Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑23 ta’ April 2026 (1)
Kawża C‑321/25 [Gidzhinov] (i)
Proċedura kriminali
kontra
А,
B,
V,
G,
D,
bl-intervent ta’:
Sofiyska gradska prokuratura
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il‑Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Artikolu 325(1) — Konvenzjoni PIF — Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI — Obbligu ta’ ġlieda kontra l-frodi li tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi — Obbligu li jiġu stabbiliti sanzjonijiet kriminali — Frodi gravi fil-qasam tal-VAT — Pieni massimi — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Terminu ta’ preskrizzjoni”
1. Fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra persuni akkużati li mexxew jew ipparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali intiża għall-frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal‑Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) għamlet żewġ domandi preliminari ta’ natura ferm differenti lill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar it-terminu assolut ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni kriminali (l-ewwel domanda) u dwar ir-rabta bejn il-pieni previsti għall-ftehim sabiex jitwettaq reat u dawk previsti għar‑reat innifsu (it-tieni domanda).
2. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija s-suġġett tad‑domandi preliminari huma l‑Artikolu 325(1) TFUE, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (2) u d-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI (3).
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-Konvenzjoni PIF
3. L-Artikolu 1 (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) jipprovdi:
“1. Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] tikkonsisti fir-:
[…]
b) rigward dħul, kwalunkwe att jew omissjoni intenzjonali dwar:
– l-użu jew preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett it-tnaqqis illegali ta’ fondi mill-bilanċ ġenerali tal-[Unjoni] jew bilanċi mħaddma minn, jew f’isem [l-Unjoni];
– ma tkunx żvelata informazzjoni bi ksur ta’ obbligu speċifiku, bl-istess effett;
– applikazzjoni ħażina ta’ benefiċċju miksub legalment, bl-istess effett.
[…]”.
4. L-Artikolu 2 (“Penalitajiet”) jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l‑kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u parteċipazzjoni f’instigazzjoni jew attentat tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), huma puniti b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, inklużi, għal inqas f’każi ta’ frodi serja, penalitajiet li jinvolvu depravazzjoni ta’ libertà li tista’ tagħti lok għal estradizzjoni, u jinftiehem li frodi serja titqies frodi li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru. Dan l-ammont minimu ma jistax ikun stabbilit għas-somma li taqbeż [EUR ]50 000.
[…]”
2. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/841
5. L-Artikolu 1 (“Definizzjonijiet”) jindika:
“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:
1) ‘organizzazzjoni kriminali’: tfisser assoċjazzjoni strutturata, stabbilita tul perjodu ta’ żmien, ta’ aktar minn żewġ persuni u li jieħdu azzjoni b’mod konċertat sabiex iwettqu reati punibbli bi priġunerija jew b’ordni ta’ detenzjoni ta’ massimu ta’ mill-anqas erba’ snin jew b’piena aktar serja, sabiex tieħu, direttament jew indirettament, vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor;
2) ‘assoċjazzjoni strutturata’: tfisser assoċjazzjoni li ma tkunx iffurmata każwalment għat-twettiq immedjat ta’ reat u li ma teħtieġx li jkollha rwoli formalment definiti għall-membri tagħha, kontinwità fil-kompożizzjoni tagħha jew struttura żviluppata”.
6. L-Artikolu 2 (“Reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali”) jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li wieħed jew iż-żewġ tipi, li ġejjin, ta’ mġiba relatati ma’ organizzazzjoni kriminali jkunu meqjusa bħala reati:
a) l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li, bi ħsieb u b’għarfien jew ta’ l‑għan u ta’ l-attività ġenerali ta’ l-organizzazzjoni kriminali jew ta’ l-intenzjoni tagħha li twettaq ir-reati in kwistjoni, tieħu sehem attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni, inklużi l-forniment ta’ informazzjoni jew ta’ mezzi materjali, ir-reklutaġġ ta’ membri ġodda u kull forma ta’ finanzjament ta’ l-attivitajiet tagħha, bl‑għarfien li tali parteċipazzjoni se tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni;
b) l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li tikkonsisti fi ftehim ma’ persuna waħda jew aktar li għandha titwettaq attività, li jekk imwettqa, tkun tikkonsisti fit-twettiq ta’ reati imsemmija fl-Artikolu 1, anki jekk dik il-persuna ma tiħux sehem fl-eżekuzzjoni attwali ta’ l-attività”.
7. L-Artikolu 3 (“Pieni”) jindika:
“1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li:
a) ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2(a) jkun punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin; jew
b) ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2(b) ikun punibbli bl-istess terminu massimu ta’ priġunerija bħar-reat li lejh ikun mmirat il-ftehim [(4)] jew b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin.
2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li jista’ jiġi meqjus bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li reati msemmija fl‑Artikolu 2, kif determinati minn dan l-Istat Membru, ikunu mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali”.
B. Id-dritt Bulgaru
1. Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali)
8. L-Artikolu 23(1) jistabbilixxi:
“Jekk b’att wieħed jitwettqu diversi reati jew jekk persuna tkun wettqet diversi reati differenti qabel ma tiġi kkundannata għal wieħed minnhom permezz ta’ sentenza definittiva, il-qorti, wara li tistabbilixxi piena għal kull wieħed minn dawn ir-reati separatament, timponi l-iktar piena gravi fosthom”.
9. Skont l-Artikolu 80:
“(1) L-azzjoni kriminali tkun preskritta meta ma tkunx inbdiet matul:
[...]
2. ħmistax‑il sena, fir-rigward ta’ atti punibbli b’piena ta’ ċaħda tal‑libertà ta’ iktar minn għaxar snin;
3. għaxar snin, fir-rigward ta’ atti punibbli b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ iktar minn tliet snin;
[...]
(3) Il-preskrizzjoni tal-azzjoni pubblika tibda mid-data tat-twettiq tar‑reat; fil-każ ta’ attentat jew ta’ preparazzjoni għat-twettiq tiegħu, mid‑data li fiha twettaq l-aħħar att; u fil-każ ta’ reati kontinwi jew mhux interrotti, mid-data tal-waqfien tagħhom”.
10. L-Artikolu 81 jipprovdi:
“(1) Il-preskrizzjoni tiġi sospiża meta l-bidu jew it-tkomplija tal-azzjoni kriminali tkun suġġetta għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjoni preliminari permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.
