Brussell, 8.7.2025

COM(2025) 382 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG)



2021-2027

{SWD(2025) 180 final}


Sfond

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit fil-perjodu 2007-2013 sabiex juri solidarjetà ma’, u jipprovdi appoġġ lil, ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat ta’ bidliet kbar strutturali fix-xejriet tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament inizjali 1 twessa’ fl-2009 2 sabiex jinkludi s-sensji li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, il-kamp ta’ applikazzjoni twessa’ ulterjorment 3 sabiex ikopri s-sensji kkawżati minn kwalunkwe kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida. Matul il-perjodu bejn l-2014 u l-2020, il-FEG ikkofinanzja sa 60 % 4 tal-miżuri implimentati mill-Istati Membri sabiex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jerġgħu jintegraw ruħhom malajr fis-suq tax-xogħol. Biex tindirizza l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni stabbiliet pjan ta’ rkupru għall-ekonomija 5 , li kien jinkludi l-FEG bħala għodda ta’ emerġenza biex tgħin lin-nies li tilfu l-impjiegi tagħhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. L-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE, support to mitigate unemployment risks in an emergency) 6 immobilizza, sa tmiem l-2022, mezzi finanzjarji sinifikanti biex jiġi miġġieled l-impatt ekonomiku u soċjali negattiv tal-pandemija tal-COVID-19. 

Għall-perjodu 2021-2027 7 , il-Fond ingħata isem ġdid bħala l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG). Ġew introdotti bidliet kbar 8 , bħal twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eliġibbiltà għall-appoġġ tal-ħaddiema ssensjati irrispettivament mill-kawża tal-avveniment ta’ ristrutturar, tnaqqis tal-limitu minn 500 għal 200 ħaddiem issensjat, simplifikazzjoni u tħaffif tal-proċeduri, u allinjament tar-rata ta’ kofinanzjament mal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) 9 . Fl-1 ta’ April 2025 10 , il-Kummissjoni pproponiet emenda tar-Regolament dwar il-FEG biex tkopri wkoll ħaddiema f’riskju ta’ telf imminenti ta’ impjieg f’intrapriżi li qed jiġu ristrutturati. Din l-emenda hija ppreżentata fil-qosor fl-aħħar ta’ dan id-dokument.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu

F’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-FEG, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu biex tivvaluta kif u sa liema punt il-FEG jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq l-objettivi tiegħu fil-perjodu 2021-2027. L-evalwazzjoni vvalutat l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tal-FEG. Huma inklużi wkoll tagħlimiet limitati għall-implimentazzjoni u t-tfassil tal-FEG.

L-evalwazzjoni tiffoka fuq il-bidliet introdotti għall-perjodu 2021-2027, sabiex tivvaluta sa liema punt dawn il-bidliet wasslu għar-riżultati previsti. Peress li l-użu tal-Fond kien relattivament baxx u l-evidenza disponibbli kienet limitata 11 , l-evalwazzjoni eżaminat ukoll ir-raġunijiet għall-użu baxx tal-FEG, minkejja r-regoli ta’ applikazzjoni ssimplifikati li ġew introdotti mir-Regolament tal-FEG 2021-2027. L-għan huwa li jiġi vverifikat jekk il-FEG, skont ir-regoli kurrenti, għadux jappoġġa b’mod effettiv lill-ħaddiema affettwati mit-trasformazzjonijiet ekonomiċi globali, u b’hekk jallinja mal-objettivi ġenerali tal-politika soċjali tal-UE.

Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tevalwa b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ u tikkonsulta bl-aktar mod wiesa’ possibbli, ir-riżultati tal-evalwazzjoni jridu jiġu indirizzati b’kawtela minħabba d-data limitata disponibbli. Iż-żmien bikri tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-FEG ippermetta biss disponibbiltà limitata ta’ informazzjoni, evidenza u esperjenza li għandha tinkiseb mill-perjodu kurrenti. It-titjib fl-ekonomija kien raġuni għall-għadd aktar baxx ta’ applikazzjonijiet tal-FEG, li wassal għad-data limitata li kienet disponibbli f’dan l-istadju. Sfidi oħrajn iffaċċjati fl-evalwazzjoni kienu n-nuqqas ta’ indikaturi tal-prestazzjoni, komparaturi xierqa limitati b’data mill-ewwel perjodu ta’ programmazzjoni, u riżorsi limitati għal din l-evalwazzjoni.

L-evalwazzjoni hija bbażata fuq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, intervisti mmirati u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u tal-UE involuti fl-implimentazzjoni tal-FEG.

L-evalwazzjoni tkopri 18-il każ tal-FEG (jiġifieri applikazzjonijiet approvati), li waslu bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-FEG fit-3 ta’ Mejju 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2024. Minn dawn, 11-il applikazzjoni huma kkunsidrati mingħajr analiżi tar-riżultati li se jkunu disponibbli biss bejn l-2025 u l-2027 għax il-każijiet għadhom għaddejjin. Il-każijiet, li jikkonċernaw 7 Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja u Spanja), ikopru 13-il settur ekonomiku, b’mod partikolari l-attivitajiet awtomobilistiċi, ta’ ħżin u ta’ appoġġ għat-trasport, il-kummerċ bl-ingrossa, it-trasport bl-ajru u l-metalli bażiċi.

L-għadd baxx ta’ applikazzjonijiet matul l-2021-2024 jista’ jiġi spjegat minn diversi raġunijiet. Waħda mir-raġunijiet li ġiet enfasizzata f’evalwazzjonijiet preċedenti hija li l-għadd ta’ applikazzjonijiet tal-FEG dejjem kien ċikliku u marbut max-xejra ġenerali fl-impjiegi u r-realtajiet ekonomiċi fl-Istati Membri. Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat żieda fl-għeluq ta’ negozji u fit-telf ta’ impjiegi madwar l-Ewropa fl-2021. Madankollu, l-ekonomiji Ewropej irnexxielhom jifilħu għall-kriżi parzjalment bis-saħħa tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar stabbiliti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. B’riżultat ta’ dan, kien hemm inqas avvenimenti ta’ ristrutturar fuq skala kbira u l-Istati Membri kienu mgħammra aħjar biex jittrattaw avvenimenti kbar ta’ ristrutturar.

