SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Artikolu 3(1) u (3)(a) – Interessi moratorji – Artikolu 6(1) u (2) – Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru – Kundizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tpaċija ta’ pretensjonijiet reċiproċi permezz ta’ dikjarazzjoni li għandha effett retroattiv – Estinzjoni simultanja tal-pretensjonijiet sal-ammont l-iktar baxx – Effetti fuq l-interessi u fuq il-kumpens”
Fil-Kawża C‑481/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura
E. sp.j.
vs
C. sp. z o.o.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal‑Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Spielmann,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal C. sp. z o.o., minn P. Wróblewska, adwokat, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, E. Buczkowska u D. Lutostańska, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u P. Cottin, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, R. Kanitz u J. Simon, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Milanowska u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Awwissu 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u (3)(a), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija E sp.j. u l-kumpannija C. sp. z o.o. dwar rifjut ta’ ħlas ibbażat fuq tpaċija tal-pretensjonijiet reċiproċi tagħhom, imwettaq permezz ta’ dikjarazzjoni li għandha effett retroattiv. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 3 u 12 tad-Direttiva 2011/7 jiddikjaraw:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi […]” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:
[…] 3. Fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:
[…] 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jaqbiżx is-60 jum kalendarju, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur […]” |
|
7 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.” |
Id‑dritt Pollakk
Il-Kodiċi Ċivili
|
8 |
L-Ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal-1964, pożizzjoni 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tipprovdi, fl-Artikolu 498 tagħha: “1. Meta żewġ persuni jkunu simultanjament debitur u kreditur ta’ xulxin, kull waħda minnhom tista’ tirrikorri għat-tpaċija bejn il-pretensjoni tagħha u dik tal-parti l-oħra jekk iż-żewġ pretensjonijiet ikunu jirrigwardaw flus jew oġġetti ġeneriċi tal-istess natura, u jekk iż-żewġ pretensjonijiet ikunu eżiġibbli u jkunu jistgħu jiġu invokati quddiem qorti jew awtorità oħra tal-Istat. 2. It-tpaċija għandha bħala effett li ż-żewġ pretensjonijiet jiġu paċuti sal-ammont tal-iktar pretensjoni baxxa minnhom.” |
|
9 |
L-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi: “It-tpaċija għandha ssir permezz ta’ dikjarazzjoni lill-parti l-oħra. Id-dikjarazzjoni jkollha effett retroattiv b’effett mill-mument li t-tpaċija tkun saret possibbli.” |
Il-Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv
|
10 |
L-Artikolu 1 tal-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra d-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali) tat‑8 ta’ Marzu 2013 (Dz. U. tal‑2013, pożizzjoni 403) li trasponiet id-Direttiva 2011/7 fl-ordinament ġuridiku Pollakk, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv”), huwa fformulat kif ġej: “Din il-liġi tiddefinixxi d-drittijiet speċjali tal-kreditur u l-obbligi tad-debitur f’dak li jirrigwarda t-termini ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, l-effetti tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi u l-proċedura dwar id-dewmien eċċessiv fl-eżekuzzjoni ta’ obbligi pekunjarji.” |
|
11 |
L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […] 3) l-interessi statutorji minħabba dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali tfisser: […]
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, ħlief għat-tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom id-debitur ikun entità pubblika, il-kreditur ikollu dritt jikseb, mingħajr intimazzjoni, l-interessi statutorji għad-dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu fuq interessi ogħla, għall-perijodu li jibda mill-jum tal-eżiġibbiltà tal-obbligu pekunjarju sal-jum tal-ħlas, jekk il-kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv:
[…]” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess liġi: “B’effett mill-jum li fih jikseb id-dritt għall-interessi msemmija fl-Artikolu 7(1), […] il-kreditur ikollu d-dritt jirċievi mingħand id-debitur, mingħajr intimazzjoni, kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru, li jkun ekwivalenti għall-ammont ta’:
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
14 |
