SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
26 ta’ April 2023 ( *1 )
“ Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta apparat għax-xiwi – Żvelar tad-disinn preċedenti – Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”
Fil-Kawża T‑757/21,
Activa – Grillküche GmbH, stabbilita f’Selb (il-Ġermanja), irrappreżentata minn F. Stangl u M. Würth, avukati,
rikorrent,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn G. Sakalaitė-Orlovskienė u J. Ivanauskas, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Targa GmbH, stabbilita f’Soest (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M.‑H. Hoffmann, avukat,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),
komposta minn K. Kowalik-Bańczyk, President, G. Hesse (Relatur) u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,
Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑23 ta’ Novembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Activa – Grillküche GmbH, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑4 ta’ Ottubru 2021 (Każ R 1651/2020-3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Fil‑5 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju quddiem l-EUIPO, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). |
|
3 |
Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat mill-EUIPO bin-numru 3056449–0001 għal “Grilji”, fil-klassi 07.02 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat. Huwa rrappreżentat fit-tliet immaġini li ġejjin: |
|
4 |
Fl‑14 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat billi sostniet li dan tal-aħħar kien nieqes minn novità u minn karattru individwali fis-sens tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
5 |
Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti invokat tliet disinni preċedenti, fosthom il-mudell ta’ utilità Ċiniż bir-referenza CN 204410600 (iktar ’il quddiem il-“mudell ta’ utilità Ċiniż”), ippubblikat fiċ-Ċina fl‑24 ta’ Ġunju 2015 minn Guangzhou Hungkay u rrappreżentat, fost l-oħrajn, fl-immaġini li ġejjin: |
|
6 |
Wara l-pubblikazzjoni tiegħu, il-mudell ta’ utilità Ċiniż kien is-suġġett ta’ żewġ ftehimiet ta’ trasferiment (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“ftehimiet ta’ trasferiment”). Permezz tal-ewwel ftehim konkluż fis‑26 ta’ Novembru 2016, Guangzou Hungkay ittrasferixxiet lill-intervenjenti d-drittijiet kollha ta’ proprjetà intellettwali li jikkonċernaw il-mudell ta’ utilità Ċiniż għat-territorju tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-Renju Unit, mis‑7 ta’ Ottubru 2014. Permezz tat-tieni ftehim konkluż fit‑28 ta’ Novembru 2016, A, disinjatur inizjali tal-mudell ta’ utilità Ċiniż u impjegat ta’ Guangzhou Hungkay, ittrasferixxa lil din tal-aħħar id-drittijiet kollha ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-imsemmi mudell ta’ utilità Ċiniża mis‑7 ta’ Ottubru 2014. |
|
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2020, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż. |
|
8 |
Fl-4 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
|
9 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell u kkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
10 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
11 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
[omissis]
Fuq l‑ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 6/2002
|
13 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 billi bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq it-terminu ta’ grazzja meta l-mudell ta’ utilità Ċiniż invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġie ttrasferit lill-intervenjenti biss wara l-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat. Hija tqis, essenzjalment, li l-istatus ta’ suċċessur fis-sens tal-imsemmi artikolu jista’ jiġi evalwat biss abbażi tas-sitwazzjoni fattwali eżistenti fid-data tal-preżentata. Fil-fehma tagħha, il-ftehimiet sussegwenti għal din id-data, kemm jekk kienu pre-datati kemm jekk le, ma jistgħux jagħtu l-istatus ta’ suċċessur jew jirrimedjaw l-assenza ta’ dan l-istatus fil-mument tal-preżentata. Ir-rikorrenti żżid li l-kwistjoni tan-natura ġdida u tan-natura individwali għandha tiġi evalwata b’mod oġġettiv. |
|
