|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2384 |
10.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2384
tad-9 ta’ Settembru 2024
li jagħti bidu għal rieżami ta’ parti eżentata skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 u li jagħmel l-importazzjonijiet tal-parti eżentata soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 13(4) u 14(5) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 tal-10 ta’ Jannar 1997 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 fuq roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti partijiet ta’ roti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jimponi d-dazju estiż fuq dawn l-importazzjonijiet irreġistrati fir-Regolament (KE) Nru 703/96 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/45 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 dwar l-estensjoni tad-dazju tal-anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti komponenti tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (3),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 tal-20 ta’ Jannar 1997 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ wħud mill-partijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 tad-dazju anti-dumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (4) (“ir-Regolament ta’ eżenzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
1. BIDU TAL-INVESTIGAZZJONI EX-OFFICIO
|
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet, fuq inizjattiva tagħha stess, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ eżenzjoni, li tirrieżamina jekk il-kumpanija Finlandiża Solo International Oy (“il-parti taħt rieżami”), li bħalissa qed tibbenefika minn awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tagħha ta’ ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kinitx qed tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ eżenzjoni jew kinitx qegħda tagħmel dikjarazzjonijiet doganali żbaljati, u li tagħmel l-importazzjonijiet tagħhom (kodiċi addizzjonali TARIC B940) soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
2. PRODOTT TAĦT RIEŻAMI
|
(2) |
Il-prodott taħt rieżami huwa partijiet essenzjali tar-roti kif definit fir-Regolament (KE) Nru 71/97, iddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera minn, jew f’isem, Solo International Oy (kodiċi addizzjonali TARIC B940). |
3. MIŻURI EŻISTENTI
|
(3) |
Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 71/97 u estiż bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/45. |
|
(4) |
F’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2362 (5), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1461 (6), l-importazzjonijiet iddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera minn Solo International Oy jew f’isimha bil-kodiċi addizzjonali TARIC B940 huma eżentati mill-ħlas tad-dazju anti-dumping. |
4. RAĠUNIJIET GĦAR-RIEŻAMI
|
(5) |
Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni li l-parti taħt rieżami setgħet kisret l-obbligi tagħha bħala parti eżentata. Hemm indikazzjonijiet li l-partijiet essenzjali tar-roti importati mill-parti taħt rieżami setgħu ma ntużawx fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew assemblaġġ ta’ prodotti oħra, meqruda, esportati mill-ġdid, jew mibjugħa mill-ġdid lil parti eżentata oħra, u li dawk l-importazzjonijiet setgħu ġew ikklassifikati ħażin għall-finijiet doganali. |
5. PROĊEDURA
5.1. Bidu
|
(6) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ eżenzjoni, bl-għan li tiddetermina jekk l-eżenzjoni mogħtija lil Solo International Oy għandhiex tiġi revokata, u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
5.2. Reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet
|
(7) |
Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ eżenzjoni, mid-data tal-bidu tar-rieżami, l-importazzjonijiet mill-parti taħt rieżami għandhom jiġu rreġistrati skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, biex jiġi żgurat li, jekk ir-rieżami jirriżulta f’revoka tal-eżenzjoni, id-dazji anti-dumping ta’ 48,5 % imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/45 ikunu japplikaw kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni. Dan huwa bla ħsara għal xi responsabbiltà doganali oħra li tista’ tirriżulta mis-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. |
5.3. Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami
|
(8) |
L-investigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). |
5.4. Investigazzjoni tal-kumpanija
|
(9) |
Sabiex tkun tista’ tikseb it-tagħrif li tqis li huwa meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-parti taħt rieżami. Il-kwestjonarju jrid jitwieġeb fi ħdan il-perjodu indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Sabiex tkun tista’ tikseb it-tagħrif li tqis li huwa meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ wkoll titlob informazzjoni u għajnuna mill-awtoritajiet doganali. |
5.5. Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub
|
(11) |
Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. |
5.6. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
|
(12) |
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fi ħdan il-perjodi speċifikati fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet. |
5.7. Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
