|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/125 |
9.1.2026 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2026/125)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Melocotón de Cieza”
Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-ES-02644-AM01 — 10.10.2025
1. Isem il-prodott
“Melocotón de Cieza”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☐ |
DOP |
|
☑ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☑ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
Spanja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura, għall-Industrija tal-Ikel u għall-Kooperattivi Agrikoli
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-emenda approvata tikkwalifika bħala emenda standard minħabba li l-bidliet li saru ma jaffettwawx l-isem protett, ma jheddux ir-rabta u ma jimplikawx żieda fir-restrizzjonijiet imposti fuq il-kummerċ tal-prodott.
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Żieda ta’ varjetajiet oħra ta’ ħawħ isfar
Deskrizzjoni
Sa issa ġew aċċettati żewġ varjetajiet għall-IĠP “Melocotón de Cieza”: “Romea” u “Baby Gold 6”. L-avvanz mgħaġġel tat-tibdil fil-klima affettwa l-varjetajiet li huma aċċettati bħalissa. Għalhekk, intalbet l-inklużjoni ta’ tliet varjetajiet ta’ ħawħ isfar għall-IĠP “Melocotón de Cieza”: “Levante 45”, “Grocivag” u “Manolito”.
Fit-Taqsima B (Deskrizzjoni tal-prodott) il-varjetajiet aċċettati nbidlu minn “Baby Gold 6” u “Romea” (fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott preċedenti) għal “Baby Gold 6”, “Romea”, “Levante 45”, “Grocivag” u “Manolito”.
L-inklużjoni ta’ aktar varjetajiet ta’ ħawħ isfar fid-deskrizzjoni tal-prodott hija dovuta għall-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-produttività u fuq il-kwalità tal-frott tal-varjetajiet li huma inklużi bħalissa. Sena wara sena l-produzzjoni ta’ dawk il-varjetajiet qed tonqos gradwalment fir-reġjun tagħna. Dawn il-varjetajiet jeħtieġu livelli ogħla ta’ kesħa. Bħala konsegwenza tat-tnaqqis fl-ammont ta’ kesħa minħabba t-tibdil fil-klima, dawn ibatu minn fjoritura twila u irregolari, iffurmar tal-frott batut u frott ta’ daqs irregolari, b’għadd sinifikanti ta’ frott żgħir. Dawn il-fatturi jikkawżaw problemi serji fil-ġestjoni tal-għelejjel, u jirriżultaw fi ħsad iżgħar u irregolari.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Żieda ta’ teknika ġdida ta’ żbir
Deskrizzjoni
Fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott preċedenti, it-Taqsima 4. “Żbir”, it-teknika ta’ żbir għall-varjetajiet koperti mill-IĠP hija f’forma ta’ kalċi. Intalbet l-inklużjoni tat-tħarriġ mal-kannizzati bħala teknika ta’ tħarriġ. Din l-emenda tirriżulta mill-ħtieġa li tintuża forma aktar adattata ta’ żbir u ta’ ffurmar f’xi msaġar.
Iż-żbir isir fuq siġar li jagħtu frott bl-għadma għall-iskopijiet li ġejjin:
|
— |
Ir-regolazzjoni tad-daqs u tal-bilanċ, skont il-bżonnijiet tal-għelejjel; |
|
— |
L-adattament tal-masġar għas-sistema ta’ tħarriġ tal-għelejjel; |
|
— |
It-titjib tal-fluss tal-arja u l-penetrazzjoni tad-dawl madwar is-siġar tal-frott; |
|
— |
It-tneħħija ta’ partijiet difettużi, mhux mixtieqa jew morda; |
|
— |
It-tħeġġiġ tal-fjoritura u tal-iffurmar tal-frott; |
|
— |
Il-produzzjoni ta’ frott ta’ kwalità, u ż-żieda tal-ħsad; |
|
— |
Iż-żieda tar-rendiment tal-masġar. |
Studji wrew li ż-żbir tas-siġar tal-ħawħ fix-xitwa jibdel il-proporzjonijiet tas-siġar u jżid id-daqs tal-weraq u tal-frott. Hija operazzjoni vitali biex tħeġġeġ il-ventilazzjoni tal-irqajja’ art, u tgħin biex timminimizza t-tixrid ta’ ċerti pesti.
