KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
COLLINS
ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 ( 1 )
Kawża C‑39/23
Keva,
Landskapet Ålands pensionsfond,
Kyrkans Centralfond
vs
Skatteverket
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Artikolu 65 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Leġislazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni pubbliċi – Esklużjoni mit-tassazzjoni ta’ dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni pubbliċi residenti – Taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti – Paragunabbiltà oġġettiva – Ġustifikazzjoni għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali”
I. Sfond fattwali u legali
|
1. |
Fl-Isvezja hemm tliet tipi ta’ pensjoni: (1) il-pensjoni pubblika nazzjonali ( 2 ), (2) pensjonijiet tax-xogħol, u (3) pensjonijiet privati. Il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema impjegati huma meħtieġa jagħmlu kontribuzzjonijiet statutorji, ikkalkolati b’riferiment għall-qligħ ta’ dawn tal-aħħar, sabiex jiffinanzjaw il-pensjoni pubblika nazzjonali. Dawn il-kontribuzzjonijiet annwali jiffinanzjaw il-ħlas tal-pensjonijiet f’dik is-sena. Fejn f’sena partikolari l-pagamenti li jidħlu jiżbqu l-pagamenti li joħorġu, il-fondi ta’ pensjoni ġenerali ( 3 ) jamministraw l-eċċess. Min-naħa l-oħra, f’sena meta l-pagamenti li jidħlu jkunu inqas mill-pagamenti li joħorġu, il-fondi tal-PĠ ikopru kwalunkwe defiċit. Il-fondi tal-PĠ għalhekk jaġixxu bħala buffer u stabilizzatur għas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi nazzjonali. Il-ħlas tal-pensjoni pubblika nazzjonali huwa r-responsabbiltà tal-Pensionsmyndigheten (l-Aġenzija tal-Pensjonijiet, l-Isvezja), mhux tal-fondi tal-PĠ. |
|
2. |
L-Istat Svediż huwa eżentat mill-obbligi kollha tat-taxxa ( 4 ). Peress li l-fondi tal-PĠ huma parti integrali mill-Istat, huma eżenti mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dividendi li jirċievu minn kumpanniji residenti fl-Isvezja. |
|
3. |
Fil-Finlandja, il-liġi teħtieġ li l-impjegati kollha jirreġistraw fi skema ta’ pensjoni tax-xogħol. Dawn l-iskemi huma ffinanzjati prinċipalment minn kontribuzzjonijiet mill-persuni li jimpjegaw u mill-ħaddiema impjegati. |
|
4. |
Keva, Landskapet Ålands pensionsfond u Kyrkans Centralfond (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) huma fost l-istituzzjonijiet li jħaddmu s-sistema tal-pensjonijiet tax-xogħol fil-Finlandja ( 5 ). Keva hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku u hija eżenti mit-taxxa fil-Finlandja. Hija tamministra l-pensjonijiet tax-xogħol ta’ impjegati ta’, inter alia, awtoritajiet tal-gvern lokali u tal-Istat, tal-Knisja Evanġelika Luterana u tal-Bank tal-Finlandja. Il-kompitu prinċipali tagħha huwa li tamministra l-fondi sabiex tiggarantixxi l-ħlas tal-pensjonijiet u tistabbilizza l-evoluzzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni. Keva tiġbor il-kontribuzzjonijiet u tħallas il-pensjonijiet. Landskapet Ålands pensionsfond huwa l-fond ta’ pensjoni tar-reġjun ta’ Åland u huwa parti integrali mill-amministrazzjoni ta’ dak ir-reġjun. Huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-pensjonijiet tax-xogħol f’isem l-impjegati tar-reġjun ta’ Åland. Il-kompitu prinċipali tiegħu huwa li jamministra l-kapital tiegħu, li jinżamm separat mill-baġit tar-reġjun. Landskapet Ålands pensionsfond ma jħallasx pensjonijiet. Huwa parzjalment eżenti mit-taxxa fil-Finlandja u ma jħallasx taxxa fuq dividendi riċevuti minn kumpanniji b’responsabbiltà limitata residenti f’dan l-Istat Membru. Kyrkans Centralfond hija parti mill-Knisja Evanġelika Luterana fil-Finlandja. Sal‑1 ta’ Jannar 2016, kienet tmexxi l-fond ta’ pensjoni għall-impjegati tagħha bħala parti mir-responsabbiltà ġenerali tagħha għall-ġestjoni tal-fondi tal-Knisja. Keva amministrat il-ħlas tal-pensjonijiet għal Kyrkans Centralfond. |
|
5. |
Bejn l‑2003 u l‑2016, ir-rikorrenti rċevew dividendi minn kumpanniji residenti fl-Isvezja. Skont l-Artikoli 1, 4 u 5 tal-kupongskattelagen (1970:624) (il-Liġi (1970:624) dwar it-Tassazzjoni tad-Dividendi), persuni ġuridiċi barranin ( 6 ) li jirċievu dividendi mill-ishma ta’ kumpanniji residenti fl-Isvezja jħallsu taxxa f’ras il-għajn bir-rata ta’ 30%. Din ir-rata ta’ taxxa titnaqqas għal 15 % għal persuni ġuridiċi residenti fl-Istati li huma parti għall-ftehim multilaterali ta’ tassazzjoni doppja bejn id-Danimarka, il-Gżejjer Faroe, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja ( 7 ). Minħabba li r-rikorrenti huma eżentati milli jħallsu t-taxxa fuq id-dividendi fil-Finlandja, ma setgħux inaqqsu t-taxxa f’ras il-għajn li huma kienu ħallsu fl-Isvezja minn kwalunkwe obbligazzjoni fiskali li seta’ kellhom fil-Finlandja. Minħabba f’hekk, it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li huma rċevew fl-Isvezja saret finali. |
