Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 627 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tal-Iżvezja

{SWD(2023) 627 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tal-Iżvezja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2023, li fih identifikat lill-Iżvezja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti 5 biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa bbażat fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, it-tħaffif tal-aċċess għall-finanzi, it-titjib tal-ħiliet, u kummerċ miftuħ għal ktajjen tal-provvista li jkunu reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 6 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investimenti ffukati tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Ir-Regolament REPowerEU 7 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn ir-riformi u l-investimenti se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 8 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet tal-enerġija mġedda, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 9 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali ta’ dawn il-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investiment. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri b’aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju, filwaqt li jistabbilixxu reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu l-impenji meħuda fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq terminu medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023. 

(9)Fit-28 ta’ Mejju 2021 l-Iżvezja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-linji gwida ta’ valutazzjoni tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament. Fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Iżvezja 10 . Il-ħruġ tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Iżvezja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u tal-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)Fit-28 ta’ April 2023, l-Iżvezja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023 u, fit-28 ta’ April 2023, il-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Iżvezja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għall-Iżvezja 11 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tal-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022 u ħa kont tal-implimentazzjoni mill-Iżvezja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Iżvezja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Il-Kummissjoni għamlet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Iżvezja u ppubblikat ir-riżultati tagħha fl-24 ta’ Mejju 2023 12 . Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvezja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, għad hemm vulnerabbiltajiet relatati mas-suq tal-proprjetà immobbli tagħha u dejn privat għoli. Il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli huma għoljin, u sa dan l-aħħar kienu qed jogħlew. Iż-żidiet fil-prezzijiet tad-djar marru id f’id maż-żieda fid-dejn privat. Fl-2022, f’kuntest ta’ ssikkar sinifikanti fil-kundizzjonijiet monetarji u ta’ finanzjament, il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli bdew jonqsu b’mod viżibbli f’dak li jidher li huwa l-bidu ta’ xoljiment tal-vulnerabbiltajiet akkumulati. Il-prezzijiet għadhom sopravalutati b’mod sinifikanti u huma mistennija li jonqsu aktar. Il-fatturat fis-settur tal-proprjetà immobbli dan l-aħħar naqas b’mod sinifikanti, u, b’riżultat ta’ dan, id-domanda għal abitazzjonijiet mibnija ġodda naqset ukoll. L-iżviluppi negattivi, sa issa, kienu limitati għas-setturi tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli, li issa qed jonqsu drastikament wara snin ta’ tkabbir għoli. B’mod ġenerali, l-ekonomija Żvediża hija mistennija li tiċkien fl-2023, bil-bidliet fil-kundizzjonijiet monetarji li jaffettwaw il-karti tal-bilanċ tal-unitajiet domestiċi u tal-kumpaniji tal-proprjetà immobbli kummerċjali u l-lok tagħhom li jikkunsmaw u jinvestu. L-impatt tar-rati tal-imgħax miżjuda fuq il-pagamenti tal-ipoteki huwa sostanzjali, minħabba l-prevalenza ta’ rati tal-imgħax varjabbli u ipoteki b’durata twila ħafna. L-impatt tal-kundizzjonijiet li qed jinbidlu fuq is-settur finanzjarju kien limitat; is-settur huwa b’saħħtu u jirreġistra marġnijiet ta’ profitt għoljin u proporzjonijiet kapitali ponderati għar-riskju, li x’aktarx iservu bħala murata kontra l-propagazzjoni tal-problemi tas-settur tal-proprjetà immobbli għall-ekonomija usa’ permezz tas-settur finanzjarju, għalkemm huwa espost ħafna għall-proprjetà immobbli. Il-progress fil-politika kien limitat. B’mod partikolari, is-sistema tat-taxxa tkompli tiffavorixxi s-sjieda tad-djar permezz ta’ tassazzjoni fuq il-proprjetà rikorrenti baxxa u tippromwovi l-akkwist ta’ akkomodazzjoni ffinanzjata mid-dejn permezz ta’ tnaqqis sinifikanti mit-taxxa tal-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki. Barra minn hekk, is-suq ineffiċjenti tal-kiri ra riforma limitata.

(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, 13 il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Iżvezja tjieb minn pożizzjoni baġitarja bbilanċjata fl-2021 għal surplus ta’ 0,7 % fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 36,5 % tal-PDG fi tmiem l-2021 għal 33,0 % fi tmiem l-2022.

(14)Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ntlaqat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu t-tnaqqis tat-taxxa fuq l-enerġija fuq id-diżil u l-petrol; filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu t-tpaċija tal-ispiża tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi. Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri hija ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2022 14 . Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie affettwat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata għal 0,2 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqset għal 1,1 % tal-PDG fl-2022, minn 2.0 % fl-2021.