(2) Il-preskrizzjoni tiġi interrotta b’kull att tal-awtoritajiet kompetenti mwettaq għall-finijiet tal-prosekuzzjoni u biss fir-rigward tal-persuna li kontriha tkun diretta l-prosekuzzjoni. Meta jintemm l-att li bih tkun ġiet interrotta l-preskrizzjoni, jibda jiddekorri terminu ġdid ta’ preskrizzjoni.
(3) Minkejja s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, l‑azzjoni pubblika tiġi preskritta jekk ikun għadda terminu li jaqbeż nofs it-terminu previst fl-artikolu preċedenti”.
11. L-Artikolu 93 jistipula:
“It‑termini u l‑espressjonijiet li ġejjin jintużaw f’dan il‑kodiċi bit‑tifsira li ġejja:
[...]
20. ‘grupp kriminali organizzat’: l-assoċjazzjoni fit-tul u strutturata ta’ tliet persuni jew iktar bil-għan li jwettqu b’mod miftiehem, fit-territorju nazzjonali jew barra minnu, reati punibbli b’piena ta’ ċaħda tal-libertà li taqbeż it-tliet snin. L-assoċjazzjoni titqies bħala strutturata anki fin-nuqqas ta’ tqassim formali tal-funzjonijiet bejn il-parteċipanti, ta’ parteċipazzjoni fit-tul jew ta’ struttura żviluppata.
[…]”.
12. Skont l-Artikolu 255:
“(1) Kull min jevita l-iffissar jew il-ħlas ta’ djun fiskali ta’ ammont sinjifikattiv, billi:
[...]
7. inaqqas b’mod indebitu t‑taxxa mħallsa,
[...] ikun issanzjonat b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn sena u sitt snin u b’multa sa massimu ta’ 2,000 [lev Bulgaru (BGN)].
[...]
(3) Meta d-dejn tat-taxxa jkun ta’ ammont partikolarment għoli, il‑piena tkun ta’ priġunerija ta’ bejn tliet u tmien snin u l-konfiska tal‑proprjetà kollha jew ta’ parti minnha tal-ħati.
[…]”.
13. Skont l-Artikolu 321:
“(1) Il-formazzjoni jew it-tmexxija ta’ grupp kriminali organizzat hija ssanzjonata b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn tliet u għaxar snin.
(2) Il-parteċipazzjoni f’dak il-grupp hija ssanzjonata b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn sena u sitt snin.
(3) Meta l-grupp jiġi kkostitwit [...] għal finijiet ta’ arrikkiment, [...] il-piena hija:
1. għar-reati previsti fil-paragrafu 1: piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn ħames u ħmistax‑il sena;
2. għar-reati previsti fil-paragrafu 2: piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn tliet u għaxar snin.
[…]”.
2. Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)
14. L-Artikolu 24 jipprovdi:
“(1) Il-proċedura ma tinbediex, jew tiġi arkivjata jekk tkun diġà bdiet, meta:
[...]
3. ir-responsabbiltà kriminali tkun preskritta minħabba li jkun skada t‑terminu previst mil-liġi;
[...]
(2) Fil-każijiet previsti fil-punti 2, 3 u 9 tal-paragrafu 1, il-proċedura kriminali ma tingħalaqx jekk il-persuna imputata jew riferuta quddiem qorti kriminali titlob dan. L-amnestija jew il-preskrizzjoni ma jipprekludux il-ftuħ mill-ġdid ta’ kawża kriminali jekk il-persuna kkundannata titlob dan jew jekk il-prosekutur jippreżenta proposta ta’ liberazzjoni.
[…]”.
15. Skont l-Artikolu 258:
“(1) Il-kawża tiġi ġġudikata mill-istess kompożizzjoni ġudizzjarja mill‑bidu sat-tmiem tas-seduta.
(2) Meta membru tal-qorti ma jkunx jista’ jkompli jipparteċipa fl‑eżami tal-kawża u jkollu jiġi ssostitwit, l-eżami jerġa’ jinbeda mill‑bidu”.
16. L-Artikolu 289 jaqra s-segwenti:
“(1) Il-qorti tagħlaq il-proċess kriminali fil-każijiet previsti fil-punti 2 sa 10 tal-Artikolu 24(1) u fl-Artikolu 24(5).
Meta r-raġunijiet previsti fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 24(1) joħorġu waqt is-seduta u l-persuna ġġudikata titlob it-tkomplija tal-proċedura, il‑qorti tiddeċiedi permezz ta’ sentenza kriminali.
[…]”.
II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari
17. Fis-sena 2015, fil-Bulgarija nfetħet proċedura kriminali kontra ħames persuni għal twettiq ta’ diversi reati relatati mal-VAT. F’din il‑proċedura:
– A. u B. ġew akkużati li mexxew grupp kriminali organizzat, fis-sens tal-Artikolu 321(3) tal-Kodiċi Kriminali, bejn Marzu tal‑2011 u Novembru tal‑2012. Din l-imġiba hija ssanzjonata b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn ħamsa u ħmistax‑il sena.
– V., G. u D. ġew akkużati li pparteċipaw, fl-istess perijodu, fil-grupp kriminali organizzat immexxi minn A. u B. Din l-imġiba hija ssanzjonata b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn tliet u għaxar snin.
18. Ma’ dawn l-akkużi żdiedu wkoll dawk li ġejjin, ikklassifikati skont l-Artikolu 255(3) tal-Kodiċi Kriminali u ssanzjonati b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn tliet u tmien snin, kif ukoll bil-konfiska tal‑proprjetà kollha jew ta’ parti minnha:
– Tliet reati ta’ dikjarazzjoni falza tal-VAT, għall-valur ta’ EUR 633 525.
– Erbatax‑il reat għal fatturi foloz, għall-valur ta’ EUR 1 130 568.
– Frodi fiskali, għall-valur ta’ EUR 1 022 583.
– Tnaqqis illegali, għal total ta’ EUR 1 244 274.
