DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
22 ta’ Frar 2022 ( *1 )
“AppellInterventKompetizzjoniKonċentrazzjonijietDeċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti impenjiImpriża li topera fis-swieq ikkonċernati mill-konċentrazzjoniInteress fis-soluzzjoni tat-tilwimaAmmissjoni”
Fil-Kawża C‑649/21 P(I),
li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑25 ta’ Ottubru 2021,
Fastweb SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn E. Cerchi, M. Merola, u F. Caliento, avvocati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Iliad Italia SpA, stabbilita f’Milano, irrappreżentata minn D. Fosselard u D. Waelbroeck, avukati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, J. Szczodrowski u C. Sjödin, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Fastweb SpA titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Settembru 2021, Iliad Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑692/20, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2021:686), li permezz tiegħu din ċaħdet it-talba għal intervent tagħha insostenn tat-talbiet ta’ Iliad Italia SpA, rikorrenti fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑692/20. |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), jipprovdi: “Konċentrazzjoni li ħa tkun ta’ tfixkil sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.” |
|
3 |
L-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji definiti fl-Artikolu 2(3) […] hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni mhix kompatibbli mas-suq komuni.” |
Il‑fatti li wasslu għall_kawża
|
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 1 sa 8 tad-digriet appellat. Huma jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
5 |
Fis‑17 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni maħsuba (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni nnotifikata”) li permezz tagħha Vodafone Europe BV u Telecom Italia SpA kellhom l-intenzjoni li jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom ta’ tħaddim ta’ infrastrutturi passivi fl-Italja fi ħdan impriża konġunta li kienet għadha kif inħolqot, imsejħa Infrastrutture Wireless Italiane SpA (iktar ’il quddiem “INWIT”). |
|
6 |
Fis‑6 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, adottat id-Deċiżjoni C(2020) 1573 final li tiddikjara t-tranżazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.9674 – Vodafone ITALIA/TIM/INWIT JV) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
|
7 |
Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, qabelxejn, evalwat l-effetti probabbli tal-konċentrazzjoni nnotifikata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern minħabba effetti vertikali mhux ikkoordinati fis-swieq tal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli bl-imnut u bl-ingrossa. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma eskludietx li l-konċentrazzjoni nnotifikata tista’ tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern minħabba, minn naħa, effetti vertikali mhux ikkoordinati għad-detriment ta’ fornituri ta’ servizzi bl-imnut u bl-ingrossa ta’ telekomunikazzjonijiet fissi mingħajr fili li jużaw it-teknoloġija “fixed wireless access” u, min-naħa l-oħra, effetti orizzontali mhux ikkoordinati relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ hosting fuq infrastrutturi passivi lill-operaturi tan-networks mobbli, lill-fornituri li jużaw it-teknoloġija “fixed wireless access” u lil klijenti għajr xandara tat-televiżjoni u tar-radju. |
|
8 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-impenji magħmula minn Vodafone Europe u Telecom Italia kienu ta’ natura li jirrendu l-konċentrazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3). Minn dan hija ddeduċiet li l-konċentrazzjoni nnotifikata, kif emendata wara l-impenji proposti mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, ma kinitx tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq fejn kienu ġew identifikati problemi ta’ kompetizzjoni. |
|
9 |
Għalhekk, id-deċiżjoni kontenzjuża tistipula li l-konċentrazzjoni nnotifikata hija kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE, sakemm il-kundizzjonijiet u l-obbligi msemmija fl-impenji annessi ma’ din id-deċiżjoni jiġu osservati mill-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat
|
10 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Novembru 2020, Iliad Italia ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
11 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Marzu 2021, Fastweb talbet li tintervjeni fil-Kawża T‑692/20 insostenn tat-talbiet ta’ Iliad Italia. |
|
12 |
Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba għal intervent. |
|
13 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 24 ta’ dan id-digriet, li Fastweb ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
