIF meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti mill-AIFMs li huma jissorveljaw skont l-Artikolu 24 tal-AIFMD, u lanqas l-awtoritajiet l-oħra li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu tali data (15) disponibbli. |
|
4.2. |
Id-direttiva proposta għandha tirrikjedi li l-ESMA, li attwalment tirċievi data individwali tal-AIF mill-awtoritajiet kompetenti, tagħmel dik id-data disponibbli wkoll għall-BĊE u għal banek ċentrali rilevanti oħra tas-SEBĊ, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom, inkluż dawk skont it-Trattat, li jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika monetarja u jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. |
|
4.3. |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kompitu bażiku tas-SEBĊ li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja u l-għan primarju tas-SEBĊ li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet, għandu jiġi rrilevat li l-AIFs jieħdu pożizzjonijiet fis-suq tat-titoli, b’mod partikolari fi prodotti ta’ dħul fiss (16). Bħala parti mill-istrateġiji ta’ investiment tagħhom, il-pożizzjonijiet tagħhom spiss jiġu ingranati (17), inkluż bl-użu ta’ derivattivi. Strateġiji bħal dawn jistgħu potenzjalment jamplifikaw il-movimenti fis-swieq tal-bonds sovrani (18), u b’hekk jaffettwaw it-trażmissjoni tal-politika monetarja lill-ekonomija peress li r-rendimenti tal-bonds sovrani jaġixxu bħala rata ta’ referenza għall-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tad-ditti u l-unitajiet domestiċi. Tali interazzjonijiet mal-politika monetarja huma partikolarment rilevanti fiż-żmien attwali tan-“normalizzazzjoni” tal-politika monetarja għal żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda hija l-potenzjal imsemmi hawn fuq għall-istrateġiji ta’ investiment tal-AIF biex jamplifikaw il-movimenti fir-rendimenti tal-bonds sovrani, u b’hekk joħolqu ssikkar mhux ġustifikat tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tas-settur privat. It-tieni hija li l-AIFs jistgħu jwettqu wkoll strateġiji ta’ investiment li jinvolvu x-xiri ta’ ċerti bonds sovrani taż-żona tal-euro filwaqt li jbigħu sovrani oħra taż-żona tal-euro, u b’hekk potenzjalment jikkontribwixxu għal rendimenti diverġenti tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro. Ir-rilevanza ta’ tali effetti ta’ amplifikazzjoni fis-swieq tal-bonds sovrani ġiet osservata matul il-pandemija tal-COVID-19 (19) u tista’ tkun mistennija li tiżdied hekk kif is-settur tal-AIF ikompli jikber fid-daqs (20). L-AIFs jikkontribwixxu dejjem aktar għall-finanzjament tal-ekonomija reali peress li huma investituri sinifikanti f’titoli maħruġa minn korporattivi. F’dan ir-rigward, ir-Reviżjoni tal-Istrateġija tal-BĊE (21) nnotat li l-istrutturi finanzjarji li qed jevolvu, bħaż-żieda fl-intermedjazzjoni finanzjarja permezz tas-settur mhux bankarju, biddlu t-trażmissjoni tal-politika monetarja. |
|
4.4. |
It-tieni nett, l-aċċess għad-data individwali tal-AIF jippermetti lill-banek ċentrali tas-SEBĊ iwettqu b’mod effettiv il-kompitu tagħhom li jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja maħluqa mill-AIFs kienu esposti matul it-taqlib riċenti fis-suq f’Marzu 2020, meta ħafna AIFs iffaċċjaw stress akut tal-likwidità minħabba flussi ta’ ħruġ sinifikanti u diffikultajiet fil-bejgħ ta’ assi fi swieq bi ftit jew l-ebda kummerċ sekondarju. L-AIFs wieġbu għal din il-pressjoni fuq il-likwidità b’bejgħ ta’ assi fuq skala kbira u ħżin ta’ flus kontanti, u għadd sinifikanti minnhom saħansitra ssospendew it-tifdijiet. Din l-imġiba tal-AIFs żiedet il-pressjoni fuq il-valutazzjonijiet tal-assi u l-likwidità tas-suq, li kkontribwew għall-issikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fl-ekonomija reali u fl-aħħar mill-aħħar ittaffew biss meta l-banek ċentrali ħadu azzjoni politika straordinarja (22). L-avvenimenti ta’ Marzu 2020 jenfasizzaw kif l-objettiv primarju tas-SEBĊ ta’ stabbiltà tal-prezzijiet u l-kompitu tagħha li tikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja huma interkonnessi, fejn wieħed huwa prekundizzjoni għat-twettiq tal-ieħor. Kif innutat fir-Reviżjoni tal-Istrateġija tal-BĊE, fid-dawl tar-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet iġġenerati minn kriżijiet finanzjarji, hemm każ kunċettwali ċar għall-BĊE biex iqis il-kunsiderazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja fid-deliberazzjonijiet tiegħu dwar il-politika monetarja (23). |
