SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
6 ta’ Frar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi – Artikolu 3(5) – Obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li t-terminu għall-ħlas stabbilit f’kuntratt konkluż bejn impriżi ma jaqbiżx is‑60 jum kalendarju – Possibbiltà, għall-partijiet kontraenti, li jistabbilixxu termini ta’ ħlas itwal – Kundizzjoni dwar l-istipulazzjoni espressa b’kuntratt ta’ tali terminu – Kundizzjoni dwar l-assenza ta’ inġustizzja manifesta fil-konfront tal-kreditur – Kundizzjonijiet kumulattivi – Kuntratti li l-klawżoli tagħhom huma ddefiniti esklużivament minn waħda mill-partijiet – Klawżola kuntrattwali li permezz tagħha d-debitur jistabbilixxi unilateralment terminu ta’ ħlas ta’ 120 jum – Illegalità”
Fil-Kawża C‑677/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura
Przedsiębiorstwo Produkcyjno – Handlowo – Usługowe A.
vs
P. S.A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, N. Jääskinen, M. Gavalec u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal P. S.A., minn J. Janczewski u A. Paniczek, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Przedsiębiorstwo Produkcyjno – Handlowo – Usługowe A. (iktar ’il quddiem “A.”) u P. S.A. dwar il-legalità ta’ klawżola kuntrattwali li permezz tagħha din tal-aħħar iffissat unilateralment terminu għall-ħlas ta’ 120 jum kalendarju applikabbli għall-fatturi relatati mal-kuntratti konklużi ma’ A. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2011/7
|
3 |
Il-premessi 12, 13 u 28 tad-Direttiva 2011/7 jipprovdu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu: “L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju].” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 3 u 5 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:
[…] 3. Fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:
[…] 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jaqbiżx is-60 jum kalendarju, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7.” |
|
7 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, […] jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur. Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi: […]
[…]” |
Id‑Direttiva 2014/25/UE
|
8 |
Skont l-Artikolu 3(1) u (4) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU 2023, 2023/90064): “1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘awtoritajiet kontraenti’ tfisser awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika, l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati mil-liġi pubblika. […] 4. ‘Korpi rregolati mil-liġi pubblika’ tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:
|
Id‑dritt Pollakk
|
9 |
Skont l-Artikolu 7 tal-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi Intiża sabiex Tiġġieled id-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali) tat‑8 ta’ Marzu 2013, (Dz. U. tal‑2013, Pożizzjoni 403), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013”): “1. Fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, bl-eċċezzjoni ta’ tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom id-debitur ikun entità pubblika, il-kreditur għandu d-dritt li jikseb, mingħajr intimazzjoni, l-interessi legali relatati mad-dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu fuq interessi ogħla, għall-perijodu dekorribbli mill-jum li fih il-ħlas isir dovut sal-jum tal-ħlas, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti kumulattivament:
2. It-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jistax jaqbeż 60 jum mid-data tal-għoti lid-debitur tal-fattura jew tan-nota li tikkonferma l-kunsinna tal-oġġett jew il-provvista tas-servizz, sakemm ma jkunx espressament stipulat mod ieħor fil-kuntratt mill-partijiet u sakemm din l-istipulazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi inġustizzja manifesta fil-konfront tal-kreditur. 3. Meta t-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ikun itwal minn 60 jum mid-data tal-għoti lid-debitur tal-fattura jew tan-nota li tikkonferma l-kunsinna tal-oġġett jew il-provvista tas-servizz u l-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tkunx issodisfatta, il-kreditur li jkun wettaq il-provvista tiegħu għandu dritt, mal-iskadenza tat-terminu ta’ 60 jum, għall-interessi msemmija fil-paragrafu 1.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
10 |
P., kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk attiva fil-qasam tal-estrazzjoni u tal-bejgħ ta’ faħam, ikkonkludiet ma’ A., kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk attiva fil-qasam tal-produzzjoni ta’ tagħmir tal-minjieri, diversi kuntratti ta’ provvista ta’ partijiet ta’ magni intiżi għall-estrazzjoni tal-minjieri (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni”). |
|
11 |
