|
10.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 456/191 |
P9_TA(2021)0024
Il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi (2020/2121(INI))
(2021/C 456/18)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 6, 8 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 2, 3, 5, 9, 10, 16 u 20 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-prinċipju li “ħadd ma jitħalla lura” u, b'mod partikolari, l-Għan 1 li jfittex li jtemm il-faqar, l-Għan 3 li jfittex li jiżgura li n-nies ikunu jistgħu jgħixu ħajja b'saħħitha, l-Għan 5 li jfittex li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa, u l-Għan 8 li jfittex li jikseb tkabbir sostenibbli u ekonomiku, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta' Diċembru 1979, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) tan-Nazzjonijiet Uniti tat-3 ta' Mejju 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE mill-1975 'l hawn dwar diversi aspetti tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel (id-Direttivi tal-Kunsill 79/7/KEE (1), 86/613/KEE (2), 92/85/KEE (3) u 2004/113/KE (4), id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (6) u d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni ta' Istanbul”), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal tal-21 ta' Settembru 2015 bit-titolu “Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020” (L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)0109), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet permezz tas-settur diġitali (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika (16), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE (17), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (18), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015 (19), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali (20), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa mentali u dik klinika (21), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE (22), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakoli għall-intraprenditorija femminili Ewropea (23), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom (24), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (25), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bit-titolu “COVID-19 and the world of work. Fourth edition” (Il-COVID-19 u d-dinja tax-xogħol. Ir-raba' edizzjoni), ippubblikat fis-27 ta' Mejju 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-analiżi tal-ILO bit-titolu “Sectoral impact, responses and recommendations related to COVID-19” (Impatt settorjali, risponsi u rakkomandazzjonijiet relatati mal-COVID-19), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD bit-titolu “Women at the core of the fight against COVID-19” (In-nisa fiċ-ċentru tal-ġlieda kontra l-COVID-19), ippubblikat f'April 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2019 bit-titolu “2019 Report on equality between women and men in the EU” (Rapport dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE) (SWD(2019)0101), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' UN Women bit-titolu “The Impact of COVID-19 on Women” (L-impatt tal-COVID-19 fuq in-Nisa), ippubblikat fid-9 ta' April 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' UN Women bit-titolu “From Insights to Action: Gender Equality in the Wake of COVID-19” (Mill-Għarfien għall-Azzjoni: l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fid-Dawl tal-COVID-19), ippubblikat fit-2 ta' Settembru 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni ta' UN Women bit-titolu “Online and ICT* facilitated violence against women and girls during COVID-19” (Il-vjolenza online u ffaċilitata mill-ICT kontra n-nisa u l-bniet matul il-COVID-19), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni (UNFPA) bit-titolu “Impact of the COVID-19 Pandemic on Family Planning and Ending Gender-based Violence, Female Genital Mutilation and Child Marriage” (L-impatt tal-Pandemija tal-COVID-19 fuq l-Ippjanar tal-Familja u t-Tmiem tal-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru, il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u ż-Żwieġ tat-Tfal), ippubblikat fis-27 ta' April 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UNFPA bit-titolu “Millions more cases of violence, child marriage, female genital mutilation, unintended pregnancy expected due to the COVID-19 pandemic” (Miljuni ta' aktar każijiet ta' vjolenza, żwieġ tat-tfal, mutilazzjoni ġenitali femminili u tqala mhux intenzjonata mistennija minħabba l-pandemija tal-COVID-19), ippubblikata fit-28 ta' April 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-24 ta' Marzu 2020 mill-President tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO) tal-Kunsill tal-Ewropa, Marceline Naudi, dwar il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-istandards tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fi żminijiet ta' pandemija, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bit-titolu “How will the COVID-19 crisis affect existing gender divides in Europe?”