31.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/38


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1052

tat-22 ta’ Mejju 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun (1) (“il-Ftehim”) ġie approvat f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/112 (2) u daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2021.

(2)

L-Artikolu 11(1) tal-Ftehim, jipprevedi li jiġi stabbilit Kumitat Konġunt tal-Partijiet għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.

(3)

L-Artikolu 11(3) tal-Ftehim jipprevedi wkoll li l-Kumitat Konġunt għandu jfassal u jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

(4)

Il-Kummissjoni u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Ġappun ikkooperaw fit-tfassil tal-abbozz tar-regoli ta’ proċedura.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, peress li dawn ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun fl-ewwel laqgħa fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentant tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel dwar bidliet minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)   ĠU L 229, 16.7.2020, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/112 tal-25 ta’ Jannar 2021 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun (ĠU L 36, 2.2.2021, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/ … TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-ĠAPPUN STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IS-SIKUREZZA TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ĠAPPUN

ta’ …

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-ĠAPPUN,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Punt 1

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt annessi ma’ din id-Deċiżjoni huma b’dan adottati.

Punt 2

Din id-Deċiżjoni ser issir applikabbli fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Ġappun


ANNESS

KUMITAT KONĠUNT TAL-PARTIJIET GĦALL-FTEHIM DWAR IS-SIKUREZZA TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ĠAPPUN

Regoli ta’ Proċedura

Punt 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura skont l-Artikolu 11(3) tal-Ftehim dwar is-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, it-terminu:

—

‘Parti’ tfisser l-Unjoni Ewropea jew il-Ġappun;

—

‘iż-żewġ partijiet’ tfisser l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.

Punt 2

President u Kompożizzjoni

1.   Il-Kumitat Konġunt ser ikun presedut b’mod konġunt minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tal-Ġappun (il-‘presidenti’).

2.   Fil-Kumitat Konġunt, l-Unjoni Ewropea hija rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea u akkumpanjata mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.   Fil-Kumitat Konġunt, il-Ġappun huwa rrappreżentat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u/jew mill-Missjoni tal-Ġappun għall-Unjoni Ewropea u akkumpanjat mill-Ministeru għall-Art, l-Infrastruttura, it-Trasport u t-Turiżmu.

Punt 3

Laqgħat

1.   Il-Kumitat Konġunt ser jiltaqa’ f’intervalli regolari fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.

2.   Il-post fejn isiru l-laqgħat għandu jalterna, kemm jista’ jkun, bejn Brussell u Tokyo. Bħala alternattiva, jistgħu jiġu organizzati diskussjonijiet permezz ta’ vidjokonferenza. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati waqt il-vidjokonferenzi jkollhom l-istess valur bħal dawk adottati waqt laqgħat fiżiċi. Ladarba l-Partijiet ikunu ddeċidew dwar id-data u l-post ta’ laqgħa, il-laqgħa tissejjaħ mill-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea u mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Ġappun.

3.   Ħlief jekk ma jiġix deċiż mod ieħor mill-presidenti, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt mhux ser ikunu miftuħin għall-parteċipanti mill-pubbliku. Wara l-laqgħat tista’ tinħareġ stqarrija għall-istampa bil-kunsens reċiproku tal-presidenti.

4.   Il-laqgħat u d-dokumenti ser ikunu bl-Ingliż. Il-kostijiet tal-interpretazzjoni jew tat-traduzzjoni f’lingwa oħra għandhom jitħallsu mill-Parti li titlobhom.

Punt 4

Delegazzjonijiet

1.   Qabel kull laqgħa, il-Partijiet ser jinfurmaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom, u jinnominaw lill-presidenti rispettivi tagħhom.

2.   Il-presidenti jistgħu, fuq bażi ad hoc, jiddeċiedu li jistiednu parteċipanti esterni biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari jew bħala osservaturi.

Punt 5

Segretarjat

Is-segretarji tal-Kumitat Konġunt ser ikunu uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, li ser jaġixxu b’mod konġunt.

Punt 6

Aġenda tal-Laqgħat

1.   Il-presidenti ser jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa b’kunsens reċiproku. Din l-aġenda proviżorja u kwalunkwe dokument rilevanti tal-laqgħat ser jintbagħtu mis-segretarji lill-parteċipanti mhux aktar tard minn ħmistax-il jum ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa.

2.   Il-Kumitat Konġunt ser jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti barra minn dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda jekk il-Partijiet jiddeċiedu li jsir hekk.

3.   Il-presidenti jistgħu jimmodifikaw, b’kunsens, il-limitu ta’ żmien għat-trażmissjoni tad-dokumenti, imsemmija fil-paragrafu 1, inkluża l-aġenda proviżorja, sabiex jitqiesu r-rekwiżiti tal-proċeduri interni ta’ Parti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

Punt 7

Minuti

1.   L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt ser jitfassal wara dik il-laqgħa. Dawn ser jindikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati u l-konklużjonijiet magħmula.

2.   Meta jiġu approvati, il-minuti ser jiġu ffirmati mill-presidenti u kopja oriġinali jew skennjata waħda ser tiġi ffajljata minn kull Parti. Il-firma u l-arkivjar elettroniċi huma possibbli.

Punt 8

Proċedura bil-Miktub

Meta jkun meħtieġ u ġġustifikat, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub. Għal dak il-għan, il-presidenti ser jiskambjaw l-abbozzi tal-miżuri li dwarhom tintalab l-opinjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza. Madankollu, kwalunkwe Parti tista’ titlob li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex jiddiskuti l-kwistjoni.

Punt 9

Deliberazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Konġunt ser jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu b’kunsens bejn il-Partijiet.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ser ikollhom it-titolu ‘Deċiżjoni’ u ‘Rakkomandazzjoni’ rispettivament u ser ikunu segwiti b’numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

3.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ser jiġu ffirmati mill-presidenti.

4.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt ser jiġu implimentati mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom stess.

5.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet jew kwalunkwe att ieħor adottat mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati jekk il-Partijiet jiddeċiedu li jsir hekk. Kopja oriġinali jew skennjata waħda tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet ser tinżamm minn kull Parti.

Punt 10

Spejjeż

1.   Il-partijiet ser ikunu inkarigati li jħallsu l-ispejjeż mġarrba minnhom stess minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u fil-laqgħat konformi mad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt, inkluż l-ispejjeż tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza u l-kostijiet tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.   L-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat ser jiġġarrbu mill-Parti li tkun qed torganizza l-laqgħa.