Madankollu, mill-2024, il-Bażi tad-Data Ewropea tal-Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar (ERM, European Restructuring Monitor) tal-Eurofound 12 turi li l-għadd ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar b’telf ta’ 200 impjieg jew aktar żdied drastikament b’50 % mill-2023 sal-2024 13 , u laħaq l-ogħla livell tiegħu matul il-perjodu 2021-2024. Barra minn hekk, fl-2024, għall-ewwel darba mill-2020, l-għadd globali ta’ telf ta’ impjiegi qabeż l-għadd ta’ impjiegi maħluqa matul avvenimenti kbar ta’ ristrutturar, speċjalment fis-setturi l-aktar affettwati tal-manifattura, it-trasport/il-ħżin u l-bejgħ bl-imnut 14 . Dan juri tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jista’ jwassal, b’xi dewmien (skont id-durata u d-daqs tal-avvenimenti ta’ ristrutturar), għal aktar applikazzjonijiet tal-FEG li jaslu fil-futur.

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu hija ppreżentata bħala dokument ta’ ħidma tal-persunal (SWD, staff working document). L-SWD ġie abbozzat mid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni, abbażi ta’ riċerka bbażata fuq id-dokumentazzjoni u fuq il-post, feedback tal-partijiet ikkonċernati, analiżi tal-applikazzjonijiet tal-FEG u rapporti finali ppreżentati mill-Istati Membri. Sorsi oħra inkludew rapporti preċedenti u evalwazzjonijiet tal-FEG, u riżultati tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-FEG mill-Istati Membri kollha. Inġabret u ġiet analizzata evidenza ulterjuri mill-esperjenza ta’ diversi membri tal-persunal tal-Kummissjoni li jimmaniġġjaw il-FEG u l-bażi tad-data interna tal-FEG tal-Kummissjoni li tinkludi data dwar il-każijiet kollha tal-FEG bejn l-2007 u l-2024. Ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni jipprovdu tagħlimiet għall-implimentazzjoni tal-FEG. 

Dawn ir-riżultati jinġiebu għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u tas-sħab soċjali 15 .

Is-sejbiet ewlenin skont il-kriterju ta’ evalwazzjoni

L-assistenza taħt il-FEG dejjem tiġi offruta b’mod retroattiv, wara li jkunu seħħew is-sensji. L-assistenza tingħata flimkien mal-miżuri tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, biss meta proċessi ta’ sensji kollettivi għal għarrieda jpoġġu lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi taħt pressjoni straordinarja u meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika għal finanzjament taħt il-FEG.

Il-FEG joffri appoġġ immirat, imfassal apposta u individwalizzat lill-benefiċjarji 16 , li jpoġġihom f’pożizzjoni aktar favorevoli minn persuni li ma jkunux ibbenefikaw mill-appoġġ tal-FEG biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol 17 . Il-miżuri tal-FEG jirrispondu għall-ħtiġijiet u għax-xewqat individwali tal-benefiċjarji. Il-FEG ineħħi l-ostakli għall-parteċipazzjoni u jiżgura li l-benefiċjarji kollha jiġu ttrattati indaqs 18 , filwaqt li jiffoka fuq gruppi vulnerabbli, bħal benefiċjarji żvantaġġati, inklużi ż-żgħażagħ u persuni qiegħda akbar fl-età u persuni f’riskju ta’ faqar. Il-FEG jippermetti lin-nies itejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom, jew jibbenefikaw minn miżuri xierqa oħra (eż. allowances għall-mobbiltà, benefiċċji għall-indukrar tat-tfal jew kura tal-anzjani.). 

Il-FEG jippermetti lill-Istati Membri jesperimentaw b’miżuri attivi innovattivi tas-suq tax-xogħol li forsi normalment ma jkunux disponibbli għall-ħaddiema ssensjati. Jekk il-miżuri innovattivi wrew li kienu ta’ suċċess, allura l-Istati Membri, bħall-Belġju, il-Ġermanja u Spanja, 19 sussegwentement inkorporawhom fil-miżuri ta’ assistenza standard tagħhom.

Effettività tal-FEG

Il-kriterju tal-effettività jivvaluta kemm il-FEG kien effettiv biex jilħaq l-għan tiegħu kemm fil-livell tal-istrument kif ukoll fil-livell tal-każ. L-għan tal-FEG huwa li (i) juri solidarjetà lejn il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja; u (ii) jiżgura, għal kull każ tal-FEG, li l-akbar numru possibbli ta’ benefiċjarji jsibu impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli. Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni huma ppreżentati hawn taħt.

Il-kamp ta’applikazzjoni usa’, il-kriterji ta’ intervent modifikati, il-proċeduri ta’ applikazzjoni simplifikati (it-tneħħija tal-ħtieġa li tintwera r-rabta mal-kawża tas-sensja) u l-iskadenzi proċedurali iqsar kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri, għamlu l-FEG aktar ġust, aktar inklużiv u aktar faċilment aċċessibbli. Barra minn hekk, l-allinjament tar-rata ta’ kofinanzjament tal-FEG ma’ dik tal-FSE+ (filwaqt li jinżamm minimu ta’ 60 %), tqies bħala fattur inkoraġġanti biex issir applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

Il-FEG jappoġġa lill-benefiċjarji eliġibbli kollha b’mod aktar imfassal u intensiv mill-miżuri nazzjonali u minn strumenti oħra tal-UE. Il-flessibbiltà tal-FEG f’termini tat-tipi ta’ miżuri hija apprezzata ħafna. Xi Stati Membri jixtiequ jużaw perċentwal ogħla minn 35 % għall-gratifiki 20 , bħal gratifiki għat-tfittix ta’ impjieg, gratifiki għat-taħriġ, gratifiki għas-sussistenza u gratifiki għall-mobbiltà.

Il-miżuri tal-FEG jagħtu spinta lill-miżuri nazzjonali peress li dejjem jiġu offruti flimkien mal-miżuri nazzjonali. Is-sejbiet mill-evalwazzjonijiet preċedenti u l-feedback mill-benefiċjarji jikkonfermaw li l-għajnuna offruta ma kinitx tkun disponibbli mod ieħor. Din hija indikazzjoni ċara li l-miżuri tal-FEG jikkomplementaw u jibnu fuq dak li huwa disponibbli fil-livell nazzjonali.

L-involviment tas-sħab soċjali u tal-kumpaniji li jagħtu s-sensja lill-ħaddiema kellu impatt pożittiv fuq l-effettività tal-każijiet tal-FEG billi kkontribwixxa għal tfassil u għal implimentazzjoni aħjar tal-miżuri. L-involviment tagħhom fi Franza u fi Spanja xi drabi ggwida wkoll lill-benefiċjarji biex isibu impjiegi ġodda malajr.

