|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2176 |
29.9.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2176
tat-28 ta’ Settembru 2026
b’appoġġ għat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi (UNSGM)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu;
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà;
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni. |
|
(2) |
L-Unjoni qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija tal-UE u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari dawk il-miżuri relatati mat-tisħiħ, l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC). |
|
(3) |
Il-Boxxla Strateġika għall-2022 għas-Sigurtà u d-Difiża tirreferi għat-theddida persistenti tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom u tesprimi l-objettiv tal-Unjoni li ssaħħaħ azzjonijiet konkreti b’appoġġ għall-għanijiet tad-diżarm, tan-nonproliferazzjoni u tal-kontroll tal-armi. |
|
(4) |
Fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE, il-Kunsill adotta, b’appoġġ għall-BTWC, l-Azzjonijiet Konġunti 2006/184/PESK (1) u 2008/858/PESK (2), u d-Deċiżjonijiet 2012/421/PESK (3), (PESK) 2016/51 (4), (PESK) 2019/97 (5), (PESK) 2024/349 (6) u (PESK) 2025/494 (7). Permezz ta’ dawk l-azzjonijiet konġunti u deċiżjonijiet, l-Unjoni kkontribwiet għall-bini ta’ kapaċità multilaterali biex jiġi investigat l-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi. Dak l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jitkompla. |
|
(5) |
Il-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Investigazzjoni tal-Użu Allegat ta’ Armi Kimiċi u Bijoloġiċi (l-“UNSGM”) jirreferi għall-awtorità mogħtija lis-Segretarju Ġenerali tan-NU bir-Riżoluzzjoni A/RES/42/37C tal-Assemblea Ġenerali tan-NU. Dik l-awtorità li twettaq investigazzjoni bi tweġiba għal rapporti li jistgħu jinġiebu għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU minn kwalunkwe Stat Membru tan-NU, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti relatati ma’ allegazzjoni ta’ użu ta’ armi bħal dawn, ġiet affermata mill-ġdid mir-Riżoluzzjoni 620 (1988) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. |
|
(6) |
Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm “Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna”, li ġiet ippreżentata fl-24 ta’ Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU osserva li l-BTWC ma għandhiex korp permanenti uniku bir-responsabbiltà li jwettaq investigazzjonijiet bil-għan li jiddetermina jekk ikunux intużaw armi bijoloġiċi bi ksur tal-BTWC. Għalhekk, l-Aġenda għad-Diżarm tistabbilixxi azzjonijiet li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ qafas li jiżgura rispons internazzjonali kkoordinat għall-użu ta’ armi bijoloġiċi u li jistabbilixxu kapaċità ewlenija permanenti ta’ koordinazzjoni biex jitwettqu investigazzjonijiet indipendenti tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi. |
|
(7) |
F’dan l-isfond u fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE, il-Kunsill adotta wkoll id-Deċiżjoni (PESK) 2020/732 (8) b’appoġġ għall-UNSGM bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kapaċità multilaterali għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva, l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-Boxxla Strateġika dwar is-Sigurtà u d-Difiża, l-Unjoni għandha tagħti aktar appoġġ lill-attivitajiet tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) permezz ta’ azzjoni operazzjonali b’appoġġ għat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Investigazzjoni tal-Użu Allegat ta’ Armi Kimiċi u Bijoloġiċi (UNSGM).
2. Din id-Deċiżjoni hija ggwidata mill-prinċipji li ġejjin:
|
(a) |
bażi fuq it-tagħlimiet meħuda u l-esperjenza miksuba u l-integrazzjoni tagħhom permezz tad-Deċiżjonijiet 2012/421/PESK, (PESK) 2016/51, u (PESK) 2020/732; |
|
(b) |
il-massimizzazzjoni tal-komplementarjetà u s-sinerġiji fost il-programmi u l-proġetti tal-UNODA appoġġati mill-Unjoni, inkluż dawk relatati mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC) u r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; |
|
(c) |
il-prijoritizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ elementi ewlenin tal-Miżuri Preparatorji Permanenti li huma essenzjali għaż-żamma u t-tisħiħ tat-tħejjija operazzjonali u l-funzjonament effettiv tal-UNSGM; |
|
(d) |
l-iżgurar ta’ parteċipazzjoni sinifikanti u sostnuta ta’ Esperti Kwalifikati, Konsulenti Esperti, u Laboratorji Analitiċi min-Nofsinhar Globali fl-inizjattivi u l-attivitajiet rilevanti kollha; |
|
(e) |
it-tisħiħ tas-sħubijiet strateġiċi mal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jissaħħu l-koerenza, il-koordinazzjoni u l-kapaċitajiet kollettivi. |
3. L-objettiv ġenerali tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 huwa li tissaħħaħ il-kapaċità globali għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi u tossiniċi billi tissaħħaħ il-preparatezza operazzjonali tal-UNSGM, u b’hekk tikkontribwixxi għal arkitettura internazzjonali aktar effettiva li tkun kapaċi tiskoraġġixxi l-użu ta’ armi bijoloġiċi u tirrispondi għal ksur potenzjali tal-Protokoll ta’ Ġinevra tal-1925.
