|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6757 |
19.12.2025 |
Riżoluzzjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, li teżamina r-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri qabel il-laqgħat tal-WADA
(C/2025/6757)
IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,
FILWAQT LI JFAKKRU LI:
|
1. |
Mis-sena 2000, diversi konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet tal-Kunsill issottolinjaw l-importanza tal-ġlieda kontra d-doping u ddefinew ir-rwol tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fl-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (WADA) kif elenkati fl-Anness III. |
FILWAQT LI JINNOTAW LI:
|
2. |
Evalwazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-2023 wasslet għall-konklużjoni li hemm bżonn ta' aġġornament biex tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar il-proċess tan-negozjar tal-pożizzjonijiet kif ukoll dwar il-mekkaniżmi ta' rapportar dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE, u li tiġi riveduta l-allokazzjoni tas-siġġijiet għar-Rappreżentanti tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA. |
|
3. |
Huwa importanti li r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, ikomplu, meta jkun hemm bżonn, jeżaminaw l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-2023 fuq bażi regolari. |
JAGĦRFU LI:
|
4. |
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu kapaċi jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom u jwettqu r-rwol tagħhom waqt it-tħejjija, in-negozjar u l-adozzjoni, fost l-oħrajn, tar-regoli, l-istandards u l-linji gwida mill-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (WADA). |
|
5. |
Tliet siġġijiet fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA huma allokati lil rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE. |
|
6. |
Il-Kumitat Ewropew Ad Hoc għall-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (CAHAMA) huwa l-forum kompetenti biex jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet pan-Ewropej, filwaqt li l-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport huwa forum fejn jistgħu jitħejjew il-pożizzjonijiet tal-UE, fejn rilevanti, u fejn jiġu kkoordinati wkoll kwistjonijiet ta' interess komuni marbuta mal-UE. |
|
7. |
Iridu jiġu stabbiliti arranġamenti prattiċi għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA, u għall-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-CAHAMA u tal-WADA. Dawn l-arranġamenti prattiċi jirriflettu d-dmir ta' kooperazzjoni sinċiera, komplementarjetà u sinerġija mal-CAHAMA u jippruvaw jippromwovu l-unità fir-rappreżentazzjoni esterna tal-UE, filwaqt li jevitaw ix-xogħol doppju fil-CAHAMA. Madankollu, l-arranġamenti għandhom iqisu wkoll iż-żmien u r-riżorsi ta' spiss limitati biex jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet. |
|
8. |
Hemm bżonn kbir ta' kontinwità u impenn fir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA, bl-appoġġ ta' mandat politiku u għarfien espert adatt. |
GĦALDAQSTANT, JAQBLU LI:
Rappreżentazzjoni
|
9. |
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA ser ikunu fil-livell ministerjali u s-siġġijiet ser jiġu allokati kif ġej:
|
|
10. |
L-arranġamenti dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA kif deskritti fl-Anness I ser isiru effettivi mill-1 ta' Lulju 2026, mingħajr preġudizzju għall-mandati approvati qabel din id-data. |
|
11. |
Malli jirċievi d-dokumenti għal-laqgħat tal-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA, l-Istat Membru li jirrappreżenta t-Triju ta' Presidenzi attwali jew futur fuq il-Bord ta' Fondazzjoni għandu jibgħat dokumenti kemm lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, bi tħejjija għall-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport, kif ukoll lill-Kummissjoni. |
|
12. |
F'koordinazzjoni mal-Presidenza,l-Istat Membru li jirrappreżenta lit-Triju ta' Presidenzi attwali jew futur fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA jippreżenta lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport il-punti ta' diskussjoni rilevanti għall-kompetenzi tal-UE. |