|
6. |
Ir-rikorrenti talbu l-ħlas lura tat-taxxa li Skatteverket (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) kienet naqqset mid-dividendi li kienu rċevew mingħand kumpanniji residenti fl-Isvezja. Ir-rikorrenti sostnew li ċ-ċirkustanzi tagħhom kienu komparabbli ma’ dawk tal-fondi tal-PĠ. Għalhekk sostnew li d-differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi li rċevew u dawk li rċevew il-fondi tal-PĠ kienet tmur kontra l-Artikolu 63 TFUE. Il-konvenuta ċaħdet dan l-argument għar-raġuni li ċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti ma kinux oġġettivament paragunabbli ma’ dawk tal-fondi tal-PĠ. |
|
7. |
Ir-rikorrenti kkontestaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors quddiem il-Förvaltningsrätten i Falun (il-Qorti Amministrattiva ta’ Falun, l-Isvezja), li ċaħdet it-talba tagħhom. Il-Kammarrätten i Sundsvall (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Sundsvall, l-Isvezja) ċaħdet l-appell tar-rikorrenti minn din is-sentenza. |
|
8. |
Ir-rikorrenti ppreżentaw appell fuq punt ta’ dritt quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti semgħet dan l-appell sa fejn qamet il-kwistjoni dwar jekk il-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi riċevuti minn istituzzjoni pubblika tal-pensjonijiet stabbilita fil-Finlandja huwiex kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital fid-dritt tal-Unjoni f’ċirkustanzi fejn id-dividendi korrispondenti li jirċievu l-fondi tal-PĠ ma humiex intaxxati. F’dan il-kuntest, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
9. |
Ir-rikorrenti, il-konvenuta, il-Gvern Spanjol u dak Svediż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024, huma ppreżentaw argumenti orali u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
II. Evalwazzjoni
A. L‑ewwel domanda
1. L‑osservazzjonijiet tal-partijiet
|
10. |
Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni huma tal-fehma li, peress li d-dividendi li l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti rċevew minn kumpanniji residenti fl-Isvezja kienu suġġetti għal dik li effettivament hija taxxa f’ras il-għajn finali, filwaqt li d-dividendi li l-fondi tal-PĠ rċevew minn dawn l-istess kumpanniji huma eżenti mit-taxxa, tal-ewwel x’aktarx jiġu skoraġġuti milli jinvestu fl-Isvezja, u b’hekk dan jagħti lok għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE. |
|
11. |
Il-konvenuta, il-Gvern Spanjol u dak Svediż isostnu li d-differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni pubbliċi residenti u mhux residenti ma hijiex restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Din id-differenza fit-trattament tirriżulta mill-fatt li l-fondi tal-PĠ huma parti integrali mill-Istat Svediż, u mhux minħabba l-post ta’ residenza tagħhom. Il-konvenuta tosserva wkoll li l-fondi tal-PĠ huma l-uniċi fondi ta’ pensjoni eżentati mit-taxxa fl-Isvezja. Id-dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni residenti fl-Isvezja, minbarra l-fondi tal-PĠ, huma suġġetti għal taxxa fuq id-dħul mill-kapital ( 8 ), filwaqt li dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn. Il-konvenuta u l-Gvern Svediż iżidu li l-eżenzjoni tal-fondi tal-PĠ mit-tassazzjoni minħabba l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat ma tagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku la lil dawn il-fondi u lanqas lill-Istat Svediż. Minn dan isegwi li kwalunkwe differenza fit-trattament fiskali tal-fondi tal-PĠ ma tiskoraġġixxix fondi ta’ pensjoni pubbliċi residenti fi Stati Membri oħra milli jinvestu fl-Isvezja. Skont il-Gvern Svediż, deċiżjoni mod ieħor ikollha l-effett li tobbliga lill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-pensjonijiet ġenerali tal-irtirar fi Stati Membri oħra. Dan l-obbligu ma jeżistix peress li kull Stat Membru huwa responsabbli għall-finanzjament tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet pubbliċi tiegħu stess. L-eżistenza ta’ dan l-obbligu tmur kontra l-Artikolu 153(1) u (4) TFUE. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kull Stat Membru huwa intitolat li jfassal u jorganizza s-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu, inkluż il-mod li bih tiġi ffinanzjata. Il-Gvern Svediż fl-aħħar josserva li s-sistemi ta’ pensjonijiet pubbliċi nazzjonali ma jikkompetux bejniethom peress li, bis-saħħa tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, persuna tista’ tibbenefika mill-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar obbligatorja ta’ Stat Membru wieħed biss fi kwalunkwe żmien. |
2. Analiżi
|
12. |
