European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/4079

24.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-15 ta’ Ġunju 2026

li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għall-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew

(C/2026/4079)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Ġunju 1990, il-Bureau tal-Parlament Ewropew (il-“Bureau”) adotta r-Regoli dwar l-iskema ta’ pensjoni volontarja (2) (l-“Iskema”).

(2)

Id-drittijiet u l-obbligi applikabbli għall-Membri u għall-benefiċjarji l-oħra fl-ambitu tal-Iskema huma stabbiliti fl-Anness VII tar-Regoli dwar l-Ispejjeż u l-Allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ir-regoli PEAM), kif imsemmi fl-Artikolu 83 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għall-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (3) (il-“Miżuri ta’ Implimentazzjoni”).

(3)

Il-Bureau inkariga lill-Kwesturi jistabbilixxu fond (il-“Fond”) għall-ġestjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-Iskema u għall-eżekuzzjoni tal-pagamenti tal-pensjoni. Abbażi tad-deċiżjonijiet tal-Kwesturi tat-28 ta’ Novembru 1991 u tal-14 ta’ Lulju 1993, ġiet stabbilita organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ (l-“ASBL”) skont il-liġi tal-Lussemburgu, u l-istatut tagħha ġie approvat mill-Bureau fit-8 ta’ Lulju 1993. L-ASBL, hija u taġixxi awtonomament, stabbiliet “société d’investissement à capital variable” inkarigata mill-ġestjoni tal-investimenti tal-Iskema. Il-Parlament ma għandu l-ebda influwenza diretta fuq id-deċiżjonijiet tal-ASBL, li hija entità ġuridika separata.

(4)

Il-Membri setgħu jissieħbu fl-Iskema fuq bażi volontarja minn Awwissu 1989 sa tmiem is-sitt leġiżlatura (2004-2009). Fil-15 ta’ Lulju 2009 daħal fis-seħħ l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (l-“Istatut”), li introduċa reġim tal-pensjonijiet komuni għall-Membri. L-Iskema ngħalqet għal sħab ġodda.

(5)

Mill-2009 is-sitwazzjoni tal-Fond marret għall-agħar f’qasir żmien minħabba, fost oħrajn, it-terminazzjoni tal-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet u r-redditu insuffiċjenti tal-investimenti.

(6)

Il-Bureau intervjena diversi drabi biex itejjeb is-sostenibbiltà tal-Fond, b’mod partikolari permezz tad-deċiżjonijiet tiegħu rispettivament tal-1 ta’ April 2009, tal-10 ta’ Diċembru 2018 (4) u tat-12 ta’ Ġunju 2023 (5). Il-miżuri adottati, minkejja li rriżultaw fi tnaqqis tad-defiċit attwarjali tal-Fond u tnaqqis tal-obbligazzjonijiet tal-Iskema, ma setgħux jerġgħu jġibu s-solvenza fit-tul tal-Fond.

(7)

L-eżawriment mistenni tal-assi tal-Fond fi tmiem l-2026 se jolqot il-kapaċità tal-Fond li jkompli jeżegwixxi l-pagamenti tal-pensjonijiet ta’ kull xahar. Madankollu, tali eżawriment la mhu se jkun qed jestingwi d-drittijiet għall-pensjoni miksubin mill-benefiċjarji u lanqas il-jeddijiet futuri fl-ambitu tal-Iskema, li ġejjin mill-Istatut u mir-regoli dwar l-Iskema kif adottati u emendati sussegwentement mill-Bureau.

(8)

L-Artikolu 27 tal-Istatut jipprevedi li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut, il-Fond imwaqqaf mill-Parlament għandu jinżamm għall-Membri jew għall-ex Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri fil-Fond, li kwalunkwe dritt miksub u jedd futur għandhom jinżammu fl-intier tagħhom u li l-Parlament għandu d-dritt li jistabbilixxi kriterji u kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta’ drittijiet jew jeddijiet ġodda.