Għall-pożizzjonijiet tal-UE
|
13. |
Qabel il-laqgħat fil-CAHAMA, il-Presidenza u l-Kummissjoni, fejn rilevanti, ser jikkooperaw biex iħejju abbozz ta' pożizzjoni tal-UE. Il-Presidenza u l-Kummissjoni ser jieħdu sehem fil-laqgħat fil-CAHAMA. Il-modalitajiet biex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni jew il-Presidenza jintervjenux fil-laqgħa tal-CAHAMA ser jiġu kkoordinati bejniethom u sa fejn permess mit-termini ta' referenza tal-CAHAMA. |
|
14. |
Pożizzjoni tal-UE tista' tiġi stabbilita biss dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni. L-Anness II jistabbilixxi struzzjonijiet ulterjuri dwar il-proċedura għan-negozjar ta' pożizzjoni tal-UE. |
Għall-pożizzjonijiet ikkoordinati
|
15. |
Waqt li jevitaw ix-xogħol doppju mal-CAHAMA, id-delegati tal-Istat Membri, imlaqqgħin fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport, jistgħu jikkoordinaw ukoll il-pożizzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, dment li tali pożizzjoni koordinata jkollha valur miżjud ċar. |
|
16. |
Kwalunkwe pożizzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun konsistenti ma' kwalunkwe pożizzjoni maqbula tal-UE u ser tiġi ppreżentata fil-laqgħat tal-CAHAMA mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE f'dak il-mument. L-Istati Membri għandhom jippruvaw jinkludu din il-pożizzjoni kkoordinata fil-mandat tal-kontinent Ewropew imħejjija mill-CAHAMA. |
Stipulazzjonijiet ġenerali
|
17. |
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA ser jitkellmu u jivvutaw dwar kwistjonijiet f'konformità mal-mandat tal-kontinent Ewropew maqbula mill-CAHAMA, dment li tali pożizzjoni tkun konsistenti mal-acquis tal-UE. |
|
18. |
Ir-rappreżentant tat-Triju ta' Presidenzi attwali jew futur li r-rappreżentant tiegħu huwa membru tal-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA ser jippreżenta rapport bil-miktub lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport fl-ewwel laqgħa tiegħu wara laqgħa tal-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA. Ir-rapport għandu jenfasizza l-aspetti rilevanti għall-acquis tal-UE, inkluż il-konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE. Ir-rapport jista' jinkludi deċiżjonijiet meħuda, il-punti ta' diskussjoni prinċipali, kwistjonijiet mhux solvuti u azzjonijiet ta' segwitu possibbli f'oqsma ta' kompetenzi tal-UE. L-eżitu tal-laqgħa tal-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA għandu jiġi ppreżentat ukoll minn wieħed mir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA fil-laqgħa tal-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (EYCS) tal-UE. |
|
19. |
Sal-31 ta' Diċembru 2029, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, ser jeżaminaw l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni u, jekk jitqies meħtieġ, ser jikkunsidraw jekk għandhomx isiru xi aġġustamenti għall-arranġament stabbilit minn din ir-riżoluzzjoni. |
|
20. |
Din ir-riżoluzzjoni, inkluż l-arranġamenti mehmuża dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA, u l-arranġamenti prattiċi dwar it-tħejjijiet għal-laqgħat tal-WADA dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, kif approvata mill-Kunsill fit-28 ta' Novembru 2025, tissostitwixxi r-riżoluzzjoni 2023/C 185/07 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, li teżamina r-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-WADA. |
(1) Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(2) TUE kif interpretati fil-Kummenti dwar ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (Kunsill tal-Unjoni Ewropea: Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, Kummenti dwar ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2860/682589
ANNESS I
Arranġamenti dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA
L-Istati Membri tal-UE jaqblu dwar is-sistema ta' rappreżentazzjoni li ġejja:
1.
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA jridu jkunu nazzjonali ta' Stati Membri differenti tal-UE.
