26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/71


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 888/2009

tal-25 ta’ Settembru 2009

dwar l-awtorizzazzjoni tal-kelat taż-żingu tal-analogu idrossilat tal-metjonina bħala addittiv għat-tiġieġ għat-tismin

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni.

(2)

B'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, intbagħtet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni stipulata fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tal-kelat taż-żingu tal-analogu idrossilat tal-metjonina bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ għat-tismin, biex tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”.

(4)

Mill-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza tal-Ikel (“l-Awtorità”) tat-2 ta' April 2009, jirriżulta li l-kelat taż-żingu tal-analogu idrossilat tal-metjonina ma għandux effett negattiv fuq saħħet l-annimali, saħħet il-bniedem jew l-ambjent għat-tiġieġ għat-tismin (2). L-Awtorità kkonkludiet ukoll li dan il-prodott użat bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ għat-tismin ma jippreżenta l-ebda riskju ieħor li, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jeskludi l-awtorizzazzjoni. Skont din l-opinjoni flimkien ma' dik tas-16 ta' April 2008 (3), l-użu ta' din il-preparazzjoni jista' jitqies bħala sors ta' żingu disponibbli u jissodisfa l-kriterji ta' addittiv nutrittiv għat-tiġieġ għat-tismin. L-opinjoni tal-Awtorità tirrakkomanda miżuri xierqa għas-sikurezza tal-utent. Hi ma tikkunsidrax li hemm il-ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta' sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf imressaq mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

L-evalwazzjoni ta’ din il-preparazzjoni turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġew sodisfatti. Għaldaqstant, l-użu ta' din il-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat, kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi nutrittivi” u mill-grupp funzjonali “komposti ta” mikroelementi’, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)   Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 1042, 1-8.

(3)   Il-Ġurnal tal-EFSA (2008) 694, 1-16.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

Kontenut tal-element (Zn) f’mg/kg ta’ għalf sħiħ b'kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

Kategorija ta’ addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: komposti mikroelementi

3b6.10

—

Kelat taż-żingu tal-analogu idrossilat tal-metjonina

 

Karatterizzazzjoni tal-addittiv:

 

Kelat taż-żingu tal-analogu idrossilat tal-metjonina li fih minimu ta' 16 % ta' żingu u 80 % aċidu butanojku (2-hydroxy-4-methylthio)

 

Żejt minerali: ≤ 1 %

 

Metodu analitiku (1):

Spettrometrija ta' emissjoni atomika bi plażma akkopjata induttivament (ICP-AES) skont EN 15510:2007

Tiġieġ għat-tismin

—

 

150 (totali)

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf f’forma ta’ taħlita minn qabel.

2.

Għas-sikurezza tal-utent: protezzjoni għan-nifs u nuċċalijiet u ingwanti tas-sikurezza għandhom jintlibsu waqt l-użu.

16.10.2019


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza Komunitarju li ġej: http://irmm.jrc.ec.europa.eu/crl-feed-additives