Il-kumpannija E għandha għaxar pretensjonijiet ta’ ħlas fil-konfront tal-kumpannija C., li jikkorrispondu għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ trasport li tat lok għall-ħruġ ta’ fatturi li jipprevedu termini ta’ ħlas li skadew bejn Frar u Settembru 2022. |
|
15 |
Peress li l-kumpannija C. ma ħallsitx dawn il-fatturi fit-termini previsti, il-kumpannija E ressqet azzjoni għall-ħlas quddiem is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
16 |
Il-kumpannija E talbet il-ħlas tas-somma ta’ PLN 26 715.60 (madwar EUR 6280) bħala s-somma totali tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija fatturi, miżjuda, skont l-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv, bl-interessi kkalkolati fuq kull somma dovuta għal kull pretensjoni li kienet għadha mhux imħallsa, bir-rata prevista fil-punt 3(b) tal-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, kif ukoll bis-somma ta’ PLN 1 997.29 (madwar EUR 470) bħala kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru, skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, minħabba l-ħlas tardiv ta’ kull waħda minn dawn il-pretensjonijiet. |
|
17 |
Il-kumpannija C. talbet li r-rikors jiġi miċħud. Hija indikat li ħallset lill-kumpannija E s-somma ta’ PLN 1 697.40 (madwar EUR 400) u, b’att tat‑2 ta’ Settembru 2022, hija ppreżentat dikjarazzjoni ta’ tpaċija, fis-sens tal-Artikoli 498 u 499 tal-Kodiċi Ċivili, għall-ammont ta’ PLN 25 018.20 (madwar EUR 5880). Il-kumpannija C. tqis li b’hekk hija ħallset ammont totali ta’ PLN 26 715.60 (madwar EUR 6280) u li, għaldaqstant, id-dejn tagħha ntemm. |
|
18 |
Din id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija kienet ibbażata fuq pretensjoni għal kumpens li l-kumpannija C. kellha fil-konfront tal-kumpannija E minħabba d-distruzzjoni, matul it-trasport imwettaq mill-kumpannija E, tal-merkanzija li l-kumpannija C. kienet fdatilha. It-terminu għall-ħlas ta’ din il-pretensjoni, hekk kif stabbilit mill-kumpannija C. f’ittra ta’ intimazzjoni tal‑15 ta’ Frar 2022, kien skada fis‑7 ta’ Marzu 2022. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li, minn naħa, anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija kienet tirrigwarda biss l-ammonti dovuti prinċipalment minn kull waħda mill-kumpanniji kkonċernati, il-kumpannija C. issostni li, mis‑7 ta’ Marzu 2022, il-kumpannija E tilfet, bis-saħħa tal-effett retroattiv li l-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili jorbot ma’ tali dikjarazzjoni, id-dritt li titlob l-interessi u l-kumpens previsti fl-Artikolu 7(1) u fl-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar id-Dewmien Eċċessiv, rispettivament. Kienet allegatament waħda biss mill-għaxar pretensjonijiet tal-kumpannija E li nħolqot qabel din id-data. |
|
20 |
Min-naħa l-oħra, il-kumpannija E ma ċaħditx ir-responsabbiltà tagħha għad-dannu invokat mill-kumpannija C., iżda kkontestat l-effettività stess tad-dikjarazzjoni ta’ kumpens kif ukoll l-ammont ta’ dan id-dannu. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-parti ta’ dan tal-aħħar, li ma hijiex koperta minn din id-dikjarazzjoni, hija s-suġġett ta’ proċedura oħra pendenti quddiemha. |
|
21 |
Din il-qorti tqis li, fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni dwar liema huwa l-effett, fuq id-drittijiet li jirriżultaw mil-liġi dwar id-dewmien eċċessiv, tal-effett retroattiv li l-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili jattribwixxi lid-dikjarazzjonijiet ta’ tpaċija. |
|
22 |
L-imsemmija qorti tesponi li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi finzjoni legali li tgħid li d-dikjarazzjoni ta’ tpaċija għandha effett retroattiv mill-mument li fih it-tpaċija tkun saret possibbli, jiġifieri meta l-pretensjoni tal-awtur ta’ din id-dikjarazzjoni tkun saret eżiġibbli minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas. Madankollu, hija tal-fehma li dan l-effett retroattiv jista’ jikser l-Artikolu 3(1) u (3)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, l-ewwel nett, li l-imsemmi effett retroattiv iwassal għat-telf tad-dritt li jintalbu mhux biss l-interessi, iżda li jintalab ukoll il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Issa, għalkemm dawn l-ispejjeż jistgħu jikkonċernaw diversi pretensjonijiet u għalhekk ikunu dovuti diversi drabi, dawn jistgħu jiġu estinti permezz ta’ pretensjoni reċiproka waħda, li għaliha l-imsemmija spejjeż jistgħu jkunu dovuti darba waħda biss. Tali sitwazzjoni tista’ tippreġudika lil wieħed mill-kredituri. |
|
24 |
It-tieni nett, din il-qorti tirrileva li l-pretensjonijiet imsemmija mid-Direttiva 2011/7 jagħtu lok, minħabba n-natura kuntrattwali tagħhom, għal interessi ogħla minn pretensjonijiet oħra, bħall-pretensjoni għal kumpens tal-kumpannija C., li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija. |