(Il-kriżi tal-COVID-19, kif se taffettwa d-differenzi bejn il-ġeneri fl-Ewropa?), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2019 mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), ippubblikat fil-15 ta' Ottubru 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport mill-EIGE bit-titolu “Tackling the gender pay gap: not without a better work-life balance” (L-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa: mhux mingħajr bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ippubblikat fid-29 ta' Mejju 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport mill-EIGE bit-titolu “Beijing + 25: the fifth review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States” (Beijing + 25: il-ħames rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE), ippubblikat fil-5 ta' Marzu 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sett ta' data tal-2020 għall-istħarriġ tal-Eurofound bit-titolu “Living, Working and COVID-19” (Għajxien, Xogħol u l-COVID-19), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu “A long way to go for LGBTI equality” (Għad fadal triq twila għall-ugwaljanza tal-LGBTI), ippubblikat fl-14 ta' Mejju 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-FRA bit-titolu “A persisting concern: anti-Gypsyism as a barrier to Roma inclusion” (Tħassib persistenti: l-anti-Żingariżmu bħala ostaklu għall-inklużjoni tar-Rom), ippubblikat fil-5 ta' April 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-FRA bit-titolu “Violence against women: an EU-wide survey” (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha), ippubblikat fil-5 ta' Marzu 2014, |
|
— |
wara li kkunsidra n-nota ta' informazzjoni tal-politika ta' ILGA-Europe bit-titolu “COVID-19: domestic violence against LGBTI people” (Il-COVID-19: il-vjolenza domestika kontra l-persuni LGBTI", |
|
— |
wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Lobby Ewropew tan-Nisa bit-titolu “Putting equality between women and men at the heart of the response to COVID-19 across Europe” (Inpoġġu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fiċ-ċentru tar-rispons għall-COVID-19 madwar l-Ewropa), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tan-Network Ewropew tal-IPPF bit-titolu “How to address the impact on women, girls and vulnerable groups and their sexual and reproductive safety” (Kif jiġi indirizzat l-impatt fuq in-nisa, il-bniet u l-gruppi vulnerabbli u s-sikurezza sesswali u riproduttiva tagħhom), |
|
— |
wara li kkunsidra n-nota ta' informazzjoni tal-politika tal-Lobby Ewropew tan-Nisa bit-titolu “Walk-the-talk: EU funds must mirror women’s equality” (Ipprattika dak li tippriedka: il-fondi tal-UE jridu jirriflettu l-ugwaljanza tan-nisa), |
|
— |
wara li kkunsidra n-nota ta' informazzjoni tal-politika tal-Lobby Ewropew tan-Nisa bit-titolu “Women must not pay the price for COVID-19!” (In-nisa m'għandhomx iħallsu qares għall-COVID-19!), |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju tal-Professur Sabine Oertelt-Prigione bit-titolu “The impact of sex and gender in the COVID-19 pandemic” (L-impatt tas-sess u l-ġeneru fil-pandemija tal-COVID-19), ippubblikat fis-27 ta' Mejju 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Forum Parlamentari Ewropew dwar id-Drittijiet Sesswali & Riproduttivi u n-Network Ewropew tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ippjanar tal-Familja bit-titolu “Sexual and Reproductive Health and Rights during the COVID-19 pandemic” (Is-Saħħa Sesswali u Riproduttiva u d-Drittijiet Relatati matul il-pandemija tal-COVID-19), ippubblikat fit-22 ta' April 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0229/2020), |
|
A. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha għandhom perspettivi ċari tal-ġeneru peress li jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti u enfasizzaw l-inugwaljanzi u n-nuqqasijiet eżistenti fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa; billi għalhekk huwa meħtieġ rispons sensittiv għall-ġeneru; |
|
B. |
billi l-COVID-19 taffettwa gruppi differenti fis-soċjetà b'modi differenti u sa livelli differenti, inklużi n-nisa u l-irġiel, iż-żgħażagħ, in-nies akbar fl-età, il-persuni b'diżabilità, il-vittmi ta' vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, il-persuni minn sfondi soċjoekonomiċi differenti, it-tfal, il-ġenituri waħedhom, u l-gruppi ta' minoranza inklużi r-Rom, il-persuni LGBTQI+ u n-nisa rifuġjati u migranti, u għandha wkoll implikazzjonijiet intersezzjonali; billi n-nisa u l-bniet se jiġu affettwati b'mod sproporzjonat fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil u l-pandemija aggravat l-inugwaljanzi strutturali eżistenti bejn il-ġeneri, b'mod partikolari għall-bniet u n-nisa mill-gruppi emarġinati; |
|
C. |
billi ċ-ċifri uffiċjali inizjali tal-mortalità juru li l-irġiel aktar kbar fl-età għandhom rata ogħla ta' mwiet mill-virus milli għandhom in-nisa, filwaqt li n-nisa huma aktar f'riskju li jaqbadhom il-virus minħabba li jirrappreżentaw għadd sproporzjonatament għoli ta' ħaddiema tal-ewwel linja f'setturi essenzjali matul il-kriżijiet attwali; |