19. Il-kawża kienet inizjalment assenjata lil qorti komposta minn imħallef wieħed u żewġ ġurati, li quddiemha nżammu tmienja u erbgħin seduta bejn l‑2015 u l‑2021. Fl‑2021, il-proċedura kellha terġa’ tinbeda mill-bidu, minħabba l-ħatra ta’ imħallef ġdid minflok dak preċedenti, li kien temm il-funzjonijiet tiegħu.
20. Quddiem il-qorti l-ġdida, magħmula minn tieni mħallef u żewġ ġurati oħra, inżammu tmintax‑il seduta bejn l‑2022 u l‑2025, li l-maġġoranza tagħhom ġew posposti, u mingħajr ma ttieħdet ebda miżura biex jinġabru l-provi.
21. Il-proċedura kellha tiġi assenjata mill-ġdid għat-tielet darba, minħabba l-irtirar minħabba l-età tat-tieni wieħed mill-imħallfin. Din ġiet mogħtija lil tielet imħallef u lil żewġ ġurati ġodda, li jiffurmaw il-qorti tar-rinviju.
22. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesponi l-kunsiderazzjonijiet segwenti:
– “[…] huwa oġġettivament impossibbli li proċedura kriminali titmexxa quddiem tliet istanzi qabel id-dati li fihom iseħħ it-terminu assolut ta’ preskrizzjoni tal-prosekuzzjoni fil-maġġoranza tar-reati (minbarra dawk relatati mat-tmexxija ta’ organizzazzjoni kriminali). Anki jekk il-qorti tar‑rinviju tkun tista’ tiddeċiedi qabel fuq il-mertu tal-kawża, il‑preskrizzjoni assoluta sseħħ mingħajr dubju qabel ma t-tieni jew it‑tielet istanza jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar ir-rikorsi ppreżentati” (5).
– Il-prosekuzzjoni ta’ tnejn mill-akkużati bħala mexxejja ta’ organizzazzjoni kriminali tinvolvi piena massima ta’ ħmistax‑il sena priġunerija. Għaldaqstant, it-terminu assolut ta’ preskrizzjoni huwa ta’ tnejn u għoxrin sena u nofs u jiskadi fl-14 ta’ Mejju 2035. Dan it‑terminu għall-prosekuz zjoni tal-persuni indikati bħala mexxejja tal‑organizzazzjoni kriminali jkun suffiċjenti sabiex il-proċedura kriminali tkun tista’ titmexxa, anki quddiem tliet istanzi ġudizzjarji.
– Fir-rigward tal-pieni previsti għall-aġir li huwa s-suġġett tal‑proċedura, id-dispożizzjoni li tistipula “[…] il-ftehim biex jitwettaq reat jiġi ssanzjonat b’mod iktar sever mill-kummissjoni effettiva tiegħu […] tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu […] in-natura kriminali tal-ftehim tirriżulta biss min-natura kriminali tar‑reati li l-partijiet ikollhom l-intenzjoni li jwettqu permezz ta’ dak il-ftehim u li jistgħu jitwettqu fil-futur” (6).
23. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tressaq dawn id-domandi preliminari quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni [PIF] jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ atti li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li tipprovdi li t‑terminu ta’ preskrizzjoni jiddependi biss mill-piena massima prevista għar-reat inkwistjoni, u ma jiddependix ukoll mill-gravità fil-fatt u fil-liġi tal-każ, u li ma tipprevedix il-possibbiltà li jseħħ avveniment mhux ippjanat, li minħabba fih il-proċedura ġudizzjarja jkollha tibda mill-ġdid, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ din il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ twassal għal impunità?
2) L-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI [...] jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha r-reat imsemmi fl-Artikolu 2(b) jiġi suġġett għal piena ta’ ċaħda tal‑libertà li t-tul tagħha jkun itwal mill-massimu previst għar-reat li t-twettiq tiegħu huwa s-suġġett tal-ftehim imsemmi fl‑Artikolu 2(b)?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
24. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2025.
25. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub V, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea.
26. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li kien meħtieġ li tinżamm seduta.
IV. Analiżi
27. Il-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ domandi awtonomi:
– L‑ewwel waħda għandha bħala suġġett is-sistema ta’ preskrizzjoni tal‑azzjoni kriminali stabbilita mil-leġiżlatur Bulgaru u l-adegwatezza tagħha biex tiżgura repressjoni effettiva tal-frodi tal-VAT.
– It‑tieni waħda tirreferi għall-ġustifikazzjoni, mill-perspettiva tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’ċerti ċirkustanzi, tissanzjona b’mod iktar sever lil dawk li jaqblu li jwettqu reat milli lil dawk li effettivament iwettquh.
A. L-ewwel domanda preliminari
28. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 325 TFUE u l‑Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li “t-terminu ta’ preskrizzjoni jiddependi biss mill-piena massima prevista għar-reat inkwistjoni, u ma jiddependix ukoll mill-gravità fil-fatt u fil-liġi tal-każ, u li ma tipprevedix il‑possibbiltà li jseħħ avveniment mhux ippjanat, li minħabba fih il‑proċedura ġudizzjarja jkollha tibda mill-ġdid”. Iżżid li din il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ “twassal għal impunità”.
29. Kif fakkret il-Kummissjoni (7), il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, fis-sens tal‑Artikolu 4(2) TFUE. Sa fejn it-termini ta’ preskrizzjoni u r-regoli dwar l-interruzzjoni u s-sospensjoni tagħhom ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni ddettaljata fil-livell tal-Unjoni, l-istabbiliment tagħhom jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (8).
30. L-Artikolu 325(1) jimponi fuq l-Istati Membri d-dmir li jiġġieldu l-frodi u kull attività illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi (9).
31. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il‑miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir effettiv u sħiħ tar-riżorsi proprji, inklużi d-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi fuq il-bażi armonizzata tal-VAT (10).
32. L-Istati Membri għandhom libertà ta’ għażla fir-rigward tas‑sanzjonijiet applikabbli, li jistgħu jkunu sanzjonijiet amministrattivi, sanzjonijiet kriminali jew taħlita tat-tnejn, sabiex jiżguraw il-ġbir tad‑dħul kollu provenjenti mill-VAT u, b’dan il-mod, tal-protezzjoni tal‑interessi finanzjarji tal-Unjoni. Is-sanzjonijiet kriminali jistgħu jkunu indispensabbli għall-ġlieda effettiva u dissważiva kontra ċerti każijiet ta’ frodi serja tal-VAT (11).