(15)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Iżvezja 15 żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat nazzjonalment.

(16)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 16 fl-2022 kienet restrittiva, b’+0,4 % tal-PDG, li kienet xierqa f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, l-Iżvezja kompliet tappoġġa l-irkupru inkluż b’investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,2 % tal-PDG fl-2022 (0,2 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat nazzjonalment ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,1 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali 17 . L-Iżvezja għalhekk ippreservat l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,8 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Għalhekk, l-Iżvezja żammet biżżejjed taħt kontroll it-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(17)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza huwa kawt fl-2023 u realistiku minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jonqos b’1,0 % fl-2023 u jerġa’ jikber b’1,2 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jonqos b’0,5 % fl-2023 u jikber b’1,1 % fl-2024, prinċipalment minħabba li data aktar reċenti u investiment barra l-kostruzzjoni huma kemxejn inqas dinamiċi fit-tbassir tal-Kummissjoni.

(18)Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li s-surplus tal-gvern estiż tal-2022 se jiddeterjora għal proporzjon tad-defiċit ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2023. Id-deterjorament fl-2023 jirrifletti prinċipalment l-ekonomija aktar dgħajfa u l-finanzi tas-settur tal-gvern lokali li qed jiddeterjoraw. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos minn 33,0 % fi tmiem l-2022 għal 31,0 % fi tmiem l-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 0,9 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa ogħla mid-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Konverġenza, prinċipalment minħabba li l-Kummissjoni tistenna nfiq pubbliku ogħla, li jirriżulta minn, pereżempju, konsum intermedju ogħla u trasferimenti soċjali in natura, kif ukoll nefqa ogħla fuq l-imgħax. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 31,4 %, fi tmiem l-2023.

(19)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 huwa mistenni li jkompli jiġi affettwat mill-miżuri adottati biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu f’miżuri estiżi mill-2022 (b’mod partikolari, it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-enerġija fuq il-petrol u d-diżil) u miżuri ġodda, bħall-kumpens tal-ispejjeż tal-elettriku għad-djar, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet. L-ispiża ta’ dawn il-miżuri hija fil-biċċa l-kbira kkumpensata mid-dħul mit-tariffi tat-trażmissjoni kif ukoll, sa ċertu punt, mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija. Meta jitqies dan id-dħul, il-kost baġitarju nett tal-miżuri ta’ appoġġ huwa pproġettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,1 % tal-PDG fl-2023 18 . Il-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-2023 ma jidhrux li huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi jew id-ditti l-aktar vulnerabbli, u ma jippreservawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjoni fiskali għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni għal 0,0 % tal-PDG fl-2023 (f’konformità mal-2022). Il-kost baġitarju tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati mill-Ukrajna huwa pproġettat li jibqa’ ġeneralment stabbli fl-2023. Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern tal-2023 huwa mistenni li jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 ta’ 1,1 % tal-PDG.

(20)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 19 li l-Iżvezja tieħu azzjoni biex tiżgura li fl-2023 iż-żieda fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment tkun konformi mal-pożizzjoni politika li kollox ma’ kollox hija newtrali 20 , b’kont meħud tal-għajnuna addizzjonali, temporanja u mmirata, għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti li huma l-iktar milquta miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. L-Iżvezja jenħtieġ li tkun lesta li taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Iżvezja ġiet irrakkomandata wkoll li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(21)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun ġeneralment newtrali (-0,1 % tal-PDG), f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Dan isegwi pożizzjoni fiskali restrittiva fl-2022 (+0,4 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) fl-2023 huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni ġeneralment newtrali ta’ -0,2 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tammonta għal 0,3 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni ġeneralment newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 punt perċentwali 21 . Għalhekk, l-Iżvezja qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u mhuwiex ipproġettat li jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal investimenti fit-tranżizzjoni klimatika tal-industrija u l-espansjoni tal-broadband, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(22)Skont il-Programm ta’ Konverġenza, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 0,6 % tal-PDG fl-2024. Iż-żieda fl-2024 tirrifletti prinċipalment it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jibqa’ stabbli għal 31,0 % fi tmiem l-2024. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa ġeneralment konformi mad-defiċit ipproġettat fil-programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 30,7 % fi tmiem l-2024.

(23)Il-Programm ta’ Konverġenza jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024 22 . Il-Kummissjoni tistma li l-ispiża netta tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija hija ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2024, f’konformità mal-2023. Dawn l-istimi jiddependu fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li bħalissa huma ppjanati li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 ma jidhrux li huma mmirati lejn unitajiet domestiċi jew ditti vulnerabbli. Dawn ma jippreservawx is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika.