Bħala introduzzjoni, jista’ jiġi osservat li, filwaqt li l-Artikolu 63 TFUE jipprojbixxi kull restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, l-Istati Membri jżommu d-dritt li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jiddistingwu bejn kontribwenti li ma humiex fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom jew fir-rigward tal-post fejn ikun investit il-kapital tagħhom ( 9 ). Biex din id-differenza fit-trattament tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital, hija għandha tapplika għal sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minn raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku ( 10 ). |
|
13. |
L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi miżuri li jiskoraġġixxu lil persuni mhux residenti milli jagħmlu investimenti fi Stat Membru jew jiskoraġġixxu lir-residenti ta’ dak l-Istat Membru milli jinvestu fi Stati Membri oħra ( 11 ). Sabiex tiġi stabbilita, bħala prinċipju, il-preżenza ta’ tali restrizzjoni, huwa biżżejjed li jintwera li t-trattament fiskali tad-dividendi li l-fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti jirċievu minn kumpanniji residenti fl-Isvezja jista’ jiskoraġġixxi lil dawn l-istituzzjonijiet milli jinvestu f’dan l-Istat Membru. Meta Stat Membru ttratta dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni mhux residenti b’mod inqas favorevoli minn dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni residenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-differenza fit-trattament tista’ tiskoraġġixxi investituri stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jinvestu f’dak l-Istat Membru, u b’hekk tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ( 12 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-impożizzjoni ta’ piż fiskali ikbar fuq id-dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni mhux residenti minn dak impost fuq l-istess dividendi riċevuti minn fondi ta’ pensjoni residenti tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ( 13 ). Id-dividendi li r-rikorrenti rċevew mingħand kumpanniji residenti fl-Isvezja kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn finali b’rata ta’ 15 %, filwaqt li l-istess dividendi kienu eżenti mit-taxxa meta rċevewhom il-fondi tal-PĠ. Il-fatt li t-trattament fiskali tal-Istat Svediż ma jikkostitwixxix trattament preferenzjali la tiegħu u lanqas tal-fondi pubbliċi tal-pensjonijiet tiegħu ma għandu ebda effett fuq jekk dan it-trattament jikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Huwa l-impatt negattiv tal-miżura fuq l-investimenti minn Stati Membri oħra li unikament jiddetermina jekk din tkunx tikkostitwixxi tali restrizzjoni. |
|
14. |
Minn dan isegwi li d-differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi li r-rikorrenti jirċievu minn kumpanniji residenti fl-Isvezja, meta mqabbla mat-trattament fiskali tad-dividendi li jirċievu l-fondi tal-PĠ, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE. |
|
15. |
L-Artikolu 153(1) u (4) TFUE jipprovdi li l-Unjoni Ewropea għandha ssostni u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-oqsma, inter alia, tas-sigurtà soċjali u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema. Kwalunkwe miżura li l-Unjoni tadotta taħt dan l-artikolu ma għandha taffettwa la d-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu d-dispożizzjonijiet fundamentali tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, u lanqas l-ekwilibriju finanzjarju ta’ dawk is-sistemi. Il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’dan il-qasam japplikaw, min-natura tagħhom stess, għall-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza u ma jirregolawx l-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fid-dritt primarju. Il-Gvern Svediż ma jidentifika l-ebda dispożizzjoni li l-Unjoni adottat taħt l-Artikolu 153 TFUE li tista’ taffettwa d-dritt tagħha li tiddefinixxi d-dispożizzjonijiet fundamentali tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħha jew li taffettwa b’mod sinjifikattiv il-bilanċ finanzjarju ta’ dik is-sistema. Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti li l-Gvern Svediż iressaq taħt dan it-titolu għandhom jiġu miċħuda. |
|
16. |
Bl-istess mod, l-argumenti l-oħra tal-Gvern Svediż b’riferiment għall-istat ta’ armonizzazzjoni u n-natura tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali fil-livell tal-Unjoni Ewropea ma għandhom ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk differenza bejn it-trattament fiskali tal-fondi tal-PĠ u dawk residenti fi Stati Membri oħra tikkostitwixxix restrizzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 63 TFUE. L-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inklużi dawk li jirregolaw l-erba’ libertajiet, irrispettivament minn jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix obbligu fuq l-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra. |
|
17. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda b’dan il-mod: L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li d-dividendi mħallsa minn kumpanniji nazzjonali lill-istituzzjonijiet tal-irtirar pubbliċi barranin huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi korrispondenti ma jiġux intaxxati jekk jakkumulaw lill-Istat proprju permezz tal-fondi ta’ pensjoni ġenerali tiegħu, jikkostitwixxi tali trattament iddifferenzjat negattiv li jinvolvi, fil-prinċipju, restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital. |
B. It‑tieni domanda
1. L‑osservazzjonijiet tal‑partijiet
|
18. |
Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jsostnu li ċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti u dawk tal-fondi tal-PĠ huma oġġettivament paragunabbli. Meta jevalwaw jekk istituzzjoni tal-irtirar pubblika barranija hijiex f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ fond ta’ pensjoni domestiku, ir-rikorrenti jsostnu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan, il-funzjonijiet u l-kompiti ewlenin tal-korpi pparagunati. Ir-rikorrenti jsostnu li dawn jeżistu għall-istess għanijiet bħall-fondi tal-PĠ: bħala fondi ta’ buffer involuti fil-ġestjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta’ assigurazzjoni obbligatorji tal-pensjoni tax-xogħol rispettivi tagħhom. Peress li jaqdu għan identiku, ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex meħtieġ li jieħdu għamla legali identika bħall-fondi tal-PĠ sabiex dawn jitqiesu oġġettivament paragunabbli ( 14 ). Fi kwalunkwe każ, filwaqt li l-fondi tal-PĠ huma parti mill-Istat Svediż, ir-rikorrenti huma prattikament parti mill-Istat Finlandiż. |
|
19. |
Numru ta’ fatturi jindikaw li l-fondi ta’ pensjonijiet pubbliċi Finlandiżi u Svediżi huma oġġettivament paragunabbli. It-tnejn huma rregolati minn liġijiet speċifiċi. Il-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet pubbliċi obbligatorji jitħallsu lill-fondi tal-PĠ fl-Isvezja, filwaqt li fil-Finlandja tali kontribuzzjonijiet jitħallsu lil Keva u lil-Landskapet Ålands pensionsfond. Il-Pensionsmyndigheten (l-Aġenzija tal-Pensjonijiet, l-Isvezja) tħallas il-pensjonijiet fl-Isvezja, filwaqt li Keva (f’isimha proprju u f’isem il-Kyrkans Centralfond) u l-gvern tar-reġjun ta’ Åland (f’isem Landskapet Ålands pensionsfond) iwettqu dik il-funzjoni fil-Finlandja. Il-fondi tal-PĠ u r-rikorrenti huma fost l-ikbar investituri istituzzjonali fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Filwaqt li joperaw f’kuntest legali strett u huma suġġetti għal strateġiji ta’ investiment preċiżi, il-fondi tal-PĠ u r-rikorrenti jinvestu, inter alia, f’kumpanniji domestiċi u barranin, proprjetà u strumenti finanzjarji. It-trattament fiskali tagħhom fl-Istati Membri ta’ residenza tagħhom huwa wkoll identiku peress li l-fondi tal-PĠ ma humiex suġġetti għat-taxxa fl-Isvezja minħabba li huma parti mill-Istat Svediż, filwaqt li r-rikorrenti huma, bil-liġi, eżenti mit-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja. |
|
20. |
Il-Kummissjoni tosserva li l-fondi ta’ pensjoni Svediżi u Finlandiżi jaqdu l-istess għan u skop soċjali u għandhom l-istess strutturi amministrattivi u legali. It-tħaddim tagħhom, inklużi l-mudelli ta’ finanzjament tagħhom huma, fil-prattika, identiċi. Hekk kif il-fondi tal-PĠ huma parti mill-Istat Svediż, Landskapet Ålands pensionsfond u Kyrkans Centralfond huma, rispettivament, parti mir-reġjun ta’ Åland u mill-Knisja Evanġelika Luterana. Filwaqt li Keva hija entità legali rregolata mid-dritt pubbliku, dan ma jipprekludihiex milli tkun paragunabbli mal-fondi tal-PĠ. Il-paragunabbiltà għandha tiġi evalwata b’mod ħolistiku, billi jitqiesu l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet li qed jiġu eżaminati. |
|
21. |
Il-konvenuta u l-Gvern Spanjol u dak Svediż isostnu li l-fondi tal-PĠ u r-rikorrenti ma humiex f’ċirkustanzi oġġettivament paragunabbli. Id-differenza fit-trattament fiskali tal-fondi tal-PĠ u tar-rikorrenti hija konsegwenza tal-fatt li tal-ewwel huma parti mill-Istat, u mhux minħabba li huma residenti fl-Isvezja. Il-konvenuta tosserva wkoll li l-fondi tal-PĠ joperaw bħala buffer fis-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi nazzjonali Svediża. Bħala fondi ta’ stabbilizzazzjoni, l-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja u d-durabbiltà tas-sistema Svediża tas-sigurtà soċjali. Il-fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti ma jistgħux, bħala definizzjoni, isegwu dan l-għan partikolari. |
|
22. |
Il-Gvern Svediż isostni li l-għanijiet li ssegwi miżura fiskali jistgħu jkunu limitati għal ċirkustanzi u kwistjonijiet ta’ interess pubbliku li huma marbuta direttament ma’ Stat Membru partikolari. B’riżultat ta’ dan, sitwazzjonijiet transkonfinali u interni ma humiex oġġettivament paragunabbli. L-eżenzjoni mit-tassazzjoni mogħtija lill-fondi tal-PĠ hija marbuta direttament mal-Istat Svediż għaliex tfittex li tevita l-piż amministrattiv ta’ fluss ċirkolari ta’ riżorsi li ma huwa ta’ ebda benefiċċju finanzjarju għall-Istat. |
