22.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ April 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2000/745/KE li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċedimenti tal-antidumping u kontra s-sussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja u r-Repubblika tal-Korea, it-Tajwan u t-Tajlandja

(2013/223/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku tal-antidumping”), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   MIŻURI EŻISTENTI

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 (2) u wara analiżi tal-iskadenza u analiżi parzjali interim, il-Kunsill impona dazju definittiv tal-antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċertu polietilentereftalat (“PET”) li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malażja, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tajlandja u t-Tajwan. Il-miżuri kienu oriġinarjament ġew imposti f’Awwissu tal-2000 (3). Attwalment il-miżuri huma soġġetti għal analiżi oħra tal-iskadenza (4).

(2)

Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2000/745/KE (5) (“id-Deċiżjoni”) aċċettat impenn fuq il-prezz (“l-impenn”), fost l-oħrajn mill-kumpanija Indoneżjana P.T. Polypet Karyapersada (“Polypet”). Wara s-sejbiet u l-konklużjonijiet relatati ma’ analiżi ta’ “esportatur ġdid” (6), il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2002/232/KE (7) li temenda d-Deċiżjoni 2000/745/KE, aċċettat impenn mill-kumpanija Indjana Futura Polyesters Limited (“Futura”).

B.   OBBLIGI LI JOĦORĠU MILL-IMPENN

(3)

Wieħed mill-obbligi fundamentali li jirriżultaw minn impenn huwa r-rappurtar kull tliet xhur tal-bejgħ, li jippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-impenn b’mod effettiv. L-obbligu tal-monitoraġġ ikopri wkoll sitwazzjoni fejn ma jsirx bejgħ matul tliet xhur partikolari (l-hekk imsejjaħ rapport ta’ “bla bejgħ”).

(4)

Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni immedjatament dwar kwalunkwe bidla fl-istruttura korporattiva tal-kumpanija li tista’ jsseħħ matul l-applikazzjoni tal-impenn.

(5)

Id-dispożizzjonijiet tal-impenn jistipulaw li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet jitqiesu bħala ksur tal-impenn. Deċiżjoni reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (8) kkonfermat ukoll li l-obbligi tar-rappurtar għandhom jitqiesu bħala obbligi primarji għat-tħaddim sewwa tal-impenn.

C.   KSUR TAL-IMPENN

(6)

Il-kumpanija Polypet ma bagħtitx rapport tal-bejgħ fir-rigward tat-tielet tliet xhur tal-2012, minkejja t-tfakkiriet ripetittivi. Barra minn dan, għall-kontrarju tad-dispożizzjonijiet tal-impenn li kkommettiet ruħha għalih il-kumpanija. Polypet ma informatx lill-Kummissjoni immedjatament li l-assi tagħha nbiegħu lil kumpanija Indoneżjana oħra f’Awwissu 2012. Ma wasal l-ebda rapport fir-rigward tar-raba’ tliet xhur tal-2012.

(7)

Il-kumpanija Futura ma bagħtet l-ebda rapport għat-tielet u r-raba’ tliet xhur tal-2012, minkejja t-tfakkiret ripetittivi.

(8)

Dawn in-nuqqasijiet fil-preżentazzjoni u n-notifiki dwar il-bidla fl-istruttura tal-kumpanija jikkwalifikaw bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni kontinwu, u b’hekk ksur tad-dispożizzjonijiet tal-impenji. Dan jiġġustifika l-irtirar taż-żewġ impenji.

D.   SOTTOMISSJONIJIET BIL-MIKTUB

(9)

Iż-żewġ kumpaniji ngħataw l-opportunità li jinstemgħu u jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub. Ma waslet l-ebda sottomissjoni mingħand il-kumpaniji

E.   EMENDA TAD-DEĊIŻJONI 2000/745/KE

(10)

Għalhekk, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku tal-antidumping kif ukoll skont il-klawżoli rilevanti tal-impenji li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tirtira l-impenn, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aċċettazzjoni tal-impenji offruti mill-kumpaniji Polypet u Futura għandha tiġi rtirata u li d-Deċiżjoni 2000/745/KE kif emendata mid-Deċiżjoni 2002/232/KE għandha tiġi emendata. Għaldaqstant, id-dazju definittiv tal-antidumping impost permezz tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 192/2007 għandu japplika awtomatikament għall-importazzjonijiet ta’ PET manifatturat mill-kumpaniji Polypet u Futura (kodiċi addizzjonali TARIC A193 għal Polypet u kodiċi addizzjonali TARIC A184 għal Futura),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-aċċettazzjoni tal-impenji fir-rigward tal-kumpaniji P.T.Polypet Karyapersada, l-Indoneżja (kodiċi addizzjonali TARIC A193) u Futura Polyesters Limited, l-Indja (kodiċi addizzjonali TARIC A184) qiegħda b’dan tiġi rtirata.

Artikolu 2

It-tabella tal-Artikolu 1 fid-Deċiżjoni 2000/745/KE qed tinbidel bit-tabella li ġejja:

“Pajjiż

Kumpaniji

Kodiċi TARIC addizzjonali

L-Indja

Reliance Industries Limited

A181

L-Indja

Pearl Engineering Polymers Limited

A182

L-Indja

Dhunseri Petrochem & Tea Limited

A585 ”

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 59,27.2.2007, p. 1.

(3)   ĠU L 199, 5.8.2000, p. 48.

(4)   ĠU C 55, 24.2.2012, p. 4.

(5)   ĠU L 301, 30.11.2000, p. 88.

(6)   ĠU L 78, 21.3.2002, p. 4.

(7)   ĠU L 78, 21.3.2002, p. 12, ĠU C 116, 15.5.2003, p. 2.

(8)  Kawża C-552/10 P, http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?text=&docid=130244&pageIndex=0&doclang=en&mode=req&dir=&occ=first&part=1&cid=825501