Jintużaw tliet sistemi biex jiġu ffurmati s-siġar li jagħtu l-frott bl-għadma, skont il-forma u d-dimensjonijiet mogħtija lill-istruttura li tirfed il-partijiet produttivi tas-siġra: goblet, tliet dimensjonijiet; tħarriġ forma ta’ mrewħa jew mal-kannizzati, żewġ dimensjonijiet; u assi ċentrali, forma ta’ Y, mina eċċ., dimensjoni waħda
Iż-żbir għal tħarriġ forma ta’ mrewħa jew mal-kannizzati jippermetti penetrazzjoni eċċellenti tad-dawl għall-istruttura kollha tas-siġra, li tħeġġeġ il-produzzjoni ta’ frott ta’ kwalità għolja.
|
☐ |
Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emendi relatati mal-ippakkjar, inklużjoni tal-għażla li l-oġġetti jiġu ttrasportati f’ċestuni.
Deskrizzjoni
Il-limiti fuq il-kapaċità tneħħew mill-kaxxi użati għall-ġbir u għat-trasport lejn il-ħażna, u mit-tipi ta’ ppakkjar li ġeneralment jintużaw: qfief magħmulin mill-ħalfa jew mill-gomma ratba, eċċ.
Fit-Taqsima 6 (Ħsad), ġew emendati t-tipi ta’ ppakkjar adattati għall-ħsad. Flimkien mal-qfief magħmulin mill-ħalfa jew mill-gomma ratba (fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott preċedenti) ġew inklużi ċestuni għall-ġbir tal-frott peress li ntwera li dan ma jaffettwax il-kwalità tiegħu. Fl-istess taqsima, it-tipi ta’ ppakkjar użati għat-trasport tal-frott lejn iċ-ċentru tal-ipproċessar u tal-imballaġġ ġew emendati minn kaxxi ta’ 20 kg (fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott preċedenti) biex jinkludu ċestuni u metodi ta’ ppakkjar ugwalment adattati għat-trasport.
|
☐ |
Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Żieda ta’ forom ġodda ta’ imballaġġ
Deskrizzjoni
Il-bord talab l-inklużjoni ta’ forom ġodda ta’ imballaġġ b’kapaċità iżgħar, sabiex ikun jista’ jintuża imballaġġ ta’ 250 gramma.
Fit-Taqsima 7 (Imballaġġ u preservazzjoni), il-formati tal-imballaġġ ġew emendati minn 1 kg (fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott preċedenti) għal 250 g. Dan sabiex jiġu adattati għall-forom ġodda li fihom il-prodott jiġi introdott fis-suq, filwaqt li jiġu adattati għad-domanda tal-biċċa l-kbira tal-familji Ewropej u Spanjoli. Dawn il-familji huma iżgħar u jitolbu prodotti individwalizzati, u b’hekk jgħinu fil-konservazzjoni u jestendu l-ħajja tal-oġġetti tal-ikel fuq l-ixkaffa.
|
☐ |
Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Melocotón de Cieza”
Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-ES-02644-AM01 - 10.10.2025
1. Isem/Ismijiet
“Melocotón de Cieza”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☐ |
DOP |
|
☑ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Spanja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
0809 30 80 – Oħrajn
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Ħawħ tal-varjetajiet:
|
1. |
Baby Gold 6 |
|
2. |
Romea |
|
3. |
Levante 45 |
|
4. |
Grocivag |
|
5. |
Manolito |
Kulur
Fil-ħawħ tal-varjetà Baby Gold 6 mkabbra fiż-żona ta’ influwenza tal-IĠP, il-kulur tal-qoxra għandu valur ta’ angolu ta’ lewn akbar (79,23 ∓ 0,62) milli f’żoni komparabbli (72,02 ∓ 3,71). B’mod simili, il-kulur tal-polpa għandu valur ta’ saturazzjoni akbar (46,10 ± 0,27) mill-ħawħ minn żoni oħrajn (42,34 ± 0,52). Dawn id-differenzi jipproduċu polpa aktar safra b’lewn aktar saturat ta’ isfar.