|
D. |
billi l-UE u l-Istati Membri ma kinux lesti għal kriżi tas-saħħa bħal din; billi l-aċċess għas-saħħa mingħajr diskriminazzjoni huwa dritt fundamentali tal-bniedem; billi l-ostakli li kienu jeżistu qabel fl-aċċess għas-servizzi tal-kura kritiċi ġew aggravati serjament mill-kriżi tas-saħħa; billi minħabba li ġew ikkanċellati jew posposti s-servizzi tas-saħħa “mhux essenzjali”, irriżultaw dewmien, u xi kultant ostakli, fl-aċċess għall-kura kritika għal każijiet urġenti, inkluż għan-nisa; billi, f'dan ir-rigward, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u s-servizzi sesswali u riproduttivi kien imxekkel b'konsegwenzi serji, u saru xi tentattivi legali biex jiġi limitat id-dritt għal abort sikur u legali f'ċerti Stati Membri; billi l-ħtiġijiet kritiċi għan-nisa jinkludu l-aċċess għall-kura tal-maternità u għal ħlas sikur, id-disponibbiltà tal-kontraċezzjoni, l-abort sikur u s-servizzi tal-IVF, u dispożizzjonijiet għall-ġestjoni klinika fil-każ ta' stupru; billi, minħabba s-sitwazzjoni straordinarja fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali, u peress li s-servizzi u l-oġġetti essenzjali jsiru aktar limitati matul il-kriżi, in-nisa u l-bniet jirriskjaw li jitilfu d-dritt fundamentali tagħhom għas-servizzi tas-saħħa; billi l-isforzi biex jiġu kkontrollati t-tifqigħat jistgħu jiddevjaw ir-riżorsi mis-servizzi tas-saħħa ta' rutina u jaggravaw l-aċċess diġà limitat għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva; |
|
E. |
billi rapporti u ċifri minn diversi Stati Membri matul u wara l-perjodu ta' konfinament żvelaw żieda inkwetanti fil-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza fiżika, il-vjolenza psikoloġika, il-kontroll koerċittiv u l-vjolenza ċibernetika; billi l-vjolenza mhijiex kwistjoni privata iżda hija ta' tħassib għas-soċjetà; billi l-miżuri ta' lockdown jagħmluha aktar diffiċli għall-vittmi ta' vjolenza minn sieħeb intimu li jfittxu l-għajnuna, peress li spiss ikunu magħluqin ġewwa ma' dawk li jabbużawhom, u billi l-aċċess limitat għal servizzi ta' appoġġ bħal postijiet ta' kenn u hotlines għan-nisa u l-insuffiċjenza ta' strutturi u riżorsi ta' appoġġ jistgħu jaggravaw pandemija “mdella” li diġà teżisti; billi l-għadd ta' sodod fil-postijiet ta' kenn għan-nisa u l-bniet li huma vittmi ta' vjolenza huwa biss nofs dak li huwa meħtieġ mill-Konvenzjoni ta' Istanbul; billi l-ħajjiet u l-benessri ta' ħafna gruppi vulnerabbli ta' nisa jinsabu dejjem aktar f'riskju minħabba l-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19; billi l-femminiċidji ma jingħaddux fl-istatistika uffiċjali tal-mewt għall-COVID-19, iżda jistgħu verament ikunu relatati mat-tifqigħa u l-miżuri ta' lockdown meħuda matul dan il-perjodu; billi l-miżuri ta' konfinament u ta' iżolament setgħu wasslu għal riskju ogħla ta' mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), u l-każijiet ma ġewx identifikati minħabba l-interruzzjoni tal-edukazzjoni; billi t-tensjonijiet ekonomiċi u soċjali qed jaggravaw fatturi li jistgħu jwasslu għal żieda fit-tul fil-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru u jagħmluha aktar diffiċli għan-nisa li jitilqu lis-sieħeb abbużiv; |
|
F. |
billi l-użu akbar tal-internet matul il-pandemija jżid il-vjolenza abbażi tal-ġeneru online u ffaċilitata mill-ICT u l-abbuż sesswali online tat-tfal u speċjalment tal-bniet; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, in-nisa fil-politika, il-ġurnalisti nisa, in-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, in-nisa indiġeni, in-nisa leżbjani, bisesswali u transġeneri, u n-nisa b'diżabilità huma partikolarment fil-mira tal-vjolenza ffaċilitata mill-ICT; billi, fl-Ewropa, ir-riskju li tiġi esperjenzata vjolenza online huwa l-ogħla fost it-tfajliet ta' bejn it-18 u d-29 sena (26); |
|
G. |
billi l-maġġoranza tal-ħaddiema li jagħtu servizzi essenzjali fil-kriżi attwali huma nisa, li jinkludu 76 % tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa (tobba, infermiera, qwiebel, persunal fid-djar tal-kura residenzjali), 82 % tal-kaxxiera, 93 % tal-ħaddiema li jindukraw it-tfal u tal-għalliema, 95 % tal-ħaddiema li jnaddfu d-djar u ta' dawk li jagħtu servizz ta' għajnuna domestika, u 86 % tal-ħaddiema involuti fil-kura personali (27) fl-UE; billi huwa grazzi għalihom, fejn it-tbegħid fiżiku spiss ma jkunx għażla u li għalhekk iġorru l-piż akbar li possibbilment ixerrdu l-virus lil qrabathom, li s-sistemi ekonomiċi, soċjali u tal-kura tas-saħħa tagħna, il-ħajja pubblika tagħna u l-attivitajiet essenzjali tagħna jinżammu għaddejja; |
|
H. |