4. L-objettivi speċifiċi tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu li:
|
(a) |
issaħħaħ il-kompetenzi tal-esperti u l-interoperabbiltà għal investigazzjonijiet effettivi; |
|
(b) |
tarmonizza l-arranġamenti ta’ validazzjoni u kollaborazzjoni mal-UNSGM għal-laboratorji analitiċi; |
|
(c) |
issaħħaħ l-appoġġ tal-loġistika u t-tagħmir għall-investigazzjonijiet u t-taħriġ; |
|
(d) |
issaħħaħ l-azzjoni kollaborattiva permezz ta’ sensibilizzazzjoni u koordinazzjoni strateġiċi. |
5. Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi fdata lill-UNODA. Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkun ta’ EUR 800 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata b’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-UNODA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni adatta għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.
Artikolu 4
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1). Il-UNODA għandha tirrapportalill-Kunsill kull sitt xhur.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perjodu.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/PESK tas-27 ta’ Frar 2006 b’appoġġ għall-Konvenzjoni tal-Armi Bioloġiċi u Tossiċi, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/184/oj).
(2) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/858/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 302, 13.11.2008, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/858/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/421/PESK tat-23 ta’ Lulju 2012 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 61, ELI: http://data. europa.eu/eli/dec/2012/421/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/51 tat-18 ta’ Jannar 2016 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 50, ELI: http://data. europa.eu/eli/dec/2016/51/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/97 tal-21 ta’ Jannar 2019 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 19, 22.1.2019, p. 11, ELI: http://data. europa.eu/eli/dec/2019/97/oj).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/349 tas-16 ta’ Jannar 2024 b’appoġġ tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (ĠU L, 2024/349, 17.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/349/oj).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/494 tal-11 ta’ Marzu 2025 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi, il-programm intersessjonali tagħha u t-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta’ Reviżjoni tagħha (ĠU L, 2025/494, 12.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/494/oj).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/732 tat-2 ta’ Ġunju 2020 b’appoġġ għall-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi jew ta’ tossina (ĠU L 172 I, 3.6.2020, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/732/oj).
ANNESS
DOKUMENT TA' PROĠETT
Kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għat-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Investigazzjoni tal-Użu Allegat ta' Armi Kimiċi u Bijoloġiċi (UNSGM)
I. SFOND
Stabbilit skont ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali A/42/37 C (1987), il-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Investigazzjoni tal-Użu Allegat ta' Armi Kimiċi u Bijoloġiċi (UNSGM) għandu l-mandat li jinvestiga minnufih allegazzjonijiet tal-użu possibbli ta' armi kimiċi, batterjoloġiċi (bijoloġiċi), u tossiniċi b'reazzjoni għar-rapporti ppreżentati minn kwalunkwe Stat Membru, fejn tali allegazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Protokoll ta' Ġinevra tal-1925 jew regoli rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Dan il-mandat reġa' ġie affermat bir-riżoluzzjoni 620 (1988) tal-Kunsill tas-Sigurtà. L-UNSGM jibqa' l-uniku mekkaniżmu internazzjonali indipendenti u bbażat fuq ix-xjenza għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta' armi bijoloġiċi u tossiniċi.
L-UNSGM huwa magħmul minn Esperti Kwalifikati, Konsulenti Esperti, u Laboratorji Analitiċi nnominati mill-Istati Membri, li jistgħu jintalbu fi żmien qasir jappoġġaw investigazzjoni tan-NU dwar l-użu allegat ta' armi bijoloġiċi. Dawn il-komponenti jsaħħu lil xulxin u huma appoġġati mill-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. Din l-istruttura integrata, multi-komponenti, tipprovdi lis-Segretarju Ġenerali bir-riżorsi biex tiskjera rapidament missjoni li tkun kapaċi twettaq investigazzjonijiet bir-reqqa u oġġettivi f'konformità mal-Linji Gwida u l-Proċeduri tal-UNSGM, kif approvati mir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali A/RES/45/57 C (1990).
L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) iservi bħala l-kustodju tal-UNSGM u għandu rwol ċentrali fiż-żamma tal-Miżuri Preparatorji Permanenti deskritti fil-Linji Gwida u l-Proċeduri. Dan jinkludi l-ġestjoni tar-roster ta' Esperti Kwalifikati, Konsulenti Esperti, u Laboratorji Analitiċi; l-iffaċilitar tat-taħriġ u l-eżerċizzji ta' tħejjija, il-koordinazzjoni mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali; u t-tisħiħ tal-arranġamenti amministrattivi, loġistiċi u operazzjonali meħtieġa għal skjerament rapidu, biex b'hekk tiġi żgurata l-koerenza fil-komponenti tal-UNSGM.
Bid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC) fl-1997, l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) assumiet ir-responsabbiltà għall-investigazzjoni tal-użu ta' armi kimiċi, ħlief f'każijiet li jinvolvu Partijiet li mhumiex Stati għas-CWC. Konsegwentement, il-prijorità għall-Miżuri Preparatorji Permanenti tal-UNSGM kienet il-preparatezza għal investigazzjonijiet li jinvolvu armi bijoloġiċi u tossiniċi.
L-UNSGM għandu rwol kritiku fiż-żamma u t-tisħiħ tan-normi globali kontra l-użu ta' armi bijoloġiċi u ż-żamma tal-prontezza operazzjonali tiegħu hija essenzjali, mhux biss biex ikunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet rapidi u kredibbli jekk jinqalgħu allegazzjonijiet, iżda wkoll biex iservi bħala deterrent kontra l-użu ta' armi bijoloġiċi.