Uħud minn dawn il-kuntratti ġew konklużi wara bejgħ bl-irkant organizzat fuq sit internet amministrat minn P. li fih kienu ppubblikati l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Kuntratti oħra ġew konklużi wara proċedura ta’ sejħa għal offerti (pubblika jew le). Fiż-żewġ każijiet, it-termini tal-kuntratt bejn il-partijiet, inkluż it-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum, li jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tal-fattura lil P., ġew iddeterminati unilateralment minn din tal-aħħar. |
|
12 |
B’eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, P. ħallset 354 fattura, f’terminu ta’ bejn 120 u 122 jum mid-data meta rċeviethom. Sussegwentement, A. bagħtitilha nota kontabbli sommarja bl-ammonti li kienet tqis dovuti bħala interessi moratorji u bħala kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż ta’ rkupru. |
|
13 |
Fil‑31 ta’ Diċembru 2021, A. adixxiet lis-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice), il-qorti tar-rinviju, A. b’talba intiża għall-ħlas, minn P., ta’ ammont ta’ 13 702.99 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 3100), flimkien mal-interessi moratorji legali li akkumulaw fil-perijodu ta’ bejn il-preżentata tar-rikors u d-data tal-ħlas, kif ukoll, fl-ammont ta’ somma f’daqqa ta’ PLN 4 473.04 (madwar EUR 975) bħala kumpens tal-ispejjeż tal-irkupru. Għall-perijodu mill-61 jum mid-data tal-għoti tal-fatturi inkwistjoni sad-data tal-ħlas effettiv ta’ dawn il-fatturi, A. ikkalkolat l-interessi moratorji skont l-Artikolu 7(2) tal-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013, li jittrasponi l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 fl-ordinament ġuridiku Pollakk. |
|
14 |
A. issostni, insostenn tat-talba tagħha għal interessi bbażata fuq dan l-artikolu, li t-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum ġie ffissat unilateralment minn P. fil-mudell ta’ kuntratt anness mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ippubblikat fuq is-sit internet tagħha. Dan it-terminu fl-ebda mument ma ġie nnegozjat bejn il-partijiet, iżda jirriżulta mill-pożizzjoni dominanti ta’ P. fir-relazzjoni kuntrattwali. Bl-istess mod, il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti unilateralment minn P., inkluża dik dwar it-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum. A., minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, kienet kostretta tikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni, mingħajr qatt ma rnexxielha tilħaq ftehim ma’ P. b’mod li dan it-terminu jitnaqqas għal 60 jum kalendarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali klawżola kuntrattwali ma tistax titqies li ġiet espressament stipulata mill-partijiet fil-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7. |
|
15 |
Fis‑26 ta’ Jannar 2022, ir-Reġistratur tas-Sąd Rejonowy Katowice Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice) ħarġet ordni ta’ ħlas fil-konfront ta’ P., li tilqa’ t-talba ta’ A. fl-intier tagħha. |
|
16 |
P. opponiet din l-ordni, billi kkontestat il-parti tal-interessi kkalkolata skont l-Artikolu 7 tal-Liġi tat‑8 ta’ Marzu 2013, sa fejn il-fatturi kienu tħallsu fit-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum mid-data tal-għoti tagħhom, kif jirriżulta mill-kuntratti inkwistjoni. Skont P., dan it-terminu ġie aċċettat minn A., li, wara li saret taf bl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u wara li ntgħażlet, ikkonkludiet diversi kuntratti li fihom hija kkonfermat l-imsemmi terminu. L-istess terminu ma jistax ikun ta’ preġudizzju għall-kreditur, peress li dan ikun ċert li se jbigħ is-servizzi tiegħu, li se jirċievi dħul u li se jżomm likwidità. |
|
17 |
Sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk it-terminu għall-ħlas li jeċċedi 60 jum kalendarju mid-data tal-għoti tal-fattura lid-debitur, previst fil-kuntratti inkwistjoni, ġiex stabbilit b’osservanza tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, li tipprovdi li kull terminu ta’ ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju għandu jkun “miftiehem […] b’mod espliċitu fil-kuntratt”. |
|
18 |
Dik il-qorti tirrileva, minn naħa, li l-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni, inkluża dik dwar it-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum, ġew iddeterminati unilateralment minn P. Min-naħa l-oħra, hija tosserva li l-uniku mezz ta’ kontestazzjoni ta’ dawn il-klawżoli, limitat għall-kuntratti inkwistjoni li ġew konklużi wara sejħa għal offerti pubblika, huwa rikors quddiem il-President tal-Krajowa Izba Odwolawcza (il-Bord Nazzjonali tal-Appell, il-Polonja), rikors li A. ma ppreżentax. |
|
19 |