|
23. |
Fil-fehma tal-Gvern Svediż, id-dritt ta’ kull Stat Membru li jfassal u jorganizza s-sistema ta’ sigurtà soċjali tiegħu, inkluż il-mod kif din tiġi ffinanzjata, huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà oġġettiva. L-interess pubbliku li s-sistema pubblika nazzjonali tal-pensjonijiet tippromwovi huwa direttament marbut mal-Istat Svediż u ma jikkompetix ma’ sistemi li jeżistu fi Stati Membri oħra. Għalhekk ma huwiex possibbli li jsir paragun oġġettiv tad-diversi sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri. |
|
24. |
Jekk, quod non, ikun possibbli li tiġi evalwata l-paragunabbiltà oġġettiva tar-rikorrenti u tal-fondi tal-PĠ, il-Gvern Svediż u l-konvenuta jaċċettaw li għandhom jitqiesu l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-kompiti prinċipali rispettivi tagħhom, il-qafas regolamentari li fih joperaw, il-metodi li bihom huma ffinanzjati u l-mod li bih huma organizzati. Il-Gvern Svediż madankollu jinsisti li, meta ssir din l-evalwazzjoni, għandha titqies l-indipendenza ta’ fond ta’ pensjoni pubbliku mhux residenti minn kull responsabbiltà għal benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali u mill-baġit nazzjonali. Il-paragunabbiltà oġġettiva għandha tirrikjedi li l-fond ta’ pensjoni pubbliku mhux residenti jkun ikkonċernat biss u esklużivament mill-ġestjoni ta’ fondi ta’ buffer bil-ħsieb li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-pensjonijiet tal-irtirar. Fondi bħal dawn għandhom ukoll ikunu kompletament eżenti mit-taxxa taħt id-dritt nazzjonali. L-evalwazzjoni aħħarija ta’ dawn il-kwistjonijiet hija kompitu tal-qorti tar-rinviju. |
2. Analiżi
|
25. |
Id-differenza fit-trattament taħt il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tista’ tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital meta d-differenza tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli ( 15 ). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura paragunabbli għandha tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan, l-iskop u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ( 16 ). Fid-determinazzjoni dwar jekk differenza fit-trattament li tirriżulta minn leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva ta’ sitwazzjoni, għandhom jitqiesu l-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti li jinsabu f’dik il-leġiżlazzjoni ( 17 ). |
|
26. |
Ladarba Stat Membru, jew b’mod unilaterali jew permezz ta’ konvenzjoni, jimponi taxxa fuq id-dħul mid-dividendi li kontribwenti residenti u mhux residenti jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni ta’ dawn il-kontribwenti tkun paragunabbli ( 18 ). Għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 21 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-konvenuta u l-Gvern Spanjol u dak Svediż isostnu li r-rikorrenti u l-fondi tal-PĠ ma humiex oġġettivament paragunabbli. |
|
27. |
Mingħajr ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li ma hemm xejn li jissuġġerixxi li, fid-dawl tal-għan, l-iskop u l-kontenut tal-eżenzjoni mit-taxxa tal-Istat Svediż, din l-eżenzjoni kienet intiża sabiex tirrifletti differenza oġġettiva fiċ-ċirkustanzi ta’ fondi ta’ pensjoni pubbliċi residenti u mhux residenti. Dan jaqbel mal-affermazzjoni tal-konvenuta u tal-Gvern Spanjol u dak Svediż li d-differenza fit-trattament tirriżulta minħabba l-fatt li l-fondi tal-PĠ huma parti integrali mill-Istat Svediż u ma hijiex ibbażata fuq ir-residenza. Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni li l-Istat Svediż jiġi eżentat mit-taxxa ġiet introdotta sabiex jiġi evitat il-piż amministrattiv ta’ fluss ċirkolari ta’ riżorsi li ma huwa ta’ ebda benefiċċju finanzjarju għal dan l-Istat. Konsegwentement, jista’ jiġi osservat li minflok ma tirrifletti differenza fiċ-ċirkustanzi rispettivi tar-rikorrenti u tal-fondi tal-PĠ, l-eżenzjoni mogħtija lil dawn tal-aħħar toħloq tali differenza. |
|
28. |
Għalkemm l-għan, l-iskop u l-kontenut tal-eżenzjoni tat-taxxa tal-Istat Svediż ma jindikaw l-ebda kriterji li jistgħu jgħinu f’paragun oġġettiv tar-rikorrenti u l-fondi tal-PĠ, il-partijiet, madankollu, jaqblu dwar xi wħud mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jsir dak l-eżerċizzju. |
|
29. |
Konstatazzjoni li persuni jinsabu f’ċirkustanzi oġġettivament paragunabbli b’tali mod li għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE ma tikkorrispondix għal konstatazzjoni li dawn jinsabu f’ċirkustanzi identiċi. Evalwazzjoni ġenerali tal-paragunabbiltà oġġettiva tar-rikorrenti u tal-fondi tal-PĠ teħtieġ li jitqiesu l-għan, il-funzjonijiet u l-kompiti ewlenin rispettivi tagħhom, l-oqfsa regolamentari li joperaw fihom u l-karatteristiċi prinċipali tal-organizzazzjonijiet tagħhom. Minn dan isegwi li elementi anċillari, inklużi differenzi ta’ natura purament teknika, ma humiex determinanti f’din l-evalwazzjoni. |