Ebusija
Meta tinqata’, il-varjetà Baby Gold 6 għandha valuri ta’ ebusija ta’ (21,08* ∓ 0,68), madwar 7 % aktar mill-valuri fiż-żona komparabbli (19,72 ± 1,23). Dan iżid b’mod konsiderevoli d-differenza ma’ żoni komparabbli meta l-frotta tiġi introdotta fis-suq, b’valuri ta’ (19,01 ± 0,64), madwar 16,34 % aktar mill-valur fiż-żona komparabbli (16,34 ± 0,89).
Daqs: Daqs minimu: A (Dijametru: 67 – < 73 mm) Daqs massimu: AAAA (Dijametru: > 90 mm)
Kulur
Fil-ħawħ tal-varjetà Romea mkabbra fiż-żona ta’ influwenza tal-IĠP, il-valuri tal-kulur tal-qoxra għoljin b’mod sinifikanti (78,21 ∓ 0,47) huma 10 % aktar mill-valuri f’żoni oħrajn (70,98 ∓ 0,26). B’mod simili, il-valur ta’ saturazzjoni (56,13 ± 0,34) huwa 26,6 % akbar mill-valur f’żoni komparabbli oħrajn (44,34 ± 1,02). Dawn il-valuri jipproduċu epidermis aktar safra.
Ebusija
Il-varjetà Romea għandha valuri ta’ ebusija għoljin meta tiġi introdotta fis-suq, 14-il jum wara li tinqata’. Il-valuri ta’ ebusija ta’ (16,55 ± 0,88) huma 30 % akbar milli f’żoni komparabbli oħra (12,51 ± 0,69).
Din l-ebusija tfisser li l-ħawħ miż-żona ta’ influwenza tal-IĠP għandu ħajja fuq l-ixkaffa itwal mill-ħawħ miż-żona komparabbli, minħabba l-klima u l-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tal-ħamrija fiż-żona. Dawn huma deskritti fit-taqsima dwar ir-rabta ġeografika.
Daqs: Daqs minimu: A (Dijametru: 67 – < 73 mm) Daqs massimu: AAAA (Dijametru: > 90 mm)
Ebusija
F’termini ta’ ebusija medja ġenerali, din il-varjetà għandha valur ta’ 31 N (+/- 1,0).
Daqs: Daqs minimu: A (Dijametru: 67 – < 73 mm) Daqs massimu: AAAA (Dijametru: > 90 mm)
Ebusija
F’termini ta’ ebusija medja ġenerali, din il-varjetà għandha valur ta’ 37,7 N (+/- 0,8).
Daqs: Daqs minimu: A (Dijametru: 67 – < 73 mm) Daqs massimu: AAAA (Dijametru: > 90 mm)
Ebusija
F’termini ta’ ebusija medja ġenerali, din il-varjetà għandha valur ta’ 39,5 N (+/- 1,1).
Daqs: Daqs minimu: A (Dijametru: 67 – < 73 mm) Daqs massimu: AAAA (Dijametru: > 90 mm)
Karatteristiċi organolettiċi tal-varjetajiet:
|
1. |
Togħma intensa ħelwa li tirriżulta minn bilanċ tajjeb ta’ zokkor u aċidità globali. Sawra soda u mmerrqa. Aroma pjaċevoli, karatteristika tal-ħawħ. |
|
2. |
Kulur: qoxra li tvarja minn safra ċara għal oranġjo, jista’ jkollha lewn oranġjo ċar jew ħamrani fejn il-qoxra tkun esposta għax-xemx. |
|
3. |
Ebusija minima waqt il-ħsad: 20 N. |
|
4. |
Forma: għat-tond. Il-frott tal-varjetajiet Baby Gold 6, Gocivag u Levante 45 jista’ jkun ftit imqabbeż ’il barra fil-ponta, li hija karatteristika tiegħu. |
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali deżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)
-
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
L-istadji kollha tal-produzzjoni jsiru fiż-żona ġeografika definita.