L-imsemmija qorti tqis li l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 ma hijiex issodisfatta meta klawżola li tistabbilixxi terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju tinsab f’kuntratt li l-klawżoli tiegħu huma ddeterminati esklużivament minn waħda mill-partijiet kontraenti. Skont l-istess qorti, għalkemm il-klawżoli ta’ kuntratt jistgħu, bħala regola ġenerali, jiġu ddeterminati minn waħda mill-partijiet, li tifformulahom minn qabel jew tirrikorri għal mudell kuntrattwali, il-parti l-oħra tillimita ruħha li taċċettahom, bħal kuntratt ta’ adeżjoni, dan l-Artikolu 3(5) madankollu jeskludi li terminu għall-ħlas ta’ 120 jum jista’ jiġi stabbilit b’dan il-mod. Peress li tali terminu huwa ta’ natura eċċezzjonali, il-kreditur għandu tal-inqas ikun jaf ir-raġunijiet li għalihom id-debitur jixtieq jistabbilixxih u għandu jkollu l-possibbiltà li jressaq l-argumenti tiegħu stess intiżi sabiex dan it-terminu ma jaqbiżx is‑60 jum kalendarju. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li l-fatt li huwa possibbli li tiġi kkontestata, quddiem awtorità nazzjonali, klawżola li tistabbilixxi terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju f’kuntratt konkluż wara sejħa pubblika għal offerti ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 hija ssodisfatta, sa fejn tali kontestazzjoni twassal għal “deċiżjoni sovrana ta’ entità esterna għall-kuntratt innifsu”, dwar it-terminu ta’ ħlas applikabbli. |
|
21 |
Fl-aħħar nett, din il-qorti tqis li tali interpretazzjoni ta’ din l-ewwel kundizzjoni hija sostnuta mit-tieni kundizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 3(5), li tipprovdi li l-istipulazzjoni kuntrattwali espressa ta’ terminu għall-ħlas li jeċċedi 60 jum kalendarju, b’deroga mir-regola ġenerali li t-terminu massimu għall-ħlas huwa ta’ 60 jum kalendarju, ma għandhiex tikkostitwixxi “inġust għall-aħħar għall-[inġustizzja manifesta fil-konfront tal-]kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7 [ta’ din id-direttiva]”. Skont l-imsemmija qorti, sabiex tkun tista’ twettaq tali evalwazzjoni fir-rigward tal-kuntratti inkwistjoni, is-sitwazzjoni ekonomika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni hija dik tal-kreditur fil-mument tal-konklużjoni tagħhom. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Katowice – Wschód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva [2011/7/UE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni espliċita, min-naħa ta’ impriżi, ta’ terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum [kalendarju] tista’ tikkonċerna biss kuntratti li l-klawżoli tagħhom ma jkunux iddefiniti esklużivament minn waħda mill-partijiet kontraenti?” |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
23 |
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet u mill-partijiet ikkonċernati imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-klassifikazzjoni possibbli ta’ P. bħala “awtorità pubblika”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju, fejn talbitha tikkonferma li din il-kumpannija tikkostitwixxi “[impriża]”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u tippreċiża l-kriterji li wassluha għal din il-klassifikazzjoni, sabiex tiddetermina jekk il-kawża prinċipali taqax effettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet bejn impriżi, u mhux dak tal-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi. |
|
24 |
Fir-risposta tagħha, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2023, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li P. tikkostitwixxi “impriża”, fis-sens ta’ dan il-punt 3 tal-Artikolu 2. |
Fuq id‑domanda preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
|
25 |
Il-Gvern Ġermaniż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li d-deċiżjoni li hija għandha tagħti fil-kawża prinċipali tiddependi mir-risposta għad-domanda preliminari. Skont dan il-gvern, il-qorti tar-rinviju tissuġġetta d-deċiżjoni tagħha mhux biss għall-punt dwar jekk it-terminu għall-ħlas ta’ 120 jum stabbilit fil-kuntratti inkwistjoni ġiex espressament stipulat, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, iżda wkoll jekk tali terminu jikkostitwixxix inġustizzja manifesta fil-konfront tal-kreditur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma tiddeċiedi f’dan ir-rigward u mingħajr ma ssemmi dan il-punt ta’ liġi fid-domanda tagħha. |
|
26 |
Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, hija tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza u l-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Għalhekk, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali talba huwa possibbli biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li tkun saritilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtiku), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 41, kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2024, Inditex, C‑361/22, EU:C:2024:17, punti 28 u 29). |
|