Il-feedback mill-istħarriġ immirat lejn il-benefiċjarji juri li s-sensibilizzazzjoni ġenerali tal-FEG tjiebet meta mqabbla ma’ perjodi preċedenti għalkemm għad hemm lok għal titjib. Il-promozzjoni tal-Kummissjoni tal-użu tal-FEG tqieset bħala assi għall-benefiċjarji f’diversi każijiet. F’xi Stati Membri (b’mod partikolari BE, CY, DE, EE, ES, IT, FI, HR, HU, IE, LT, LV, PT, SE), hemm aktar għarfien dwar il-FEG minħabba li l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, il-korpi ta’ implimentazzjoni, dawk li jfasslu l-politika u s-sħab soċjali pparteċipaw fit-twettiq ta’ xi wħud mill-miżuri. Fi Stati Membri oħra (b’mod partikolari FR, CZ, MT, PL, SI, PL, RO, SE), mhux il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-benefiċjarji, kienu jafu dwar il-FEG u l-benefiċċji potenzjali tiegħu, u dan jista’ jxekkel l-effettività tiegħu. Hemm lok biex jittejbu l-komunikazzjoni u l-għarfien tal-FEG fost il-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Madwar 80 % tar-rispondenti tal-istħarriġ tal-benefiċjarji kienu jafu li l-finanzjament li rċevew kien kofinanzjat mill-FEG/mill-UE, filwaqt li 20 % ma kinux.

L-ostakli għall-effettività tal-FEG jikkonfermaw mill-ġdid is-sejbiet tal-evalwazzjonijiet preċedenti, li jinkludu (lista mhux prijoritizzata): a) il-proċess twil u kumpless tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE (bħala medja 5,5 xhur, titjib meta mqabbel ma’ 7,2 xhur fl-2014-2020); b) id-dewmien fil-bidu tal-implimentazzjoni; c) il-proċeduri amministrattivi nazzjonali fl-Istati Membri; d) kwistjonijiet fil-ġestjoni tal-każijiet fil-livell nazzjonali/reġjonali u n-nuqqas ta’ esperjenza tal-Istati Membri fl-użu tal-FEG; e) kwistjonijiet relatati mal-età tal-benefiċjarji (eż. persuni akbar fl-età li jeħtieġu taħriġ partikolarment intensiv); f) diffikultajiet biex jintlaħqu u jiġu attivati ħaddiema li ngħataw is-sensja (xi drabi minħabba diffikultajiet biex jinkisbu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom minħabba restrizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data); g) ir-rieda baxxa tal-ħaddiema għall-mobilità u l-bidla fix-xogħol; h) problemi u dewmien fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-FEG; i) nuqqas ta’ għarfien tal-FEG f’xi Stati Membri; j) diffikultà istituzzjonali fil-ġestjoni ta’ fondi addizzjonali, inklużi strumenti oħra bħall-FSE+, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility).

Lil hinn mill-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, il-FEG ipproduċa effetti fit-tul fuq l-impjegabbiltà ġenerali tal-benefiċjarji, bħall-għoti ta’ ħiliet u kwalifiki ġodda. Dawn l-effetti jinkludu l-għoti ta’ ħiliet diġitali u ħiliet ambjentali/ekoloġiċi lill-benefiċjarji, żieda fl-awtostima, is-sensazzjoni li huma kkwalifikati aħjar għax-xogħol, is-sensazzjoni ta’ kuraġġ biex jegħlbu l-preġudizzju bejn il-ġeneri fl-għażla tal-impjiegi, u t-twessigħ tan-networks soċjali tagħhom mill-parteċipazzjoni fil-miżuri tal-FEG. Dawn is-soft outcomes jidhru faċilment fl-istħarriġ tal-benefiċjarji ta’ kull każ tal-FEG, u joffru approċċ aktar kwalitattiv għall-evalwazzjoni tal-effettività. Ġew osservati arranġamenti aħjar għall-ġbir tad-data u r-rappurtar wara l-inklużjoni tal-indikaturi komuni speċifiċi u l-istħarriġ tal-benefiċjarji għal kull każ tal-FEG fir-Regolament tal-FEG 2021-2027. Madankollu, peress li l-istabbiliment ta’ miri speċifiċi għall-każ fl-istadju tal-applikazzjoni bħalissa ma huwiex rekwiżit, il-prestazzjoni ta’ kull każ ma tistax tiġi vvalutata. Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu stabbiliti miri speċifiċi għall-każ u li jiġi inkluż ir-rapportar skont it-tip ta’ impjieg ma kinitx inkluża fil-ftehim finali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-Regolament tal-FEG għall-perjodu 2021-2027. B’mod ġenerali, il-monitoraġġ tal-effettività tal-FEG tjieb matul l-2021-2024.

B’mod ġenerali, il-FEG huwa effettiv, u laħaq l-objettiv tiegħu ta’ solidarjetà lejn ħaddiema ssensjati u dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet minħabba avvenimenti ta’ ristrutturar, filwaqt li jappoġġahom biex isibu impjiegi sostenibbli jew biex jibdew in-negozju tagħhom stess. Ir-rata medja ta’ reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol kienet ta’ madwar 50 % għas-seba’ każijiet kompluti, li kienet aktar baxxa milli fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti (60 % għal 46 każ). Dawn ir-riżultati jeħtieġ li jitqiesu b’kawtela minħabba d-daqs żgħir tal-kampjun matul il-perjodu 2021-2024. Din ir-rata tiddependi fuq l-ispeċifiċitajiet tal-każ kif ukoll fuq fatturi esterni (bħas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol, is-setturi speċifiċi ta’ attività) u r-raġunijiet personali tal-benefiċjarji. Fuq medda itwal ta’ żmien, ir-rati ta’ reintegrazzjoni jitjiebu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet 21 .

L-effiċjenza tal-FEG

Il-kriterju tal-effiċjenza janalizza sa liema punt il-kostijiet assoċjati mal-implimentazzjoni tal-FEG kienu ġġustifikati meta jitqiesu r-riżultati (analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji) 22 . Dan sar billi ġew analizzati r-riżorsi użati biex jinkisbu r-riżultati kif ukoll il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan janalizza wkoll jekk hemmx xi ineffiċjenzi jew piżijiet bla bżonn fil-livell tal-każ jew tal-istrumenti.

L-azzjonijiet koperti mill-FEG, skont id-definizzjoni, ma humiex programmabbli minħabba li avvenimenti ta’ ristrutturar li jwasslu għas-sensji mhumiex mistennija. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġi definit minn qabel kemm se jseħħu każijiet ta’ sensji tal-massa f’sena partikolari u x’se jkun il-profil tal-benefiċjarji. Barra minn hekk, huwa diffiċli li jiġi stmat b’mod preċiż l-għadd eżatt ta’ nies li se jirreġistraw għal miżuri tal-FEG, it-tip u t-tul ta’ żmien tal-miżuri meħtieġa, u kemm se jintnefaq mill-baġit ippjanat għall-pakkett ta’ servizzi personalizzati meta l-Istati Membri jabbozzaw l-applikazzjoni tagħhom għall-appoġġ mill-FEG.