|
25 |
It-tielet nett, l-imsemmija qorti tesponi li l-kumpens huwa mekkaniżmu magħruf f’diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali li jistgħu jiddefinixxu l-karatteristiċi tiegħu b’modi differenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ effett retroattiv possibbli u tal-konsegwenzi fuq id-dritt li jintalbu interessi moratorji u l-kumpens minimu previsti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2011/7. L-eżistenza ta’ tali diverġenzi tmur kontra l-“prinċipju ta’ armonizzazzjoni”. |
|
26 |
Ir-raba’ nett, l-istess qorti tindika li, meta d-dikjarazzjoni ta’ tpaċija tiġi ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu li fi tmiemu l-pretensjonijiet tal-persuna kkonċernata minn din id-dikjarazzjoni jkunu saru eżiġibbli, din il-persuna jista’ jkun tkun diġà ħadet passi għall-irkupru tagħhom, mingħajr ma kienet taf li, sussegwentement, kienet ser iseħħ tpaċija, li tipprekludiha milli tikseb ir-rimbors tal-ispejjeż marbuta ma’ dan l-irkupru. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3(1) u (3)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva [2011/7] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu li interessi moratorji legali kif ukoll kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunux dovuti lill-kreditur fejn id-debitur, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas iddeterminat f’kuntratt, ikun ħallas id-dovut lill-kreditur permezz ta’ tpaċija li jkollha effett retroattiv ipso jure mill-mument meta t-tpaċija saret possibbli?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
28 |
Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (3)(a), kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interessi moratorji legali u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunux dovuti lill-kreditur meta id-debitur, ikun ħallas l-ammont dovut permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija għalkemm ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas kuntrattwali, minħabba l-effett retroattiv marbut ma’ din id-dikjarazzjoni mill-mument li fih it-tpaċija tkun saret possibbli. |
|
29 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni ta’ tali dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnhom tagħmel parti (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑30 ta’ April 2025, Generalstaatsanwaltschaft Frankfurt am Main (Esportazzjoni ta’ flus kontanti fir-Russja), C‑246/24, EU:C:2025:295, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Fil-każ ineżami, fir-rigward tat-termini tad-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/7, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, kreditur ikollu d-dritt jitlob interessi moratorji, mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira, bil-kundizzjoni doppja li huwa jkun issodisfa l-obbligi tiegħu u li ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien. |
|
31 |
Skont l-Artikolu 3(3)(a) ta’ din id-direttiva, meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, il-kreditur għandu dritt għal dawn l-interessi fil-jum ta’ wara d-data tal-ħlas jew fi tmiem it-terminu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt. |
|
32 |
L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-interessi moratorji jsiru eżiġibbli fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi konformement mal-Artikolu 3 tagħha, il-kreditur ikun intitolat jikseb mingħand id-debitur, il-ħlas ta’ somma minima f’daqqa ta’ EUR 40. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li din is-somma minima f’daqqa tkun dovuta, anki fl-assenza ta’ tfakkira lid-debitur, u li l-imsemmi ammont ikun intiż jikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż tal-irkupru mġarrba. |
|
33 |
Għaldaqstant, l-interessi moratorji u d-dritt għal somma minima f’daqqa previsti mid-Direttiva 2011/7 jsiru eżiġibbli awtomatikament fil-mument li jiskadi ż-żmien għall-ħlas, previst fl-Artikolu 3(3) sa (5) ta’ din id-direttiva, kemm-il darba l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3(1) ikunu ssodisfatti (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, ALD Automotive, C‑78/22, EU:C:2023:379, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 30 sa 32 tas-sentenza preżenti ma jirriżultax li dawn jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom il-pretensjonijiet li jikkorrispondu għal dawn l-interessi u għal din is-somma f’daqqa jistgħu, jekk ikun il-każ, jintemmu, b’mod partikolari minħabba, bħal fil-kawża prinċipali, l-għajbien tal-pretensjoni prinċipali li minnha jirriżultaw. |
|
35 |