(9)

Fil-laqgħa tiegħu tal-1 ta’ April 2009, il-Bureau ddeċieda li l-Parlament ikun jassumi r-responsabbiltà legali biex jiggarantixxi d-drittijiet tal-pensjoni tal-membri tal-Iskema fl-eventwalità ta’ eżawriment tal-Fond u li kwalunkwe kapital li jibqa’ fil-Fond wara l-ħlas tad-drittijiet kollha għall-pensjoni jiġi ttrasferit lill-Parlament, u dan ikun jeħtieġ li l-Istatut tal-Fond jiġi emendat konsegwentement.

(10)

Fis-sentenzi tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2025 (6), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea osservat l-impenn tal-Parlament li jieħu responsabbiltà, mill-baġit tiegħu stess, għall-ħlas tal-pensjonijiet u l-komunikazzjoni ta’ dak l-impenn lill-membri tal-Fond fit-3 ta’ April 2009, u indikat b’tali mod li dan jista’ jnissel aspettattivi leġittimi.

(11)

Minħabba r-responsabbiltà legali tal-Parlament f’dak li għandu x’jaqsam maż-żamma tal-Iskema, il-Parlament jeħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura l-kontinwità tal-pagamenti tal-pensjonijiet fl-ambitu ta’ qafas ġuridiku u amministrattiv vijabbli wara l-eżawriment tal-assi tal-Fond.

(12)

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, fil-laqgħa tal-15 ta’ Ġunju 2026 il-Bureau rrikonoxxa li, minħabba l-eżawriment tal-assi tal-Fond, il-pagamenti tal-pensjonijiet fl-ambitu tal-Iskema għandhom ikunu eżegwiti direttament mill-baġit tal-Parlament Ewropew mill-1 ta’ Jannar 2027.B’konsegwenza ta’ dan, bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009, kwalunkwe kapital li jibqa’ fil-Fond wara l-ħlas tad-drittijiet relatati ma’ Diċembru 2026 se jiġu ttrasferiti lill-Parlament. Il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 83 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Kwalunkwe pensjoni addizzjonali skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Anness VII tar-Regoli PEAM, li tkun għadha ma saritx pagabbli fl-1 ta’ Jannar 2019, għandha tkun soġġetta għal imposta speċjali li tammonta għal 5 % tal-ammont nominali tal-pensjoni pagabbli.”

;

(2)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-pensjoni addizzjonali (volontarja) għal benefiċjarji oħra skont l-Artikoli 3 u 4 tal-Anness VII tar-Regoli PEAM li fl-1 ta’ Jannar 2019 tkun għadha ma saritx pagabbli għandha tkun soġġetta għal imposta speċjali li tammonta għal 5 % tal-ammont nominali tal-pensjoni pagabbli.”

;

(3)

il-paragrafu 7 jitħassar;

(4)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Mill-1 ta’ Jannar 2027, kwalunkwe pensjoni addizzjonali u kwalunkwe pensjoni għall-benefiċjarji, skont l-Artikoli 1 sa 4 tal-Anness VII tar-Regoli PEAM, għandha titħallas direttament mill-Parlament lill-ex Membri u lil benefiċjarji oħra.”

.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2027.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/684/oj).

(2)  Ir-Regoli dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) daħlu fis-seħħ retroattivament mill-1 ta’ Awwissu 1989 u ġew emendati ulterjorment mill-Bureau fit-8 ta’ Lulju 1993, fit-12 ta’ Diċembru 1994, fit-13 ta’ Settembru 1995, fit-13 ta’ Novembru 1995, fis-17 ta’ Settembru 1996, fis-17 ta’ Novembru 1997, fl-10 ta’ Marzu 1999, fl-20 ta’ Settembru 2000, fit-2 ta’ Lulju 2001, fit-13 ta’ Mejju 2002, fil-5 ta’ Settembru 2005, fit-30 ta’ Novembru 2005, fl-20 ta’ Novembru 2008 u fl-1 ta’ April 2009.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-11 ta’ Settembru 2023 dwar il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni għall-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Bureau tad-19 ta’ Mejju u d-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU C, C/2024/2814, 26.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2814/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 466, 28.12.2018, p. 8).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-12 ta’ Ġunju 2023 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 227, 29.6.2023, p. 5).

(6)   Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2025, Enrique Barón Crespo et vs Il-Parlament Ewropew, Kawżi Magħquda T-620/23 sa T-1023/23, ECLI:EU:T:2025:1109.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4079/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)