European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1774

20.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1774

tat-13 ta’ Lulju 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex jiġi estiż il-programm tal-AGOA u dwar l-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)

Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO jistabbilixxu l-proċeduri għall-għoti ta’ derogi li jikkonċernaw il-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1A, 1B u 1C tal-Ftehim tad-WTO u l-annessi tagħhom.

(3)

Fit-30 ta’ Novembru 2015, id-WTO ta eżenzjoni lill-Istati Uniti skont id-Deċiżjoni WT/L/970, li ppermettiet lil dak il-pajjiż biex jipprovdi trattament mingħajr dazju għal prodotti eliġibbli li joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji tal-Afrika sub-Saħarjana ddeżinjati skont l-Att Afrikan dwar it-Tkabbir u l-Opportunità (AGOA). Din l-eżenzjoni skadiet fit-30 ta’ Settembru 2025. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1942 (2), l-Unjoni appoġġat it-talba preċedenti tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex jiġi estiż il-programm AGOA.

(4)

Skont l-Artikolu IX, il-paragrafu 3, tal-Ftehim tad-WTO, l-Istati Uniti ressqu talba (G/C/W/893) għal eżenzjoni tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu I, il-paragrafu 1 u l-Artikolu XIII, il-paragrafi 1 u 2, tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 sal-31 ta’ Diċembru 2026, sa fejn ikun neċessarju biex l-Istati Uniti jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu trattament mingħajr dazju għal prodotti eliġibbli li joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji tal-Afrika sub-Saħarjana ddeżinjati skont il-programm tal-AGOA.

(5)

L-appoġġ għat-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO ma jaffettwa negattivament la l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-benefiċjarji tal-eżenzjoni. Barra minn hekk, l-Unjoni b’mod ġenerali tappoġġa azzjonijiet li jtaffu l-faqar u jippromwovu l-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-pajjiżi tal-benefiċjarji.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex testendi l-programm AGOA sal-31 ta’ Diċembru 2026 u dwar kwalunkwe talba għal eżenzjoni simili sussegwenti possibbli mill-Istati Uniti għal tali estensjoni li jenħtieġ li ma tmurx lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2030, tenut kont tat-trattament kontinwu mingħajr dazju mogħti lil prodotti eliġibbli li joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji tal-Afrika sub-Saħarjana ddeżinjati skont il-programm tal-AGOA għal aktar minn dawn l-aħħar 10 snin u l-perjodu ta’ żmien qasir mehmuż mat-talba għal eżenzjoni sottomessa mill-Istati Uniti (G/C/W/893), u f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

(7)

In-negozjati għall-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp (il-“Ftehim tal-IFD”) tnedew formalment f’Settembru 2020 u ġew iffinalizzati f’Lulju 2023. L-inizjattiva tiġbor maġġoranza kbira tal-Membri tad-WTO, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs). Il-Ftehim tal-IFD jistabbilixxi regoli dwar it-trasparenza, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u l-koerenza regolatorja domestika li jridu japplikaw għas-setturi kollha tal-ekonomija għall-miżuri kollha relatati mal-attivitajiet ta’ investiment. Il-Ftehim tal-IFD tressaq bħala ftehim plurilaterali li għandu jiġi inkorporat fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO. Tali inkorporazzjoni kienet appoġġata mill-Unjoni fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (MC13) u fil-laqgħat sussegwenti tal-Kunsill Ġenerali.

(8)

Skont l-Artikolu IV:2 tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom jitwettqu mill-Kunsill Ġenerali. Jekk deċiżjoni biex jiġi inkorporat il-Ftehim tal-IFD fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO trid tittieħed fi kwalunkwe laqgħa tal-Kunsill Ġenerali qabel il-Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss deċiżjoni, jenħtieġ li l-pożizzjoni li tittieħed f’isem l-Unjoni tkun li tappoġġa tali inkorporazzjoni.

(9)

L-Unjoni appoġġat ukoll l-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment għall-iżvilupp fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO waqt l-MC14 (WT/MIN (26)/W/5/Rev.1). Madankollu ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni ministerjali għal dan l-għan.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-inkorporazzjoni tal-IFD fl-Anness 4 għall-Ftehim tad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha taqbel mal-għotja ta’ eżenzjoni tad-WTO li tippermetti lill-Istati Uniti li jkomplu jipprovdu trattament mingħajr dazju għall-prodotti eliġibbli li joriġinaw f’pajjiżi benefiċjarji tal-Afrika sub-Saħarjana ddeżinjati skont il-programm AGOA mill-1 ta’ Ottubru 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026 u għal aktar perjodi ta’ żmien sat-30 ta’ Settembru 2030 fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Artikolu 2

L-Unjoni għandha taqbel ma’ abbozz ta’ deċiżjoni tad-WTO biex jiġi inkorporat il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp (il-“Ftehim tal-IFD”)fl-Anness 4 tal-Ftehim tad-WTO fi kwalunkwe laqgħa tal-Kunsill Ġenerali qabel il-Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss, dment li l-formulazzjoni li għandha tiġi inkorporata hija l-identika għall-formulazzjoni stabbilita fid-dokument WTO WT/MIN(26)/W/5/Rev.1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1994/800/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1942 tas-26 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Istati Uniti għal eżenzjoni tad-WTO biex testendi l-programm tal-AGOA (ĠU L 283, 29.10.2015, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1942/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1774/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)