14 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 33 tad-digriet appellat, li Fastweb ma kinitx ipproduċiet il-prova li hija kellha jew li hija kien ikollha effettivament tissottoskrivi ma’ INWIT servizzi ta’ hosting tat-tagħmir ta’ trażmissjoni tagħha u li għalhekk hija ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova li kien impost fuqha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, fil-punti 26, 29 u 31 ta’ dan id-digriet, li mid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni kien jirriżulta li Fastweb kienet tuża alternattivi għall-infrastrutturi passivi ta’ INWIT u li hija ma kinitx stabbilixxiet li dawn l-alternattivi setgħu jkunu insuffiċjenti sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tagħha jew li jiġu kkontestati minħabba l-falliment tas-sħubija u l-kooperazzjoni stabbilita bejn Fastweb u operaturi oħrajn. |
|
15 |
Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 34 tal-imsemmi digriet li, fi kwalunkwe każ, jekk l-osservazzjonijiet ta’ Fastweb kellhom jinftiehmu fis-sens li falliment ta’ din is-sħubija jew ta’ din il-kooperazzjoni jkun jimplika li hija jkollha bżonn servizzi ta’ hosting ta’ INWIT, tali falliment ikun jikkostitwixxi avveniment futur u ipotetiku li ma jkunx ta’ natura li jistabbilixxi interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima. |
|
16 |
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 36 tad-digriet appellat, li Fastweb ma kinitx uriet li l-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jipproduċu effetti differenti fuq is-sitwazzjoni tagħha minn dawk li jirriżultaw mis-sħubija tagħha u mill-kooperazzjoni tagħha ma’ operaturi oħrajn jew effetti li jiżdiedu ma’ dawk li kienu jirriżultaw minn din is-sħubija u minn din il-kooperazzjoni. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
17 |
Permezz tal-appell tagħha, Fastweb titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
18 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
|
19 |
Insostenn tal-appell tagħha, Fastweb tippreżenta żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq motivazzjoni żbaljata u fuq żnaturament tal-fatti u, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
Fuq l‑ewwel aggravju
Argumenti
|
20 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Fastweb issostni li d-digriet appellat huwa vvizzjat minn motivazzjoni żbaljata u minn distorsjoni tal-fatti, sa fejn, f’dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ċaħdet lil Fastweb l-eżistenza ta’ interess għas-soluzzjoni tat-tilwima għar-raġuni biss li hija attwalment tuża alternattiva għall-infrastrutturi passivi ta’ INWIT. |
|
21 |
Issa, l-unika kwistjoni rilevanti hija dwar jekk il-pożizzjoni ġuridika jew is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Fastweb hijiex ser tiġi, jew tistax tiġi, mibdula jekk jintlaqgħu t-talbiet ta’ Iliad Italia intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali kellha għalhekk tiddeċiedi dwar it-talba għal intervent billi tevalwa l-konsegwenzi ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq l-attività kummerċjali ta’ Fastweb. F’dan il-kuntest, hija ma setgħetx tevita li tibbaża ruħha fuq “suppożizzjonijiet” dwar l-effett tal-konċentrazzjoni, sa fejn kull interess fis-soluzzjoni ta’ kawża fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet huwa neċessarjament ibbażat fuq tali “suppożizzjonijiet”. |
|
22 |
F’dan il-każ, l-interess ta’ Fastweb li jsir intervent huwa stabbilit, peress li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jkun jippermettilha li jkollha kundizzjonijiet kompetittivi aħjar, billi joffrilha l-aċċess għas-servizzi ta’ hosting ta’ INWIT addizzjonalment jew minflok dawk miksuba permezz tas-sħubija tagħha u l-kooperazzjoni tagħha. Annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni jkun jippermetti, min-naħa tiegħu, lil Fastweb taċċedi għal firxa aħjar ta’ siti ta’ INWIT kif ukoll li jkollha ċarezza ikbar fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ dawn is-siti u fir-rigward tal-proċeduri ta’ aċċess għall-imsemmija siti. |
|
23 |
Il-Qorti Ġenerali għalhekk injorat l-elementi essenzjali tal-kawża, b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li assenza ta’ kwalunkwe alternattiva fis-suq għas-siti attwalment użati minn INWIT tkun iċċaħħadha mis-setgħa ta’ negozjar fil-konfront tal-imsieħba tagħha u tkun tillimita l-kompetizzjoni fis-suq. |
|
24 |
Fastweb issostni wkoll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi punti ta’ fatt addizzjonali, jiġifieri l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, il-kwalità tagħha ta’ operatur ġdid ta’ network tas-suq li jidħol fis-suq, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni dwar id-dannu subit minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għas-siti ta’ INWIT kif ukoll ix-xebh bejn il-pożizzjoni tagħha u dik ta’ Iliad Italia. |
|
25 |
Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju billi ssostni li Fastweb, minn naħa, tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tallega jew tipprova żnaturament tal-fatti u, min-naħa l-oħra, tipproduċi punti ta’ fatt li ma ġewx invokati quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Evalwazzjoni
|
26 |