II. QAFAS ĠENERALI
L-istrateġija tal-2003 kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM) tal-UE hija allinjata bis-sħiħ mal-objettivi tal-UNSGM, peress li tissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' verifika eżistenti meħtieġa biex ikun żgurat li l-ksur tal-obbligi jkunu jistgħu jinkixfu b'mod aktar effettiv, u biex jiġi skoraġġut in-nuqqas ta' konformità. Skont dan, l-UE pprovdiet appoġġ sostanzjali lill-UNSGM, inkluż permezz ta' proġetti ffinanzjati skont id-Deċiżjonijiet 2012/421/PESK, (PESK) 2016/51 u (PESK) 2020/732. Filwaqt li jibni fuq dan il-pedament, il-proġett għandu l-għan li jkompli jikkonsolida u javvanza l-eżiti miksuba permezz ta' assistenza tal-UE li ngħatat preċedentement.
L-implimentazzjoni tal-proġett ser tkun iggwidata mill-prinċipji li ġejjin:
|
(a) |
li jiġu sfruttati u integrati t-tagħlimiet meħuda u l-esperjenza miksuba permezz tad-Deċiżjonijiet 2012/421/PESK, (PESK) 2016/51 u (PESK) 2020/732. |
|
(b) |
li jiġu massimizzati l-komplementarjetà u s-sinerġiji fost il-programmi u l-proġetti tal-UNODA appoġġati mill-Unjoni, inkluż dawk relatati mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) u r-riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(c) |
li tingħata prijorità lill-implimentazzjoni ta' elementi ewlenin tal-Miżuri Preparatorji Permanenti li huma essenzjali għaż-żamma u t-tisħiħ tal-prontezza operazzjonali u l-funzjonament effettiv tal-UNSGM. |
|
(d) |
li tiġi żgurata parteċipazzjoni sinifikanti u sostnuta ta' Esperti Kwalifikati, Konsulenti Esperti, u Laboratorji Analitiċi min-Nofsinhar Globali fl-inizjattivi u l-attivitajiet rilevanti kollha. |
|
(e) |
li jissaħħu s-sħubijiet strateġiċi mal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jissaħħu l-koerenza, il-koordinazzjoni u l-kapaċitajiet kollettivi. |
III. GĦAN U EŻITI
Għan Ġenerali / Impatt
L-għan ġenerali tal-proġett huwa li tissaħħaħ il-kapaċità globali biex jiġi investigat l-użu allegat ta' armi bijoloġiċi u tossiniċi billi tissaħħaħ it-tħejjija operazzjonali tal-UNSGM, u b'hekk jikkontribwixxi għal arkitettura internazzjonali aktar effettiva li tkun kapaċi tiskoraġġixxi l-użu ta' armi bijoloġiċi u tirrispondi għal ksur potenzjali tal-Protokoll ta' Ġinevra tal-1925.
Eżiti Mistennija
Bħala mekkaniżmu magħmul minn diversi komponenti interdipendenti, l-effettività tal-UNSGM tiddependi fuq it-tisħiħ kontinwu ta' dawn l-elementi u l-kapaċità tagħhom li joperaw b'mod koeżiv bħala struttura investigattiva unifikata. Bit-tisħiħ ta' dawn il-komponenti ewlenin u l-konnessjoni bejniethom, il-proġett għandu l-għan li jiżgura UNSGM koerenti, integrat sew u operazzjonalment robust b'kapaċità li jwettaq investigazzjonijiet rigorużi ibbażati fuq ix-xjenza meta jkun meħtieġ.
L-eżiti mistennija tal-proġett huma dawn li ġejjin:
|
1. |
jissaħħu l-kompetenzi u l-interoperabbiltà tal-Esperti Kwalifikati u dawn jiġu eżerċitati biex jappoġġaw it-twettiq ta' investigazzjonijiet bir-reqqa u effettivi. |
|
2. |
jiġu żviluppati u applikati b'mod konsistenti mil-Laboratorji Analitiċi l-modalitajiet ta' validazzjoni armonizzati għall-valutazzjoni tal-kompetenzi tal-laboratorji, u l-modalitajiet ta' kollaborazzjoni bejn laboratorji u l-UNSGM, . |
|
3. |
jissaħħu l-aċċess għal tagħmir u provvisti għat-taħriġ u l-investigazzjonijiet, kif ukoll il-ġestjoni, u l-iskjerament tagħhom . |
|
4. |
tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati permezz ta' sensibilizzazzjoni strateġika, sħubijiet u koordinazzjoni. |
IV. PROĠETTI, OUTPUTS U ATTIVITAJIET
1. Tisħiħ tal-Kompetenzi tal-Esperti u l-Interoperabbiltà għal Investigazzjonijiet Effettivi
1.1. Għan
Esperti Kwalifikati jwettqu investigazzjonijiet dwar l-użu allegat ta' armi bijoloġiċi jew tossiniċi f'konformità mal-Linji Gwida u l-Proċeduri. Meta jiġu skjerati, huma mistennija jaħdmu b'mod kollaborattiv u japplikaw metodi u proċessi speċifiċi tal-UNSGM biex jiżguraw l-imparzjalità u l-kredibbiltà tal-investigazzjoni, inkluż il-ġbir ta' kampjuni, informazzjoni u evidenza materjali oħra, l-intervistar tax-xhieda, u l-involviment mal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti.