billi l-pagi f'ħafna setturi essenzjali u ddominati b'mod sinifikanti min-nisa jistgħu jkunu baxxi, u spiss titħallas biss il-paga minima; billi s-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol fl-UE għadha sinifikanti u n-nisa huma rrappreżentati żżejjed fis-setturi li jagħmlu inqas qligħ; billi 30 % tan-nisa jaħdmu fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tax-xogħol soċjali, meta mqabbla ma' 8 % tal-irġiel, u 7 % tan-nisa jaħdmu fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika meta mqabbla ma' 33 % tal-irġiel (28); billi l-ILO twissi li ċerti gruppi se jiġu affettwati b'mod sproporzjonat mill-kriżi ekonomika, inklużi dawk li jidħlu fis-suq tax-xogħol, u b'hekk tiżdied l-inugwaljanza, u li n-nisa għandhom inqas aċċess għall-protezzjoni soċjali u se jġorru piż sproporzjonat; billi hemm lok għal tħassib dwar it-telf ta' impjiegi fil-professjonijiet iddominati min-nisa minħabba l-kriżi; billi s-setturi ddominati mill-irġiel x'aktarx li jirkupraw aktar malajr minn dawk tipiċi ddominati min-nisa; billi l-Pjan ta' Rkupru “Next Generation EU” għandu jindirizza b'mod suffiċjenti dawk is-setturi fejn in-nisa huma rrappreżentati żżejjed; billi l-proposta tal-Kummissjoni għal pjan ta' rkupru tenfasizza li l-investiment fit-tranżizzjonijiet diġitali huwa kruċjali għall-prosperità u r-reżiljenza futuri tal-Ewropa; billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2019 żvela inugwaljanzi persistenti bejn l-irġiel u n-nisa fis-settur diġitali, u billi huma meħtieġa sforzi biex jitnaqqsu d-differenzi bejn il-ġeneri u s-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol matul it-trasformazzjoni diġitali tas-suq tax-xogħol; |
|
I. |
billi huwa aktar probabbli li n-nisa jkunu f'impjieg temporanju, part-time u prekarju mill-irġiel (26,5 % meta mqabbla ma' 15,1 % tal-irġiel (29)), u għaldaqstant kienu, u se jkunu fuq tul ta' żmien twil, affettwati b'mod sinifikanti mit-telf ta' impjiegi u mill-assenzi bil-permess minħabba l-kriżi; |
|
J. |
billi r-riċerka tal-Eurofound turi li l-kriżi tal-COVID-19 toħloq riskju serju li jitreġġgħu lura b'għexieren ta' snin l-avvanzi miksuba fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari jekk tkompli tiġi mxekkla l-attività fis-setturi rrappreżentati żżejjed min-nisa (30); billi r-riċerka turi li bejn l-2015 u l-2018 it-tnaqqis fid-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi staġna, u d-disparitajiet persistenti fil-parteċipazzjoni fl-impjieg swew lill-Ewropa aktar minn EUR 335 biljun fis-sena, li jikkorrispondu għal 2,41 % tal-PDG tal-UE fl-2019 (31); |
|
K. |
billi l-impatt tal-kriżi fir-rigward tal-ġeneru huwa evidenzjat sew mill-ħidma tal-EIGE u UN Women, fost oħrajn; billi, madankollu, huwa diffiċli li jitkejjel l-impatt sħiħ tal-kriżi minħabba n-nuqqas ta' data diżaggregata skont il-ġeneru komparabbli fl-Istati Membri kollha; billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt bla preċedent fuq is-suq tax-xogħol Ewropew; billi s-sitwazzjoni trid tiġi eżaminata bir-reqqa skont is-settur b'data diżaggregata skont il-ġeneru u l-età, matul il-perjodi kemm ta' kriżi kif ukoll ta' rkupru; billi l-konsegwenzi sħaħ tal-pandemija fuq l-ekonomija, is-soċjetà u l-impjiegi għadhom mhux magħrufa, iżda studji preliminari, inkluż mill-Eurofound, jissuġġerixxu telf sinifikanti ta' impjiegi fis-setturi tas-servizzi u tal-industrija, kif ukoll fis-setturi ta' kuntatt inklużi s-servizzi tal-bejgħ bl-imnut, ir-rikreazzjoni u personali, li huma ddominati min-nisa; billi min-naħa l-oħra setturi oħra ppreżervaw is-sigurtà tal-impjiegi minkejja l-kriżi, inklużi s-setturi pubbliċi, mediċi u tal-ICT; |
|
L. |
billi l-intraprendituri li għadhom jibdew intlaqtu b'mod sinifikanti mill-kriżi; |
|
M. |
billi l-COVID-19 esponiet problema li ilha teżisti fil-forniment tal-indukrar f'ħafna Stati Membri tal-UE; billi l-indukrar jeħtieġ li jitqies b'mod olistiku u b'mod kontinwu, mill-indukrar tat-tfal sal-indukrar ta' wara l-iskola, l-indukrar għall-persuni b'diżabilità u l-indukrar tal-anzjani; |
|
N. |
billi l-għeluq tal-iskejjel, ċentri tal-kura u postijiet tax-xogħol żied id-distribuzzjoni inugwali tar-responsabbiltajiet domestiċi u ta' indukrar mhux imħallsa fid-dar għan-nisa li, apparti li kellhom jibbilanċjaw ix-xogħol mid-dar, spiss tħallew mingħajr appoġġ suffiċjenti għall-indukrar tat-tfal u tal-anzjani; billi t-telexogħol ma jistax jieħu post l-indukrar tat-tfal; billi n-nisa normalment iqattgħu 13-il siegħa fil-ġimgħa aktar mill-irġiel f'indukrar mhux imħallas u faċendi tad-dar (32); billi l-kriżi tal-COVID-19 kienet opportunità għall-irġiel biex jinvolvu ruħhom aktar fir-responsabbiltajiet ta' indukrar, iżda kixfet ukoll kemm għadu irregolari s-sehem tal-indukrar u tal-faċendi tad-dar, li x'aktarx jaffettwa lin-nisa u l-bniet b'mod aktar sever; billi l-ibbilanċjar bejn ir-responsabbiltajiet tat-telexogħol u dawk tal-familja jżid pressjoni addizzjonali, u n-nisa għalhekk jiffaċċjaw piż emozzjonali, mentali u soċjali akbar; billi dan jista' jirriżulta f'inqas kisbiet fuq il-post tax-xogħol u jkollu impatt fuq l-iżvilupp professjonali tagħhom meta mqabbla mal-pari rġiel tagħhom; |
|
O. |
billi tqiegħed piż sproporzjonat u estrem fuq il-ġenituri waħedhom, li 85 % minnhom huma nisa u li jammontaw għal 6,7 miljun unità domestika b'omm waħidha fl-UE (33), li kważi nofshom jinsabu f'riskju serju ta' esklużjoni soċjali jew ta' faqar; |
