European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2213

30.9.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2026/2213

tad-29 ta’ Settembru 2026

dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (EU BAM Rafah/3/2026)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 38, it-tielet paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/889/PESK tal-25 ta’ Novembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 10(1) tal-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) huwa awtorizzat, f’konformità mal-Artikolu 38, it-tielet paragrafu, tat-Trattat, li jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-fini tal-eżerċizzju tal-kontroll politiku u tad-direzzjoni strateġika tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah), inkluż id-deċiżjoni li jinħatar Kap ta’ Missjoni.

(2)

Fit-22 ta’ Settembru 2026, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/2157 (2), li estendiet il-mandat tas-Sa Nataliya APOSTOLOVA bħala l-Kap ta’ Missjoni ta’ EU BAM Rafah mill-1 ta’ Ottubru 2026 sal-31 ta’ Ottubru 2026.

(3)

Fit-28 ta’ Settembru 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/2190 (3), li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK u li testendi l-mandat ta’ EU BAM Rafah mill-1 ta’ Ottubru 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027.

(4)

Fil-11 ta’ Awwissu 2026, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ppropona l-ħatra tas-Sur Vittorio STINGO bħala l-Kap ta’ Missjoni ta’ EU BAM Rafah mill-1 ta’ Novembru 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027.

(5)

B’kont meħud tal-informazzjoni pprovduta minn Iżrael u mill-Awtorità Palestinjana, jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-ħatra tas-Sur Vittorio STINGO bħala l-Kap ta’ Missjoni ta’ EU BAM RAFAH mill-1 ta’ Novembru 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Vittorio STINGO huwa b’dan maħtur bħala Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntiera għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) mill-1 ta’ Novembru 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din għandha tapplika soġġett għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kunsill li testendi l-validità tal-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK lil hinn mit-30 ta’ Settembru 2026.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

L. MANDEL VENSILD


(1)   ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/889/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2026/2157 tat-22 ta’ Settembru 2026 li testendi l-mandat tal-Kap tal-Missjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (EU BAM Rafah/2/2026) (ĠU L, 2026/2157, 24.9.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2157/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/2190 tat-28 ta’ Settembru 2026 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta’ Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EU BAM Rafah) (ĠU L, 2026/2190, 29.9.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2190/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2213/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)