L-Esperti Kwalifikati jiġu nnominati għar-roster tal-UNSGM f'konformità mal-ispeċjalizzazzjonijiet deskritti fil-Linji Gwida u l-Proċeduri, li jkopru dixxiplini bħall-mediċina, il-mediċina veterinarja, is-saħħa tal-pjanti, il-mikrobijoloġija, il-kimika, it-tossikoloġija, u l-epidemjoloġija. Dawn l-oqsma jirriflettu l-firxa teknika meħtieġa biex jiġi investigat l-użu allegat ta' armi bijoloġiċi jew tossiniċi. Minħabba li l-esperti ġejjin minn sistemi nazzjonali differenti, il-livelli ta' prontezza u interoperabbiltà tagħhom jistgħu jvarjaw minħabba differenzi fl-istandards, il-proċeduri u l-esperjenza nazzjonali fl-investigazzjonijiet internazzjonali u l-metodi speċifiċi tal-UNSGM.
Sabiex jiġu indirizzati dawn id-disparitajiet u jiġi żgurat li t-timijiet jistgħu joperaw b'mod koeżiv f'ambjenti kumplessi, l-UNODA jimplimenta kunċett ta' taħriġ għall-preparatezza progressiva immirat lejn l-armonizzazzjoni tal-għarfien espert, l-istandardizzazzjoni tal-kompetenzi ewlenin, u l-istabbiliment ta' linja bażi komuni fost l-esperti kollha li jistgħu jiġu skjerati. Il-kunċett ta' taħriġ huwa implimentat mill-UNODA fi sħubija mal-Istati Membri tan-NU, l-entitajiet tan-NU u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll mal-istituzzjonijiet mhux governattivi speċjalizzati.
1.2. Deskrizzjoni
Il-kunċett ta' taħriġ għall-preparatezza jikkonsisti f'perkors b'diversi livelli:
Livell 1 – Taħriġ Bażiku: Kors fundamentali li jintroduċi l-mandat tal-UNSGM, il-modalitajiet operazzjonali, u r-rekwiżiti tekniċi. Il-parteċipanti jitgħallmu dwar il-qafas globali li jipprojbixxi l-armi bijoloġiċi, l-istruttura u l-funzjonijiet tal-UNSGM, u l-passi involuti fit-tnedija ta' investigazzjoni. Il-moduli prattiċi jkopru l-ippjanar tal-missjonijiet u r-rapportardwarhom, il-ġbir u t-trattament tal-kampjuni u tal-evidenza, id-detezzjoni u l-analiżi in situ, u l-valutazzjoni tar-riskji u s-sikurezza personali.
Livell 2 – Taħriġ fil-Ħiliet: Korsijiet speċjalizzati mfassla għar-rwoli tal-esperti u l-oqsma tekniċi. Il-moduli attwali jinkludu:
|
— |
Dekontaminazzjoni |
|
— |
Ġestjoni tal-Post tad-Delitt Bijoloġiku |
|
— |
L-Intervistar Investigattiv |
|
— |
Il-Kampjunar u t-Trasport ta' Sustanzi Infettivi u Tossiċi |
|
— |
Approċċi ta' Sikurezza u Sigurtà fl-Ambjenti fuq il-Post (SSAFE) |
Livell 2 Avvanzat – Eżerċizzji ta' Simulazzjoni: Eżerċizzji abbażi ta' xenarju li jippermettu lill-esperti japplikaw ħiliet tekniċi u operazzjonali f'kuntesti investigattivi realistiċi. Dawn l-eżerċizzji jippreparaw lill-parteċipanti għal eżerċizzji tal-Livell 3 fuq skala sħiħa u jgħinu fl-assessjar tal-kapaċità tagħhom li joperaw f'kundizzjonijiet varji u ta' sfida.
Livell 3 – Eżerċizzju fuq il-Post fuq Skala Sħiħa (Capstone): Simulazzjoni komprensiva taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja ta' investigazzjoni, imfassla biex tivvaluta l-prontezza kollettiva u l-koerenza operazzjonali tal-mekkaniżmu.
Fl-ambitu tal-proġett, ser jingħataw żewġ korsijiet ta' taħriġ u eżerċizzji ta' simulazzjoni tal-Livell 2 għal total ta' 32 Espert Kwalifikat.
1.3. Riżultati
Il-proġett ser jikkontribwixxi għad-disponibbiltà ta' Esperti Kwalifikati mħarrġa permezz ta' kunċett ta' taħriġ għall-preparatezza f'diversi livelli. Dan ser jiżgura li t-timijiet ta' investigazzjoni jkunu magħmula minn speċjalisti li jikkondividu linja bażi teknika konsistenti, isegwu standards operazzjonali komuni, u jkollhom fehim ċar tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom, li jippermetti lis-Segretarju Ġenerali jiskjera timijiet multidixxiplinari li jkunu kapaċi jwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa.