27 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola li tinsab f’kuntratti li hija tikkwalifika bħala li jistgħu jiġu assimilati ma’ kuntratti ta’ adeżjoni, li permezz tagħha d-debitur stabbilixxa unilateralment għal 120 jum it-terminu għall-ħlas tal-fatturi dovuti abbażi ta’ dawn il-kuntratti, minflok is‑60 jum previsti f’din id-dispożizzjoni, tistax tiġi kkwalifikata bħala “miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba ta’ A. intiża għall-ħlas ta’ interessi moratorji għall-ammonti dovuti skont l-imsemmija kuntratti. |
|
28 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
|
29 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tipprekludi klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi terminu ta’ ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju ddeterminat unilateralment mid-debitur. |
|
30 |
Skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jaqbiżx is-60 jum kalendarju, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm dan ma jkunx jikkostitwixxi inġustizzja manifesta fil-konfront tal-kreditur, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. |
|
31 |
Dan l-Artikolu 3(5) jippermetti għalhekk li ssir deroga mit-terminu ta’ ħlas massimu ta’ 60 jum kalendarju li hija tipprevedi, taħt żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Tali terminu għandu, minn naħa, ikun “miftiehem […] b’mod espliċitu fil-kuntratt”. Min-naħa l-oħra, it-terminu hekk stipulat ma jistax jikkostitwixxi “[inġustizzja manifesta fil-konfront tal-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7]” tal-imsemmija direttiva. |
|
32 |
Sa fejn l-imsemmi Artikolu 3(5) jippermetti deroga mit-terminu massimu ta’ ħlas ta’ 60 jum kalendarju stabbilit fil-kuntratt, dan għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna), C‑411/23, EU:C:2024:498, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni kumulattiva, li hija s-suġġett tad-domanda magħmula, peress li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-espressjoni “miftiehem mod ieħor […] fil-kuntratt”, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li dan is-sens u din il-portata għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din l-espressjoni, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni li fiha tinsab l-imsemmija espressjoni, kif ukoll l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni u tal-att tad-dritt tal-Unjoni li hija tagħmel parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva ġlieda kontra d-dewmien fil-ħlas), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27, u tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Provvista ta’ materjal mediku), C‑419/21, EU:C:2022:948, punt 21]. |
|
34 |
Għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk klawżola li tistabbilixxi terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju li tinsab f’kuntratt li l-kontenut tiegħu ġie unilateralment u kompletament iddeterminat mid-debitur tistax tiġi kklassifikata bħala “miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rekwiżit ta’ stipulazzjoni espressa jimplika madankollu li, fid-dawl tad-dokumenti kuntrattwali u tal-klawżoli kollha li jinsabu f’dan il-kuntratt, jista’ jiġi stabbilit li l-partijiet fil-kuntratt esprimew ir-rieda konkordanti tagħhom li jkunu marbuta preċiżament bil-klawżola li tistabbilixxi terminu massimu ta’ ħlas li jidderoga minn dak tas‑60 jum kalendarju previst fl-imsemmija dispożizzjoni. |
|
35 |
L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 jeżiġi għalhekk l-espressjoni ta’ rieda konkordanti ta’ dawn il-partijiet waqt il-konklużjoni tal-kuntratt li tmur lil hinn mis-sempliċi riferiment espress għal tali terminu fi klawżola kuntrattwali, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt li fih tinsab din il-klawżola jikkostitwixxix, kompletament jew parzjalment, kuntratt standard imfassal minn qabel jew ta’ natura simili. |
|
36 |
Tali rekwiżit jista’ jiġi ssodisfatt mhux biss meta tali klawżola tkun ġiet innegozjata individwalment mill-partijiet, iżda wkoll, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ adeżjoni, meta l-klawżola kkonċernata tkun ġiet enfasizzata minn waħda minn dawn il-partijiet fid-dokumenti kuntrattwali b’mod li tiddistingwiha b’mod ċar mill-klawżoli l-oħra tal-kuntratt billi b’hekk tirriżulta n-natura derogatorja tagħha u b’hekk tippermetti lill-parti l-oħra taderixxi magħha b’għarfien sħiħ tal-fatti. |
|
37 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 hija konformi kemm mal-għanijiet ġenerali ta’ din id-direttiva kif ukoll ma’ dak li fuqu hija bbażata, b’mod partikolari, din id-dispożizzjoni. |
|
38 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tagħha, din għandha l-għan li tiġġieled kontra d-dewmien fil-ħlas fi transazzjonijiet kummerċjali u li tistabbilixxi kultura ta’ ħlas rapidu, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi tittejjeb b’hekk il-kompetittività, b’mod partikolari, tal-impriżi żgħar u medji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 35). |
|
39 |