(24)Fil-programm, l-Iżvezja qed tippjana li tilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju – bilanċ baġitarju strutturali ta’ -1,0 % tal-PDG – fl-2023 u l-2024, u li żżommu matul il-bqija tal-perjodu tal-programm. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2023 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jirreġistra surplus ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2023 u ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2024, ’il fuq mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju.

(25)Jekk wieħed jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment se tikber fl-2024 għal 1,1 % fl-2024.

(26)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern huwa mistenni li jiżdied minn 4,7 % tal-PDG fl-2023 għal 5,2 % tal-PDG fl-2024. L-investiment ogħla jirrifletti kemm investiment ogħla ffinanzjat fil-livell nazzjonali kif ukoll investiment iffinanzjat mill-UE, jiġifieri permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-programm jirreferi għal riformi u investimenti, bħal-limiti tal-età mibdula fis-sistema tal-pensjonijiet, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-Programm ta’ Konverġenza jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jinbidel f’surplus ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2025 u ta’ 1,4 % sal-2026. Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa għalhekk ippjanat li jilħaq il-valur ta’ referenza rilevanti tat-Trattat matul l-orizzont tal-programm. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jonqos minn 31,0 % fi tmiem l-2024 għal 27,7 % sal-aħħar tal-2026.

(27)Dejn privat għoli u, minkejja xi korrezzjonijiet reċenti, il-prezzijiet tal-proprjetà li għadhom sopravalutati jikkostitwixxu żbilanċi makroekonomiċi li għadhom f’riskju ta’ żarmar diżordinat. L-akkomodazzjoni tibqa’ diffiċli biex wieħed jaffordja għal parteċipanti ġodda fis-suq tal-akkomodazzjoni, filwaqt li s-suq tal-kiri joffri ftit alternattivi u għadu jeħtieġ riforma, biex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija u tiġi promossa l-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-kiri. L-Iżvezja ħadet azzjoni ta’ politika limitata biex tilqa’ għall-iżbilanċi, b’enfasi fuq politiki makroprudenzjali u miżuri ta’ provvista mmirati biex jiffaċilitaw il-proċeduri tal-permessi għall-bini u jissussidjaw il-kostruzzjoni ta’ appartamenti għall-kiri.

(28)Il-piż ġenerali tat-taxxa fuq il-proprjetà għadu relattivament baxx minħabba tnaqqis ġeneruż tat-taxxa fuq il-pagamenti tal-imgħax ipotekarju u taxxi rikorrenti baxxi fuq il-proprjetà. L-impatt tal-bidliet fil-politika fuq il-pagamenti ipotekarji ta’ wara t-taxxa huwa diffiċli li jiġi vvalutat, minħabba nuqqas ta’ data individwali tal-unitajiet domestiċi dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet. Id-disponibbiltà ta’ tali data tista’ twassal għal titjib fl-effiċjenza fit-tfassil tal-politika, u possibbilment tnaqqas l-ostaklu għad-dħul fis-suq tad-djar u xxerred il-piżijiet tal-akkomodazzjoni b’mod aktar ugwali fost il-popolazzjoni. Fis-suq tal-kiri, il-kirjiet irregolati aktar baxxi minn tas-suq qed jibbenefikaw minnhom grupp limitat ta’ familji. Ma hemm l-ebda rabta bejn il-kera regolata u l-ħtiġijiet jew l-introjtu tal-unità domestika. B’konsegwenza ta’ dan, hemm listi ta’ stennija twal, b’mod partikolari għall-abitazzjonijiet aktar imfittxija għall-kiri, u r-rata ta’ postijiet battala għall-appartamenti hija baxxa ħafna minn perspettiva internazzjonali. Li kieku l-kirjiet isegwu l-prezzijiet tas-suq aktar mill-qrib flimkien ma’ appoġġ għall-kiri relatat mal-introjtu u l-ġid nett, ikun hemm titjib fl-effiċjenza.

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Filwaqt li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Iżvezja ġie adottat biss fl-2022, l-implimentazzjoni tiegħu issa tinsab għaddejja. Minkejja bidu kajman, l-implimentazzjoni ġeneralment tinsab fit-triq it-tajba, u, f’dan l-istadju, ir-riskji ta’ nuqqas ta’ assorbiment jidhru limitati minħabba l-allokazzjoni finanzjarja relattivament żgħira tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. L-arranġament Operattiv bejn il-Kummissjoni u l-Iżvezja ġie konkluż f’Mejju 2023. L-Iżvezja mistennija tippreżenta l-ewwel talba tagħha għal pagament li tikkombina żewġ pagamenti parzjali fit-tieni nofs tal-2023. It-tħejjijiet ta’ kapitolu REPowerEU u addendum minħabba t-tnaqqis żgħir ta’ appoġġ li ma jitħallasx lura għadhom għaddejjin. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Iżvezja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(30)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Iżvezja fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fl-Iżvezja.

