|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1108 |
20.5.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1108
tat-13 ta’ Mejju 2026
dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1015 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2415
(notifikata bid-dokument C(2026) 3323)
(It-test Rumen biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huwa mard virali infettiv li jaffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollu impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, billi jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. F’każ ta’ tifqigħa tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż f’annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li dak il-mard jinxtered fi stabbilimenti oħra li jżommu l-annimali kaprini jew ovini. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza u, jekk ikun meħtieġ, żona ristretta ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1015 (4) ġiet adottata fid-29 ta’ April 2026 fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429 u tistabbilixxi ċerti miżuri interim ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija. |
|
(4) |
B’mod aktar speċifiku, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1015 tipprevedi li ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza li jridu jiġu stabbiliti minn dak l-Istat Membru, wara tifqigħa tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, iridu jinkludu mqar iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(5) |
Mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1015, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni, fit-30 ta’ April 2026, b’tifqigħa addizzjonali tal-infezzjoni bil-ġidri tan-nagħaġ u bil-ġidri tal-mogħoż fi stabbiliment fejn jinżammu l-annimali ovini u kaprini, li jinsabu fil-kontea ta’ Mureș. |
|
(6) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li tikkonċerna l-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija, u b’mod partikolari meta titqies din it-tifqigħa ġdida, il-miżuri ta’ emerġenza interim previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1015 jenħtieġ li jiġu aġġustati, kemm fl-ispazju kif ukoll fiż-żmien, u jkomplu jiġu applikati sabiex jiġi evitat li l-mard ikompli jinxtered fir-Rumanija jew lejn il-bqija tal-Unjoni. Għalhekk, il-lista aġġornata taż-żoni fejn trid tiġi stabbilita żona ristretta fir-Rumanija fir-rigward tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż, kif ukoll id-durata prevista ta’ dawn iż-żoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
Id-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, u d-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati fihom, huma bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, kif ukoll fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Il-kriterji applikati għall-għażla tad-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll tad-durata tal-miżuri li jridu jiġu applikati fihom, ma jqisux biss is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fiż-żoni affettwati minn dak il-mard, iżda anke s-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fit-territorju kollu tar-Rumanija, kif ukoll il-livell tar-riskju li l-mard ikompli jinxtered. Għad-determinazzjoni tad-durata tal-miżuri, tqiesu wkoll l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (5). |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li ż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fir-Rumanija jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni kif xieraq, u jenħtieġ li tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni. Id-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni tqis il-perjodi minimi għall-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(9) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2415 (6) ġiet adottata, fit-28 ta’ Novembru 2025, fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429 u tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni tal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija. |
|
(10) |
Wara tifqigħat ulterjuri tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż fil-kontea ta’ Teleorman fir-Rumanija, l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2415 ġie emendat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2534 (7). |
|
(11) |
Mill-1 ta’ Frar 2026, ma baqax neċessarju li l-miżuri għall-kontroll tal-mard previsti mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2415 jibqgħu jiġu applikati peress li, mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2534, ma ġiet irrapportata l-ebda tifqigħa ġdida sat-23 ta’ April 2026. |
|
(12) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1015 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2415 jitħassru t-tnejn li huma b’din id-Deċiżjoni. |
|
(13) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Rumanija għandha tiżgura li:
|
(a) |
l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tistabbilixxi minnufih żoni ristretti li jinkludu żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu; |
|
(b) |
iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-punt (a) ikunu jinkludu mqar iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni; |
|
(c) |
il-miżuri li jeħtieġ jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jiġu applikati mqar sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1015 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2415 tħassru.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1015 tad-29 ta’ April 2026 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim relatati mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija (ĠU L, 2026/1015, 4.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1015/oj).
(5) https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/.
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2415 tal-25 ta’ Novembru 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1767 (ĠU L, 2025/2415, 28.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2415/oj).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2534 tal-10 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2415 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza li għandhom x’jaqsmu mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fir-Rumanija (ĠU L, 2025/2534, 15.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2534/oj).
ANNESS
Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħat ikkonfermati
|
Reġjun u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa |
Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza li jiffurmaw parti miż-żona ristretta fir-Rumanija, kif imsemmi fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
|
Mureș county RO-CAPRIPOX-2026-00001 RO-CAPRIPOX-2026-00002 |
Protection zone: Those parts of Mureș county, contained within a circle of a radius of 5 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 46.712977, Long. 24.563362 (2026/1); Lat.46.958548, Long. 24.828615 (2026/2). |
1.6.2026 |
|
Surveillance zone: Those parts of Mureș and Bistrița-Năsăud Counties, contained within a circle of a radius of 20 kilometres, centred on UTM 30 ETRS89 coordinates Lat 46.712977, Long. 24.563362 (2026/1), Lat.46.958548, Long. 24.828615 (2026/2), excluding the areas contained in the protection zone. |
16.6.2026 |
|
|
Surveillance zone: Those parts of Mureș County, contained within a circle of a radius of 5 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat 46.712977, Long. 24.563362 (2026/1), Lat.46.958548, Long. 24.828615 (2026/2). |
2.6.2026-16.6.2026 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1108/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)