33. L-imġiba li hija s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi reati penali ta’ frodi fiskali u ta’ organizzazzjoni kriminali marbuta mal-VAT. L-ammonti tal-VAT imsemmija fil-kuntest ta’ din il‑proċedura jammontaw għal madwar EUR 4 000 000, somma li taqbeż bil-kbir il-limitu minimu stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF sabiex frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tiġi kklassifikata bħala “serja”.
34. Għaldaqstant, l-imġiba li hija s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF.
35. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li n-natura effettiva u dissważiva tal-miżuri adottati mill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma tiddependix biss mill‑gravità tas-sanzjonijiet kriminali li bihom tiġi ssanzjonata l-imġiba li tagħmel ħsara lill-persuni interessati, iżda wkoll mis-sistema ta’ preskrizzjoni tagħhom.
36. Fir-rigward tal-leġiżlatur nazzjonali, huwa dan li “għandu jiżgura li r-regoli nazzjonali dwar il-preskrizzjoni fil-qasam kriminali ma jwasslux għall-impunità ta’ numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi fil-qasam tal-VAT” (12).
37. F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li:
– Ma hemmx kontestazzjoni (il-qorti tar-rinviju ma tqajjem ebda dubju f’dan ir-rigward) li d-dritt Bulgaru jipprevedi sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi għall-ksur kriminali li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
– Lanqas ma hemm kontestazzjoni li, b’mod astratt, it-termini ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni kriminali previsti fil-leġiżlazzjoni Bulgara huma adegwati, jiġifieri ma jikkompromettux in-natura effettiva u dissważiva tas-sanzjonijiet korrispondenti. Dawn it-termini jaqbżu l‑minimi stabbiliti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 (13) anki jekk din tal-aħħar ma hijiex applikabbli, ratione temporis, għal reati mwettqa fl‑2011 u fl‑2012.
38. Id-dubju tal-qorti tar-rinviju jikkonċerna sistema ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni kriminali li tapplika, b’mod inevitabbli, wara li jgħaddu numru determinat ta’ snin minn meta jitwettaq l-aġir li huwa s-suġġett tal-proċeduri. Dan it-terminu ta’ preskrizzjoni assolut jiġi stabbilit skont il-piena massima prevista għar-reat korrispondenti, mingħajr ma jista’ jiġi estiż taħt ebda ċirkustanza.
39. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-iffissar ta’ termini ta’ preskrizzjoni raġonevoli fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill‑awtoritajiet nazzjonali, meta jkun hemm oqsma li għalihom huwa applikabbli d-dritt tal-Unjoni (14). F’dan ir-rigward, hija ddikjarat is‑segwenti:
– “[…] ir-regoli nazzjonali li jistabbilixxu t-termini ta’ preskrizzjoni għandhom jiġu kkonċepiti b’mod li jiġi stabbilit bilanċ bejn, minn naħa, l-għanijiet li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u li tiġi żgurata l‑ipproċessar tan-negozju f’terminu raġonevoli bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni effettiva u effikaċi ta[d-dritt tal-Unjoni]” (15).
– “Sabiex jiġi ddeterminat jekk sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni tistabbilixxix tali bilanċ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑elementi kollha ta’ din is-sistema […], li jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, id-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ dan it-terminu kif ukoll il-modalitajiet ta’ sospensjoni jew ta’ interruzzjoni tiegħu” (16).
– Tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala element rilevanti, il‑kumplessità tal-analiżi li tirrikjedi l-kawża (17).
40. Abbażi ta’ dawn il-premessi, qabelxejn hemm lok li jitneħħew id‑dubji dwar il-validità ta’ terminu ta’ preskrizzjoni assolut, ikkunsidrat fih innifsu. Din il-forma ta’ terminu tidher, pereżempju, fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (18), li jikkonċerna l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
41. Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi “[…] terminu ta’ preskrizzjoni assolut [li] jikkontribwixxi għat-tisħiħ taċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi billi ma jħallix li l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet legali relatati ma’ irregolarità tista’ tiġi mdewma indefinittivament […]” (19).
42. Naqbel mal-Kummissjoni li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni iktar iddettaljata, is-sempliċi assenza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ regola li tikkundizzjona l-applikabbiltà tat-terminu ta’ preskrizzjoni assolut tal‑azzjoni kriminali għall-kumplessità tal-proċedura ġudizzjarja ma tiksirx id-dritt tal-Unjoni.
43. Naturalment, tali terminu għandu jkun twil biżżejjed sabiex jippermetti li l-imġiba tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tul medju tal-proċeduri ġudizzjarji (20).
44. Fl-opinjoni tiegħi, terminu ta’ preskrizzjoni assolut ta’ ħmistax‑il sena, bħal dak stabbilit fid-dritt Bulgaru, huwa raġonevoli u suffiċjenti. Huwa tali anki jekk il-kalkolu tiegħu jkopri l-perijodu mill-bidu tal‑proċedura kriminali sas-sentenza definittiva, jiġifieri, jinkludi l‑istanzi kollha (21). F’perijodu ta’ ħmistax‑il sena huwa possibbli li tintemm proċedura kriminali dwar reati bħal dawk inkwistjoni. Kif tosserva l-Kummissjoni, tali perijodu jaqbeż b’mod sinjifikattiv it-terminu ta’ preskrizzjoni korrispondenti stabbilit fid-Direttiva 2017/1371 (22).
45. Madankollu, anki jekk tiġi rrikonoxxuta r-raġonevolezza, fl‑astratt, ta’ tali terminu, għandu jiġi żgurat li l-applikazzjoni tiegħu fil‑prattika ma tiffavorixxix l-impunità u, konsegwentement, ma tnaqqasx l-effettività u n-natura dissważiva tal-miżuri li għandhom jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
46. F’din il-linja, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat jekk l-applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet nazzjonali fil‑qasam tal‑preskrizzjoni kriminali għandhiex bħala konsegwenza li, f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet, fatti li jikkostitwixxu frodi serja jibqgħu impuniti. Dan jista’ jkun il-każ jekk, bħala regola ġenerali, il-fatti jkunu preskritti qabel ma s-sanzjoni kriminali prevista mil-liġi tkun tista’ tiġi imposta permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva. F’din l-ipoteżi, il-miżuri previsti fid-dritt nazzjonali sabiex jiġġieldu l-frodi u l-attivitajiet illeċiti li jaffettwaw l‑interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jonqsu milli jkunu effettivi u ta’ natura dissważiva (23).