2. Armonizzazzjoni tal-Arranġamenti ta' Validazzjoni u Kollaborazzjoni għal-Laboratorji Analitiċi
2.1. Għan
Laboratorji Analitiċi nominati lir-roster tal-UNSGM jistgħu jkunu mitluba jwettqu analiżi xjentifika rigoruża tal-kampjuni miġbura mill-Esperti Kwalifikati matul investigazzjoni, japplikaw metodi validati u rekwiżiti stretti rigward il-katina tal-kustodja u l-assigurazzjoni tal-kwalità. Għalhekk iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' validazzjoni u ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni stabbiliti fil-Linji Gwida u l-Proċeduri, inkluż permezz ta' studji ta' kalibrazzjoni interlaboratorji mfassla biex juru l-validità u l-preċiżjoni tal-metodi analitiċi tagħhom. Dawn l-istudji jservu sabiex tiġi vvalutata l-kompetenza individwali tal-laboratorji u sabiex jiġi ddeterminat il-livell kollettiv ta' prontezza u ta' kapaċità ta' detezzjoni u identifikazzjoni tal-ispettru sħiħ ta' aġenti bijoloġiċi u ta' tossini li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul investigazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri ospitanti ta' Laboratorji Analitiċi huma meħtieġa jiżguraw it-trasferiment bla xkiel ta' kampjuni u evidenza oħra, inkluż l-approvazzjoni ta' materjali permezz tal-awtoritajiet nazzjonali, id-dwana, u s-servizzi ta' kwarantina mingħajr dewmien jew kompromess.
Diversi Stati Membri appoġġaw studji interlaboratorji u attivitajiet relatati. B'rispons għal dan, l-UNODA ħadem ma' dawn l-Istati biex jiżgura parteċipazzjoni reġjonali bbilanċjata, inkluż bl-isponsorjar tal-parteċipazzjoni ta' Laboratorji Analitiċi f'eżerċizzji annwali u pjattaformi rilevanti.
Madankollu, bi ftit eċċezzjonijiet, tali inizjattivi interlaboratorji fil-biċċa l-kbira twettqu fuq bażi ad hoc. Barra minn hekk, hemm bżonn ta' modalitajiet operazzjonali ċari u armonizzati bejn l-UNODA u l-Laboratorji Analitiċi nnominati biex jirregolaw l-interazzjoni, il-kollaborazzjoni, u t-trasferiment sigur u bla xkiel ta' kampjuni u evidenza għall-investigazzjonijiet u l-eżerċizzji ta' preparatezza.
Għalhekk il-proġett ifittex li jindirizza dawn il-lakuni bit-tisħiħ tal-koordinazzjoni mal-fornituri tal-assistenza, bis-simplifikazzjoni ta' attivitajiet relatati mal-laboratorju, u bl-integrazzjoni sistematika tagħhom fi sforzi ta' preparatezza usa' tal-UNSGM.
2.2. Deskrizzjoni
L-UNODA ser iwettaq konsultazzjonijiet preliminari ma' Laboratorji Analitiċi, Konsulenti Esperti, Stati Membri, u istituzzjonijiet sħab rilevanti. Dawn il-konsultazzjonijiet ser jinfurmaw l-iżvilupp u l-irfinar tal-abbozzi ta' modalitajiet u proċeduri għall-validazzjoni tal-laboratorji, kif ukoll għall-interazzjoni bejn l-UNSGM u l-Laboratorji Analitiċi.
Għall-iżvilupp ta' modalitajiet ta' validazzjoni armonizzati, inkluż studji ta' kalibrazzjoni interlaboratorji, Eżerċizzji Esterni ta' Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAEs) u ttestjar tal-profiċjenza, il-konsultazzjonijiet preliminari ser jimmappjaw il-prattiki ta' validazzjoni eżistenti, u jesploraw perkorsi fattibbli lejn approċċi konsistenti għall-ippjanar, it-twettiq u r-rieżami ta' eżerċizzji ta' validazzjoni.
Fir-rigward tal-iżvilupp ta' proċeduri strutturati ta' interazzjoni, il-konsultazzjonijiet ser jeżaminaw il-prattiki eżistenti ta' kollaborazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni, il-gwidi volontarji offruti mill-Istati Membri, u r-restrizzjonijiet operazzjonali li jaffettwaw il-moviment sigur tal-kampjuni u tal-evidenza. Dawn il-konsultazzjonijiet ser jinformaw l-abbozzar tal-arranġamenti strutturati u l-proċeduri għat-trasferiment, it-trattament u r-rimi tal-kampjuni.
L-UNODA ser jisfrutta wkoll ir-rwol konsultattiv tal-Konsulenti Esperti billi jidentifika individwi fuq ir-roster tal-UNSGM bil-profili tekniċi meħtieġa biex jappoġġaw il-miżuri ta' preparatezza tal-laboratorji u jipprovdu kontribut speċjalizzat matul il-proċess kollu. Il-konsultazzjonijiet kollha ser isiru b'mod virtwali, ħlief għal laqgħa waħda, li ser issir bi preżenza fiżika.