|
P. |
billi r-riżultati tal-istħarriġ (34) juru li l-COVID-19 kellha impatt akbar fuq in-nisa bit-tfal żgħar milli fuq l-irġiel bl-istess sitwazzjoni domestika; billi kważi terz (29 %) tan-nisa bit-tfal żgħar sabuha diffiċli li jikkonċentraw fuq xogħolhom, meta mqabbla ma' 16 % tal-irġiel bit-tfal żgħar; billi kienu d-doppju n-nisa bit-tfal (29 %) li x'aktarx kienu jħossuhom għajjiena wisq wara x-xogħol biex jagħmlu faċendi fid-dar, meta mqabbla ma' 16 % tal-irġiel; billi, f'April 2020, in-nisa bi tfal ta' bejn l-età ta' 0 u 11-il sena kellhom probabbiltà akbar li jħossuhom mimlija tensjoni mill-irġiel bi tfal tal-istess età (23 % vs 19 %), jew li jħossuhom waħedhom (14 % vs 6 %) u depressi (14 % vs 9 %); |
|
Q. |
billi l-proposta tal-Kummissjoni għal pjan ta' rkupru tenfasizza l-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika; billi l-impatt tat-tibdil fil-klima huwa esperjenzat b'mod differenti min-nisa, peress li dawn jiffaċċjaw riskji u piżijiet ogħla għal diversi raġunijiet; billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet huma prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ġestjoni effiċjenti tal-isfidi klimatiċi; billi l-azzjoni klimatika kollha trid tinkludi perspettiva tal-ġeneri kif ukoll perspettiva intersezzjonali; |
|
R. |
billi ċerti gruppi fis-soċjetà bħall-ġenituri waħedhom, il-vittmi tal-vjolenza, in-nisa li jappartjenu għal minoranzi razzjali u etniċi, in-nisa akbar fl-età u t-tfajliet, in-nisa b'diżabilità, in-nisa Rom, il-persuni LGBTQI+, in-nisa fil-prostituzzjoni, ir-rifuġjati u l-migranti huma partikolarment vulnerabbli għall-virus jew għall-konsegwenzi tas-saħħa u dawk soċjoekonomiċi tiegħu, minħabba l-miżuri meħuda u n-nuqqasijiet eżistenti fl-infrastruttura u fis-servizzi; |
|
S. |
billi n-nisa li qed jesperjenzaw il-kundizzjoni ta' persuna mingħajr dar qed ikomplu jiffaċċjaw sfidi speċifiċi fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, peress li l-akkomodazzjoni temporanja u ta' emerġenza huma partikolarment vulnerabbli għat-trażmissjoni tal-mard, għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru u għan-nuqqas ta' aċċess għall-faċilitajiet tal-iġjene u tal-kura tas-saħħa; |
|
T. |
billi l-COVID-19 hija pandemija globali li taffettwa kull pajjiż fid-dinja; billi l-pandemija se jkollha konsegwenzi devastanti għall-popolazzjonijiet, speċjalment għan-nisa u l-bniet, fil-pajjiżi b'sistemi tas-saħħa mhux iffinanzjati biżżejjed u għall-popolazzjonijiet tal-pajjiżi milquta mill-kunflitti; billi, sal-2021, il-pandemija se tpoġġi aktar minn 47 miljun mara u tifla madwar id-dinja taħt il-linja tal-faqar (35); |
|
U. |
billi, skont data reċenti mill-UNFPA, id-dewmien jew l-interruzzjoni tal-programmi ta' sensibilizzazzjoni tal-komunità u l-edukazzjoni dwar prattiki dannużi mad-dinja kollha huma stmati li jwasslu għal 2 miljun każ ieħor ta' MĠF u 13-il miljun aktar żwieġ tat-tfal matul id-deċennju li jmiss meta mqabbel mal-istimi ta' qabel il-pandemija; |
|
V. |
billi l-forniment tas-servizzi għandu jkun ibbażat fuq l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet immexxija mid-data, u r-riżorsi baġitarji jiġu allokati fuq il-bażi ta' din ir-riċerka; billi l-baġits u l-allokazzjoni tar-riżorsi jridu jqisu l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi differenti tal-irġiel u tan-nisa; |
|
W. |
billi n-nisa mhumiex daqstant involuti daqs l-irġiel f'dak li għandu x'jaqsam mat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-fażi ta' rkupru, minħabba s-saqaf tal-ħġieġ eżistenti; billi n-nisa, u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili tagħhom, jeħtiġilhom li jkollhom rwol attiv u ċentrali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex jiġi żgurat li l-perspettivi u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati fit-teħid tad-deċiżjonijiet, it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-fażi ta' rkupru u l-miżuri relatati fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE; |
|
X. |
billi l-kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jridu jiġu integrati u diskussi fl-ogħla livell, b'mod partikolari bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi; billi, filwaqt li l-Parlament Ewropew għandu kumitat iddedikat għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Kummissjoni għandha Kummissarju esklussivament responsabbli għall-ugwaljanza, ma hemm l-ebda konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Ministri u s-Segretarji ta' Stat inkarigati mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma għandhom l-ebda forum iddedikat għad-diskussjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet; |
|
Y. |
billi l-azzjonijiet essenzjali identifikati hawnhekk se jibnu r-reżiljenza u t-tħejjija għal kriżijiet futuri; |
Rimarki ġenerali
|
1. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ sensittiv għall-ġeneru, bil-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-prinċipju tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru riflessi fl-aspetti kollha tar-rispons għall-kriżi tal-COVID-19, biex jippreserva u jipproteġi d-drittijiet tan-nisa matul il-perjodu tal-pandemija u ta' wara l-pandemija u biex isaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
2. |
Jissottolinja l-ħtieġa li t-tagħlimiet meħuda mill-kriżijiet tal-passat u dawk attwali jiġu applikati għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika futura sabiex ma jiġux ripetuti l-iżbalji tal-passat, kif ukoll il-ħtieġa li jitħejjew reazzjonijiet sensittivi għall-ġeneru għall-istadji kollha ta' kriżijiet futuri biex jiġu prevenuti l-konsegwenzi negattivi għad-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-ħolqien ta' network permanenti biex jinqasmu l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-aspetti tal-COVID-19 relatati mal-ġeneru; jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi konfigurazzjoni ddedikata dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u grupp ta' ħidma formali sabiex iwettqu miżuri komuni u konkreti biex jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiżguraw li l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu diskussi fl-ogħla livell politiku; |
|
3. |
Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri b'mod normali u mistenni, inkluż għall-miżuri li jiffurmaw parti mill-pjan ta' rkupru; jiddeċiedi li jinkorpora u jsaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fin-Next Generation EU permezz tal-pożizzjoni tal-Parlament; |
|
4. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-prevalenza tal-virus fost il-ħaddiema fis-setturi essenzjali matul il-kriżi attwali, b'mod partikolari n-nisa u l-popolazzjonijiet ta' minoranzi etniċi fid-dawl tar-rappreżentanza sproporzjonatament għolja tagħhom f'dawn is-setturi; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirreaġixxu b'azzjoni xierqa biex isaħħu s-sikurezza tagħhom fuq il-post tax-xogħol u jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, inkluż permezz tad-DirettivaQafas (36), id-Direttiva 92/85/KEE u l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali wara l-2020; |
|
5. |
Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Eurostat u lill-EIGE jiġbru b'mod regolari data dwar il-COVID-19 diżaggregata skont is-sess, l-età u d-diskriminazzjoni intersezzjonali, fost fatturi oħra, kif ukoll data dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-virus; jenfasizza li l-miżuri ta' rkupru jridu jkunu infurmati permezz ta' data diżaggregata skont il-ġeneru, u bbażati fuqha, biex jiġi żgurat li r-risponsi jkunu komprensivi, b'attenzjoni speċjali għall-oqsma fejn id-data tkun skarsa u mhux komparabbli, bħall-vjolenza kontra n-nisa u s-servizzi tal-kura; jenfasizza li tali data trid tiġi prodotta b'mod sistematiku u tkun disponibbli għall-pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità mill-korpi nazzjonali tal-istatistika u atturi rilevanti oħra f'dan ir-rigward; |
|
6. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel, inkluż mill-gruppi l-aktar vulnerabbli, fit-tmexxija u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet meta jiġu promulgati u mneħħija miżuri waqt kriżijiet, kif ukoll fl-istadji kollha tat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru, sabiex il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom jiġu kkunsidrati b'mod sħiħ u xieraq u jiġu ppjanati miżuri effettivi u mmirati biex jiġi żgurat li l-pakkett ta' appoġġ meħtieġ ikun iwieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu taskforces iddedikati bl-involviment tal-partijiet interessati u tar-rappreżentanti rilevanti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tan-nisa matul kriżijiet bħal dawn biex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; jistieden lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri joħolqu kumitati dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq in-nisa u l-bniet biex jiżguraw spazju ddedikat għad-diskussjoni u l-monitoraġġ tal-kriżi u tal-impatti tagħha fir-rigward tal-ġeneru; Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkoraġġixxi l-adozzjoni tal-proposta għal direttivatal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (37) (id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet) u jħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokkaha u jadottaha; jenfasizza wkoll li aktar nisa jeħtiġilhom ikunu involuti fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u f'mekkaniżmi oħra ta' rispons għall-kriżijiet kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali; jimpenja ruħu, barra minn hekk, li jiżgura li l-bordijiet fis-seduti ta' smigħ u l-workshops tal-Parlament ikunu bbilanċjati bejn il-ġeneri u li jarrikkixxu d-diskussjonijiet dwar il-miżuri ta' rkupru permezz tad-diversità; |
|
7. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib u jirreaġixxu b'mod qawwi għad-diżinformazzjoni, id-diskorsi pubbliċi negattivi, il-prijoritizzazzjoni insuffiċjenti, l-aċċess ristrett jew miċħud għal servizzi rilevanti u inizjattivi rigressivi relatati mad-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-LGBTQI+ u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-ispazju li qed jiċkien għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għad-dimostrazzjonijiet relatati mas-suġġetti msemmija hawn fuq minħabba miżuri ta' konfinament bħala kwistjonijiet ta' demokrazija u drittijiet fundamentali matul il-kriżi tal-COVID-19 u l-perjodu ta' wara l-kriżi; jinnota li għandhom jittieħdu miżuri xierqa fejn ikun stabbilit li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri restrittivi ta' emerġenza jaqdu biss l-għan tal-ġlieda kontra l-pandemija, ikunu limitati fiż-żmien u jkunu kompatibbli mad-drittijiet fundamentali; |
L-aspetti tal-COVID-19 relatati mas-saħħa u l-impatt fuq il-ġeneri
|
8. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rata għolja ta' mwiet mill-COVID-19; jinnota r-rata inizjali ogħla ta' mortalità fost l-irġiel u jħeġġeġ lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u lill-aġenziji rilevanti tal-UE jeżaminaw l-impatti differenti tas-saħħa fuq l-irġiel u fuq in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni bil-għan li tifhem l-impatti fit-tul fuq is-saħħa li l-virus għandu fuq in-nisa u fuq l-irġiel; jenfasizza li r-riċerka klinika dwar il-virus trid tinvolvi rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri sabiex tivvaluta kif il-virus u kwalunkwe vaċċin jew trattament potenzjali jistgħu jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti; |
|
9. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għall-aspetti essenzjali tal-kura tas-saħħa medika u psikoloġika ta' kwalità tan-nisa u tal-irġiel li mhumiex relatati mal-COVID-19, bħall-iskrinjar u t-trattament tal-kanċer, il-kura tas-saħħa materna u neonatali u l-kura urġenti għal dawk li jsofru minn attakki tal-qalb u puplesiji; iħeġġeġ lill-Istati Membri joperaw skont il-linji gwida tad-WHO f'dawn l-oqsma; |
|
10. |
Jiddispjaċih li, matul il-kriżi, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati ġie ttraskurat, ristrett jew saħansitra attakkat f'xi Stati Membri; jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri jiggarantixxu aċċess ta' kwalità u affordabbli mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, għall-informazzjoni u għall-prodotti bażiċi matul il-perjodu ta' kriżi u ta' wara l-kriżi u f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza simili, billi jirrikonoxxu li dawn huma servizzi essenzjali, li jsalvaw il-ħajjiet u spiss sensittivi għall-ħin u għandhom jingħataw skont il-linji gwida tad-WHO u b'approċċ iffukat fuq il-pazjent u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe tentattiv biex jiddgħajfu s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u d-drittijiet tal-LGBTQI+ u jenfasizza li dawk li jopponu s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati m'għandhomx jitħallew jabbużaw minn din il-kriżi bħala mezz biex jillimitaw id-drittijiet tan-nisa, bħad-dritt għal abort sikur; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri filwaqt li tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li spiss ikunu esperti f'dawn l-oqsma, fir-rigward ta' metodi ġodda fl-għoti ta' kura relatata mas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u fir-rigward ta' modi kif jiġu indirizzati l-lakuni fil-forniment tas-servizzi; jisħaq fuq l-importanza tal-komunikazzjoni mal-fornituri tas-servizzi biex jiġi ċċarat li dawn is-servizzi jibqgħu essenzjali u għandhom jiġu pprovduti b'mod konsistenti; jenfasizza li s-servizzi tal-maternità kollha jridu jkunu disponibbli u jkollhom biżżejjed persunal u riżorsi; |
|
11. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'sistemi tas-saħħa robusti u reżiljenti u jfaħħru u jappoġġaw lill-ħaddiema essenzjali bħall-ħaddiema tas-saħħa u l-ħaddiema soċjali billi jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, jipprovdu tagħmir xieraq, jistabbilixxu kundizzjonijiet għal paga ġusta, joffru żvilupp professjonali, inkluż permezz ta' edukazzjoni ogħla, u jiżguraw aċċess għal servizzi bħall-kura tat-tfal u s-servizzi tas-saħħa mentali; |
|
12. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi ċ-ċirkostanzi ta' emerġenza bħall-COVID-19, inkluż l-impatt tagħhom fuq kunsiderazzjonijiet tal-kura tas-saħħa speċifiċi għall-ġeneru bħas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, fir-risponsi ta' politika tagħha relatati mas-saħħa, pereżempju l-Programm EU4Health, il-Pjan tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Kanċer u l-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-aspetti relatati mas-saħħa tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 meta jkunu qed jimplimentaw il-Programm EU4Health, bħal li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati jkunu parti integrali mis-saħħa u aspett essenzjali tal-benesseri u l-progress tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li l-investimenti fis-servizzi essenzjali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri jingħataw spinta u li l-esperti tas-saħħa tal-ġeneru u l-bilanċ bejn il-ġeneri jiġu inkorporati fl-implimentazzjoni tal-Programm EU4Health; |