RAPPREŻENTANT MILL-ISTATI MEMBRI LI JIFFURMAW IT-TRIJU TA' PRESIDENZI ATTWALI JEW FUTUR:
|
2. |
L-Istati Membri li jiffurmaw it-Triju ta' Presidenzi attwali u futur ser jagħżlu, wara konsultazzjoni interna, individwu minn wieħed minnhom, kif deskritt fl-Anness IV, biex jirrappreżenta t-Triju ta' Presidenzi attwali u futur fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA. Dan ir-rappreżentant ser ikun il-persuna responsabbli fil-livell ministerjali għall-isport u ser ikun eliġibbli biex ikun fuq il-Bord ta' Fondazzjoni f'konformità mal-istatuti tal-WADA. L-isem tar-rappreżentant magħżul ser jiġi nnotifikat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE (SĠK). |
|
3. |
Jekk ir-rappreżentant ma jibqax fil-funzjonijiet tiegħu fil-livell ministerjali, jibqa' fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA sakemm titlesta l-proċedura tal-ħatra l-ġdida. It-Triju ta' Presidenzi attwali u futur, kif deskritt fl-Anness IV, ser jiddeżinja sostitut li huwa eliġibbli biex jirrappreżenta lill-Istat Membru tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u li huwa inkarigat mill-isport fil-livell ministerjali għall-bqija tal-mandat inizjali ta' tliet snin fuq il-Bord ta' Fondazzjoni. |
|
4. |
Ir-rappreżentant li ma jibqax fil-kariga tiegħu fil-livell ministerjali jew li jsir ineliġibbli biex jirrappreżenta lill-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA ma għandux jibqa' aktar membru tal-Bord ta' Fondazzjoni u r-riżenja tiegħu tkun awtomatika meta titlesta l-proċedura tal-ħatra l-ġdida. |
|
5. |
Il-mandat tar-rappreżentant imsemmi hawn fuq huwa ta' tliet snin. |
RAPPREŻENTANTI MAĦTURA FIL-LIVELL MINISTERJALI, MAĦTURA B'MOD KONĠUNT MILL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL:
|
6. |
Proposti għal rappreżentanti maħtura ser jiġu ppreżentati mill-Istati Membri mhux aktar tard minn xahar qabel il-laqgħa tal-Kunsill tal-UE, li matulha għandha sseħħ il-ħatra. Il-proposti mhux ser jinkludu ministri mill-Istati Membri li jiffurmaw it-Triju ta' Presidenzi attwali jew futur. |
|
7. |
Meta jintgħażlu kandidati ġodda għall-pożizzjonijiet ta' rappreżentanti maħtura, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impenn tagħhom biex javvanzaw il-ġlieda kontra d-doping u r-rieda tagħhom li jinvolvu ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tal-WADA u lid-determinazzjoni tagħhom li jippromwovu l-valuri tal-Unjoni Ewropea u li jiżguraw ir-rispett tad-dritt tal-UE, f'konformità mad-dmir ta' kooperazzjoni sinċiera mal-CAHAMA. |
|
8. |
Jekk ikun hemm aktar minn żewġ kandidati għall-pożizzjonijiet ta' rappreżentanti maħtura, il-Presidenza tipprova tikseb kunsens fost l-Istati Membri biex tiġi organizzata votazzjoni b'vot indikattiv fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport sabiex jinħatru r-rappreżentanti maħtura. Il-proċedura ta' votazzjoni ser tiġi proposta mill-Presidenza u maqbula wkoll b'kunsens fost l-Istati Membri. Kwalunkwe kandidat għall-kariga ta' rappreżentant maħtur ser ikun eliġibbli biex ikun fuq il-Bord ta' Fondazzjoni f'konformità mal-istatuti tal-WADA. |
|
9. |
Il-mandat tar-rappreżentant maħtur ser ikun ta' tliet snin, ħlief jekk ma jibqax fil-kariga tiegħu fil-livell ministerjali fl-Istat Membru tiegħu jew jekk ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà biex jirrappreżenta lill-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA applikabbli fiż-żmien tal-ħatra ma jibqgħux jiġu ssodisfati matul il-mandat tiegħu. F'dan il-każ, tinbeda proċedura ġdida tal-ħatra għal perjodu ġdid ta' tliet snin. Ir-rappreżentant maħtur attwali ser jibqa' fil-kariga sakemm titlesta l-proċedura l-ġdida tal-ħatra. Il-mandat ser ikun konsistenti mal-istatuti tal-WADA u fi kwalunkwe każ ser ikun limitat għal mhux aktar minn tliet termini. |