Preliminarjament, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, minn naħa, li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha kompetenza sabiex tevalwa l-provi. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, punt ta’ liġi li, bħala tali, huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Bundesverband der Pharmazeutischen Industrie vs Allergopharma, C‑157/16 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2016:476, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Għalkemm il-preżentazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-argument imressaq minn Fastweb insostenn tal-ewwel aggravju tagħha tista’, ċertament, twassal sabiex dan l-argument jitqies li huwa parzjalment intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz ta’ dan l-aggravju, Fastweb issostni essenzjalment li l-Qorti Ġenerali evalwat l-eżistenza tal-interess tagħha fis-soluzzjoni tat-tilwima abbażi ta’ kriterju żbaljat, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ użu attwali jew prevedibbli tas-servizzi tal-partijiet fil-konċentrazzjoni inkwistjoni, meta kellu jiġu ddeterminat biss jekk il-pożizzjoni ġuridika tagħha jew is-sitwazzjoni ekonomika tagħha setgħetx, fid-dawl tal-effetti prevedibbli ta’ din il-konċentrazzjoni fuq il-kundizzjonijiet kompetittivi li jolqtu lil din il-kumpannija, tiġi mibdula permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
29 |
Tali lment jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tal-appell, sa fejn jirrigwarda żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l-ewwel aggravju għandu jitqies li huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda dan l-ilment. |
|
30 |
Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Novembru 2019, EDP España vs Il‑Kummissjoni, C‑536/19 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2019:965, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Issa, billi sostniet li l-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt imsemmija fil-punt 24 ta’ dan id-digriet, li effettivament ma kinux tqajmu fl-ewwel istanza, Fastweb tippreżenta fir-realtà quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq il-fatt li t-talba għal intervent tagħha kellha tintlaqa’ abbażi ta’ dawn il-punti ta’ fatt. Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq l-imsemmija punti ta’ fatt għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
|
32 |
Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-argumenti ta’ Fastweb miġbura fil-qosor fil-punti 22 u 23 ta’ dan id-digriet għandhom jitqiesu bħala li jispjegaw sempliċement ir-rilevanza, fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-interess tagħha fis-soluzzjoni tat-tilwima, tal-espożizzjoni tal-pożizzjoni ekonomika ta’ din l-impriża, kif jirriżulta mill-punt 7 tat-talba għal intervent ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, u għalhekk dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
|
33 |
Fir-rigward tal-eżami fil-mertu tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 25 sa 34 tad-digriet appellat isegwi li l-Qorti Ġenerali qieset li t-talba għal intervent ta’ Fastweb kellha tintlaqa’ biss sa fejn din kienet stabbilixxiet, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-organizzazzjoni attwali tal-operazzjonijiet tagħha, li hija kellha bżonn attwali jew futur ta’ aċċess għall-infrastrutturi passivi ta’ INWIT u, għaldaqstant, li hija kellha jew kien ikollha effettivament tissottoskrivi ma’ INWIT għal servizzi ta’ hosting. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kull persuna tista’ tintervjeni quddiem il-qrati tal-Unjoni jekk hija tista’ turi li għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem waħda minnhom. |
|
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “interess fir-riżultat ta’ xi kawża”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 40, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tas-suġġett innifsu tat-tilwima u għandu jinftiehem li jfisser interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet infushom, u mhux interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mqajma. Fil-fatt, il-kliem “riżultat ta’ xi kawża” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, kif stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ġunju 2021, ratiopharm et vs Il‑Kummissjoni, C‑220/21 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2021:521, punt 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat li min ressaq it-talba għal intervent huwa milqut direttament mill-att ikkontestat u li l-interess tiegħu fis-soluzzjoni tat-tilwima jkun stabbilit. Bħala prinċipju, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima jista’ jitqies li huwa suffiċjentement dirett biss sa fejn din is-soluzzjoni hija ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni legali ta’ min ressaq it-talba għal intervent (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ġunju 2021, ratiopharm et vs Il‑Kummissjoni, C‑220/21 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2021:521, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn min iressaq talba għal intervent li jiġġustifika interess dirett fl-eżitu tat-talbiet ippreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-kawża li jixtieq jintervjeni fiha u min jiġġustifika biss interess indirett fis-soluzzjoni tat-tilwima minħabba xebh bejn is-sitwazzjoni tiegħu u dik ta’ waħda mill-partijiet (digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ġunju 2021, ratiopharm et vs Il‑Kummissjoni, C‑220/21 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2021:521, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-eżistenza ta’ tali interess fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni jistabbilixxu dritt li wieħed ma jkunx suġġett għal kompetizzjoni distorta minn miżuri kuntrarji għall-Artikoli 101, 102 u 107 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 112). |
