|
20.8.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 215/5 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 760/2009
tad-19 ta’ Awwissu 2009
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1741/2006 li jistipula l-kundizzjonijiet għar-rifużjoni ta’ esportazzjoni speċjali tal-laħam mingħajr għadam ta’ annimali adulti bovini maskili skont il-proċedura tal-ħżin fid-dwana qabel l-esportazzjoni
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 170 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1741/2006 (2) jistabilixxi li l-laħam mingħajr għadam tal-bovini adulti maskili li għalih hija aċċettata dikjarazzjoni għal-ħżin għandu jkun soġġett għal kontroll fiżiku li jirrigwarda selezzjoni rappreżentattiva ta’ mill-inqas 5 % tad-dikjarazzjonijiet għal ħżin aċċettati |
|
(2) |
Sabiex ikun hemm trattament ugwali bejn l-operaturi li jesportaw skont ir-Regolament (KE) Nru 1741/2006 u dawk li jesportaw direttament, għandha tingħata garanzija li l-kwantitajiet li jitneħħew biex ikunu jistgħu jitwettqu l-kontrolli fiżiċi għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 612/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (3), diġà jistabilixxi l-prinċipju li kwantitajiet ta’ prodotti meħuda bħala kampjuni meta jitlestew il-formalitajiet doganali tal-esportazzjoni u li ma jiġux irritornati wara, għandhom jitqiesu daqs kieku ma tneħħewx għal finijiet tal-kalkolu tal-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. |
|
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1741/2006 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT
Artikolu 1
Fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1741/2006 għandu jiżdied il-paragrafu 4 li jmiss:
“4. Għal finijiet tal-kalkolu tal-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, il-kwantitajiet tal-prodotti li jittieħdu bħala kampjuni għall-kontroll fiżiku imsemmija fl-Artikolu 4(8) u li ma jiġux irritornati wara għandhom jitqiesu daqs kieku ma tneħħewx mill-kwantità esportata.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Awwissu 2009.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 299, 16.11.2007 p. 1.