Barra minn hekk, mill-premessa 13 tal-istess direttiva jirriżulta li l-Artikolu 3(5) tagħha jikkostitwixxi espressjoni ta’ dawn l-għanijiet sa fejn din id-dispożizzjoni hija intiża li tipproteġi b’mod effettiv lill-kreditur kontra d-dewmien fil-ħlas tad-debitur billi tistabbilixxi terminu għall-ħlas li ma jeċċedix 60 jum kalendarju, li tista’ ssir deroga minnu biss għaż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fiha, imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. |
|
40 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7, l-iffissar ta’ terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju li jirriżulta minn stipulazzjoni espressa bejn il-kreditur u d-debitur għandu josserva wkoll it-tieni kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, din l-istipulazzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi “[inġustizzja manifesta fil-konfront tal-kreditur] fit-tifsira tal-Artikolu 7” ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, mill-premessa 28 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà kuntrattwali għad-detriment tal-kreditur. Għalhekk, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, li jipprevedu li klawżola manifestament inġusta jew ma tkunx applikabbli, jew tagħti lok għal azzjoni għal kumpens għad-dannu mġarrab mill-kreditur minħabba l-applikazzjoni tagħha. |
|
41 |
Skont il-punti (a) sa (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2011/7, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola kuntrattwali tikkostitwixxix inġustizzja manifesta fil-konfront tal-kreditur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-każ, inkluża kull devjazzjoni manifesta mill-prattiki u mill-użanzi kummerċjali tajba, li tmur kontra l-bona fide u l-użu leali, in-natura tal-prodott jew tas-servizz, kif ukoll, b’mod partikolari, il-fatt li d-debitur għandu xi raġuni oġġettiva sabiex jidderoga mit-terminu għall-ħlas imsemmi fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7. |
|
42 |
B’mod partikolari minn dan ir-rekwiżit tal-aħħar jirriżulta li, indipendentement minn eventwali pożizzjoni ekonomika dominanti tad-debitur fir-relazzjoni tiegħu mal-kreditur, il-protezzjoni effettiva ta’ dan tal-aħħar kontra l-użu inġustifikat, mid-debitur, ta’ klawżola kuntrattwali li tipprevedi terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju tibqa’ kompletament iggarantita, minkejja li din il-klawżola tirriżulta minn stipulazzjoni espressa li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza. |
|
43 |
F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, A. tallega, minn naħa, li hija qatt ma kienet f’pożizzjoni li tinnegozja l-klawżola dwar it-termini ta’ ħlas ta’ 120 jum li kienet tinsab fil-mudell tal-kuntratt anness mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt stabbiliti minn P. u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratti inkwistjoni setgħu jiġu konklużi biss wara l-aċċettazzjoni minn A. tal-kundizzjonijiet stabbiliti unilateralment minn P. |
|
44 |
Hija l-qorti tar-rinviju, minn naħa, li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tad-dokumenti kuntrattwali kollha u tal-klawżoli li jinsabu f’dan il-kuntratt, jistax jiġi stabbilit li A. u P. esprimew ir-rieda konkordanti tagħhom li jkunu marbuta preċiżament bil-klawżoli kuntrattwali li jipprevedu terminu derogatorju mit-terminu għall-ħlas ta’ 60 jum kalendarju, previst fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7. Min-naħa l-oħra, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, l-użu ta’ dawn il-klawżoli tal-aħħar jistax jikkostitwixxi inġustizzja manifesta fil-konfront ta’ A. u, jekk ikun il-każ, tislet minnu l-konsegwenzi li huma previsti għal dan l-għan mid-dritt nazzjonali. |
|
45 |
Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “espressament stipulat mod ieħor fil-kuntratt” tipprekludi li klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju tiġi ddeterminata unilateralment mid-debitur, sakemm ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, fid-dawl tad-dokumenti kuntrattwali u tal-klawżoli kollha li jinsabu f’dan il-kuntratt, li l-partijiet fl-imsemmi kuntratt esprimew ir-rieda konkordanti tagħhom li jkunu marbuta preċiżament bil-klawżola kkonċernata. |
Fuq l‑ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
l-espressjoni “espressament stipulat mod ieħor fil-kuntratt” tipprekludi li klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi terminu għall-ħlas ta’ iktar minn 60 jum kalendarju tiġi ddeterminata unilateralment mid-debitur, sakemm ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, fid-dawl tad-dokumenti kuntrattwali u tal-klawżoli kollha li jinsabu f’dan il-kuntratt, li l-partijiet fl-imsemmi kuntratt esprimew ir-rieda konkordanti tagħhom li jkunu marbuta preċiżament bil-klawżola kkonċernata. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.