47. Madankollu, xejn ma juri li t-terminu ta’ preskrizzjoni kkontestat f’din il-kawża jwassal, bħala regola ġenerali, għal impunità effettiva f’numru kunsiderevoli ta’ kawżi kriminali mressqa quddiem il-qrati Bulgari dwar reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
48. Pjuttost, kollox jidher li jindika li, f’dan il-każ, il-preskrizzjoni tal‑azzjoni kriminali tkun taffettwa biss xi wħud mill-imġibiet eżaminati mill-qorti tar-rinviju (24) u li l-eventwali impunità ta’ (parti minn) dawn l‑imġibiet hija marbuta ma’ fatturi partikolari, relatati ma’ problemi u diffikultajiet ta’ natura ċirkustanzjali li jolqtu lill-istess qorti tar-rinviju.
49. Fil-fatt, is-sekwenza ta’ ċirkustanzi msemmija fid-deċiżjoni ta’ rinviju, li għaliha sar riferiment iktar ’il fuq (25), turi li d-dewmien fl-eżami ta’ din il-proċedura kriminali huwa attribwibbli, kif issostni l‑Kummissjoni, għal ċerta “ineffiċjenza sistemika” tal-istess qorti (26).
50. Mill-proċess ma jirriżultax li hemm elementi li juru li, mhux biss il-maġġoranza tal-qrati Bulgari li jiddeċiedu kawżi kriminali simili, iżda tal-inqas numru sinjifikattiv ta’ dawk l-istess qrati, jikkunsidraw is‑sistema tal-preskrizzjoni tal-azzjoni kriminali bħala ostaklu sistematiku sabiex jaslu għal deċiżjoni definittiva dwar imġibiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
51. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi, ma jeżistux il‑kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkonstatat li hemm riskju sistemiku ta’ impunità fir-rigward ta’ ksur ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva.
B. It-tieni domanda preliminari
52. Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk l-Artikolu 3(1)(b) tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/841 jippermettix li l-“ftehim” konkluż għall‑iskop tat-twettiq ta’ reat, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess deċiżjoni qafas, ikun punibbli b’mod iktar sever (sa ħmistax‑il sena priġunerija) mit-twettiq tar-reat li huwa l-oġġett ta’ dak il-ftehim (sa tmien snin priġunerija).
53. Infakkar li, fil-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali, qegħda tiġi eżaminata r‑responsabbiltà kriminali ta’:
– A. u B., akkużati li mexxew organizzazzjoni kriminali mwaqqfa bil‑għan li jitwettqu frodi fil-qasam tal-VAT; imġiba punibbli b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn ħames u ħmistax‑il sena;
– V., G. u D., akkużati li pparteċipaw f’dik l-organizzazzjoni kriminali; imġiba punibbli b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn tliet u għaxar snin.
54. Il-ħames persuni akkużati huma, barra minn hekk, akkużati bit‑twettiq ta’ frodi fiskali li jista’ jkun punibbli b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ bejn tliet u tmien snin.
55. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jikklassifikaw l-aġir segwenti, wieħed jew it-tnejn, marbuta ma’ organizzazzjoni kriminali, bħala reat kriminali:
– il-parteċipazzjoni attiva fl-attivitajiet illegali tal-organizzazzjoni;
– il-ftehim “ma’ persuna waħda jew aktar li għandha titwettaq attività, li jekk imwettqa, tkun tikkonsisti fit-twettiq ta’ reati imsemmija fl-Artikolu 1 [tal-istess Deċiżjoni Qafas] […]”. Tali reati huma dawk “punibbli bi priġunerija […] ta’ massimu ta’ mill-anqas erba’ snin jew b’piena aktar serja […]” (27).
56. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 jitlob lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li:
– Ir-reat previst fl-Artikolu 2(a) ikun punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ “mill-inqas bejn sentejn u ħames snin”.
– Ir-reat previst fl-Artikolu 2(b) ikun punibbli “bl-istess terminu massimu ta’ priġunerija bħar-reat li lejh ikun mmirat il-ftehim, jew b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin”.
57. Il-leġiżlatur Bulgaru għażel it-tieni waħda mill-possibbiltajiet offruti mill-Artikolu 3(1)(b): il-piena massima ta’ priġunerija prevista fil‑Kodiċi Kriminali għall-frodi tal-VAT hija ta’ tmien snin, filwaqt li dik prevista għall-formazzjoni jew it-tmexxija ta’ grupp kriminali kkostitwit bil-għan li titwettaq frodi tal-VAT tasal sa ħmistax‑il sena.
58. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum mistoqsija doppja:
– Minn naħa, jekk l-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 jippermettix li l-ftehim biex jitwettaq frodi tal-VAT jiġi ssanzjonat b’piena (ħmistax‑il sena) ogħla minn dik prevista għat-twettiq ta’ dan ir‑reat fiskali (tmien snin),
– Min-naħa l-oħra, jekk, fi kwalunkwe każ, leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tissanzjona dak il-ftehim b’piena massima li taqbeż il-ħames snin, peress li t-tieni waħda mill-alternattivi previsti fl‑Artikolu 3(1)(b) tirreferi għal piena massima ta’ priġunerija “ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin”.
1. It-“terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin” tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841
59. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/841 tagħmel parti mill-atti adottati abbażi tal-Artikolu 31(1) TUE, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 83(1) TFUE. Din id-deċiżjoni qafas tinkludi dispożizzjonijiet minimi dwar is-sanzjonijiet applikabbli għar-reati fil-qasam tal-kriminalità organizzata (28).
60. Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt kriminali tal-Istati Membri ma huwiex suġġett għal miżuri ġenerali ta’ armonizzazzjoni. B’mod konkret, l-evalwazzjoni tal-grad ta’ serjetà ta’ reat “[…] għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għażliet magħmula, fil-kuntest tas‑sistema kriminali tal-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward tal‑identifikazzjoni tar-reati li l-iktar jippreġudikaw l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà” (29).