|
30. |
Mixtarra f’dan id-dawl, l-affermazzjoni tal-konvenuta li l-fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti ma għandhomx l-għan li jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja u d-durabilità tas-sistema tas-sigurtà soċjali Svediża u li għalhekk ma jistgħux jitqabblu mal-fondi tal-PĠ hija indebitament restrittiva. Billi, min-natura tiegħu, kull fond għandu l-għan li jipproteġi l-istabbiltà u d-durabbiltà ta’ sistema ta’ pensjonijiet nazzjonali distinta, approċċ bħal dan jagħmilha impossibbli li jsir paragun anki ta’ fondi ta’ pensjonijiet identiċi bejn il-fruntieri. L-evalwazzjoni tal-għanijiet tar-rikorrenti tista’ ssir biss fil-kuntest tas-sistema tas-sigurtà soċjali li joperaw fiha, u mhux b’riferiment għal dik ta’ Stat Membru ieħor. |
|
31. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda kif ġej: L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk istituzzjoni tal-irtirar pubblika barranija tkunx f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik tal-Istat proprju u tal-fondi ġenerali tal-pensjonijiet tiegħu jinkludu l-għanijiet, il-funzjonijiet u l-kompiti ewlenin tagħhom, l-oqfsa regolamentari li joperaw fihom u l-karatteristiċi tal-organizzazzjonijiet tagħhom. |
C. It‑tielet domanda
|
32. |
It-tielet domanda tistaqsi jekk restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku. Kif ifformulata, din id-domanda neċessarjament tistieden risposta fl-affermattiv. Moqrija fil-kuntest li fih id-deċiżjoni tar-rinviju saret, huwa ċar li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob gwida dwar jekk il-ġustifikazzjonijiet imressqa għal restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-kapital jistgħux, bħala prinċipju, jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda kif hekk riformulata. |
1. L‑osservazzjonijiet tal‑partijiet
|
33. |
Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jsostnu li ma ġiet invokata ebda raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li huma jidentifikaw fit-trattament fiskali differenti tar-rikorrenti meta mqabbel ma’ dak mogħti lill-fondi tal-PĠ. La kwalunkwe biża’ ta’ telf ta’ dħul lill-fondi tal-PĠ bħala konsegwenza tat-taxxa fuq id-dividendi li jirċievu, u lanqas xi diffikultajiet ta’ natura amministrattiva, ma jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ din ir-restrizzjoni. Skont il-Kummissjoni, hija kwistjoni għall-Isvezja jekk tixtieqx talloka riżorsi lill-fondi tal-PĠ f’każ li d-dividendi li jirċievu jkunu suġġetti għat-taxxa. Lanqas ma hemm xejn li jipprevjeni lill-Isvezja milli teżenta mit-tassazzjoni fondi ta’ pensjoni pubbliċi oġġettivament paragunabbli, kif diġà għamlet fir-rigward ta’ fondi ta’ pensjoni residenti fil-Kanada u fl-Istati Uniti tal-Amerika ( 19 ). |
|
34. |
Jekk it-trattament fiskali inkwistjoni jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, il-konvenuta u l-Gvern Spanjol u dak Svediż isostnu li din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata b’riferiment għal raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku. Il-konvenuta u l-Gvern Svediż isostnu li l-għan tal-fondi tal-PĠ huwa li jiggarantixxi l-finanzjament tal-politika soċjali tal-Isvezja billi jiżgura li din tkun finanzjarjament indipendenti minn, u separata mill-bqija tal-baġit tal-Istat. Fil-preżent, l-Istat Svediż ma huwiex meħtieġ jalloka riżorsi lill-fondi tal-PĠ biex jikkumpensa l-ħlas tat-taxxa fuq id-dividendi mir-riżorsi tagħhom stess. Dan l-arranġament isostni l-fiduċja pubblika fis-sistema tal-pensjonijiet. |
|
35. |
Il-konvenuta tosserva li l-prinċipju ta’ territorjalità fiskali u t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jagħtuhom id-dritt li jintaxxaw id-dħul iġġenerat fit-territorji rispettivi tagħhom. L-intaxxar tad-dividendi riċevuti mill-fondi tal-PĠ jimponi piż amministrattiv bla bżonn mingħajr ma jinħoloq xi benefiċċju finanzjarju għall-Istat. B’mod kontrastanti, l-eżenzjoni tar-rikorrenti mit-tassazzjoni fuq id-dividendi li jirċievu minn kumpanniji residenti Svediżi twassal sabiex l-Istat Svediż iġarrab telf. |
|
36. |
Barra minn hekk, il-Gvern Svediż isostni li jkun kuntrarju għat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħat bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali li l-Isvezja titlob li testendi l-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa li hija tagħti lill-fondi tal-PĠ għall-fondi ta’ pensjoni pubbliċi stabbiliti fi Stati Membri oħra. |
|
37. |