|
4.5. |
Għandu jiġi nnutat li s-SEBĊ diġà għandha aċċess għal diversi settijiet ta’ data dwar entitajiet mhux bankarji li jinġabru mill-awtoritajiet kompetenti u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-regolamenti tal-Unjoni (24), u b’hekk tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa tas-SEBĊ li jkollha aċċess għal dawn is-settijiet tad-data għall-finijiet tat-twettiq tal-politika monetarja u l-mandati ta’ stabbiltà finanzjarja tagħha. Fil-fehma tal-BĊE, tali soluzzjonijiet leġiżlattivi — fejn diversi awtoritajiet ikollhom aċċess għall-istess settijiet ta’ data — huma effiċjenti għall-kondiviżjoni tad-data bejn awtoritajiet rilevanti peress li jevitaw rekwiżiti ta’ rapportar duplikati, inaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir tad-data u jiffaċilitaw il-kontrolli tal-kwalità tad-data. Huma jrawmu wkoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, li min-naħa tagħha tiffaċilita t-twettiq tal-mandati rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, is-settijiet ta’ data rrapportati skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) (minn hawn ’il quddiem “Regolament dwar Transazzjonijiet ta’ Finanzjament tat-Titoli” jew “SFTR”) u Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) (minn hawn ’il quddiem “Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew” jew “EMIR”) jirreġistraw derivattivi individwali u tranżazzjonijiet finanzjarji ggarantiti; dawn huma tranżazzjonijiet eżegwiti fi swieq li fihom l-AIFs huma atturi importanti. Sabiex jinftiehmu l-karatteristiċi tar-riskju ta’ AIFs individwali (eż. ingranaġġ, diskrepanza tal-likwidità, interkonnettività u bażi tal-investituri) u l-punt sa fejn dawn il-karatteristiċi (u l-eteroġeneità tagħhom) jixprunaw l-attività tal-AIFs fis-swieq ta’ hawn fuq, l-awtoritajiet rilevanti kollha jeħtieġ li jkunu jistgħu jikkombinaw l-informazzjoni dwar it-transazzjonijiet finanzjarji mal-karti tal-bilanċ ta’ atturi importanti fis-suq. Il-preżenza u l-attività dejjem akbar tal-AIFs f’dawn is-swieq qed ikollhom dejjem aktar impatt fuq il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja u fuq ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, li t-tnejn li huma jridu jiġu vvalutati mis-SEBĊ sabiex tissodisfa b’mod effettiv l-għan primarju tagħha ta’ stabbiltà tal-prezzijiet u l-kompitu tagħha li tikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja. |
|
4.6. |
Mingħajr l-aċċess tiegħu stess għad-data dwar AIFs individwali, il-BĊE bħalissa jiddependi fuq sorsi kummerċjali, li jipprovdu data li hija għalja, mhux kompluta u mhux trasparenti. B’kuntrast man-natura obbligatorja tar-rapportar tad-data taħt qafas regolatorju, l-AIFs jistgħu jiddeċiedu huma stess jekk jirrapportawx jew le informazzjoni għall-inklużjoni f’settijiet ta’ data kummerċjali, u b’hekk jagħtu lis-SEBĊ perspettiva tas-suq mhux kompluta u potenzjalment distorta. Dan jirriżulta f’deċiżjonijiet inqas infurmati dwar il-politika monetarja u valutazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, il-kontrolli tal-kwalità tad-data fuq settijiet ta’ data kummerċjali huma diffiċli. Il-BĊE jista’, bħala prinċipju, jemenda r-regolamenti rilevanti tiegħu stess dwar ir-rapportar statistiku (27) biex jiġbor l-istess data, jew data simili ħafna, bħal dik miġbura skont l-AIFMD. Madankollu, dan imur kontra l-għan tad-direttiva proposta li telimina r-rekwiżiti ta’ rapportar duplikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali (28). Għandu jiġi nnutat ukoll li fit-twettiq tal-kompitu tiegħu ta’ ġbir tal-istatistika skont l-Artikolu 5.