61. Il-Gvern Awstrijak semma d-diffikultajiet li d-differenzi bejn it‑tradizzjonijiet ġuridiċi u s-sistemi kriminali nazzjonali qajmu fid‑dibattiti li saru fil-Kunsill dwar bosta atti leġiżlattivi tal-Unjoni fil‑qasam tad-dritt kriminali sostantiv (30). Dawn id-diffikultajiet jinsabu fl‑oriġini tal-pożizzjoni ta’ prinċipju adottata mill-Kunsill fil‑“Konklużjonijiet dwar l-approċċ li għandu jiġi applikat fir-rigward tal‑approssimazzjoni tas-sanzjonijiet” (31) tiegħu.
62. Skont dan id-dokument, li jifformalizza l-approċċ adottat mill‑Kunsill f’diversi deċiżjonijiet kwadri preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona:
– L-approssimazzjoni tas-sanzjonijiet ma għandhiex tostakola lill-Istati Membri milli jżommu l-koerenza tas-sistemi nazzjonali tagħhom (32).
– Jekk il-proposti għal strumenti ġuridiċi (futuri) kellhom jinkludu dispożizzjonijiet li jiddeterminaw l-elementi kostituttivi minimi tar‑reati, kellha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi stabbilit livell minimu għall-pieni massimi applikabbli għar-reati fid-dritt nazzjonali (33).
63. Għal dan il-għan, il-Kunsill stabbilixxa sistema ta’ livelli ta’ sanzjonijiet (34), filwaqt li speċifika li dawn huma livelli minimi, u xejn ma jimpedixxi lill-Istati Membri jmorru lil hinn minn dawn il-gradi fil‑leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom (35).
64. Din is-sistema ta’ pieni massimi minimi, li, kif issostni l‑Kummissjoni, tikkonforma mal-prinċipju ta’ approssimazzjoni minima, skont l-Artikolu 83(1) TFUE (36), intużat b’mod regolari mill-Kunsill f’bosta deċiżjonijiet kwadru (37). Mill-ispirtu u mill-prattika tagħha jirriżulta li l‑Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu, fis-sistemi nazzjonali rispettivi tagħhom, pieni massimi ogħla minn dawk previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2008/841.
65. Madankollu, ma jistax ma jiġix innutat li l-formula lingwistika magħżula mil-leġiżlatur ma tidhirx li hija partikolarment feliċi.
66. Fil-fatt, il-frażi “massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin” (38), użata mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, ma tidhirx li hija konsistenti mar-rekwiżiti elementari tal-loġika, kif jirriżulta wkoll mid-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju (39).
67. “Piena massima” li tkun ikkundizzjonata b’espressjoni ta’ “mill‑inqas” diġà tiftaħ, b’dan il-mod, l-estensjoni tagħha lil hinn minn kull limitu determinabbli, b’tali mod li ma tistax titqies bħala piena massima. Konsegwentement, l-Istati Membri jkunu jistgħu jestenduha.
68. Jekk il-kundizzjoni ta’ “mill-inqas” tiġi kkwalifikata immedjatament billi tirreferi, mhux għal perijodu speċifiku, iżda għal firxa temporali li fiha għandha taqa’ l-portata tal-piena, din tal‑aħħar ma tkunx tista’ tiġi estiża lil hinn mil-limitu superjuri ta’ dik il‑firxa, li, f’dak il-każ, jikkostitwixxi (għall-piena) il-livell massimu permess. Għaldaqstant, l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw l‑estensjoni tal-piena biss bejn il-limiti tal-firxa, mingħajr ma jaqbżu l‑limitu superjuri tagħha.
69. Madankollu, jista’ jinftiehem, kif issuġġerixxa l-Gvern Awstrijak (40), li l-minimu impost fuq il-piena massima huwa stabbilit fl‑intervall inkluż fil-firxa (“bejn sentejn u ħames snin”) u li, konsegwentement, il-piena tista’ tiġi estiża lil hinn minn dik il-firxa ta’ żmien. B’hekk, l-Istati Membri jkunu jistgħu jkabbru l-piena massima billi jżidu intervalli superjuri.
70. Din l-interpretazzjoni, li tinvolvi ċertu grad ta’ kumplessità, hija dik li l-iktar tikkorrispondi mal-prinċipju ta’ approssimazzjoni minima tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam kriminali. Hija wkoll, sa ċertu punt, dik li tissalvagwardja bl-aħjar mod is-setgħa rrikonoxxuta lill-Istati Membri li jiddeċiedu, fl-aħħar mill-aħħar, il-limitu massimu tal-pieni li jixtiequ jistabbilixxu.
71. Id-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jissodisfaw l‑obbligu tagħhom li jistabbilixxu limitu massimu billi jagħtihom il‑possibbiltà li tali massimu jkun, fil-każ inkwistjoni, ta’ sentejn biss jew ta’ kwalunkwe perijodu ieħor sa massimu ta’ ħames snin. Dan, naturalment, ma jillimitax il-kapaċità tagħhom li jagħżlu kwalunkwe perijodu ieħor ogħla minn dak iddefinit mill-firxa “bejn sentejn u ħames snin”.
72. Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 3(1)(b) tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/841 ma jopponix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(b) tal-istess deċiżjoni qafas b’piena massima ta’ priġunerija ogħla minn dik prevista għar-reat li huwa l-oġġett tal-ftehim inkwistjoni.
73. Fi kwalunkwe każ, għandha tiġi kkunsidrata d-duttrina stabbilita mill-Qorti tal‑Ġustizzja: il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tastjeni milli tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas li ma għandhomx effett dirett (41).
2. Differenza bejn is-sanzjonijiet assenjati għal ftehim biex jitwettaq reat u dawk applikabbli għat-twettiq tar-reat miftiehem. Proporzjonalità
74. Fl-aħħar nett, għad irid jiġi deċiż jekk l-Artikolu 3(1)(b) tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/841 jippermettix li l-ftehim sabiex jitwettaq frodi fil-VAT jiġi ssanzjonat, fid-dritt Bulgaru, b’piena (ta’ ħmistax‑il sena) ogħla minn dik prevista għat-twettiq ta’ dak ir-reat fiskali (tmien snin).