REGOLI TRANŻIZZJONALI:
|
10. |
Ir-regoli eżistenti dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA, kif imniżżla fir-riżoluzzjoni tal-2023, ser japplikaw sat-30 ta' Ġunju 2026. |
|
11. |
Jekk ir-rappreżentant attwali mit-Triju ta' Presidenzi attwali (PL, DK, CY) fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA ma jibqax fil-kariga tiegħu bħala Ministru qabel t-30 ta' Ġunju 2026, ir-regoli tar-riżoluzzjoni tal-2023 ser japplikaw biex jinħatar is-suċċessur tiegħu għall-bqija tal-mandat sat-30 ta' Ġunju 2026. |
|
12. |
Jekk ir-rappreżentant attwali mit-Triju ta' Presidenzi futur (IE, LT, EL) fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA ma jibqax fil-kariga tiegħu bħala Ministru qabel it-30 ta' Ġunju 2026, ir-regoli tar-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA kif imniżżla f'din ir-riżoluzzjoni ser japplikaw biex jiġi maħtur is-suċċessur tiegħu fil-livell ministerjali mill-grupp tal-Istati Membri li jiffurmaw it-Triju ta' Presidenzi attwali u futur fil-perjodu mill-1 ta' Lulju 2026 sal-31 ta' Diċembru 2027, kif imniżżel fl-Anness IV. |
PROĊESS TA' APPROVAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL:
|
13. |
L-approvazzjoni tar-rappreżentanti maħtura fil-livell ministerjali u l-Istat Membru magħżul mit-Triju ta' Presidenzi attwali jew futur biex jaħtru rappreżentant fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA ser issir mill-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill. |
|
14. |
L-ismijiet tal-membri kollha tal-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA li huma rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE ser jiġu notifikati permezz tas-SĠK lill-WADA, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 tat-23 ta' Ottubru 2018 (1). |
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE.
ANNESS II
Arranġamenti prattiċi dwar it-tħejjijiet għal-laqgħat tal-WADA dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni
Mingħajr preġudizzju għar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (RPK) u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-proċess ta' teħid ta'deċiżjonijiet tal-UE, il-Kunsill b'dan jaqbel dwar l-arranġamenti prattiċi li ġejjin bil-ħsieb li jiġu żgurati l-prevedibbiltà u t-trasparenza fil-proċess tat-tħejjija għal-laqgħat tal-koordinazzjoni tal-kontinent Ewropew fil-Kunsill tal-Ewropa (CAHAMA) u għal-laqgħat tal-WADA:
|
1. |
Qabel kull laqgħa tal-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA, u b'kunsiderazzjoni tad-disponibbiltà tad-dokumenti tal-laqgħa tal-WADA, il-Kummissjoni u l-Presidenza għandhom, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, jikkoordinaw bil-ħsieb li jistabbilixxu, jekk rilevanti, il-pożizzjoni tal-UE dwar il-punti tal-aġenda tal-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA. |
|
2. |
Dan l-abbozz ta' pożizzjoni tal-UE ser jiġi eżaminat mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport u ppreżentat għall-approvazzjoni mill-COREPER u l-Kunsill f'konformità mal-qafas legali applikabbli u l-prattika stabbilita. |
|
3. |
F'każijiet ta' urġenza, eż., perjodu ta' żmien limitat li matulu jeħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-UE mingħajr ma jkun hemm laqgħa diġà ppjanata fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport, il-Presidenza tista' ssejjaħ laqgħa informali tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport u l-qbil dwar il-pożizzjoni tal-UE jista' jintalab bil-miktub. F'każijiet bħal dawn, il-Presidenza ser tibgħat il-pożizzjoni finali u maqbula tal-UE lill-partijiet rilevanti qabel il-laqgħat tal-CAHAMA u tal-WADA. |
|
4. |