It-tqassir tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ applikazzjonijiet individwali kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri tejjeb l-effiċjenza tal-FEG. Iż-żmien totali għall-proċeduri fil-livell tal-UE matul il-perjodu 2021-2024 kien bħala medja ta’ 5,5 xhur 23 , li juri tnaqqis meta mqabbel ma’ 7,2 xhur fl-2014-2020. Minkejja dan, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE għadu meqjus twil u/jew kumpless minn 16-il Stat Membru 24 . F’xi Stati Membri 25 , il-proċedura twila hija meqjusa bħala l-uniku ostaklu għall-applikazzjoni għall-appoġġ mill-FEG. Proċess twil bħal dan jikkawża dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett, iżda s-sejbiet juru li f’xi każijiet il-proċeduri fil-livell nazzjonali/reġjonali huma ostaklu aktar sinifikanti għall-effiċjenza.

Skont il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-każ, l-ammonti disponibbli għall-miżuri huma meqjusa li huma suffiċjenti. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti għall-konsultazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni kienu tal-fehma li l-istess riżultati ma setgħux jinkisbu b’inqas riżorsi jew f’perjodu ta’ żmien iqsar.

Ir-rata ta’ assorbiment (il-perċentwal tal-infiq tal-assistenza mogħtija) tiġi eżaminata meta jiġu analizzati r-riżorsi użati każ b’każ. Madankollu, ma tirriflettix il-kosteffiċjenza fil-livell tal-każ. Barra minn hekk, ma għandha l-ebda mira speċifika għall-każ u ma tistax titqies bħala indikatur tal-prestazzjoni jew indikatur tas-suċċess tal-każ. Bħal fil-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, il-biċċa l-kbira tal-każijiet tal-FEG għandhom it-tendenza li jużaw biss frazzjoni tar-riżorsi allokati lilhom. Il-perjodu 2021-2024 wera progress fir-rati ta’ assorbiment tal-kofinanzjament tal-FEG. Għas-seba’ każijiet mill-2021 sal-2024, ir-rata medja ta’ assorbiment kienet ta’ 63 % (għal 7 każijiet tal-FEG), titjib meta mqabbel mal-perjodi preċedenti (medja ta’ 55 % għal 73 każ fl-2007-2013 u medja ta’ 59 % għal 46 każ fl-2014-2020) 26 , li jindika, sa ċertu punt, użu aħjar tar-riżorsi allokati.

Fil-livell tal-Istati Membri, wara li tqabbel l-ammont totali tal-FEG minfuq għal kull każ man-numru ta’ benefiċjarji megħjuna, ix-xejra ġenerali hija li aktar benefiċjarji ġew megħjuna f’każijiet li rċevew aktar finanzjament mill-FEG. Għadd ogħla ta’ benefiċjarji jeħtieġu aktar riżorsi finanzjarji. Madankollu dan japplika meta l-bżonnijiet tal-benefiċjarji jeħtieġu taħriġ aktar intensiv jew kumpless u għali. B’mod ġenerali, ma setgħet tinħareġ l-ebda konklużjoni sinifikanti dwar l-effiċjenza fl-infiq għal kull benefiċjarju minħabba li r-riżorsi minfuqa għal kull każ, u n-numru ta’ benefiċjarji megħjuna u li ġew reintegrati fis-suq tax-xogħol bħala riżultat, ivarjaw b’mod konsiderevoli skont il-każ, is-settur u l-Istat Membru. Il-kostijiet jiddependu l-aktar fuq l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali, kif ukoll fuq in-natura tal-miżuri offruti, u l-isfond tal-benefiċjarji.

Ir-riallokazzjoni tal-fondi bejn il-miżuri abbażi tal-ħtiġijiet li ħarġu matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, baqgħet possibbli bħal fil-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti. Madankollu, għar-riallokazzjonijiet ta’ aktar minn 20 %, l-Istati Membri jridu jinformaw lill-Kummissjoni. Tali riallokazzjonijiet seħħew fi 22 % tal-każijiet (4 minn 18) 27 filwaqt li fl-2014-2020 dawn seħħew f’madwar 10 % tal-każijiet (5 minn 46).

Koerenza tal-FEG

Il-FEG huwa koerenti mal-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali u joffri biżżejjed flessibbiltà biex jikkomplementa u/jew iżid mal-miżuri tas-suq tax-xogħol ipprovduti mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali. F’xi każijiet, l-intervent tal-FEG kien parti minn qafas ta’ politika usa’ mmirat biex jimminimizza l-konsegwenzi tas-sensji tal-massa f’reġjun, u b’hekk jiżgura l-koerenza bejn l-attivitajiet implimentati minn partijiet ikkonċernati reġjonali u lokali oħra, u jamplifika wkoll is-sostenibbiltà tar-riżultati tal-FEG 28 .

Fil-livell tal-każ, ma ġie identifikat l-ebda trikkib ma’ finanzjament ieħor tal-UE jew nazzjonali. Instabu komplementarjetajiet qawwija bejn il-FEG u l-FSE+. B’mod partikolari, il-komplementarjetà hija żgurata permezz ta’ koordinazzjoni bejn il-fondi fil-livell nazzjonali. Hemm lok biex il-FEG u l-FSE+ jiġu allinjati aħjar f’termini ta’ disponibbiltà, peress li xi Stati Membri jagħżlu li jiffinanzjaw miżuri tat-tip tal-FEG bl-użu tal-FSE+, il-JTF, l-RRF minħabba li dawn l-istrumenti diġà huma disponibbli u jipprovdu aktar flessibbiltà għal riallokazzjoni rapida tal-ammonti.

Ir-rekwiżit il-ġdid għall-Istati Membri li jispjegaw f’kull applikazzjoni tal-FEG kif huwa kkoordinat bl-użu tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR, Quality Framework), qafas tal-aħjar prattika għall-antiċipazzjoni u l-indirizzar tar-ristrutturar korporattiv, jipprovdi aktar evidenza dwar il-komplementarjetà tal-FEG ma’ miżuri u strumenti nazzjonali.

Valur miżjud tal-FEG għall-UE

Il-valur miżjud tal-UE janalizza sa liema punt seħħew il-bidliet bis-saħħa ta’ dan l-intervent tal-UE. Dan isir billi jiġu analizzati l-benefiċċji miżjuda meta mqabbla ma’ xenarju bl-għajnuna tal-Istati Membri u l-effett tat-twaqqif tal-FEG.