Fid-dawl tal-ħtieġa għal għarfien espert tekniku speċjalizzat ħafna biex jappoġġa l-implimentazzjoni ta' dan il-kompitu, l-UNODA ser jinvolvi s-servizzi ta' konsulent estern għal perjodu massimu ta' ħames (5) xhur. Il-konsulent ser jappoġġa l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-konsultazzjonijiet; iwettaq rieżami u mmappjar tal-prattiki eżistenti ta' validazzjoni tal-laboratorji, ittestjar tal-profiċjenza u -tal-assigurazzjoni tal-kwalità; janalizza l-informazzjoni miġbura permezz ta' konsultazzjonijiet u riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni; u jipprovdi parir tekniku għall-iżvilupp ta' abbozz ta' modalitajiet u proċeduri għall-validazzjoni tal-laboratorji u l-interazzjoni bejn l-UNSGM u l-laboratorji analitiċi. Il-konsulent ser jassisti wkoll fit-tħejjija ta' dokumenti ta' sfond u rapporti tal-laqgħat, u jikkontribwixxi għall-abbozzar u l-irfinar ta' rakkomandazzjonijiet, dokumenti ta' gwida, u arranġamenti proċedurali relatati mal-preparatezza tal-laboratorji, il-proċeduri ta' trasferiment, trattament u rimi tal-kampjuni, u outputs relatati oħra taħt dan il-kompitu.
Barra minn hekk, l-UNODA ser ikompli jippromwovi u jiżgura parteċipazzjoni wiesgħa u ġeografikament ibbilanċjata f'eżerċizzji u pjattaformi interlaboratorji offruti mill-Istati Membri, inkluż billi joffru sa tmien (8) slots ta' sponsorizzazzjoni biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' Laboratorji Analitiċi f'sessjonijiet ta' ħidma annwali u attivitajiet relatati.
2.3. Riżultati
Permezz tat-tnedija tal-iżvilupp ta' modalitajiet konsistenti għall-ippjanar, it-twettiq u r-rieżami tal-eżerċizzji ta' validazzjoni tal-Laboratorji Analitiċi, kif ukoll arranġamenti strutturati għall-interazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-laboratorji, il-proġett ser jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UNODA li jivverifika u jistabbilixxi l-affidabbiltà, il-preċiżjoni u l-prontezza operazzjonali tal-laboratorji deżinjati. Dawn il-modalitajiet ser jappoġġaw ukoll lil-laboratorji fit-twettiq tal-funzjonijiet assenjati lilhom skont il-Linji Gwida u l-Proċeduri tal-UNSGM b'aktar ċarezza, konsistenza u prevedibbiltà. Il-proġett ser jappoġġa wkoll il-parteċipazzjoni kontinwa tal-Laboratorji Analitiċi minn reġjuni sottorappreżentati f'inizjattivi relatati mmexxija mill-Istati Membri.
3. Tisħiħ tal-Appoġġ fil-qasam tal-loġistika u t-tagħmir għall-Investigazzjonijiet u t-Taħriġ
3.1. Għan
It-tagħmir u l-provvisti huma faċilitaturi essenzjali tal-investigazzjonijiet u l-attivitajiet ta' preparatezza tal-UNSGM, li jippermettu lill-missjonijiet joperaw b'mod sikur, effiċjenti, u f'konformità mal-istandards xjentifiċi u operazzjonali applikabbli. Minħabba li r-rekwiżiti investigattivi jvarjaw bejn il-missjonijiet, it-timijiet irid ikollhom aċċess f'waqtu għal firxa flessibbli u komprensiva ta' tagħmir, materjali konsumabbli, u prodotti għall-protezzjoni personali li jistgħu jiġu skjerati malajr f'ambjenti operazzjonali differenti.
Skont il-Linji Gwida u l-Proċeduri tal-UNSGM, is-Segretarju Ġenerali huwa responsabbli biex jiżgura li r-riżerva kollettiva ta' tagħmir offrut in natura mill-Istati Membri jkun biżżejjed biex jappoġġa kwalunkwe investigazzjoni, u biex jorganizza mezzi alternattivi fejn jeżistu lakuni. Madankollu, fil-preżent, il-UNSGM ma għandux qafas operazzjonali konsolidat li jiddefinixxi kif it-tagħmir, kemm jekk ipprovdut in natura mill-Istati Membri kif ukoll jekk akkwistat mill-UNODA, jinkiseb, jiġi vverifikat, jinħażen, jinżamm, u jintuża, inkluż il-proċeduri, il-flussi tax-xogħol, u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi standardizzati assoċjati. In-nuqqas ta' qafas bħal dan, flimkien man-nuqqas ta' ħażniet essenzjali, affettwa wkoll it-taħriġ u l-eżerċizzji ta' preparatezza, li sal-lum kienu jiddependu fuq provvisti disponibbli mis-sħab tat-taħriġ fuq bażi ad hoc.
Fi proġetti preċedenti, l-UNODA beda konsultazzjonijiet u kollaborazzjoni ma' sħab fil-qasam tat-taħriġ tat-taħriġ, organizzazzjonijiet internazzjonali, u entitajiet interni tan-NU, biex jirrieżamina lista konsolidata ta' tagħmir u provvisti, kif ukoll biex iwettaq immappjar tentattiv tal-arranġamenti għall-akkwist u l-ġestjoni tagħhom. Filwaqt li jibni fuq din il-ħidma inizjali, il-proġett ser jibda l-iżvilupp ta' qafas operazzjonali komprensiv li jirregola l-akkwist u l-ġestjoni kemm ta' kontribuzzjonijiet in natura kif ukoll ta' tagħmir u provvisti garantiti min-NU.
