5.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 146/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Mejju 2008

dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri għall-ġlieda kontra l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer f’Ċipru fl-2007

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1974)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(2008/414/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) u 11(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-2007 kien hemm tfaqqigħat tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer f’Ċipru. Il-feġġ ta’ din il-marda jirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità.

(2)

Għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda u biex tingħata għajnuna għall-eradikazzjoni tagħha kemm jista’ jkun malajr, il-Komunità għandha tikkontribwixxi fin-nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istat Membru skond il-miżuri li ttieħdu fil-ġlieda kontra l-marda, kif inhu previst fid-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(3)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri għall-qerda tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer huwa soġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju ta’ miżuri u tal-kampanja għall-qerda ta’ ċertu mard ta’ l-annimali skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2).

(4)

Fis-7 ta’ Jannar 2008, Ċipru ppreżenta stima approssimattiva finali ta’ l-ispejjeż li ġġarrbu biex ittieħdu l-miżuri għall-qerda tal-marda.

(5)

L-awtoritajiet Ċiprijoti ssodisfaw bis-sħiħ l-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħhom kif stipulati fl-Artikolu 11 (2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(6)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandu jkun soġġett għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati jkunu fil-fatt implimentati u li l-awtoritajiet jipprovdu t-tagħrif kollu meħtieġ fiż-żmien stipulat.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità

1.   Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lil Ċipru għall-ispejjeż imġarrba minn dak l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(4) taħt a) i) sa a) iv) u b) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE għall-ġlieda kontra l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fl-2007.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għandha tirrappreżenta 60 % tan-nefqa eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju kif imsemmi fil-paragrafu 1. Din għandha titħallas skond il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 349/2005.

Artikolu 2

Arranġamenti għall-ħlas

L-ewwel porzjon, ta’ EUR 185 000, għandu jitħallas bħala parti mill-kontribuzzzjoni finanzjarja tal-Komunità stipulata fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)   ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.