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-BĊE huwa meħtieġ li jsegwi ċerti prinċipji, li jinkludu l-minimizzazzjoni tal-piż fuq l-aġenti (29) li jirrapportaw. Minbarra l-ispejjeż għall-aġenti li jirrapportaw, rekwiżiti ta’ rapportar duplikati fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ data mhux inklużi fir-rekwiżiti attwali ta’ rapportar statistiku jirriżultaw ukoll fi spejjeż sostanzjali għall-banek ċentrali tas-SEBĊ u l-BĊE. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż fil-prattika għall-BĊE għall-aċċess tad-data tal-AIFMD ikunu sostanzjalment aktar baxxi, peress li d-data hija diġà disponibbli fil-bażijiet tad-data u s-sistemi tal-BĊE bħala riżultat tal-appoġġ statistiku u appoġġ ieħor tal-BĊE tal-BERS (30), għalkemm il-persunal tal-BĊE u tal-banek ċentrali tas-SEBĊ ma jistgħux ikollhom aċċess għal dik id-data (31). |
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta' spjegazzjoni f'dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.
Magħmul fi Frankfurt am Main, 9 ta’ Awwissu 2022.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2011/61/UE u 2009/65/KE fir-rigward tal-arranġamenti ta’ delega, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, ir-rapportar superviżorju, il-forniment ta’ servizzi depożitarji u ta’ kustodja u l-oriġinazzjoni tas-self minn fondi ta’ investiment alternattivi COM (2021) 721 final.
(2) Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p.1).
(3) Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(4) Ara l-Artikolu 1, punt (6), tad-direttiva proposta li ddaħħal il-paragrafi 2a sa 2h fl-Artikolu 16 tal-AIFMD u l-Anness II tad-direttiva proposta li tissostitwixxi l-Anness V tal-AIFMD. Ara wkoll l-Artikolu 2, punt (4), tad-direttiva proposta fir-rigward tal-emenda ekwivalenti għad-Direttiva 2009/65/KE.
(5) L-Artikolu 1, il-punt (6), tad-direttiva proposta (li jdaħħal il-paragrafu 2b fl-Artikolu 16 tal-AIFMD).
(6) L-Artikolu 1, il-punt (6), tad-direttiva proposta (li jdaħħal il-paragrafu 2c fl-Artikolu 16 tal-AIFMD).
(7) L-Artikolu 1, il-punt (21), tad-direttiva proposta (li jdaħħal l-Artikolu 69b fl-AIFMD).
(8) Dawn jinkludu għodod bħall-impożizzjoni superviżorja tal-limiti tal-ingranaġġ (l-Artikolu 25 tal-AIFMD, li fih is-setgħa ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li timponi limiti tal-ingranaġġ fuq l-AIF), is-sospensjoni tat-tifdijiet fl-interess pubbliku (l-Artikolu 46(2), li fih is-setgħa ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li tissospendi tifdijiet fl-interess pubbliku), jew potenzjalment restrizzjonijiet oħra bħal bafers kapitali u proporzjonijiet bejn is-self u l-valur (LTV).
(9) Ara l-Artikolu 25(3) tal-AIFMD, li jikkonċerna, fost setgħat oħra, is-setgħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM li timponi limiti għal-livell ta’ ingranaġġ li l-AIFM huwa intitolat li juża fl-immaniġġjar tiegħu ta’ AIF.
(10) Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24) (ĠU L 305, 1.11.2012, p. 6) u Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2013 dwar statistika dwar l-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment (BĊE/2013/38) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 73).
(11) Il-premessa 16 tad-direttiva proposta.
(12) Il-premessa 16 u l-Artikolu 1, il-punt (21), tad-direttiva proposta (li ddaħħal l-Artikolu 69b fl-AIFMD. Ara wkoll l-Artikolu 2, il-punt (5), tad-direttiva proposta (li jdaħħal l-Artikolu 20b fil-UCITSD).
(13) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iżjed ’il fuq.
(14) L-Artikolu 4(1)(f) tal-AIFMD jiddefinixxi l-awtoritajiet kompetenti bħala l-awtoritajiet mogħtija s-setgħa bil-liġi jew b’regolament biex jissorveljaw l-AIFMs.