|
1. |
Tħawwil |
|
2. |
Tisqija |
|
3. |
Fertilizzazzjoni |
|
4. |
Żbir |
|
5. |
Traqqigħ: traqqigħ matul l-istadji tal-fjoritura u tal-iffurmar tal-frott |
|
6. |
Ħsad |
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
-
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Il-ħawħ kopert minn din l-IĠP irid ikollu tikketta ta’ identifikazzjoni nnumerata li trid tinkludi l-logo tal-IĠP. Il-formulazzjoni speċifika “Melocotón de Ciez” hija obbligatorja. It-tikketta trid tidentifika wkoll il-korp ta’ kontroll awtorizzat li jaġixxi bħala korp ta’ ċertifikazzjoni għall-prodott. Il-korp ta’ kontroll joħroġ jew jassenja t-tikketti f’serje b’numri korrispondenti, u dejjem jiċċekkjahom. It-tikketti jridu jitwaħħlu fis-sit tal-imballaġġ b’mod li jipprevjeni milli jerġgħu jintużaw.
5. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Il-konfini definit tal-IĠP “Melocotón de Cieza” huwa stabbilit kif ġej, u jinkludi parti mill-muniċipalitajiet ta’ Cieza, Calasparra, Jumilla u Abarán:
|
— |
Fil-Punent: imiss mas-siti ta’ Las Cañadas u Agua Amarga fil-muniċipalità ta’ Cieza; |
|
— |
Fin-Nofsinhar: imiss mas-siti ta’ Rotas u El Macabeo fil-muniċipalità ta’ Calasparra; |
|
— |
Fil-Lvant: imiss mas-sit ta’ Corona fil-muniċipalità ta’ Abarán u l-istazzjon tal-ferroviji fi Blanca; |
|
— |
Fit-Tramuntana: imiss mal-muniċipalità ta’ Jumilla fis-sit ta’ El Boquerón. |
6. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq:
|
☑ |
Reputazzjoni |
|
☑ |
Kwalità nominali |
|
☐ |
Karatteristiċi oħra. |
Sommarju tar-rabta
L-applikazzjoni sabiex tiġi rreġistrata l-IĠP “Melocotón de Cieza” hija bbażata fuq il-karatteristiċi u fuq ir-reputazzjoni tal-prodott.
Studju xjentifiku jattesta l-karatteristiċi speċjali tal-ħawħ li jikber fiż-żona ta’ influwenza tal-IĠP “Melocotón de Cieza”, u għalhekk ir-rabta bejn il-karatteristiċi u l-kwalità tal-prodott u l-oriġini tiegħu. L-istudju sar mill-Grupp tal-Fażi ta’ Wara l-Qtugħ u t-Tkessiħ tad-Dipartiment għat-Teknoloġija tal-Ikel u għat-Tagħmir Agrikolu tal-Iskola Teknika Avvanzata għall-Agronomija tal-Università Politeknika ta’ Cartagena. It-titlu kien: “Estudio comparativo postcosecha de las variedades Romea y Baby Gold 6 para la obtencíon de la indicacíon geográfica protegida del ‘Melocotón de Cieza’ ” (Studju komparattiv dwar il-fażi wara l-qtugħ tal-varjetajiet Romea u Baby Gold 6 għall-iskop tal-kisba tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Melocotón de Cieza”). Cartagena, Lulju 2018. (https://melocotondecieza.com/estudio-upct/)
Dan il-konfini ġie stabbilit skont il-kriterji dwar il-ħamrija, il-klima u ż-żoni li l-varjetajiet koperti minn din l-IĠP jadattaw aħjar għalihom. Il-valur miżjud tal-“Melocotón de Cieza” huwa bbażat fuq il-karatteristiċi speċifiċi tiegħu li huma l-aktar dovuti għall-klima, għall-ħamrija u għall-fatturi umani speċifiċi għaż-żona koperta mill-IĠP.