75. Il-qorti tar-rinviju tqis li risposta pożittiva tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità (42).
76. Ma naqbilx ma’ dan l-approċċ.
77. Ċertament, prima facie, jista’ jidher sproporzjonat li l-ftehim biex jitwettaq reat (mifhum bħala att preparatorju għar-reat sussegwenti) jiġi ssanzjonat b’mod iktar sever mit-twettiq effettiv ta’ dak ir-reat (43).
78. Madankollu, l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, li jindirizza l-fenomenu tal-kriminalità organizzata, jirreferi għas‑sitwazzjoni ta’ “ftehim […] li għandha titwettaq attività, li jekk imwettqa, tkun tikkonsisti fit-twettiq ta’ reati [...]” (44).
79. Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li, ninsisti, huwa l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, jirriżulta raġonevoli li l‑istabbiliment ta’ strutturi organizzattivi intiżi għall-eżerċizzju sistematiku ta’ attivitajiet kriminali jiġi ssanzjonat b’livell ogħla ta’ severità.
80. Ma huwiex l-istess ħaġa ftehim okkażjonali biex jitwettaq reat wieħed u ftehim biex, b’mod stabbilit u organizzat, permezz ta’ assoċjazzjoni strutturata ta’ diversi persuni u għal ċertu perijodu ta’ żmien, jitwettqu atti kriminali.
81. Mingħajr il-ħtieġa li l-persuna “[tieħu] sehem fl-eżekuzzjoni attwali ta’ l-attività” ta’ reat, kif jipprevedi l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, min jaqbel, flimkien ma’ oħrajn, li jistabbilixxi organizzazzjoni kriminali:
– Jista’ jkun responsabbli għar-reati mwettqa minn oħrajn taħt il‑kopertura ta’ dik l-organizzazzjoni, kemm b’mod indirett kif ukoll fil-kwalità tiegħu ta’ istigatur tagħhom.
– Huwa, fi kwalunkwe każ, responsabbli, direttament u primarjament, għar-reat li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ struttura intiża li tiffaċilita t‑twettiq effettiv ta’ atti kriminali li, possibbilment, ma kinux setgħu jitwettqu li kieku l-awturi materjali tagħhom ma kinux jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-organizzazzjoni kriminali.
82. F’termini astratti, għalhekk, inqis li l-ftehim biex tiġi stabbilita organizzazzjoni kriminali jista’ jkun jistħoqqlu sanzjoni kriminali ikbar minn dik irriżervata għat-twettiq ta’ reati speċifiċi fil-kuntest ta’ dik l‑organizzazzjoni.
83. L-iffissar tal-portata li għandu jkollha din is-sanzjoni kriminali jaqa’ fid-diskrezzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali, fil-limiti diġà eżaminati. L-evalwazzjoni tagħha dwar il-proporzjonalità bejn ir-reat u l-piena għandha, bħala regola, tingħata prijorità, sakemm ma jkunx il-każ li, b’mod ċar, taqbeż il-konfini tar-raġonevolezza.
84. Fi kwalunkwe każ, naqbel mal-Kummissjoni li l-evalwazzjoni tal‑proporzjonalità ta’ sanzjoni speċifika għandha ssir fid-dawl taċ‑ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (45).
85. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk, fid-dawl, minn naħa, tal-karatteristiċi tal-organizzazzjoni kriminali mwaqqfa bħala riżultat tal-ftehim bejn A. u B., u, min-naħa l-oħra, tal-grad li fih l‑eżistenza ta’ dik l-organizzazzjoni kienet kundizzjoni neċessarja għat‑twettiq tar-reati attribwiti lil V., G. u D., l-aġir ta’ A. u B. jistħoqqlux sanzjoni kriminali iktar severa minn dik prevista għat-tliet imputati l‑oħra. F’din l-evalwazzjoni, barra minn hekk, ma jistax jiġi injorat il-fatt li lil A. u B. qiegħed jiġi attribwit, ukoll, ir-rwol ta’ tmexxija tal‑organizzazzjoni kriminali stabbilita bħala riżultat tal-ftehim konkluż bejniethom.
V. Konklużjoni
86. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li jingħataw ir-risposti segwenti għad-domandi tas‑Sofiyski gradski sad (il‑Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija):
“1) L-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il‑Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej
għandhom jiġu interpretati fis-sens li
ma jopponux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi terminu assolut ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni kriminali għar-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iddeterminat esklużivament abbażi tal-piena massima prevista għar-reat inkwistjoni, b’mod li dan ikun ta’ ħmistax‑il sena għall-atti punibbli b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ iktar minn għaxar snin u ta’ għaxar snin għall-atti punibbli b’piena ta’ ċaħda tal-libertà ta’ iktar minn tliet snin.
2) L-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2008/841/ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata,
għandu jiġi interpretat fis-sens li
ma jopponix leġiżlazzjoni nazzjonali li, bis-saħħa tagħha, l-imġiba ta’ persuna li tikkonsisti fi ftehim sabiex titwettaq attività li, jekk titwettaq, tkun tinvolvi t-twettiq ta’ reati msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas msemmija, tiġi ssanzjonata b’piena massima ta’ priġunerija ogħla minn dik prevista għat-twettiq ta’ xi wħud minn dawk ir-reati”.
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.
2 Stabbilita permezz ta’ att tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 1995 li saret fuq il-bażi tal‑Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (ĠU 1995, C 316, p. 48). Iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni PIF”.
3 Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l‑kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42).
4 L-użu, fil-verżjoni Spanjola, tat-terminu “conspiración” ma jikkorrispondix mal‑verżjonijiet lingwistiċi l-oħra li kkonsultajt. Dawn tal-aħħar jużaw it-termini “accord” (Franċiż), “agreement” (Ingliż), “intesa” (Taljan), “acordo” (Portugiż), “acordul” (Rumen), “Vereinbarung” (Ġermaniż), “overeengekomen” (Olandiż). It‑terminu “conspiración” fil-verżjoni Spanjola għandu, għalhekk, jinftiehem bħala “ftehim” li hija l-espressjoni użata fl-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841.