(15) Ara speċjalment l-Artikolu 24(2) tal-AIFMD. L-Artikolu 1(10) tad-direttiva proposta (li jemenda l-Artikolu 24 tal-AIFMD) jirrikjedi li l-AIFMs jirrapportaw regolarment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar is-swieq u l-għodod li fihom l-AIFM jinnegozja f’isem l-AIF li jimmaniġġja. L-Artikolu msemmi jagħti mandat lill-ESMA biex tabbozza RTS li tispeċifika d-dettalji li għandhom jiġu rrapportati. L-Artikolu 2(5)(1) tad-direttiva proposta (li jintroduċi l-Artikolu 20a l-ġdid tal-UCITSD) huwa d-dispożizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-UCITS.
(16) Fondi ta’ investiment alternattiv tal-UE - rapport statistiku tal-2022, disponibbli fuq is-sit web tal-ESMA fuq www.esma.europa.eu.
(17) L-Artikolu 4(1)(v) tal-AIFMD jiddefinixxi “leverage finanzjarju” (li f’dan id-dokument huwa msejjaħ “ingranaġġ”) bħala kwalunkwe metodu li permezz tiegħu AIFM iżid l-espożizzjoni ta’ AIF li jimmaniġġa sew jekk permezz ta’ self ta’ flus kontanti jew titoli, jew inkella permezz ta’ leverage finanzjarju inkorporat f’pożizzjonijiet derivattivi jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor.
(18) Ara pereżempju l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja “Reviżjoni olisstika tat-taqlib tas-suq ta’ Marzu” (“Holistic review of the March market turmoil”), Novembru 2020 u l-letteratura ċċitata fih https://www.fsb.org/wp-content/uploads/P171120-2.pdf (paġna 30 et seq.).
(19) Ara l-artikolu tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.
(20) Pereżempju, kif imkejjel mill-assi tagħhom taħt ġestjoni — ara r-rapport tal-ESMA msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16. Ara ukoll il-paġni 4 sa 5 tas-Serje ta’ Studji Okkażjonali tal-BĊE, Intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja fiż-żona tal-euro: implikazzjonijiet għat-trażmissjoni tal-politika monetarja u vulnerabbiltajiet ewlenin (ECB Occasional Paper Series, Non-bank financial intermediation in the euro area: implications for monetary policy transmission and key vulnerabilities), ta’ Diċembru 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.
(21) Ara r-Reviżjoni tal-Istrateġija tal-BĊE tal-2022, disponibbli fuq:
https://www.ecb.europa.eu/home/search/review/html/ecb.strategyreview_monpol_strategy_overview.en.html.
(22) Ara, pereżempju, it-Taqsima 5.2 fir-Reviżjoni tal-Istabbiltà Finanzjarja, BĊE, Mejju 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.
(23) Ara r-Reviżjoni tal-Istrateġija tal-BĊE 2022 (ECB Strategy Review 2022); ara wkoll ir-Reviżjoni tal-Istabbiltà Finanzjarja (ECB Financial Stability Review), Novembru 2021, il-kaxxa bl-isem “The role of financial stability in the ECB’s new monetary policy strategy”.
(24) Ara l-Artikolu 81(3)(g) tar-Regolament 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1); u l-Artikolu 12(2)(f) tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (L 337, 23 ta’ Diċembru 2015, p.1).
(25) Regolament (UE) Nru 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p.1).
(26) Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(27) Dawn huma primarjament ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24) (ĠU L 305, 1.11.2012, p. 6), u r-Regolament (UE) Nru 1073/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2013 dwar statistika fuq l-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment (BĊE/2013/38) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 73).
(28) Il-BĊE qed jesplora kif ir-regolamenti tal-BĊE jistgħu jissodisfaw b’mod aktar sħiħ il-ħtiġijiet tad-data tal-BĊE f’dan il-qasam mingħajr ma jirriżultaw f’piż addizzjonali ta’ rapportar fuq l-AIFMs.
(29) L-Artikolu 3a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8).
(30) Ara l-Premessa 10 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).
(31) Jiġifieri d-data ma tkunx disponibbli għall-BĊE għal kwalunkwe skop ieħor għajr l-iskop dejjaq tal-appoġġ statistiku tal-BERS.