Fil-każ li l-CAHAMA jintalab jadotta att b'effett legali, il-Kummissjoni ser tiġi mistiedna tippreżenta fi żmien debitu proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE fir-rigward ta' dak l-att. |
|
5. |
Fil-laqgħat tal-CAHAMA, il-pożizzjoni tal-UE ser tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni jew, fejn rilevanti, mir-rappreżentant tal-Presidenza, sa fejn permess mit-termini ta' referenza tal-CAHAMA. |
|
6. |
Kull meta jkun hemm bżonn, jistgħu jitlaqqgħu direttament laqgħat ta' koordinazzjoni tal-UE bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, preseduti mill-Presidenza. |
|
7. |
Dawn l-arranġamenti prattiċi u r-riżoluzzjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri qabel il-laqgħat tal-Bord ta' Fondazzjoni, approvati mill-Kunsill, jissostitwixxu r-riżoluzzjoni 2023/C 185/07 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-WADA. |
ANNESS III
L-isfond politiku tal-ħidma dwar l-antidoping fil-Kunsill:
|
1. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2000, dwar il-ġlieda kontra d-doping, ĠU C 356, 12.12.2000, p. 1. |
|
2. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2010, dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-ġlieda internazzjonali kontra d-doping, ĠU C 324, 1.12.2010, p. 18. |
|
3. |
Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2011, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-WADA, ĠU C 372, 20.12.2011, p. 7. |
|
4. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015, li janalizzaw ir-riżoluzzjoni tal-2011 dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-WADA, li tgħid li sal-31 ta' Diċembru 2018, l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ulterjuri ta' din ir-riżoluzzjoni għandha tiġi analizzata għal darba oħra, ĠU C 417, 15.12.2015, p. 45. |
|
5. |
Ir-riżoluzzjoni tal-2019 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri qabel il-laqgħat tal-WADA, ĠU C 192, 7.6.2019, p. 1. |
|
6. |
Ir-riżoluzzjoni tal-2023 tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri qabel il-laqgħat tal-WADA, ĠU C 185, 26.5.2023, p. 29. |
ANNESS IV
It-tabella indikattiva ta' hawn taħt hija pprovduta għall-informazzjoni u tista' tiġi adattata f'konformità ma' kwalunkwe bidla futura possibbli fl-ordni tal-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE. It-tabella tindika s-sitt Stati Membri li jiffurmaw it-Triju ta' Presidenzi attwali u futur matul perjodu ta' żmien partikolari. Is-siġġu allokat biex jirrappreżenta t-Triju ta' Presidenzi attwali u futur fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA jista' jintgħażel mill-grupp ta' Stati Membri fil-perjodu ta' żmien rilevanti. Dan japplika kemm meta jkun qed jintgħażel kandidat għal mandat ġdid ta' tliet snin kif ukoll meta jkun qed jinstab sostitut għal rappreżentant għat-Triju ta' Presidenzi attwali u futur, li ma jkunx għadu aktar fil-kariga tiegħu bħala persuna inkarigata mill-isport fil-livell ministerjali, għall-bqija tal-mandat ta' tliet snin inizjali fuq il-Bord ta' Fondazzjoni tal-WADA.
|
1 ta' Lulju 2026 – 31 ta' Diċembru 2027 Irlanda Litwanja Greċja Italja Latvja Lussemburgu |
|
1 ta' Jannar 2028 – 30 ta' Ġunju 2029 Italja Latvja Lussemburgu Netherlands Slovakkja Malta |
|
1 ta' Lulju 2029 – 31 ta' Diċembru 2030 Netherlands Slovakkja Malta Estonja Bulgarija Awstrija |
|
1 ta' Jannar 2031 – 30 ta' Ġunju 2032 Estonja Bulgarija Awstrija Rumanija Finlandja Kroazja |
|
1 ta' Lulju 2032 – 31 ta' Diċembru 2033 Rumanija Finlandja Kroazja Ġermanja Portugall Slovenja |
|
1 ta' Jannar 2034 – 30 ta' Ġunju 2035 Ġermanja Portugall Slovenja Franza Repubblika Ċeka Żvezja |
|
1 ta' Lulju 2035 – 31 ta' Diċembru 2036 Franza Repubblika Ċeka Żvezja Spanja Belġju Ungerija |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6757/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)