(31)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Iżvezja qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati ma’ (i) opportunitajiet inugwali fl-edukazzjoni għal studenti minn sfondi soċjoekonomiċi u ta’ migrazzjoni żvantaġġati; (ii) il-ħtieġa li l-gruppi żvantaġġati jiġu integrati aħjar fis-suq tax-xogħol; u (iii) il-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.

(32)Minkejja li l-Iżvezja ġeneralment ikollha prestazzjoni tajba fir-rigward tal-eżiti edukattivi, għad hemm inugwaljanzi fis-sistema edukattiva Żvediża. L-istudenti bi sfond soċjoekonomiku u ta’ migrazzjoni żvantaġġati għandhom opportunitajiet edukattivi limitati, inkluż l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa biex isibu impjieg. L-inugwaljanzi fl-edukazzjoni qed jiżdiedu u spiss huma marbuta man-nuqqas ta’ opportunitajiet għall-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni biex jagħżlu l-iskola li jridu. Id-differenzi fil-prattiki ta’ gradazzjoni fl-iskejjel jirriskjaw li jkomplu jdgħajfu l-eżiti edukattivi. In-nuqqas ta’ għalliema kwalifikati għadu problematiku u huwa l-aktar urġenti għall-għalliema bi bżonnijiet speċjali, l-għalliema tas-suġġetti fl-iskejjel obbligatorji u l-għalliema vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji. Hemm lok biex jittejbu l-istruttura u l-governanza tas-sistema edukattiva, inkluż il-proċess ta’ reġistrazzjoni u s-sistema ta’ klassifikazzjoni, kif ukoll il-progress fil-karriera tal-għalliema.

(33)L-Iżvezja għadha qed tiffaċċja sfidi fl-integrazzjoni ta’ persuni bi sfond żvantaġġat u ta’ migrazzjoni fis-suq tax-xogħol, kif ukoll fit-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet li fadal. Il-livelli ta’ edukazzjoni ta’ persuni li ma twildux fl-UE naqsu f’dawn l-aħħar snin, u dan ikompli jżid id-distakk bejn dawk li twieldu fl-UE u dawk li twieldu barra mill-UE. Is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ qed jiżdied, speċjalment fost l-istudenti li ma twildux fl-UE. It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ tagħlim huwa meħtieġ biex jgħin lill-persuni minn gruppi żvantaġġati jiżviluppaw ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol u jżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jsibu impjieg.

(34)Huwa meħtieġ aktar sforz għall-Iżvezja biex tilħaq il-mira nazzjonali tagħha ta’ emissjonijiet tal-karbonju żero netti sal-2045. Għalkemm l-Iżvezja għadha fost l-Istati Membri bl-ogħla sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tagħha, il-kapaċità tal-grilja tal-elettriku u r-restrizzjonijiet tat-trażmissjoni jistgħu jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu ulterjuri ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-futur. Fl-2022, dawn ir-restrizzjonijiet ikkontribwew għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għall-industrija u għall-unitajiet domestiċi u llimitaw l-espansjoni tal-attività ekonomika f’postijiet ġeografiċi remoti. Iż-żieda fil-kapaċità tal-grilja tal-elettriku hija kruċjali, minħabba li l-konsum finali tal-elettriku tal-Iżvezja huwa mistenni li jirdoppja għal 300 TWh sal-2045, minħabba ż-żieda fil-ħtiġijiet tal-elettrifikazzjoni tal-industrija u t-trasport. Madankollu, il-kostruzzjoni u t-tisħiħ tal-grilja tal-elettriku huma soġġetti għal dewmien ikkawżat minn proċessi twal ta’ għoti ta’ permessi. Barra minn hekk, l-Iżvezja għandha wħud mill-aktar proċeduri amministrattivi twal fl-UE għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari proġetti eoliċi fuq l-art. Il-Gvern nieda investigazzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-permessi ambjentali fi ħdan il-mandat tal-Kodiċi Ambjentali Żvediż. Fl-istess ħin, hemm nuqqas ta’ azzjoni politika konkreta biex jitħaffu l-proċeduri amministrattivi għall-espansjoni tal-grilja tal-elettriku u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, billi jiġi limitat l-għadd ta’ awtoritajiet involuti f’dawn il-proċeduri u billi jitmexxew proċeduri b’mod parallel. It-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija billi tiżdied l-effiċjenza enerġetika huwa essenzjali wkoll biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u l-ispejjeż tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji. F’termini ta’ effiċjenza enerġetika, l-Iżvezja tinsab f’riskju li ma tilħaqx il-mira nazzjonali tagħha li tuża l-enerġija 50 % b’mod aktar effiċjenti fl-2030 (meta mqabbla mal-2005) jekk tkompli t-trajettorja tal-konsum tal-enerġija bejn l-2005 u l-2020. B’konsum tal-enerġija primarja ta’ 43,8 Mtoe fl-2021, l-Iżvezja tibqa’ fost l-Istati Membri bl-ogħla konsum tal-enerġija per capita. Il-konsum tal-gass naturali tal-Iżvezja naqas b’37 % fil-perjodu Awwissu 2022 - Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-5 snin preċedenti, lil hinn mill-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. L-Iżvezja tista’ tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 23 .