Minkejja evidenza limitata miġbura mill-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, is-sejbiet minn din l-evalwazzjoni jindikaw li l-FEG jipprovdi valur miżjud meta mqabbel ma’ dak li l-Istati Membri setgħu kisbu waħedhom permezz ta’ miżuri nazzjonali mmirati biex jgħinu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet bil-miktub jenfasizzaw li madwar 70 % tar-rispondenti ħassew li l-FEG għandu valur miżjud 29 . Madwar 62 % tar-rispondenti għall-istħarriġ tal-benefiċjarji vvalutaw il-FEG b’mod favorevoli meta mqabbel ma’ sorsi oħra ta’ appoġġ fil-livell nazzjonali/reġjonali, filwaqt li semmew li wieħed mill-benefiċċji tal-appoġġ tal-FEG huwa li dan huwa mfassal għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-benefiċjarji.

Il-FEG kien ta’ suċċess u ġġenera valur miżjud konsiderevoli tal-UE fl-2021-2024. Kif ikkonfermat minn evalwazzjonijiet tal-FEG fil-passat, dan huwa partikolarment minnu f’termini tal-effetti tal-volum tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni (eż. miżuri innovattivi 30 ), ir-rwol u l-effetti tal-proċess 31 , għalkemm dawn ivarjaw skont l-Istat Membru u jiddependu ħafna fuq l-istrutturi ta' appoġġ nazzjonali. Il-valur miżjud huwa sinifikanti għall-effetti tal-volum, li jfisser li l-assistenza tal-FEG mhux biss iżżid l-għadd u l-varjetà ta’ servizzi offruti, iżda wkoll il-livell ta’ intensità tagħhom, filwaqt li tagħmel l-aħjar li tista’ biex ħadd ma jitħalla barra.

Peress li l-FEG fil-biċċa l-kbira jikkomplementa strumenti oħra tal-UE (b’mod partikolari l-FSE+), dan iżid il-valur tal-UE meta mqabbel mal-kampijiet ta’ applikazzjoni u l-gruppi fil-mira tagħhom.

Bħala konklużjoni, meta jitqiesu l-limitazzjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-FEG, taħt il-qafas regolatorju kurrenti, ikompli jżid il-valur tal-UE billi jappoġġa b’mod effettiv lill-ħaddiema affettwati mit-trasformazzjonijiet ekonomiċi globali, u b’hekk jallinja mal-objettivi ġenerali tal-politika soċjali tal-UE.

Rilevanza tal-FEG

Il-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ rilevanza jivvalutaw ir-rilevanza tal-FEG. Ikopri tliet aspetti ewlenin: (i) l-adegwatezza u l-utilità tal-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-FEG; (ii) il-kriterji modifikati ta’ intervent tiegħu kif stabbiliti fir-Regolament tal-FEG tal-2021-2027; u (iii) il-punt sa fejn jissodisfa l-bżonnijiet tal-Istati Membri.

Matul il-perjodu 2021-2024, l-evidenza wriet li l-kamp ta’ applikazzjoni estiż huwa rilevanti, utli għall-għanijiet tiegħu, peress li jirrifletti aħjar is-sitwazzjoni ekonomika u jagħmel il-FEG aċċessibbli aktar faċilment. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati qablu wkoll li l-proċedura ta’ applikazzjoni saret aktar sempliċi u aktar rapida wara t-tneħħija tal-ħtieġa li tintwera l-kawża tal-għoti tas-sensji.

Il-kamp ta’ applikazzjoni estiż u l-proċedura ta’ applikazzjoni simplifikata jagħmlu l-FEG disponibbli biex ikopri l-ħaddiema kollha ssensjati matul avveniment ta’ ristrutturar kbir, u b’hekk isir sforz biex ħadd ma jitħalla barra. Id-deċiżjonijiet għall-kofinanzjament tal-FEG huma bbażati fuq l-impatt mistenni tal-għoti tas-sensji (definit mil-limitu ta’ 200 ħaddiem issensjat), aktar milli l-kawża tagħhom. Dan il-fatt jipprovdi aktar flessibbiltà għall-Istati Membri biex jimmiraw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema ssensjati. Abbażi tal-evidenza miġbura, dan għamel il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG adattat biex jindirizza l-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol relatati mal-awtomatizzazzjoni, l-IA, it-tranżizzjonijiet doppji diġitali u ekoloġiċi, eċċ.

Il-kriterji ta’ intervent modifikati li jbaxxu l-limitu tas-sensji għal 200 nstabu li kienu rilevanti u utli. Diversi Stati Membri indikaw li swieq tax-xogħol iżgħar issa jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-limitu minimu għas-sensji. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jqisu li l-limitu mnaqqas huwa fattur inkoraġġanti għall-Istati Membri biex japplikaw, filwaqt li l-limitu preċedenti għall-2014-2020 kien meqjus bħala ostaklu. B’mod ġenerali, l-għadd totali ta’ ħaddiema fil-mira huwa inqas mill-għadd ta’ sensji minħabba li mhux il-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja jeħtieġu appoġġ. Fir-rigward tal-limitu tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, f’5 applikazzjonijiet (minn 18 li waslu fl-2021-2024), jiġifieri 27 %, l-għadd totali ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensja kien inqas minn 500 sensja, filwaqt li fil-bqija (13-il każ) qabeż il-500. F’termini tan-numru ta’ ħaddiema fil-mira għall-miżuri tal-FEG, fi 11-il applikazzjoni, in-numru ta’ ħaddiema fil-mira kien inqas minn 500, filwaqt li f’7 qabeż il-500.

Abbażi ta’ evalwazzjonijiet preċedenti tal-FEG, ir-Regolament tal-FEG tal-2021-2027 immodifika l-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-limitu ta’ 200 ħaddiem ssensjat għal 4 xhur (għas-sensji f’kumpanija jew f’każ reġjonali) u 6 xhur 32 (għas-sensji f’każ settorjali 33 ). Barra mill-perjodu ta’ referenza ta’ 4 jew 6 xhur, aktar ħaddiema ssensjati u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom kienet waqfet, jistgħu jiġu inklużi bħala benefiċjarji eliġibbli, sakemm is-sensja sseħħ 6 xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza jew bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-aħħar ġurnata qabel id-data tat-tlestija tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni. B’mod ġenerali, din il-modifika tqieset utli fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema ssensjati.