5 Punt 29 tad-digriet tar-rinviju.
6 Punt 52 tad-digriet tar-rinviju.
7 Punt 9 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
8 Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l‑obbligi li jaqgħu fuqhom skont id-dritt tal-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18; EU:C:2019:139, punt 57).
9 Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19; EU:C:2021:1034, punt 181, u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M. A. S. u M. B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 31 u 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14; EU:C:2015:555, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M. A. S. u M. B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 41).
13 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29).
14 Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export (C‑308/19, EU:C:2021:47); iktar ’il quddiem, is-“sentenza Whiteland Import Export”, punt 48. F’din il-kawża kien hemm ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni.
15 Sentenza Whiteland Import Export, punt 49.
16 Sentenza Whiteland Import Export, punt 50.
17 Sentenza Whiteland Import Export, punt 51.
18 Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).
19 Sentenza tas‑6 ta’ Frar 2025, Emporiki Serron — Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton (C‑42/24, EU:C:2025:56, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Punt 17 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
21 Punt 18 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
22 Punt 19 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
23 Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015 Taricco et, (C 105/14; EU:C:2015:555, punt 47).
24 Skont il-qorti tar-rinviju, il-perijodu li għad fadal (sal‑2035) ikun biżżejjed biex il‑kawża kontra l‑akkużati, fil-kwalità tagħhom ta’ mexxejja tal-organizzazzjoni kriminali, tiġi ġġudikata fi tliet istanzi.
25 Punti 19 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
26 Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punt 20.
27 Kuntrarjament għall-approċċ tal-qorti tar-rinviju (punti 47 u 48 tad-digriet tar‑rinviju), il-Kummissjoni tqis li s-suġġett tal-“ftehim” skont l-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841 huwa t-twettiq ta’ reati u mhux, neċessarjament, il-kostituzzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali (punt 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni). Kieku dan kien il-każ, l-aġir ta’ A. u B. ikun pjuttost dak previst fl-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, b’tali mod li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tal-istess deċiżjoni qafas tkun irrilevanti, peress li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija s‑suġġett tat-tieni domanda preliminari. Fl-opinjoni tiegħi, irrispettivament mill‑fatt li, kif tammetti l-Kummissjoni, il-‘ftehim’ jista’ wkoll ikollu bħala għan il‑kostituzzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali, dak li hu rilevanti huwa li, kemm permezz tal-Artikolu 2(a) u (b) tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/841, l-Artikolu 3(1)(a) u (b) jippermetti li l-ftehim għall-kostituzzjoni ta’ organizzazzjoni kriminali, jew għall-kummissjoni ta’ reat, jiġi ssanzjonat b’mod iktar sever mill-kummissjoni tar‑reat li jkun ġie miftiehem.
28 Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, PT (Ftehim bejn il-prosekutur u l-awtur ta’ reat) (C‑432/22, EU:C:2024:987, punt 38).
29 F’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reat partikolarment serju) (C‑402/22, EU:C:2023:543, punt 38).
30 Punt 24 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak.
31 Dokument tal-Kunsill Nru 9141/02 tas‑27 ta’ Mejju 2002; iktar ’il quddiem il‑“Konklużjonijiet tal-Kunsill”.
32 Konklużjonijiet tal-Kunsill, ir-raba’ paragrafu tal-punt 3: “Fil-mument meta jiġi studjat il-mod kif għandhom jiġu approssimati s-sanzjonijiet kriminali f’ċerti oqsma huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat li t-tradizzjonijiet legali fl-Istati Membri huma differenti. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jitħallew iżommu l-koerenza tas-sistemi ta’ penalità nazzjonali, hemm bżonn ta’ ċerta flessibbiltà fl-approssimazzjoni tas-sanzjonijiet kriminali”.
33 Konklużjonijiet tal-Kunsill, il-ħames paragrafu tal-punt 3: “Fil-każijiet fejn proposti għal adozzjoni ta’ strumenti legali taħt l-Artikolu VI tat-TUE jkunu jinkludu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu elementi minimi kostituttivi ta’ reati kriminali, għandu jiġi eżaminat il-bżonn li jiġi stabbilit livell minimu għall-pieni massimi għar-reati kkonċernati skont id-dritt nazzjonali”.
34 Din is-sistema, li tinsab fit-tmien paragrafu tal-punt 3 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill, hija mibnija fuq erba’ gradi:
Grad 1: pieni li jinkludu massimu ta’ mill-inqas bejn sena u tliet snin priġunerija.
Grad 2: pieni li jipprevedu massimu ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin ta’ priġunerija.
Grad 3: pieni li jipprevedu massimu ta’ mill-inqas bejn ħames u għaxar snin ta’ priġunerija.
Grad 4: pieni li jipprevedu massimu ta’ mill-inqas għaxar snin ta’ priġunerija (każijiet li fihom ikunu meħtieġa pieni severi ħafna).
35 Konklużjonijiet tal-Kunsill, id-disa’ paragrafu tal-punt 3: “[…] It is noted that the levels referred to are minimum levels, and that nothing prevents the Member States from going further than those levels in their national law”.
36 Punt 34 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
37 Fost il-ħafna msemmija mill-Gvern Awstrijak fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 tal‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jista’ jsir riferiment għall-Artikolu 4(2) tad‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 182); u l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat‑28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2008, L 328, p. 55).
38 Formula li, għalkemm hija adegwata meta tintuża biex jiġu stabbiliti pieni minimi, ma tidhirx li hija, fil-fehma tiegħi, l-iktar waħda xierqa meta niġu għall-pieni massimi.
39 Punti 56 sa 74 tad-digriet tar-rinviju.
40 Punt 32 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak.
41 Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Poplawski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 2 tad-dispożittiv).
42 Punt 52 tad-digriet tar-rinviju, li hemm sunt tiegħu fil-punt 22 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
43 Il-konfoffa biex jitwettaq reat ġeneralment tiġi ssanzjonata b’piena inqas severa minn dik prevista għal dak ir-reat innifsu. Madankollu, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il‑konfoffa biex jitwettaq reat konkret u r-reat li jikkonsisti fil-ħolqien jew fit‑tmexxija ta’ assoċjazzjoni għall-iskop ta’ twettiq ta’ reati, organizzata b’ċertu livell ta’ konsistenza u permanenza.
44 Korsiv miżjud minni.
45 Punt 39 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.