Il-klima fiż-żona ġeografika definita tal-produzzjoni hija fattur li jagħmel il-“Melocotón de Cieza” prodott distintiv. Fix-xitwa, it-temperaturi kesħin ta’ billejl ivarjaw bejn -2 oC u 5 oC, filwaqt li l-aktar temperaturi sħan ikunu f’Mejju (33 oC), f’Ġunju (37 oC) u f’Lulju (41 oC). It-temperaturi kuntrastanti jagħtu lil dawn il-varjetajiet ta’ ħawħ daqs u kulur distintivi u karatteristiċi.
Il-kwalitajiet speċifiċi tal-“Melocotón de Cieza” [...] fejn hemm klima Mediterranja estrema, ikkaratterizzata minn nixfa kbira fis-sajf bix-xita annwali medja li bilkemm tilħaq it-300 mm. Ix-xita hija ekwinozjali, u Ottubru huwa x-xahar bl-akbar ammont ta’ xita. Barra minn hekk, il-prossimità relattiva għall-Baħar Mediterran u l-pożizzjoni baxxa tal-artijiet tfisser li t-temperatura annwali medja hija l-ogħla fir-reġjun ta’ Murcia. Dawn l-artijiet għandhom l-aktar klima xotta fil-baċir tax-Xmara Segura. Dawn il-fatturi kollha flimkien ifissru li l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn il-varjetajiet jiddistingwuhom mill-ħawħ l-ieħor kollu tal-istess varjetajiet li jiġu prodotti f’żoni oħrajn. Barra minn hekk, il-karatteristiċi speċjali tax-Xmara Segura, li ssaqqi l-għelieqi ta’ Cieza, huma importanti fil-produzzjoni ta’ dawn il-proprjetajiet distintivi. Speċifikament f’termini tal-karatteristiċi organolettiċi taż-żewġ varjetajiet, il-konċentrazzjoni tagħhom f’solidi solubbli tirrappreżenta ħlewwa u ebusija akbar.
Skont ir-rapport maħruġ mill-Awtorità għall-Baċir tax-Xmara Segura (Confederación Hidrográfica del Segura) (N/REF: IAMB-0015/2021) dwar il-kwalità tal-ilma fis-sezzjoni tax-Xmara Segura hi u tgħaddi mill-muniċipalità ta’ Cieza: Hi u tgħaddi mill-muniċipalità ta’ Cieza, ix-Xmara Segura hija kklassifikata bħala korp ta’ ilma “ESES0701010111 Río Segura” mill-punt ta’ konfluwenza max-Xmara Quipar sad-diga Azud de Ojós. Fil-valutazzjoni finali u fil-pjan tal-ġestjoni tal-ilma għax-Xmara Segura (PHDS, Plan Hidrológico del Segura), l-istatus globali ta’ dan il-korp ta’ ilma huwa kklassifikat bħala “tajjeb”. L-istatus ekoloġiku huwa kklassifikat f’ħames kategoriji, mill-aħjar sal-agħar: tajjeb ħafna, tajjeb, medju, ħażin u ħażin ħafna. F’dan il-każ l-istatus kien “tajjeb”. Hemm żewġ kategoriji ta’ status kimiku: “tajjeb” u “ma ntlaħaqx status tajjeb”. F’dan il-każ, l-istatus kien “tajjeb”.