Il-bidla fil-kriterji ta’ intervent biex tiġi inkluża l-għażla li jiġu appoġġati l-ħaddiema ssensjati minn diversi setturi ekonomiċi f’reġjun, indirizzat il-feedback mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-evalwazzjoni preċedenti, li qies li l-limitu għoli kien ostaklu għall-applikazzjoni għall-appoġġ mill-FEG. Għalhekk, il-FEG issa għandu approċċ aktar flessibbli għal avvenimenti ta’ ristrutturar li jinvolvu aktar minn kumpanija waħda. Din l-għażla ntużat f’każ settorjali wieħed li jkopri ħaddiema minn żewġ setturi ekonomiċi (makkinarju u tagħmir, u karta).

Dwar ir-rilevanza, fir-rigward tal-mistoqsija sa liema punt il-FEG jindirizza l-ħtiġijiet tal-Istati Membri, is-sejbiet minn din l-evalwazzjoni jikkonfermaw mill-ġdid is-sejbiet preċedenti tal-evalwazzjonijiet tal-FEG, li hemm qbil komuni fost il-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati li l-FEG huwa mfassal biżżejjed għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi fil-mira rilevanti. L-intervisti li jsiru fil-livell tal-UE jindikaw ukoll titjib ma’ kull perjodu ta’ programmazzjoni fit-tfassil tal-pakkett ta’ miżuri fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li jirreferu għall-fatt li l-miżuri tal-FEG iqisu dejjem aktar il-kuntest soċjoekonomiku. Bħala tali, il-ħtiġijiet tal-ħaddiema ġew indirizzati b’mod aktar komprensiv, pereżempju billi ġie pprovdut appoġġ addizzjonali għall-indukrar tat-tfal u għall-benefiċċji matul il-proċess ta’ taħriġ mill-ġdid (fi Spanja).

Bħal fil-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, ir-Regolament dwar il-FEG 34 jippermetti ċertu grad ta’ flessibbiltà għar-riallokazzjoni tal-fondi bejn il-miżuri abbażi tal-ħtiġijiet li jistgħu jitfaċċaw matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, diment li l-baġit totali tal-FEG ma jinqabiżx.

Bħala konklużjoni, l-evalwazzjoni turi grad għoli ta’ rilevanza tal-finanzjament tal-FEG matul il-perjodu 2021-2024. L-evidenza turi wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni estiż u l-kriterji ta’ intervent modifikati huma rilevanti, jirriflettu aħjar ir-realtajiet ekonomiċi u jagħmlu l-FEG aktar aċċessibbli.

F’termini ta’ ħtiġijiet futuri, meta titqies id-data dwar il-megatendenzi 35 relatata mal-mod kif in-nies jaħdmu u jitgħallmu, l-isfidi tat-tranżizzjonijiet doppji diġitali u ekoloġiċi, l-impatt tal-IA, flimkien mat-tnaqqis u t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-UE, u l-ambjent ġeopolitiku, id-data tidher li tindika ħtieġa urġenti għal ħiliet ġodda. Investiment fit-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, b’mod partikolari l-ħaddiema vulnerabbli, pereżempju fis-settur tal-manifattura jew dak awtomobilistiku, jista’ jappoġġa l-proċess ta’ trasformazzjoni ta’ dawn is-setturi, jew jista’ potenzjalment jipprevjeni, f’xi każijiet, telf ta’ impjiegi fil-futur. Meta r-ristrutturar ma jkunx jista’ jiġi evitat, il-ħaddiema li diġà kellhom taħriġ f’ħiliet ġodda jkunu mgħammra aħjar biex isibu impjieg ġdid malajr u jevitaw il-qgħad.

Tagħlimiet meħuda

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jindikaw diversi tagħlimiet ewlenin meħuda kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE li tejbu l-effettività, l-effiċjenza u r-rilevanza tal-FEG.

Fil-livell tal-Istati Membri, hemm diversi tagħlimiet ewlenin meħuda.

·Proċess ta’ applikazzjoni aktar mgħaġġel isir possibbli għall-Istati Membri b’esperjenza preċedenti f’każijiet tal-FEG, billi jippreparaw applikazzjonijiet aktar kompluti, li jwasslu għal ekonomiji ta’ skala permezz tal-esperjenza miksuba bil-proċess tal-applikazzjoni. Madankollu, il-proċedura twila tibqa’ fattur ta’ tfixkil għal xi Stati Membri.

·L-użu tal-assistenza tal-FEG tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu eżekuttiv ġenerali ta’ assistenza għar-ristrutturar fl-Istati Membri bi ftit esperjenza fl-indirizzar ta’ sensji kollettivi.

·Bidu bikri tal-proċeduri nazzjonali biex jiġi żgurat intervent bikri.

·It-tfassil tal-miżuri tas-suq tax-xogħol biex jinkludu appoġġ imfassal apposta abbażi tal-ħtiġijiet tal-benefiċjarji.

·L-importanza tal-prossimità fiżika u l-appoġġ faċilment aċċessibbli għall-benefiċjarji. F’ħafna każijiet, l-appoġġ tal-FEG influwenza b’mod pożittiv il-mod kif il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol huma ġestiti fil-livell nazzjonali u s-sħubijiet li jikkontribwixxu għalihom.

·Il-ħtieġa li jittejbu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Dan jista’ jinkiseb billi jiġi spjegat liema miżuri u attivitajiet jistgħu jiġu appoġġati mill-FEG u kif, permezz ta’ komunikazzjoni adattata għal partijiet ikkonċernati differenti (benefiċjarji, kumpaniji u fornituri ta’ taħriġ) minbarra l-operaturi nazzjonali tal-FEG. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw b’mod attiv u jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-FEG, speċjalment fost il-benefiċjarji, peress li dan ma jsirx b’mod sistematiku jew bl-istess grad fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Fil-livell tal-UE, hemm ukoll diversi tagħlimiet ewlenin meħuda.

·L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġu koperti s-sensji fi kwalunkwe avveniment ta’ ristrutturar fuq skala kbira, irrispettivament mill-kawża, għamlet il-FEG aktar aċċessibbli.

·Il-mobilizzazzjoni aktar rapida u sempliċi tal-FEG bħala riżultat tal-proċess tal-applikazzjoni, b’inqas evidenza meħtieġa u skadenzi iqsar, għamlet il-FEG aktar aċċessibbli. Madankollu, it-tul tal-proċedura għadu meqjus twil wisq u kumpless wisq. Jekk il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet isir aktar mgħaġġel, dan itejjeb l-aċċessibbiltà tal-FEG u l-użu tiegħu.

Ir-rekwiżiti l-ġodda ta’ rapportar itejbu l-monitoraġġ tal-effettività tal-Fond. Ikun possibbli li jsir aktar titjib fil-kejl u fil-monitoraġġ tal-effettività tal-FEG, jekk l-Istati Membri jiżviluppaw miri speċifiċi għall-każ. Madankollu, xi Stati Membri huma tal-fehma li r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar diġà huma ta’ piż kbir wisq.

Proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-FEG 2021-2027

Il-Kummissjoni pproponiet emenda tar-Regolament dwar il-FEG fl-1 ta’ April 2025 36 . Il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni biex tkopri wkoll il-ħaddiema f’riskju ta’ telf imminenti ta’ impjiegi f’kumpaniji li jkunu qed jiġu ristrutturati. Il-FEG jappoġġa lill-ħaddiema biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jgħinuhom jaqilbu għal rwol differenti, jew biex jibdlu l-impjiegi. Permezz tal-mobilizzazzjoni rapida tal-appoġġ qabel ma jseħħu s-sensji kollettivi u t-telf ta’ impjiegi, il-FEG jipprevjeni tfixkil akbar u jiżgura tranżizzjonijiet aktar faċli ta’ impjiegi. Il-kumpaniji jkollhom jikkofinanzjaw parti mill-assistenza offruta lill-ħaddiema.

Għalkemm mhux parti mill-kamp ta’ applikazzjoni inizjali tal-evalwazzjoni, abbażi tar-riżultati limitati, jistgħu jinsiltu xi tagħlimiet inklużi fl-evalwazzjoni għall-proposta li jiġi emendat ir-Regolament. Abbażi tas-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li l-proċeduri biex jiġi mmobilizzat l-appoġġ tal-FEG jiġu ssimplifikati u mħaffa, filwaqt li jiġi żgurat li dan l-appoġġ ikun disponibbli malajr fejn ikun meħtieġ l-aktar.

Skont ir-regoli kurrenti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jirrieżeminaw u japprovaw kull talba ta’ appoġġ skont il-FEG. Minflok, skont il-proposta, ikollhom l-għażla li japprovaw il-baġit tal-FEG darba fis-sena, filwaqt li l-Kummissjoni talloka l-finanzjament lill-Istati Membri abbażi tat-talbiet tagħhom.

Minbarra proċedura ta’ mobilizzazzjoni aktar rapida fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi skadenzi iqsar kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni fl-ipproċessar tat-talbiet għall-assistenza. Dan inaqqas iż-żmien totali tal-approvazzjoni ta’ każ minn 21 ġimgħa għal 11-il ġimgħa, u b’hekk jindirizza dak l-aspett tas-sejbiet tal-evalwazzjoni.

Id-diskussjonijiet dwar din il-proposta għadhom għaddejjin fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006, ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. .

(2)

  Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009, ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26 .

(3)

  Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855-864 , (“ir-Regolament dwar il-FEG”).

(4)

Bejn l-2007 u l-2009 u bejn l-2012 u l-2013, ir-rata ta’ kofinanzjament tal-FEG kienet ta’ 50 % u żdiedet għal 60 % matul l-2009 u l-2011 u mill-2014 sal-2020 (Ara l-Anness 6 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) ta’ akkumpanjament).

(5)

Ara l-komunikazzjoni Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa, 27.05.2020.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020, ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1–7

(7)

  Ir-Regolament (UE) 2021/691, ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48–70 .

(8)

Il-bidliet ġew introdotti fil-biċċa l-kbira abbażi tal- Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposta għal Regolament dwar il-FEG 2021-2027 , l- evalwazzjoni ex post tal-FEG 2014-2020 u evalwazzjonijiet u rapporti preċedenti tal-FEG dwar il-FEG, bħall- evalwazzjoni ex post tal-FEG 2007-2013 , ir- rapport speċjali Nru 7 (2013) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-FEG , il- Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-FEG 2007-2014 tal-Parlament Ewropew .

(9)

Ir-rata ta’ kofinanzjament tal-FEG hija allinjata mal-ogħla rata ta’ kofinanzjament tal-FSE+ fl-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li tinżamm bħala minimu ta’ 60 %.

(10)

  COM(2025)140

(11)

Ir-riżultati tal-ewwel seba’ każijiet tal-FEG kienu disponibbli biss fit-tieni nofs tal-2024.

(12)

 L-ERM huwa l-aktar sors komprensiv ta’ data li jirreġistra l-avviżi kollha ta’ sensji f’sena partikolari. L-avviżi ta’ ristrutturar huma rreġistrati fl-ERM abbażi ta’ skrinjar tas-sorsi ewlenin tal-media f’kull wieħed mill-Istati Membri. Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar | Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol

(13)

 Fl-UE, fl-2024, ġew irreġistrati 309 avvenimenti ta’ ristrutturar li wasslu għat-telf ta’ 200 impjieg jew aktar, meta mqabbla ma’ 205 fl-2023.

(14)

  Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar | Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol . Pereżempju, fl-2024 fl-EU27, l-ERM irreġistra li ntilfu 39 706 impjiegi, filwaqt li nħolqu biss 5 727 impjieg fis-settur tal-manifattura tal-karozzi (is-setturi tan-NACE inklużi huma: C27.1, 29.1, 29.2, 29.3, 30.3, 30.9, 74.9).

(15)

F’konformità mal-Artikolu 22 (2) tar-Regolament dwar il-FEG.

(16)

Skont is-seba’ stħarriġiet tal-benefiċjarji tal-FEG, 62 % tar-rispondenti (b’kollox 645 tweġiba) qablu li l-FEG kien imfassal għall-ħtiġijiet tagħhom.

(17)

 Study supporting the ex post evaluation of the European Globalisation Adjustment Fund (2014-2020), p. 13, https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/ceb95383-a24f-11eb-b85c-01aa75ed71a1.

(18)

Fi Spanja, tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-aċċessibbiltà fil-postijiet kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett (azzjonijiet ta’ informazzjoni, sensibilizzazzjoni, eċċ.) sabiex tinkiseb parteċipazzjoni indaqs għall-persuni b’diżabilità. Il-Belġju jinkludi miżuri li joffru inċentivi finanzjarji lil kull impjegatur tas-settur tal-ekonomija soċjali li lest li jimpjega ħaddiem ta’ 50 sena jew aktar. Eżempju ieħor mill-Belġju huwa li għal persuni f’riskju ta’ faqar huma joffru informazzjoni kollettiva dwar l-impatti tat-taxxa tal-bidla fl-istatus minn ħaddiem għal persuna qiegħda iżda wkoll dwar il-prevenzjoni ta’ dejn eċċessiv. Kemm il-Belġju kif ukoll Spanja jippruvaw jegħlbu l-isterjotipi tal-ġeneru billi joffru inċentivi finanzjarji lil nisa li jipparteċipaw fi programmi ta’ taħriġ jew f’impjiegi tipikament segwiti jew magħmula mill-irġiel.