Filwaqt li jirrikonoxxu li raġunijiet ta’ natura purament ekonomika jew amministrattiva ma jikkostitwixxux raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattati, kemm il-Gvern Svediż kif ukoll il-konvenuta jsostnu li restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata meta tkun iddettata minn raġunijiet ta’ natura ekonomika li għandhom għan ta’ interess pubbliku ( 20 ). F’dan ir-rigward, il-Gvern Svediż isostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li jsostnu t-tfassil tas-sistema pubblika nazzjonali tal-pensjonijiet u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-indipendenza, l-istabbiltà finanzjarja u d-durabbiltà tal-fondi tal-PĠ. |
2. Analiżi
|
38. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital meta jkunu ġġustifikati minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, huma xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-iskop ( 21 ). L-invokazzjoni ta’ raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku hija permessa biss sal-punt li tali interessi ma jkunux protetti minn miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Fl-assenza ta’ tali miżuri ta’ armonizzazzjoni, huma, bħala prinċipju, l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw tali interessi u l-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. Tali miżuri għandhom madankollu jibqgħu fil-limiti stabbiliti mit-Trattat u jkunu proporzjonati ( 22 ). |
|
39. |
Raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku jinkludu l-iżgurar tal-effettività tas-superviżjoni fiskali u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa ( 23 ), il-prevenzjoni ta’ arranġamenti kompletament artifiċjali ( 24 ), il-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistemi tat-taxxa ( 25 ) u l-ibbilanċjar tal-allokazzjoni tas-setgħa ta’ tassazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ( 26 ). |
|
40. |
Mingħajr ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-għan tal-eżenzjoni tal-Istat Svediż mill-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul huwa li jiġi evitat il-piż amministrattiv ta’ fluss ċirkolari ta’ riżorsi li ma huwa ta’ ebda benefiċċju finanzjarju għal dan l-Istat. In-natura ta’ tali ġustifikazzjoni hija ta’ konvenjenza amministrattiva. Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-konvenjenza amministrattiva ma hijiex raġuni prevalenti fl-interess pubbliku u ma tistax tiġġustifika nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tat-Trattat ( 27 ). Din l-osservazzjoni tapplika bl-istess mod għall-argument li l-fondi tal-PĠ għandhom jinżammu indipendenti u separati mill-bqija tal-baġit tal-Istat sabiex tiġi ppreżervata l-fiduċja tal-pubbliku f’dawn il-fondi. Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-intaxxar tad-dividendi li jirċievu l-fondi tal-PĠ ikun jeħtieġ li l-Gvern Svediż jallokalhom riżorsi sabiex itaffi l-konsegwenzi tal-ħlas ta’ dik it-taxxa, naqbel mas-suġġeriment tal-Kummissjoni li din hija, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni għall-Isvezja li tiddeċiedi jekk dan huwiex opportun. |
|
41. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li fil-mument li Stat Membru jkun għażel li jipproċedi għall-eżenzjoni totali jew kważi totali tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni residenti, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi sabiex tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti ( 28 ). Din ir-regola għandha tapplika bl-istess mod għal kull dipendenza fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
|
42. |
Anki jekk kull Stat Membru huwa liberu li jfassal u jorganizza s-sistema ta’ sigurtà soċjali tiegħu, inklużi l-mezzi ta’ kif għandha tiġi ffinanzjata, l-eżerċizzju ta’ din il-libertà huwa suġġett għall-osservanza tat-Trattati. Fit-trattament fiskali tagħha ta’ tali fondi, madankollu, l-Isvezja hija marbuta li ma tittrattax fondi ta’ pensjoni pubbliċi mhux residenti b’tali mod li toħloq restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. |
|
43. |
Sa fejn il-Gvern Svediż isostni li t-trattament fiskali differenti jista’ jiġi ġġustifikat minn raġunijiet ta’ natura ekonomika fil-kuntest ta’ għan ta’ interess ġenerali, huwa ma ressaq ebda element jew fattur, lil hinn mill-konvenjenza amministrattiva, biex isostni din l-asserzjoni. |
|
44. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda kif ġej: L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li filwaqt li restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, il-ġustifikazzjonijiet imressqa hawnhekk, fil-prinċipju, ma jidhrux li jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku. |
III. Konklużjoni
|
45. |
Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) kif ġej: L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Il-pensjoni bbażata fuq id-dħul u l-pensjoni bbażata fuq il-premium, flimkien mas-suppliment tal-pensjoni bbażata fuq id-dħul u l-pensjoni ta’ garanzija, huma komponenti tal-pensjoni pubblika nazzjonali. 16 % tad-dħul pensjonabbli ta’ persuna u benefiċċji taxxabbli oħra huma allokati għall-pensjoni bbażata fuq id-dħul u 2. 5% għall-pensjoni bbażata fuq il-premium.
