|
24.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 474/165 |
P9_TA(2021)0062
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Valter Flego
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Valter Flego (2020/2054(IMM))
(2021/C 474/20)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Valter Flego, imressqa fid-19 ta' Frar 2020 mill-President tal-Kunsill tal-Qorti tal-Kontea ta' Rijeka fir-Repubblika tal-Kroazja b'rabta mal-proċedimenti kriminali pendenti quddiem il-Qorti Kriminali tal-Kontea ta' Rijeka, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-26 ta' Marzu 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rinunzja ta' Valter Flego għad-dritt tiegħu li jinstema' skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-Artikoli 23 sa 28 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Kroat, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0023/2021), |
|
A. |
billi l-President tal-Qorti Kriminali tal-Kontea ta' Rijeka ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Valter Flego b'rabta mal-proċedimenti pendenti mressqa kontrih għar-reat kriminali ta' abbuż tal-uffiċċju fis-sens tal-Artikolu 291(1) u (2) tal-Kodiċi Kriminali (2); |
|
B. |
billi fil-kapaċità tiegħu ta' Sindku tal-Belt ta' Buzet, il-Kroazja, mill-1 ta' April 2010 sat-30 ta' Mejju 2013, huwa allegatament iffaċilita l-pagamenti illegali ta' supplimenti ta' salarju lilu nnifsu, bħala Sindku, lill-Viċi Sindku tiegħu, lid-Direttur tal-Uffiċċju tas-Sindku u lil tliet diretturi oħra; |
|
C. |
billi Valter Flego ġie elett fil-Parlament Ewropew insegwitu tal-elezzjonijiet ta' Mejju 2019; |
|
D. |
billi l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minn Valter Flego fil-qadi ta' dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea; |
|
E. |
billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddisponi li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom; |
|
F. |
wara skont l-Artikolu 75(2) u (3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja: “Ebda deputat ma għandu jittella' l-qorti, jiġi detenut jew ikkastigat għal opinjoni espressa jew għal vot mitfugħ fil-Parlament Kroat. Ebda rappreżentant ma għandu jiġi detenut, u lanqas ma għandhom jinbdew proċedimenti kriminali kontrih, mingħajr il-kunsens tal-Parlament Kroat”; |
|
G. |
billi l-allegat reat ma għandu ebda effett ċar jew dirett fuq il-qadi, mis-Sur Flego, ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew; |
|
H. |
billi huwa l-Parlament waħdu li jiddeċiedi, f'każ partikolari, jekk ineħħix l-immunità jew le; billi l-Parlament jista' b'mod raġonevoli jqis il-pożizzjoni tal-Membru meta jiddeċiedi jekk ineħħix l-immunità tiegħu jew le (3); |
|
I. |
billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet; |
|
J. |
billi r-reati li bihom huwa akkużat Valter Flego seħħew qabel l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew; |
|
K. |
billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri fatti li jindikaw li l-proċedimenti ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru, inkluża l-attività tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew; |
|
L. |
billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat” (4); |
|
1. |
Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Valter Flego; |
|
2. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Kroati u lil Valter Flego. |
(1) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.
(2) Gazzetta Uffiċjali tal-Kroazja, 125/11, 144/12, 56/15, 61/15, 101/17, 118/2018 u 126/2019.
(3) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, EU:T:2008:440, punt 28.
(4) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.