(19)

Fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Italja u fi Spanja. Fil-Belġju, fi Flanders, l-eżempji jinkludu l-organizzazzjoni ta’ fieri tal-impjiegi biex jgħinu lill-ħaddiema ssensjati jsibu impjiegi ġodda, filwaqt li f’Wallonia ngħataw inċentivi lill-benefiċjarji biex jipparteċipaw f’taħriġ diġitali. Barra min hekk, fil-Ġermanja, il-benefiċjarji li jlestu t-taħriġ diġitali jirċievu tablet. Fi Spanja, il-każijiet tal-FEG intużaw bħala punt ta’ referenza fit-tfassil ta’ proġetti oħra ta’ kollokament ta’ persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u inizjattivi lokali ta’ impjieg.

(20)

Hekk kif seħħ matul il-perjodu 2014-2020, il-kofinanzjament tal-gratifiki għad għandu limitu ta’ 35 % tal-pakkett totali tal-miżuri personalizzati, sabiex tiġi pprovduta assistenza proporzjonali, u f’konformità mas-sejbiet ta’ awditu tal-FEG 2007–2013 ( QEA (2013), p. 28 ). Tali gratifiki jistgħu jiġu kofinanzjati biss jekk ikunu kundizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva fil-miżuri tal-FEG.

(21)

 Fis-7 każijiet kollha tal-FEG mill-2021 fejn l-istħarriġ tal-benefiċjarji kien disponibbli, il-feedback li wasal mingħand il-benefiċjarji wera li r-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol kienet tjiebet fuq żmien itwal meta mqabbla ma’ terminu qasir wara l-parteċipazzjoni fl-aħħar miżura tal-FEG. L-evalwazzjoni tal-FEG fil-passat inkludiet ukoll l-istess sejba.

(22)

Il-kosteffiċjenza tal-FEG tqis il-grad sa fejn il-kostijiet imġarrba huma proporzjonati mar-riżultati (definiti bħala n-numru ta’ benefiċjarji megħjuna, in-numru ta’ benefiċjarji integrati mill-ġdid, il-perċentwal ta’ benefiċjarji fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ u li kisbu kwalifika, u effetti fit-tul fuq l-impjegabbiltà ġenerali tal-benefiċjarji) u jekk dawn setgħux inkisbu b’inqas riżorsi (rata ta’ assorbiment) u/jew f’perjodu iqsar ta’ żmien. Meta jiġi analizzat il-kunċett ta’ żmien, ġew analizzati l-aspetti li ġejjin: iż-żmien u t-tul tal-applikazzjonijiet, iż-żmien u t-tul tal-miżuri ta’ impjieg mill-ġdid.

(23)

Mid-data tal-applikazzjoni sad-data tal-ħlas.

(24)

AT, CY, CZ, DE, FI, HR, HU, IE, IT, LT, LU, MT, PL, PT, SE, SI (skont l-istħarriġ bil-miktub imwettaq mill-Kummissjoni f’Novembru 2024, għall-Istati Membri li ma kinux applikaw għall-FEG matul l-2021-2024).

(25)

AT, CY, FI, HR.

(26)

Evalwazzjoni ex post tal-FEG 2014-2020, SWD(2021)381/13.12.2021, p. 37.

(27)

Għall-FEG/2021/002 IT/Air Italy u l-FEG/2021/003 IT/Porto Canale, l-Italja talbet diversi riallokazzjonijiet baġitarji. Għal Air Italy, żdiedu żewġ miżuri biex jiġi pprovdut aktar rimborż tal-kostijiet tal-mobbiltà u tal-kontribuzzjonijiet għall-akkomodazzjoni u għall-kost tal-ivvjaġġar waqt it-taħriġ. Barra minn hekk, il-linji ta’ assistenza teknika ġew aġġustati biex jużaw l-ammont mhux minfuq għal miżuri preparatorji biex jissupplimentaw l-attivitajiet ta’ ġestjoni u ta’ kontroll. Għal Porto Canale, ir-riallokazzjoni tal-baġit intalbet biex toffri aktar appoġġ għat-taħriġ. Għall-FEG/2021/006 ES/Cataluña automotive, żdiedet miżura addizzjonali: inċentiv ta’ parteċipazzjoni offrut lill-ħaddiema biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Il-fondi għal din il-miżura ġejjin mill-inċentiv ta’ impjieg mill-ġdid. Għall-FEG/2022/003 ES/Alu Ibérica, ir-riallokazzjoni ntalbet biex toffri aktar assistenza għat-tiftix ta’ impjieg u korsijiet ta’ taħriġ.

(28)

Evalwazzjoni ex post tal-FEG 2014-2020, SWD(2021)381/13.12.2021, p. 43.

(29)

Stħarriġiet bil-miktub mal-partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri kollha mwettqa matul Ottubru-Diċembru 2024.

(30)

Fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Italja u fi Spanja. Fil-Ġermanja, waqt tour ta’ ġurnata waħda bix-xarabank, eks ħaddiema minn Vallourec (EGF/2023/003 DE/Vallourec) ittieħdu biex iżuru u jiddiskutu ma’ kumpaniji li possibilment jimpjegawhom. Barra min hekk, fil-Ġermanja, il-benefiċjarji li jlestu t-taħriġ diġitali jirċievu tablet. Fil-Belġju, fi Flanders (EGF/2024/002 BE/Limburg machinery and paper), ġiet organizzata fiera tal-impjiegi, filwaqt li f’Wallonia ingħataw inċentivi lill-benefiċjarji biex jipparteċipaw f’taħriġ diġitali.

(31)

Evalwazzjoni ex post tal-FEG 2014-2020, SWD(2021)381/13.12.2021, p. 46-47.

(32)

Il-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-limitu ta’ 500 sensja f’każijiet reġjonali kien ta’ 9 xhur matul l-2014-2020.

(33)

Il-“każ settorjali” huwa introduzzjoni ġdida għall-perjodu 2021-2027 għal mill-inqas 200 ħaddiem issensjat (jew il-waqfien tal-attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom) matul perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur fl-intrapriżi, speċjalment l-SMEs li jappartjenu għall-istess tip ta’ setturi ekonomiċi jew setturi ekonomiċi differenti definiti fil-livell ta’ diviżjoni NACE Reviżjoni 2 fl-istess reġjun definit fil-livell NUTS 2.

(34)

Ara l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) Nru 2021/691.

(35)

  ESPAS-Global-Trends-to-2040-Choosing-Europes-Future-EN.pdf

(36)

  COM(2025)140