( 3 ) Il-fondi ta’ pensjoni ġenerali (iktar ’il quddiem il-“fondi tal-PĠ”) jikkonsistu mill-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet, ir-Raba’, is-Sitt u s-Seba’ Fond. Bl-eċċezzjoni tas-Seba’ Fond, il-fondi tal-PĠ jamministraw il-kapital biex jipproteġu s-sistema tal-pensjonijiet ibbażati fuq id-dħul sabiex jibbilanċjaw kwalunkwe eċċess u defiċit bejn il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni u l-ħlasijiet tal-pensjoni f’sena partikolari, u biex jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fit-tul tas-sistema tal-pensjoni. Is-Seba’ Fond jamministra l-kapital idderivat mill-pensjoni bbażata fuq il-premium.
( 4 ) Kapitolu 7, Artikolu 2 tal-inkomstskattelagen (1999:1229) (il-Liġi (1999:1229) Dwar it-Taxxa fuq id-Dħul).
( 5 ) Is-sistema tal-pensjoni fil-Finlandja tikkonsisti minn pensjoni relatata mal-qligħ ibbażata fuq l-impjieg (pensjoni tax-xogħol), pensjoni nazzjonali bbażata fuq ir-residenza u pensjoni ta’ garanzija.
( 6 ) Persuna ġuridika barranija (“utländsk juridisk person”) hija entità residenti f’pajjiż ieħor għajr l-Isvezja li tissodisfa ċerti rekwiżiti legali li minħabba fihom id-dritt Svediż jikkunsidraha bħala ekwivalenti għal persuna ġuridika Svediża. Għal skopijiet ta’ taxxa, persuni ġuridiċi barranin jitqiesu mhux residenti fl-Isvezja.
( 7 ) Il-Konvenzjoni bejn il-Pajjiżi Nordiċi Sabiex Tiġi Evitata t-Taxxa Doppja Fir-rigward tat-Taxxi fuq id-Dħul u fuq il-Kapital, iffirmata f’Ħelsinki fit‑23 ta’ Settembru 1996, ġiet trasposta fid-dritt Svediż permezz ta’ lag (1996:1512) om dubbelbeskattningsavtal mellan de nordiska länderna (il-Liġi (1996:1512) dwar il-Konvenzjoni tat-Taxxa Doppja bejn il-Pajjiżi Nordiċi).
( 8 ) Taħt lag (1990:661) om avkastningsskatt på pensionsmedel (il-Liġi (1990:661) dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Kapital fuq il-Fondi ta’ Pensjoni), il-fondi ta’ pensjoni Svediżi u l-kumpanniji tal-assigurazzjoni tal-ħajja jridu jħallsu taxxa fuq id-dħul mill-kapital, ikkalkulata b’rata fissa maħsuba biex tintaxxa d-dħul mill-kapital kurrenti dderivat minn tfaddil għall-irtirar.
( 9 ) Id-deroga taħt l-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija ta’ applikazzjoni stretta u hija limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li tali dispożizzjonijiet nazzjonali ma għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 63); u tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN (C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas‑17 ta’ Marzu 2022, AllianzGI-Fonds AEVN (C‑545/19, EU:C:2022:193, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 48), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 50).
( 14 ) Ir-rikorrenti, b’riferiment għas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 50), josservaw li l-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi tal-irtirar ma ġiex armonizzat fuq livell tal-Unjoni.
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑39/10, EU:C:2012:282, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara lag (1996:1511) om dubbelbeskattningsavtal mellan Sverige och Canada (Il-Liġi (1996:1511) dwar it-Trattat ta’ Tassazzjoni Doppja bejn il-Kanada u l-Isvezja) u lag (1994:1617) om dubbelbeskattningsavtal mellan Sverige och Amerikas Förenta Stater (il-Liġi (1994:1617) dwar it-Trattat ta’ Tassazzjoni Doppja bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Isvezja).
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (Eżenzjoni ta’ fondi ta’ investiment kuntrattwali) (C‑342/20, EU:C:2022:276, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑282/04 u C‑283/04, EU:C:2006:608, punti 32 u 33).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punt 55); tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 69); u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 73 u 74).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 81 u 84).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C‑181/12, EU:C:2013:662, punt 59), u tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DRA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 91 u 92).
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punti 118 u 121); tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DRA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 98); u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 72).
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (58/81, EU:C:1982:215, punt 4); tal‑15 ta’ Lulju 2004, Lenz (C‑315/02, EU:C:2004:446, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punti 47 u 48).
( 28 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).