Sett ta’ fatturi komuni fil-ħamrija f’din iż-żona ta’ produzzjoni jagħmilha ideali għall-kultivazzjoni ta’ din il-frotta bl-għadma. Il-karatteristiċi ewlenin li jagħmlu l-ħamrija unika flimkien mal-klima huma: is-sawra ta’ trab ġulġlieni tafli u taflija, livelli ta’ tafal ta’ aktar minn 30 %, pH > 8,3, ġir attiv > 20 %, u livelli ta’ materja organika ta’ bejn 1 % u 2 %. Dawn il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi, flimkien ma’ bosta proprjetajiet oħrajn, jiddeterminaw il-kwalità, l-ebusija, il-ħajja fuq l-ixkaffa u t-togħma, fi ftit kliem, il-karatteristiċi uniċi ta’ ħawħa b’DNA ġeografiku.
Ma hemmx kwalità fiżika, kimika jew relatata mal-ħamrija waħda li tiddetermina l-karatteristiċi intrinsiċi tal-“Melocotón de Cieza”. Din il-frotta tirriżulta mit-taħlita armonjuża ta’ bosta fatturi. Dawk relatati mal-ħamrija għandhom importanza speċifika partikolari.
Karatteristika taż-żona Cieza, li tiddistingwiha minn żoni oħrajn, hija li l-metodu ta’ traqqigħ kemm għaż-żahra kif ukoll għall-frotta huwa kompletament artiġjanali, żahra wara żahra. Dan ivarja minn żoni oħrajn ta’ Spanja li fihom il-ħaddiema tal-agrikoltura jużaw magni tat-traqqigħ biex ineħħu ż-żahar żejjed minn kull fergħa.
L-użu tal-metodu tradizzjonali jirriżulta f’għażla aħjar ta’ żahar, li jfisser frott ta’ kwalità aħjar.
Fir-rigward tal-aspetti storiċi, hemm evidenza ta’ ħawħ fi Cieza fit-tielet seklu WK fix-xelters tal-ġebel ta’ La Serreta u, fi stadju aktar tard, f’xi wħud mill-bjar nexfin tad-djar f’Siyâsa, l-insedjament fortifikat tal-Andalusija li jinsab fuq ix-xaqlibiet ta’ Monte del Castillo, li ġie abbandunat matul is-seklu tlettax. Instabu wkoll fdalijiet taż-żrieragħ tal-ħawħ, li jipprovdulna evidenza tal-prattiki agrikoli fl-imsaġar tal-frott ta’ Cieza ta’ dak iż-żmien.
Meta wieħed iħares lejn l-istorja tal-abitanti ta’ Cieza fi żmien il-qedem, il-kulturi kollha kienu marbuta b’xi mod mal-agrikoltura, u l-ħawħ kellu rwol ewlieni.
Fl-era moderna, l-iżvilupp industrijali taż-żona huwa marbut mal-produzzjoni sinifikanti tal-ħawħ. Is-settur tal-mili f’laned kien wieħed mill-ixprunaturi ewlenin taż-żieda u tal-espansjoni tal-kultivazzjoni tal-ħawħ madwar iż-żona ta’ Cieza.
Fi Cieza, hemm 8 448 ettaru ta’ art kultivata soġġetta għat-tisqija. Minn dawn, 5 861 ettaru, madwar 70 %, huma ddedikati għas-siġar tal-ħawħ (data tal-2016 miċ-Ċentru Reġjonali għall-Istatistika ta’ Murcia (CREM, Centro Regional de Estadística de Murcia)). Dawn iċ-ċifri jfissru li Cieza hija l-muniċipalità bl-aktar produzzjoni ta’ ħawħ fl-Ewropa, b’aktar minn 180 miljun kilogramma fis-sena.