|
39 |
Għalhekk, seta’ jitqies li interess fis-soluzzjoni tat-tilwima kellu jiġi rrikonoxxut lil min iressaq it-talba għal intervent meta l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li hija s-suġġett tat-tilwima jista’ jkollha konsegwenzi diretti u attwali fuq is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu, b’mod partikolari meta ma jistax jiġi eskluż li proġett iffinanzjat permezz ta’ tali skema joffri alternattiva għas-servizzi offruti minn min ressaq it-talba għal intervent u għalhekk jista’ jkollu konsegwenzi fuq l-attivitajiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Ottubru 2019, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑174/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1096, punti 9, 22 u 40). |
|
40 |
Bl-istess mod, kompetituri ta’ impriża li deċiżjoni tal-Kummissjoni imputatilha abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, li s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom kienet mibdula bl-aġir inkwistjoni, setgħu jiġu rrikonoxxuti li għandhom interess li jsir intervent insostenn ta’ talbiet intiżi għaċ-ċaħda ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Frar 2008, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:114, punti 9 u 10, kif ukoll tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Ġunju 2012, Schenker vs Deutsche Lufthansa et, C‑602/11 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2012:337, punti 11 u 12). |
|
41 |
Issa, mill-Artikolu 2(3) u mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fi ħdan dan is-suq jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. |
|
42 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, impriża li hija attiva f’suq wieħed jew diversi identifikati mill-Kummissjoni bħala li jistgħu jkunu milquta mill-effetti antikompetittivi probabbli ta’ konċentrazzjoni għandha, bħala prinċipju, titqies li għandha interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tawtorizza din il-konċentrazzjoni, sa fejn ma jistax jiġi eskluż, fi stadju preliminari tal-proċedura ta’ appell, li l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija konċentrazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet kif ukoll l-obbligi li għalihom hija suġġetta din l-awtorizzazzjoni, ikun jista’ jkollhom konsegwenzi fuq l-attivitajiet ta’ din l-impriża. |
|
43 |
Iċ-ċirkustanza li tali impriża attwalment tuża s-servizzi ta’ operatur ieħor li ma huwiex wieħed mill-partijiet fil-konċentrazzjoni inkwistjoni ma tistax tippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ tali interess, peress li, kif issostni Fastweb, il-bidla tas-sitwazzjoni kompetittiva li tirriżulta mill-konċentrazzjoni nnotifikata tista’, anki f’tali każ, tinfluwenza l-għażliet ekonomiċi li din l-impriża għandha u fuq is-setgħa ta’ negozjar li din għandha fl-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tagħha. |
|
44 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li kienet Fastweb, sabiex tistabbilixxi l-interess tagħha fis-soluzzjoni tal-Kawża T‑692/20, li kellha tipproduċi l-prova li hija ma setgħetx twettaq l-attività tagħha billi tuża l-infrastrutturi li hija kellha aċċess attwali għalihom abbażi ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni ma’ operaturi oħrajn u, għalhekk, li hija kellha jew kien ikollha effettivament tissottoskrivi ma’ INWIT għal servizzi ta’ hosting tat-tagħmir ta’ trażmissjoni tagħha. |
|
45 |
Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel aggravju jintlaqa’. |
|
46 |
Madankollu, peress li d-dispożittiv tad-digriet appellat huwa bbażat ukoll fuq motiv ibbażat fuq il-paragun bejn il-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti mid-deċiżjoni kontenzjuża, huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni aggravju, li huwa intiż li jikkontesta dan il-motiv. |
Fuq it‑tieni aggravju
Argumenti
|
47 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Fastweb targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi fil-punt 36 tad-digriet appellat. |
|
48 |
Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea billi evalwat l-interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mhux b’rabta mat-talbiet ippreżentati minn Iliad Italia, iżda billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet allegatament żbaljati li jinsabu f’din id-deċiżjoni. |
|
49 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ipparagunat is-sitwazzjoni ta’ Fastweb ma’ dik ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi oħrajn billi rrikjediet li hija turi li l-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti mid-deċiżjoni kontenzjuża jkollhom effetti speċifiċi fil-konfront tagħha. |