Din l-interpretazzjoni letterali hija sostnuta mill-kuntest li minnu jifformaw parti dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, ċertament, id-Direttiva 2011/7 tipprevedi li d-dritt tal-kreditur li jikseb dawn l-interessi u dan is-somma f’daqqa jitnissel minn “ħlas tardiv”. Hekk kif jirriżulta mid-definizzjoni li tinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tagħha, dan il-kunċett ikopri kull ħlas li ma jsirx fil-perijodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju, meta l-kreditur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu u ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien tal-ħlas. |
|
36 |
Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “ammont dovut”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, huwa ddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tagħha, fis-sens li jindika l-ammont prinċipali li kellu jitħallas fit-terminu ta’ ħlas kuntrattwali jew legali u li għandu jinkludi t-taxxi, id-dazji, l-imposti jew il-miżati applikabbli. |
|
37 |
Madankollu, la dawn id-definizzjonijiet, u lanqas dik tal-kunċett ta’ “interessi moratorji”, li tinsabu fil-punt 5 ta’ dan l-Artikolu 2 lanqas, barra minn hekk, ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jipprevedu l-kundizzjonijiet li fihom il-pretensjonijiet li jikkorrispondu għal dawn l-interessi u għal din is-somma stabbilita jistgħu, jekk ikun il-każ, jintemmu. |
|
38 |
L-interpretazzjoni esposta fil-punt 34 tas-sentenza preżenti hija kkorroborata wkoll mill-għan tad-Direttiva 2011/7. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiġġieled il-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi ttejjeb għaldaqstant il-kompetittività tal-impriżi u b’mod partikolari l-impriżi żgħar u medji. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 3 ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-dewmien fil-ħlas għandu effetti negattivi fuq il-likwidità tal-impriżi, jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tagħhom u jippreġudika l-kompetittività tagħhom kif ukoll il-profittabbiltà tagħhom. Bl-istess mod, skont il-premessa 12 tal-imsemmija direttiva, dan id-dewmien jista’ jkun finanzjarjament attraenti għad-debituri meta dan ma jwassalx għall-ħlas ta’ interessi suffiċjentement għoljin. |
|
40 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-imsemmija direttiva hija intiża prinċipalment tiskoraġġixxi l-ħlasijiet tardivi u tipproteġi lill-kreditur kontra tali ħlasijiet tardivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Kunsinni ta’ materjal mediku)C‑419/21, EU:C:2022:948, punt 26). |
|
41 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2011/7 ma twettaqx armonizzazzjoni kompleta tar-regoli kollha relatati mal-ħlasijiet tardivi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, A (Nuqqas ta’ rkupru tal-interessi moratorji għal ħlas tardiv), C‑406/21, EU:C:2022:816, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Fil-fatt, din id-direttiva tistabbilixxi biss ċerti regoli f’dan il-qasam, li fosthom hemm dawk dwar l-interessi moratorji għal ħlas tardiv u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, A (Nuqqas ta’ rkupru tal-interessi moratorji), C‑406/21, EU:C:2022:816, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2011/7 ma hijiex intiża li tistabbilixxi qafas legali ġenerali fil-qasam tal-obbligi kuntrattwali, iżda sempliċement tistipula ċerti regoli speċifiċi li għandhom jiġu integrati fid-dritt ċivili u kummerċjali nazzjonali. |
|
44 |
Konsegwentement, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw il-mekkaniżmi ta’ estinzjoni tal-pretensjonijiet li jikkorrispondu għall-interessi moratorji u għas-somma f’daqqa previsti mid-Direttiva 2011/7, bħalma huwa mekkaniżmu ta’ kumpens, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jiġux injorati l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u li din ma tiġix imċaħħda mill-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Nemec, C‑256/15, EU:C:2016:954, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li l-effett retroattiv marbut awtomatikament, skont id-dritt nazzjonali, ma’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija jista’ jkun inkompatibbli ma’ din id-direttiva, li timponi li l-kreditur jingħata d-dritt li jitlob interessi moratorji u kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru meta l-ħlas tal-pretensjoni tiegħu jkun seħħ wara l-iskadenza tat-terminu previst bil-kuntratt. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, peress li l-estinzjoni tal-pretensjonijiet reċiproċi sseħħ mhux fid-data tad-dikjarazzjoni ta’ tpaċija, iżda f’dik, preċedenti, li fiha t-tpaċija tkun saret possibbli, skont l-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili, dawn il-pretensjonijiet ma jistgħu jagħtu lok għal ebda dritt għal interessi moratorji mid-data tal-iskadenza tagħhom. |