14 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti. |
|
15 |
Skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 disinn irreġistrat għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun żvelat lill-pubbliku, qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni. |
|
16 |
Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-finijiet tal-applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 5(1)(b) tal-istess regolament, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew espost, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih tintalab protezzjoni, ħlief jekk dawn il-fatti, fil-kors normali tan-negozju, ma setgħux raġonevolment ikunu magħrufa miċ-ċrieki speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li joperaw fl-Unjoni. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie żvelat lill-pubbliku fil-każ li jkun ġie żvelat biss lil persuna terza taħt kundizzjonijiet espliċiti jew impliċiti ta’ kunfidenzjalità. |
|
17 |
Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-finijiet tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, l-iżvelar ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni jekk disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni bħala disinn Komunitarju rreġistrat ikun ġie żvelat lill-pubbliku matul il-perijodu ta’ tnax-il xahar qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew id-data tal-prijorità abbażi tal-informazzjoni pprovduta jew ta’ atti mwettqa mid-disinjatur jew mis-suċċessur tiegħu. |
|
18 |
Skont il-ġurisprudenza, sabiex l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ikun applikabbli fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-proprjetarju tad-disinn imsemmi fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jistabbilixxi li huwa jew id-disinjatur tad-disinn invokat bħala bażi għall-imsemmija talba, jew s-suċċessur tad-disinjatur (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Sphere Time vs UASI – Punch (Arloġġ imwaħħal ma’ ċinga), T‑68/10, EU:T:2011:269, punt 26, u tat‑18 ta’ Novembru 2015, Liu vs UASI – DSN Marketing (Basktijiet għal kompjuters li jistgħu jinġarru), T‑813/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:868, punt 23). |
|
19 |
F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubblikazzjoni fiċ-Ċina, fl‑24 ta’ Ġunju 2015, tal-mudell ta’ utilità Ċiniż kienet tikkostitwixxi żvelar. Huwa qies ukoll li dan l-iżvelar kien imputabbli lis-suċċessur tad-disinjatur u li dan kien seħħ fit-terminu ta’ grazzja ta’ tnax-il xahar qabel id-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat, li kien jestendi mill‑5 ta’ April 2015 sal‑4 ta’ April 2016. Minn dan hija kkonkludiet li l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 kienet applikabbli f’dan il-każ. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-fatti rilevanti tal-każ, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li mill-provi prodotti mill-intervenjenti jirriżulta li A, impjegat ta’ Guangzhou Hungkay, huwa d-disinjatur tal-mudell ta’ utilità Ċiniż u li ttrasferixxa d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tiegħu fuq dan tal-aħħar lill-persuna li timpjegah, Guangzhou Hungkay, fil-kuntest ta’ ftehim konkluż fit‑28 ta’ Novembru 2016 b’effett mis‑7 ta’ Ottubru 2014, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tiegħu. Id-dritt ta’ proprjetà ta’ Guangzhou Hungkay fuq il-mudell ta’ utilità Ċiniż huwa kkonfermat mid-dritt Ċiniż tal-privattivi, li jgħid li invenzjoni-kreazzjoni mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ impjegat jew bl-użu tal-kundizzjonijiet materjali u tekniċi ta’ persuna li timpjega hija kkunsidrata bħala invenzjoni-kreazzjoni tal-impjieg li għalih il-persuna li timpjega għandha d-dritt li titlob privattiva. |
|
21 |
Sussegwentement, fl‑24 ta’ Ġunju 2015, Guangzhou Hungkay, bħala disinjatur jew, tal-inqas, suċċessur tad-disinjatur, żvelat lill-pubbliku l-mudell ta’ utilità Ċiniż permezz tal-pubblikazzjoni wara r-reġistrazzjoni ta’ dan tal-aħħar fiċ-Ċina. Il-partijiet jammettu li d-disinn ta’ utilità Ċiniż żvelat huwa identiku għad-disinn ikkontestat. |
|
22 |
Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ ftehim konkluż fis‑26 ta’ Novembru 2016, Guangzhou Hungkay ittrasferixxiet lill-intervenjenti parti mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq id-disinn ta’ grilja li jikkorrispondi għall-mudell ta’ utilità Ċiniż. Skont dan il-ftehim, “id-drittijiet kollha fuq id-disinn għat-territorju tal-[Unjoni] Ewropea, li jinkludu [r-Renju Unit], ġew ittrasferiti minn [Guangzhou] Hungkay lill-[intervenjenti] fis‑7 ta’ Ottubru 2014” u “[l-intervenjenti] hija awtorizzata […] teżerċita u tiżgura r-rispett tad-drittijiet kollha stipulati […] f’dan il-kuntratt kontra kull parti terza […] li tikser kull dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq id-disinn […]”. |
|
23 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 tapplikax f’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat li l-ftehimiet ta’ trasferiment huma rregolati mid-dritt nazzjonali applikabbli u li r-rikorrenti la tikkontesta fid-dettall il-validità tagħhom u lanqas l-infurzabbiltà tagħhom fil-konfront ta’ terzi fir-rigward ta’ dan id-dritt nazzjonali. |
|
24 |
Fit-tieni lok, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, ir-rwol tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali fid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt tal-partijiet li jikkonkludu kuntratti li jwettqu trasferimenti ta’ drittijiet ta’ proprjetà huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-libertà kuntrattwali u ma jistax, għaldaqstant, jiġi limitat fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi restrizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li, sakemm stipulazzjoni kuntrattwali li twettaq tali trasferiment ma tipprekludix l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli u ma twassalx għal riskju ta’ frodi, tali stipulazzjoni ma tistax titqies li hija illegali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑240/97, EU:C:1999:479, punti 99 u 100). |
|
26 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, ebda dispożizzjoni tagħha, u b’mod partikolari tar-Regolament Nru 6/2002, ma tipprojbixxi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kuntratti ffirmati wara d-data tal-preżentata ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn u li jwettqu trasferiment retroattiv ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ disinn preċedenti rregolat minn dritt nazzjonali. |
|
27 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 20 tal-istess regolament, li tfakkar li huwa neċessarju li d-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu jkun jista’ jittestja l-prodotti li jinkorporaw id-disinn fis-suq qabel ma jiddeċiedi jekk il-protezzjoni offruta mir-reġistrazzjoni Komunitarja hijiex mixtieqa. |
|
28 |
Minn dan isegwi li l-għan tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa li jagħti lid-disinjatur jew lis-suċċessur tiegħu d-dritt li jippreżenta disinn fis-suq, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, qabel ma jipproċedi bil-formalitajiet tal-preżentazzjoni. Għalhekk, matul dan il-perijodu, id-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu jista’ jiżgura s-suċċess kummerċjali tad-disinn ikkonċernat qabel ma jħallas l-ispejjeż marbuta mar-reġistrazzjoni, mingħajr biża’ li l-iżvelar li jseħħ f’din l-okkażjoni jista’ jiġi invokat b’suċċess matul proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija wara r-reġistrazzjoni eventwali tad-disinn ikkonċernat (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Montre mwaħħla ma’ ċinga, Τ‑68/10, EU:T:2011:269, punti 24 u 25, u tat‑18 ta’ Novembru 2015, Étui de laptop, T‑813/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:868, punti 22 u 21). Konsegwentement, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 hija intiża sabiex tipproteġi l-interessi tad-disinjatur u tas-suċċessur tiegħu. |
|
29 |
Issa, f’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ftehimiet ta’ trasferiment konklużi, wieħed, bejn A u Guangzhou Hungkay, u l-ieħor, bejn Guangzhou Hungkay u l-intervenjenti, huwa preċiżament intiż sabiex jipproteġi l-interessi tad-disinjatur jew is-suċċessuri tiegħu. |
|