|
50 |
Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-digriet appellat, peress li l-Qorti Ġenerali effettivament evalwat l-interess fis-soluzzjoni tat-tilwima ta’ Fastweb abbażi tal-kriterji li jirriżultaw minn ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni. |
Evalwazzjoni
|
51 |
Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 36 tad-digriet appellat, ma jistax jiġi rikjest minn impriża attiva f’suq wieħed jew diversi identifikati mill-Kummissjoni bħala li jistgħu jkunu milquta mill-effetti antikompetittivi probabbli ta’ konċentrazzjoni li hija turi li l-effetti fuq is-sitwazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi imposti fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni huma differenti minn dawk li jirriżultaw mir-relazzjonijiet attwali tagħha ma’ operaturi oħra. |
|
52 |
Fil-fatt, kif issostni Fastweb, peress li l-eżami ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni li tawtorizza konċentrazzjoni għandu b’mod partikolari l-għan li jevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti minn din id-deċiżjoni huma suffiċjenti sabiex jeskludu l-okkorrenza ta’ effetti antikompetittivi fil-każ ta’ twettiq ta’ din il-konċentrazzjoni, ma jistax jiġi mistenni minn min ressaq it-talba għal intervent li huwa juri, fi stadju preliminari tal-proċedura, li dawn il-kundizzjonijiet u dawn l-obbligi huma insuffiċjenti sabiex jiġu evitati tali effetti. |
|
53 |
Barra minn hekk, peress li l-interess ta’ impriża fl-annullament ta’ deċiżjoni li tawtorizza konċentrazzjoni għandu, kif jirriżulta mill-punti 42 u 43 ta’ dan id-digriet, jiġi evalwat mingħajr ma tingħata natura deċiżiva liċ-ċirkustanza li din l-impriża hija attwalment fornuta minn operaturi oħrajn li ma humiex il-partijiet fil-konċentrazzjoni, paragun eventwali bejn l-effetti tal-ftehimiet konklużi ma’ dawn l-operaturi u dawk tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi imposti minn din id-deċiżjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun determinanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. |
|
54 |
Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, id-digriet appellat għandu jiġi annullat. |
Fuq it‑talba għal intervent imressqa quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
55 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni. |
|
56 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi definittivament it-talba għal intervent ta’ Fastweb. |
|
57 |
Fit-talba għal intervent tagħha, Fastweb issostni li, bħala fornitur ta’ servizzi mobbli u fissi bl-imnut u bl-ingrossa, hija waħda mill-operaturi li tixtri servizzi ta’ akkoljenza fuq infrastruttura ta’ network passiv. F’dan ir-rigward, hija ssostni li hija għandha jkollha aċċess għas-siti ta’ INWIT u li tixtri servizzi ta’ akkoljenza fuq makro-siti mingħand operaturi bħal INWIT. Minħabba f’hekk, hija tqis li annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jkollu impatt sinjifikattiv fuq il-pożizzjoni tagħha. |
|
58 |
Bħalma jirriżulta mill-punt 42 ta’ dan id-digriet, tali elementi, li r-realtà tagħhom hija kkonfermata mid-deċiżjoni kontenzjuża u bl-ebda mod ma hija kkontestata mill-Kummissjoni, huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li Fastweb għandha interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentati minn Iliad Italia, sa fejn huwa paċifiku li dawn jistabbilixxu li Fastweb hija attiva f’suq wieħed jew diversi identifikati mill-Kummissjoni bħala li jistgħu jintlaqtu mill-effetti antikompetittivi probabbli tal-konċentrazzjoni nnotifikata. |
|
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jistax jiġi mistenni minn Fastweb li hija tistabbilixxi b’mod iktar preċiż kif il-konċentrazzjoni nnotifikata tista’ tbiddel il-pożizzjoni tagħha bħala fornitur ta’ servizzi fissi bl-imnut u bl-ingrossa. |
|
60 |
Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jiċħdu l-interess ta’ Fastweb li jsir intervent, minħabba li din ma wrietx li s-sħubija u l-kooperazzjoni li Fastweb hija attwalment involuta fihom setgħu jiġu kkontestati jew li hija kienet tixtri jew tista’ tixtri effettivament servizzi ta’ hosting mingħand INWIT, ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni, għar-raġunijiet indikati fil-punt 43 ta’ dan id-digriet. |
|
61 |
Għaldaqstant, it-talba għal intervent imressqa minn Fastweb fil-Kawża T‑692/20 għandha tintlaqa’. |
Fuq l‑ispejjeż
|
62 |
Fir-rigward tal-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell, skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
63 |
Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn Fastweb relatati mal-appell, kif mitlub minn din tal-aħħar. |
|
64 |
Fir-rigward tal-ispejjeż li jirrigwardaw it-talba għal intervent, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq l-istanza. |
|
65 |
F’dan il-każ, peress li t-talba għal intervent ta’ Fastweb intlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha jiġu rriżervati. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.