|
47 |
Barra minn hekk, peress li dikjarazzjoni ta’ tpaċija li għandha effett retroattiv ma twassalx għat-telf ta’ dritt għal dawn l-interessi, iżda għandha bħala konsegwenza li dan id-dritt jitqies li qatt ma eżista, ftit jimporta li l-pretensjonijiet li huma s-suġġett ta’ tpaċija setgħu taw lok, fil-każ ta’ ħlas tardiv, għal interessi kkalkolati b’rati differenti skont in-natura ġuridika, kuntrattwali jew kumpensatorja, tal-pretensjonijiet ikkonċernati. |
|
48 |
Fir-rigward tal-fatt li, wara dikjarazzjoni ta’ tpaċija li għandha effett retroattiv, il-kreditur destinatarju ta’ tali dikjarazzjoni ma għandux dritt għal kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, għandu jitfakkar li, ċertament, id-Direttiva 2011/7, b’mod partikolari permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) u (2) tagħha, hija intiża mhux biss tiskoraġġixxi ħlas tardiv, billi tevita li dan ikun finanzjarjament attraenti għad-debitur, minħabba l-livell baxx jew l-assenza ta’ interessi ffatturati f’tali sitwazzjoni, iżda wkoll li tipproteġi b’mod effettiv lill-kreditur kontra tali dewmien, billi tiżguralu l-iktar kumpens totali possibbli għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa jkun sostna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Madankollu, mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-dritt għas-somma minima f’daqqa prevista minn din id-dispożizzjoni jitnissel taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 3 tagħha sabiex jibdew jiddekorru l-interessi moratorji. Għaldaqstant, ebda dritt għal tali somma f’daqqa ma jista’ jinħoloq fl-assenza ta’ dritt għal tali interessi. |
|
50 |
Huwa minnu li kreditur, meta ma jiksibx ħlas fit-terminu previst, jista’ jieħu miżuri sabiex jirkupra l-pretensjoni tiegħu u b’hekk isostni ċerti spejjeż li ma jkunx jista’ jirkupra minħabba l-effett retroattiv tad-dikjarazzjoni ta’ tpaċija. Madankollu, kull impriża kreditriċi normalment informata għandha tikkunsidra l-possibbiltà ta’ tali tpaċija malli ssir, fl-istess ħin, debitriċi u kreditriċi ta’ impriża oħra. |
|
51 |
Fil-każ ineżami, hekk kif jirriżulta mill-punti 14 u 18 tas-sentenza preżenti, it-terminu għall-pretensjoni għal kumpens, hekk kif stabbilit mill-kumpannija C. fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha tal‑15 ta’ Frar 2022, kien skada fis‑7 ta’ Marzu 2022, filwaqt li l-għaxar pretensjonijiet li l-kumpannija E kellha fil-konfront tal-kumpannija C. kienu jirriżultaw minn fatturi li kienu jipprevedu termini għall-ħlas li kienu jiskadu bejn Frar u Settembru 2022. Madankollu, f’tali ċirkustanzi, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija mill-kumpannija C. kienet għalkollox prevedibbli f’dak li jirrigwarda l-pretensjonijiet tal-kumpannija E wara s‑7 ta’ Marzu 2022. |
|
52 |
Min-naħa l-oħra, hekk kif espona, essenzjalment, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-għanijiet tad-Direttiva 2011/7 ma jiġux osservati jekk l-interessi u l-ispejjeż ta’ rkupru potenzjalment imġarrba qabel ma tpaċija tkun saret possibbli, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, ma jkunux għadhom dovuti lill-parti kkonċernata minħabba li kien hemm tpaċija. |
|
53 |
F’tali każ, il-kreditur għandu jibbenefika mid-drittijiet previsti minn din id-direttiva u, għaldaqstant, jirċievi l-interessi moratorji fuq is-somma prinċipali dovuta, sad-data li fiha t-tpaċija tkun saret possibbli, kif ukoll il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru imġarrba sa din id-data. |
|
54 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u (3)(a), kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interessi moratorji legali u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunux dovuti lill-kreditur meta d-debitur ikun ħallas l-ammont dovut permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija għalkemm ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas kuntrattwali, minħabba l-effett retroattiv marbut ma’ din id-dikjarazzjoni mill-mument li fih it-tpaċija tkun saret possibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(1) u (3)(a) kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interessi moratorji legali u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru ma jkunux dovuti lill-kreditur meta d-debitur ikun ħallas l-ammont dovut permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija għalkemm ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas kuntrattwali, minħabba l-effett retroattiv marbut ma’ din id-dikjarazzjoni mill-mument li fih it-tpaċija tkun saret possibbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.