3.2. Deskrizzjoni
L-UNODA ser ikompli l-konsultazzjonijiet mal-Konsulenti Esperti, mat-Task Force Interna tan-NU dwar l-UNSGM, mal-entitajiet rilevanti tan-NU għal-loġistika u l-akkwist, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, u mas-sħab fil-qasam tat-taħriġ biex jitfassal qafas preliminari li jiggwida l-akkwist, il-ġestjoni u l-iskjerament ta' tagħmir u provvisti, inkluż oġġetti offruti in natura mill-Istati Membri. Il-konsultazzjonijiet ser jindirizzaw proċeduri prattiċi għar-reġistrazzjoni u l-verifika tal-kontribuzzjonijiet in natura; il-ġestjoni tal-ħżin u l-manutenzjoni; l-istabbiliment ta' speċifikazzjonijiet tekniċi; u d-definizzjoni tal-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni, l-iskjerament u r-ripatrijazzjoni tat-tagħmir, kif ukoll ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-flussi tax-xogħol assoċjati. Dawn il-konsultazzjonijiet ser jitwettqu b'mod virtwali u fil-marġini ta' fora internazzjonali rilevanti fejn meħtieġ.
L-UNODA ser jimmappja wkoll il-kapaċitajiet disponibbli permezz tal-entitajiet tan-NU responsabbli għall-appoġġ operazzjonali u loġistiku, kif ukoll permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali sħab li esprimew ir-rieda li jipprovdu appoġġ konsultattiv u operazzjonali permezz taċ-ċentri loġistiċi globali tagħhom.
Meta titqies il-ħtieġa għal għarfien espert tekniku speċjalizzat ħafna għall-implimentazzjoni ta' dan il-kompitu, l-UNODA ser jinvolvi s-servizzi ta' konsulent estern għal perjodu massimu ta' erba' (4) xhur. Il-konsulent ser jappoġġa l-ippjanar u t-twettiq tal-konsultazzjonijiet; iwettaq rieżami u mmappjar tal-kapaċitajiet operazzjonali u loġistiċi; u jappoġġa l-iżvilupp u l-irfinar ta' qafas li jirregola r-reġistrazzjoni, il-verifika, il-ħżin, il-manutenzjoni, il-mobilizzazzjoni, l-iskjerament u r-ripatrijazzjoni ta' tagħmir u provvisti, inklużi kontribuzzjonijiet in natura mill-Istati Membri.
3.3. Riżultati
Il-proġett ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-qafas operazzjonali meħtieġ biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UNSGM li jirċievi u jakkwista, jimmaniġġja, u jiskjera tagħmir u provvisti b'appoġġ għall-investigazzjonijiet u l-attivitajiet ta' preparatezza.
4. Tisħiħ tal-Azzjoni Kollaborattiva permezz ta' Sensibilizzazzjoni u Koordinazzjoni Strateġiċi
4.1. Għan
Il-Linji Gwida u l-Proċeduri tal-UNSGM jidentifikaw firxa ta' partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni ta' Miżuri Preparatorji Permanenti u missjonijiet ta' investigazzjoni. Dawn jinkludu l-Istati Membri li jinnominaw esperti u laboratorji analitiċi u jipprovdu appoġġ tekniku u operazzjonali; Konsulenti Esperti li jipprovdu appoġġ tekniku u konsultattiv lis-Segretarju Ġenerali; u organizzazzjonijiet internazzjonali li jikkontribwixxu għarfien espert speċjalizzat u assistenza operazzjonali fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom.
F'dawn l-aħħar snin, sforzi sostnuti ta' sensibilizzazzjoni mill-UNODA saħħew ir-rappreżentanza min-Nofsinhar Globali fi ħdan il-UNSGM, b'mod partikolari mill-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew, u r-reġjun Asja-Paċifiku. B'riżultat ta' dan, ir-rappreżentanza minn dawn ir-reġjuni fuq ir-roster tal-UNSGM żdiedet b'mod sinifikanti, u tejbet il-bilanċ ġeografiku u wessgħet id-diversità tal-għarfien espert.
L-UNODA espanda l-involviment tiegħu ma' entitajiet governattivi u mhux governattivi biex jappoġġa t-tisħiħ kontinwu tal-aspetti kollha tal-Miżuri Preparatorji Permanenti bl-użu ta' għarfien u esperjenza diversi biex jidentifika kwistjonijiet emerġenti u l-aħjar prattiki rilevanti għall-UNSGM.
It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ma' dawn il-partijiet ikkonċernati u fosthom jibqa' essenzjali biex jiġu sfruttati bis-sħiħ l-għarfien espert u r-riżorsi disponibbli, tiġi żgurata azzjoni koerenti u komplementari, u jintużaw l-għarfien u l-kapaċitajiet mir-reġjuni kollha.
4.2. Deskrizzjoni
L-UNODA ser jisfrutta fora multilaterali u konferenzi rilevanti biex jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u jorganizza avvenimenti paralleli fejn fattibbli. Dawn il-fora ser jinkludu Laqgħat tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi (BWC), laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma tas-Sħubija Globali Kontra l-Firxa ta' Armi u Materjal ta' Qerda Massiva (GP), u pjattaformi simili.
