|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2231 |
2.10.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2231
tal-1 ta’ Ottubru 2026
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa lit-Task Force Medika tal-Balkani
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
It-Task Force Medika tal-Balkani (BMTF) ġiet stabbilita bħala inizjattiva reġjonali li tlaqqa’ flimkien sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, jiġifieri l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u s-Slovenja, bil-għan li tipprovdi rispons rapidu u effettiv għal pajjiżi jew reġjuni milquta minn diżastri billi tuża l-kapaċitajiet mediċi militari eżistenti tan-nazzjonijiet parteċipanti. Kull wieħed min-nazzjonijiet parteċipanti jassumi r-rwol ta’ “Nazzjon Qafas” fuq bażi ta’ rotazzjoni ta’ sentejn. Is-Serbja tkopri dan ir-rwol għall-perjodu ta’ Ġunju 2024 sa Ġunju 2026 u l-Maċedonja ta’ Fuq ser tieħu r-rwol f’idejha għall-perjodu li jmiss. Fit-tieni nofs tal-2021, il-BMTF introduċiet regoli interni ġodda li jippermettu skjerament aktar fit-tul b’appoġġ għal missjonijiet u operazzjonijiet, inkluż bħala parti mill-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) barra l-Balkani tal-Punent. |
|
(3) |
Billi tistabbilixxi miżura ta’ assistenza biex tgħammar l-unitajiet mediċi tal-forzi armati mhux tal-UE li jipparteċipaw fil-BMTF bit-tagħmir u l-materjal meħtieġa, l-Unjoni ssaħħaħ il-kapaċitajiet mediċi militari tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent involuti u ssaħħaħ unità medika militari multinazzjonali li potenzjalment tista’ tappoġġa l-operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-UE jew l-aspetti militari tal-operazzjonijiet ta’ paċi lil hinn mir-reġjun u tikseb il-miri tal-kapaċità tan-NATO u tas-Sħubija għall-Paċi. |
|
(4) |
Miżura ta’ assistenza ssaħħaħ ukoll il-kapaċità tal-Balkani tal-Punent li jirrispondu għal kriżijiet u ssaħħaħ ir-reżiljenza tar-reġjun u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali u tippermetti lill-pajjiżi fir-reġjun jipproteġu aħjar il-popolazzjonijiet tagħhom. Tista’ tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni u l-koeżjoni reġjonali u tippromwovi relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat fil-Balkani tal-Punent. |
|
(5) |
Fit-30 ta’ April 2026, permezz ta’ ittra indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), Rappreżentanti tal-BMTF talbu lill-Unjoni tappoġġa lill-BMTF fl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-unitajiet mediċi tagħha. |
|
(6) |
F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-EPF, miżura ta’ assistenza tagħti s-setgħa lill-BMTF u lin-nazzjonijiet parteċipanti tagħha li mhumiex fl-UE biex jirrispondu b’mod awtonomu għall-kriżijiet. Billi tlaqqa’ flimkien ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, miżura ta’ assistenza tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet aktar ġenerali tal-PESK u tal-PSDK fir-reġjun, bħall-promozzjoni tal-kooperazzjoni u d-djalogu reġjonali. |
|
(7) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b’mod partikolari b’rispett tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(8) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. B’dan hija stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tat-Task Force Medika tal-Balkani (BMTF) u n-nazzjonijiet parteċipanti mhux tal-UE, jiġifieri l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja, (il- “benefiċjarji”) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta assistenza”).
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fis-sigurtà u d-difiża, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali; |
|
(b) |
li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-sigurtà u d-difiża tal-BMTF u n-nazzjonijiet parteċipanti tagħha mhux tal-UE, u b’dan il-mod għat-tisħiħ tas-sigurtà, ir-reżiljenza u l-istabbiltà ġenerali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u għall-protezzjoni aħjar tal-popolazzjoni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi. |
3. Biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li mhumiex imfassla biex iwasslu forza letali li ġejjin:
|
(a) |
sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni; |
|
(b) |
vetturi mediċi militari; |
|
(c) |
tagħmir ta’ sptar fuq il-post. |
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku u ta’ manutenzjoni, fejn meħtieġ.
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 42 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 10 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarji
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji ma’ kull wieħed mill-benefiċjarji biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni, bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lil kull benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-BMTF appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu adegwat u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li kwalunkwe assi pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfux jew ma jiġux ttrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarji jinstabu li jkunu kisru l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq minn ITF Enhancing Human Security (ITF) u l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarji mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ dan il-ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet BMTF appoġġati mill-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati EPF tal-kunsinna għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarji jridu jirrapportaw kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn fuq talba, il-benefiċjarji għandhom jagħtu aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali malli titlesta l-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk din tkunx ikkontribwiet biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rapportar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa, f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta’ Ottubru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
J. O’CALLAGHAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2231/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)