Il-prodott “Melocotón de Cieza” għandu rabta kruċjali mal-ambjent soċjali tal-muniċipalità peress li aktar minn 10 000 individwu bażikament jaqilgħu l-għajxien minn attivitajiet relatati ma’ din il-frotta. Dan ifisser li l-impatt lokali, reġjonali u nazzjonali ta’ kwalunkwe ħaġa relatata mal-“Melocotón de Cieza” huwa riflessjoni tar-reputazzjoni tal-prodott li għandha l-għeruq tagħha fil-kultura lokali. Dan jista’ jidher mid-diversi ċelebrazzjonijiet assoċjati mal-“Melocotón de Cieza”, bħall-Konferenza tal-“Melocotón de Cieza” u, lura għas-snin 80, il-festival tal-ħawħ “Fiesta del Melocotón”. Avvenimenti oħrajn jinkludu l-konferenza nazzjonali tal-frott tal-għadma. Barra minn hekk, il-“Floración de Cieza” hija attività turistika b’reputazzjoni internazzjonali relatata direttament mal-“Melocotón de Cieza”. Il-premju tad-deheb tal-ħawħ tal-“Melocotón de Oro” jingħata kull sena lil individwi jew lil istituzzjonijiet għall-ħidma eċċellenti tagħhom fil-promozzjoni tal-iżvilupp agrikolu fi Cieza. Il-premju jirrikonoxxi l-importanza tal-ħawħ fl-ixprunar tal-ekonomija ta’ Cieza.
Hemm sinjali oħrajn tar-reputazzjoni ta’ dan il-prodott li għandhom l-għeruq tagħhom fil-kultura u fl-istoffa lokali, reġjonali u tabilħaqq dik internazzjonali tiegħu. Eżempji ta’ min isemmihom mill-gastronomija li jużaw il-“Melocotón de Cieza” jinkludu l-Manjar de Cieza [deżerta ta’ Cieza] u l-ispeċjalità tal-Milied Murciatone, flimkien ma’ riċetti oħrajn bħall-granita tal-ħawħ u t-Trenza de “Melocotón de Cieza” [pasta tal-“Melocotón de Cieza”], kif ukoll ħlewwiet bħall-kejk tal-“Melocotón de Cieza”.
Hemm ukoll logħob tradizzjonali ieħor li jinkludi l-“Melocotón Respondón” [“Ħawħa Mqarba”] u referenzi fil-letteratura bħall-ktieb ippubblikat fl-2017 bit-titlu El melocotón en la historia de Cieza [Il-ħawħ fl-istorja ta’ Cieza]. Il-ktieb huwa ġabra ta’ studji dwar l-oriġini tal-agrikoltura, iż-żoni msaqqija, il-kultivazzjoni tas-siġar tal-frott bl-għadma, u l-aktar varjetajiet li jintużaw li ilhom jitħawlu fiż-żona sa minn żmien il-qedem.
Barra minn hekk, il-“Melocotón de Cieza” hija preżenti fl-aktar fieri agrikoli importanti tad-dinja bħall-Fruit Attraction and Fruit Logistic f’Berlin. Din ingħatat il-premju tal-prodotti fl-2021 mill-gazzetta La Verdad.
El melocotón en la historia de Cieza. Ippubblikat mill-Asociación Cultural La Floración de Cieza. Il-ktieb juri r-relazzjoni bejn il-poplu ta’ Cieza u l-ħawħa sa minn żmien il-qedem. Il-fatt li ġie ppubblikat ktieb speċifikament fuq is-suġġett tal-“Melocotón de Cieza” jagħti idea tal-importanza tiegħu.
Ix-xogħol huwa ġabra ta’ studji dwar l-oriġini tal-agrikoltura, iż-żoni msaqqija, il-kultivazzjoni u l-varjetajiet l-aktar rappreżentattivi tal-ħawħ li ilhom jitħawlu fiż-żona sa minn żmien il-qedem.
Barra minn hekk, ikopri l-attivitajiet kollha u l-industriji li żviluppaw fl-isfond tat-tkabbir tal-ħawħ u li kellhom impatt soċjoekonomiku kbir fuq Cieza. Dawn jinkludu l-industrija tal-preservattivi, l-esportazzjoni, il-letteratura, it-tpinġija u t-tisjir.
Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/125/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)