Permezz ta' dawn l-impenji, l-UNODA ser ifittex li jippromwovi l-UNSGM fost ir-reġjuni sottorappreżentati fir-roster, kif ukoll li jimmobilizza l-appoġġ mill-Istati Membri u l-entitajiet sħab, u li jiżgura li tali appoġġ ikun ikkoordinat, simplifikat u allinjat mal-prijoritajiet identifikati, u b'hekk jottimizza l-użu tar-riżorsi, itejjeb is-sostenibbiltà, u jsaħħaħ is-sħubijiet f'qafas koerenti.
4.3. Riżultati
Il-proġett huwa mistenni jsaħħaħ l-appoġġ tekniku u operazzjonali għall-UNSGM billi jespandi r-rappreżentanza reġjonali, iwessa' d-diversità tal-għarfien espert fil-Mekkaniżmu, u jsaħħaħ b'mod attiv il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u bejniethom.
V. PERSUNAL
L-implimentazzjoni tal-proġett ser teħtieġ persunal sostnut u ddedikat fi ħdan UNODA biex jiżgura kunsinna f'waqtha, effiċjenti u ta' kwalità għolja fl-attivitajiet kollha. It-Tim ta' Appoġġ tal-UNSGM bħalissa jinkludi tliet pożizzjonijiet ekstrabaġitarji b'terminu fiss ibbażati fi New York: Uffiċjal Għoli għall-Affarijiet Politiċi (P-5), Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi (P-3), u Assistent tal-Programm (G-6). Dawn il-pożizzjonijiet bħalissa huma ffinanzjati permezz ta' kontribuzzjoni volontarja minn Stat Membru sa tmiem l-2027. It-Tim huma kkomplementat b'pożizzjoni ta' Baġit Regolari li hi parzjalment dedikata lill-funzjonijiet relatati mal-UNSGM.
Minħabba l-ambitu wiesa' tal-proġett propost u r-rekwiżiti usa' tal-prontezza operazzjonali tal-UNSGM, l-UNODA jirrikonoxxi l-ħtieġa għal kapaċità akbar lil hinn mil-livelli attwali ta' persunal. Madankollu, il-proposta tipprevedi ż-żamma ta' tnejn mit-tliet pożizzjonijiet ekstrabaġitarji eżistenti matul il-perjodu tal-proġett, bl-UE tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-persunal għal 12-il xahar, minn Jannar sa Diċembru 2028. Dawn il-pożizzjonijiet huma l-Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi (P-3) u Assistent tal-Programm (G-6).
Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal għarfien espert tekniku speċjalizzat ħafna meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-komponenti tal-proġett, l-UNODA ser jaħdem ma' konsulenti esterni għal assenjazzjoni sostantiva speċifika għal żmien limitat, skont kif meħtieġ.
VI. RAPPORTAR
L-UNODA ser jippreżenta rapporti ta' progress annwali dwar l-implimentazzjoni tal-proġett.
VII. DURATA
Id-durata totali stmata għall-implimentazzjoni tal-proġett ser tkun ta' 36 xahar.
VIII. VIŻIBBILTÀ
L-UNODA ser jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippubbliċizza li l-proġett huwa ffinanzjat mill-UE. L-azzjonijiet kollha ta' viżibbiltà ser jiġu implimentati f'konformità mal-Manwal ta' Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata rappreżentazzjoni preċiża tal-appoġġ tal-Unjoni u konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta' markar korporattiv, l-użu ta' emblema, u rikonoxximent.
Il-kontribut tal-UE ser jiġi enfasizzat b'mod ċar fil-pubblikazzjonijiet, fil-preżentazzjonijiet u fil-prodotti ta' informazzjoni pubbliċi rilevanti kollha prodotti fil-qafas tal-proġett. L-UNODA ser jintegra wkoll il-viżibbiltà tal-UE fil-kanali ta' komunikazzjoni usa' tiegħu. Dan jinkludi r-rikonoxximent proattiv tal-appoġġ tal-UE f'dikjarazzjonijiet uffiċjali, dokumenti ta' ħidma, u rimarki pubbliċi mogħtija matul attivitajiet relatati mal-proġett. L-appoġġ tal-UE ser ikompli jidher fil-bullettin biannwali tal-UNSGM, fuq is-sit web tal-UNODA, u fil-pjattaformi tal-media soċjali kollha tal-UNODA, filwaqt li jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali jkunu infurmati b'mod konsistenti dwar ir-rwol tal-Unjoni fit-tisħiħ tal-UNSGM.
IX. BENEFIĊJARJI
Il-benefiċjarju primarju tal-proġett huwa l-UNSGM, li ser jikseb tħejjija operazzjonali mtejba u kapaċitajiet imsaħħa fil-komponenti ewlenin tiegħu, inkluż Esperti Kwalifikati, Konsulenti Esperti, u Laboratorji Analitiċi. L-Istati Membri tan-NU jibbenefikaw ukoll b'mod sostanzjali, hekk kif il-proġett jappoġġa l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-UNSGM permezz tan-nomina ta' esperti, laboratorji, u kontribuzzjonijiet oħra in natura, u jiżgura li dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu integrati f'arkitettura investigattiva globali koerenti. B'dan il-mod, il-proġett isaħħaħ kemm l-UNSGM fl-intier tiegħu u kif ukoll l-Istati Membri li jiddependu fuq il-funzjonament effettiv tiegħu u jikkontribwixxu b'mod attiv għalih.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2176/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)