|
(13) |
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. |
|
(14) |
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittivi) (7). Il-partijiet interessati li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali. |
|
(15) |
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem b’mod raġonevoli. |
|
(16) |
Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta. |
|
(17) |
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. |
|
(18) |
Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jrid ikollhom kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed għandu jirreġistra u juża TRON.tdi huma disponibbli hawn https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf. |
|
(19) |
Permezz ta’ TRON.tdi jew ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. |
|
(20) |
Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi Indirizz elettroniku: TRADE-BICYCLE-PARTS@ec.europa.eu |
6. NONKOOPERAZZJONI
|
(21) |
F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ eżenzjoni, l-eżenzjoni għandha tiġi revokata fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kwalunkwe parti eżentata. Jekk xi parti eżentata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fi ħdan il-perjodu stabbilit, tipprovdi informazzjoni falza jew qarrieqa jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, din tista’ titqies bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni. |
7. UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
|
(22) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment. |
|
(23) |
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kollha. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu. |
|
(24) |
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-perjodi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin. |
|
(25) |
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en. |
8. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
|
(26) |
L-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 9 xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. |
9. PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(27) |
Kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
(28) |
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni tinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Qiegħed jinbeda rieżami skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 88/97 sabiex jiġi ddeterminat jekk Solo International Oy hijiex qed tirrispetta l-obbligi tagħha bħala parti eżentata u jekk l-eżenzjoni mid-dazju anti-dumping fuq partijiet essenzjali tar-roti mogħtija lil Solo International Oy għandhiex tiġi revokata.
2. Il-prodott taħt rieżami, u li jibbenefika mill-eżenzjoni, huwa partijiet essenzjali tar-roti kif definit fir-Regolament (KE) Nru 71/97, jiġifieri:
|
— |
Frames miżbugħa jew anodizzati jew ippolixjati u/jew mogħtija l-lostru (kodiċi NM ex 8714 91 10 , kodiċi TARIC 8714 91 10 31, 8714 91 10 35 u 8714 91 10 39); |
|
— |
Frieket ta’ quddiem miżbugħin jew anodizzati jew ippolixjati u/jew mogħtija l-lostru (kodiċi NM ex 8714 91 30 , kodiċijiet TARIC 8714 91 30 35 u 8714 91 30 39); |
|
— |
Gerijiet derailleur (kodiċi NM ex 8714 99 50 , kodiċijiet TARIC 8714 99 50 91 u 8714 99 50 99); |
|
— |
Mekkaniżmi tal-pedali (kodiċi NM ex 8714 96 30 , kodiċi TARIC 8714 96 30 90); |
|
— |
Roti tat-tip free-wheel sprocket-wheels (kodiċi NM ex 8714 93 00 , kodiċi TARIC 8714 93 00 19), kemm jekk preżentati f’settijiet kif ukoll jekk le; |
|
— |
Brejkijiet oħrajn (kodiċi NM ex 8714 94 20 , kodiċi TARIC 8714 94 20 99); |
|
— |
Mankijiet tal-brejkijiet (kodiċi NM ex 8714 94 90 , kodiċi TARIC 8714 94 90 19), kemm jekk preżentati f’settijiet kif ukoll jekk le; |
|
— |
Roti kompluti b’tubi, tajers u sprokits jew mingħajrhom (kodiċi NM ex 8714 99 90 , kodiċi (jiet) TARIC 8714 99 90 19); |
|
— |
Manubriji (kodiċi NM ex 8714 99 10 , kodiċi TARIC 8714 99 10 89 u 8714 99 10 99), kemm jekk preżentati kemm jekk ikollhom imwaħħla s-sieq, il-mankijiet tal-brejkijiet u/jew tal-gerijiet, kif ukoll jekk le; |
u importati minn Solo International Oy (kodiċi addizzjonali TARIC B940).
Artikolu 2
L-Awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.
Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
1. Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Sabiex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
3. Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.
(4) ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17.
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2362 tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar eżenzjonijiet mid-dazju antidumping estiż fuq ċerti partijiet tar-roti li joriġinaw fir- Repubblika Popolari taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 (ĠU L 331, 17.12.2015, p. 30).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1461 tas-26 ta’ Awwissu 2022 dwar l- eżenzjonijiet mid-dazju anti-dumping estiż fuq ċerti partijiet tar-rota li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 (ĠU L 229, 5.9.2022, p. 69).
(7) Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjon (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(8) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2384/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)