(35)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-iskjerament u ż-żamma ta’ teknoloġiji żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. In-nuqqasijiet ta’ ħaddiema żdiedu fl-Iżvezja f’dawn l-aħħar snin u fl-2022 ġew irrapportati għal 16-il impjieg li jeħtieġu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika. 

(36)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 24 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(37)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2023. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-Rakkomandazzjoni Nru (1) ta' hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-Rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mad-dejn privat għoli u l-prezzijiet għoljin tad-djar.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja fl-2023 u fl-2024 tieħu azzjoni biex:

1.Ittemm il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sa tmiem l-2023. Jekk iż-żidiet mġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u jippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

Filwaqt li żżomm pożizzjoni fiskali soda fl-2024, tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-RRF u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi l-investiment u r-riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla u tippreserva pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

Tnaqqas ir-riskji relatati ma’ dejn għoli tal-unitajiet domestiċi u żbilanċi fis-suq tad-djar billi tnaqqas it-tnaqqis tat-taxxa tal-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki u/jew iżżid it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, filwaqt li tistabbilixxi għodod adegwati għal valutazzjoni u mmirar aħjar tal-politika. Tistimula l-investiment fil-bini residenzjali biex ittaffi n-nuqqasijiet l-aktar urġenti, b’mod partikolari billi tneħħi l-ostakli strutturali għall-kostruzzjoni u billi tiżgura provvista tal-art li tista’ tinbena. Ittejjeb l-effiċjenza tas-suq tad-djar, inkluż bl-introduzzjoni ta’ riformi fis-suq tal-kiri.

2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni kostanti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha u tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tiegħu b’mod rapidu. Tkompli l-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

3.Ittejjeb l-eżiti edukattivi għall-istudenti bi sfond soċjoekonomiku u ta’ migrazzjoni żvantaġġat billi tiżgura opportunitajiet ta’ aċċess ugwali fis-sistema skolastika u tindirizza n-nuqqas ta’ għalliema kwalifikati. Tiżviluppa l-ħiliet tal-gruppi żvantaġġati, b’mod partikolari l-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, billi tadatta r-riżorsi u l-metodi għall-ħtiġijiet tagħhom, bl-għan li tgħinhom jintegraw fis-suq tax-xogħol.

4.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż billi tespandi u taġġorna n-networks tat-trażmissjoni tal-enerġija, tintroduċi riformi biex tissimplifika u tħaffef il-proċeduri amministrattivi u ta’ permessi, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika u żżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(4)    COM(2022) 780 final.
(5)    COM(2023) 62 final.
(6)    COM(2023) 168 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(8)    COM(2023) 141 final.
(9)    COM(2022) 583 final.
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Mejju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Iżvezja (ST 7772/22; ST 7772/22 ADD 1).
(11)    SWD(2023) 627 final.
(12)    SWD(2023) 644 final.
(13)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023.
(14)    Il-kost baġitarju gross tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija kien qrib iż-0,5 % tal-PDG fl-2022, iżda ġie riċevut dħul sinifikanti ta’ tpaċija mill-Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni, Svenska Kraftnät.
(15)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Iżvezja għall-2021, ĠU C 304, 29.07.2021, p. 131.
(16)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
(17)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment ipprovdiet kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG.
(18)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
(19)    Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Iżvezja, ĠU C 334, 1.0.2022, p. 221.
(20)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) tal-Iżvezja, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 7,7 % f’termini nominali.
(21)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.
(22)    It-tnaqqis tat-taxxa fuq l-enerġija fuq id-diżil u l-petrol huwa ppjanat li jibqa’ fis-seħħ mill-2023 sal-2025.
(23)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706
(24)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.