|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1805 |
16.7.2026 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2026/1805
tas-16 ta’ Lulju 2026
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1804 tas-16 ta’ Lulju 2026 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1),
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2). |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (3). |
|
(3) |
Fis-16 ta’ Lulju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/1804, li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2026/1804 tipposponi d-data tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu għall-emendar tal-limitu massimu tal-prezz taż-żejt mhux maħdum. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1495 (4) stabbiliet proċedura għall-aġġustament ta’ dak il-limitu massimu tal-prezz b’referenza għall-prezz medju tas-suq taż-żejt mhux maħdum Russu. Dak il-posponiment huwa maħsub biex jipprovdi lill-Kunsill bi żmien addizzjonali biex jeżamina u jadotta kwalunkwe emenda li tista’ tkun meħtieġa fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq, u b’hekk jiżgura proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ordnat u kkunsidrat sew. |
|
(5) |
Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3n tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“11a. L-applikazzjoni tal-proċedura biex jiġi emendat il-limitu massimu tal-prezz stabbilit fil-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu, inkluż il-kalkolu tal-prezz medju tas-suq taż-żejt mhux maħdum Russu fuq perjodu ta’ 22 ġimgħa, il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ dak il-prezz medju tas-suq u l-emenda tal-Anness XXVIII, għandhom jiġu posposti sabiex il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ avviż ta’ dak il-prezz medju tas-suq li jirreferi għall-perjodu ta’ 22 ġimgħa mill-15 ta’ Jannar sas-17 ta’ Ġunju 2026 għandha ssir fit-23 ta’ Lulju 2026 u l-emenda tal-Anness XXVIII għandha tapplika mill-15 ta’ Awwissu 2026. Il-limitu massimu attwali tal-prezz għandu jkompli japplika sad-data tal-applikazzjoni tal-limitu massimu l-ġdid tal-prezz.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
(1) ĠU L, 2025/1804, 16.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1804/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/833/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/512/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1495 tat-18 ta’ Lulju 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2025/1495, 19.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1495/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1805/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)