30 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riskju ta’ frodi, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-intervenjenti spjegat, b’mod plawżibbli u mhux ikkontestat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija kienet diġà f’relazzjoni kummerċjali ma’ Guangzhou Hungkay qabel id-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat, kif jista’ jiġi dedott mill-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huma kienu diġà sħab kummerċjali, peress li Guangzhou Hungkay kienet il-fornitur tal-intervenjenti, u kienet teżisti korrispondenza li tikkonċerna d-disinn ta’ din il-grilja sa mill‑2014. Min-naħa l-oħra, il-ftehimiet ta’ trasferiment tal-mudell ta’ utilità Ċiniż ġew konklużi f’Novembru 2016, jiġifieri sentejn qabel it-tressiq, fl‑14 ta’ Novembru 2018, tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ din ir-relazzjoni ta’ negozju, il-kronoloġija tal-fatti rilevanti u ċ-ċirkustanzi oġġettivi l-oħra kollha tal-każ inkwistjoni, ma teżisti ebda indikazzjoni ta’ frodi jew ta’ aġir kollużiv fit-trasferiment tad-drittijiet ta’ proprjetà permezz tal-ftehimiet ta’ trasferiment. |
|
32 |
Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li, f’dan il-każ, il-partijiet jagħtu effett retroattiv lill-ftehimiet tagħhom. |
|
33 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li, peress li Guangzhou Hungkay żvelat il-mudell ta’ utilità Ċiniż billi ppubblikatu fiċ-Ċina fl‑24 ta’ Ġunju 2015 u li l-intervenjenti, fil-kwalità tagħha ta’ suċċessur ta’ Guangzhou Hungkay, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn identiku bħala disinn Komunitarju fil‑5 ta’ April 2016, jiġifieri inqas minn tnax‑il xahar wara, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 kienet applikabbli f’dan il-każ. |
|
34 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kuntratti li seħħew wara d-data tal-preżentata, kemm jekk kienu predatati jew le, ma jistgħux jagħtu l-istatus ta’ suċċessur jew jirrimedjaw l-assenza ta’ status fil-mument tal-preżentata. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-proprjetarju ta’ disinn jista’ jirrimedja l-assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali skont l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002 billi jakkwista u jittrasferixxi d-disinni preċedenti wara l-preżentata tat-talba tiegħu u jevita b’hekk l-applikazzjoni tal-imsemmija artikoli, dan ikollu l-konsegwenza li, fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, huwa jkun jista’ jevita l-invalidità tad-disinn tiegħu minħabba l-assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali billi jindirizza ruħu sussegwentement għad-disinn preċedenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tan-novità u tal-karattru individwali ma tikkostitwixxix eżami oġġettiv tal-fatti, iżda titħalla arbitrarjament f’idejn il-proprjetarji tad-dritt preċedenti u l-applikanti għad-disinni invalidi. |
|
35 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li l-fatt li l-ftehimiet ta’ trasferiment ġew iffirmati wara d-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat huwa, fih innifsu, irrilevanti peress li, minn naħa, mill-kontenut ta’ dawn il-ftehimiet jirriżulta b’mod ċar li t-trasferiment tad-drittijiet kien diġà effettiv mis‑7 ta’ Ottubru 2014 u, min-naħa l-oħra, li ebda riskju ta’ frodi jew ta’ evitar tal-għan tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma huwa stabbilit f’dan il-każ (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). |
|
36 |
Barra minn hekk, kif ġie indikat mill-EUIPO fir-risposta tiegħu, xejn fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jipprojbixxi l-akkwist ta’ disinn irreġistrat suġġett għall-“perijodu ta’ grazzja” u li jibbenefika minn din l-eċċezzjoni. |
|
37 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament applika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002 fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata u kkonkluda li l-iżvelar tad-disinn ta’ utilità Ċiniż CN 204410600 ma kienx jipprekludi n-novità u l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. |
|
38 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. [omissis] |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Kowalik-Bańczyk Hesse Dimitrakopoulos Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ April 2023 Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom il-Qorti Ġenerali tqis li hija utli.