|
13. |
Ifakkar li l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa dritt tal-bniedem u jeħtieġ finanzjament adegwat; ifakkar lill-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet uniċi tan-nisa u tal-irġiel meta jkunu qed isaħħu l-kapaċitajiet tas-sistema tal-kura tas-saħħa u l-infrastruttura kritika bħala konsegwenza tal-COVID-19, b'mod speċifiku f'dak li għandu x'jaqsam man-nefqa fuq is-saħħa, id-detezzjoni tal-mard u r-rispons għall-mard, it-tħejjija għall-emerġenzi, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa; |
|
14. |
Jistieden lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-inizjattivi ta' appoġġ għas-saħħa mentali matul u wara din il-kriżi, minħabba l-istress, l-ansjetà, id-depressjoni u s-solitudni li kkawża l-lockdown, kif ukoll minħabba t-tħassib ekonomiku u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru jew fatturi oħrajn marbutin mal-kriżi, filwaqt li jqisu l-impatt differenti fuq in-nisa u l-irġiel, u wkoll jinvestu f'riżorsi finanzjarji biex jiżguraw li, meta jkun meħtieġ, ikunu disponibbli servizzi adegwati; jistieden lill-Kummissjoni torganizza kampanja dwar is-saħħa mentali fl-UE kollha; |
Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru waqt il-COVID-19
|
15. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fir-rispons tagħhom għall-pandemija tal-COVID-19, jindirizzaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet, fosthom in-nisa trans, kif ukoll il-persuni intersess, mhux binarji u ta' ġeneru mhuxkonformi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu janalizzaw id-data u t-tendenzi fil-prevalenza ta' kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, u r-rappurtar tagħhom, kif ukoll il-konsegwenzi għat-tfal, waqt li huma stabbiliti miżuri ta' konfinament u matul il-perjodu immedjatament wara; jirrikonoxxi li r-risponsi tal-pubbliku ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u jqis b'mod adegwat il-ħtieġa li titwaqqaf il-vjolenza kontra n-nisa fil-pjanijiet ta' reazzjoni għall-emerġenza, kif ukoll għall-emerġenzi futuri, peress li hemm nuqqas ta' enfasi fuq l-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet għar-regoli ta' konfinament, jiġu stabbiliti linji telefoniċi għall-għajnuna u għodod u sinjali ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni, u jiġi żgurat l-aċċess kontinwu għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, filwaqt li jiġi ppreservat l-aċċess sikur għal kliniċi legali u djar ta' kenn jew akkomodazzjoni alternattiva b'biżżejjed kapaċità, servizzi tal-pulizija u ġudizzjarji, qrati ta' emerġenza għall-ħruġ ta' ordni ta' restrizzjoni u/jew protezzjoni u jiġi żgurat li dawn jitqiesu essenzjali; jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' twissija ta' emerġenza sikuri u flessibbli, joffru servizzi ġodda ta' assistenza permezz tat-telefon, l-email u l-SMS għal kuntatt dirett mal-pulizija u servizzi online bħal linji telefoniċi għall-għajnuna, apps moħbija, pjattaformi diġitali, networks farmaċewtiċi, u jipprovdu finanzjament ta' emerġenza biex joffru appoġġ lis-servizzi, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi ta' appoġġ jieħdu approċċ ikkoordinat għall-identifikazzjoni tan-nisa f'riskju, jiżguraw li dawn il-miżuri kollha jkunu disponibbli u aċċessibbli għan-nisa u l-bniet kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom, inklużi dawk b'diżabilità, irrispettivament mill-istatus ta' migrazzjoni tagħhom, u jipprovdu taħriġ sensittiv għall-ġeneru għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa kif ukoll għall-uffiċjali tal-pulizija u l-membri tal-ġudikatura tal-ewwel linja; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu bejniethom l-innovazzjonijiet nazzjonali u l-aħjar prattiki fl-indirizzar tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru biex jidentifikaw u jippromwovu aħjar il-prattiki effiċjenti, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi dawk il-prattiki; |
|
16. |
Fid-dawl tal-pandemija, jistieden lill-Istati Membri jiżguraw approċċ ikkoordinat bejn il-gvernijiet u s-servizzi pubbliċi, il-faċilitajiet ta' appoġġ u s-settur privat u jaġġornaw il-protokolli għall-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru biex jgħinuhom ifittxu l-għajnuna, jirrappurtaw ir-reati u jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa, kif ukoll iħeġġu lix-xhieda jirrappurtaw reati bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa protokoll tal-Unjoni Ewropea dwar il-vjolenza kontra n-nisa fiż-żminijiet ta' kriżi u emerġenza għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u għall-appoġġ tal-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru matul emerġenzi bħall-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza li dan il-protokoll għandu jinkludi servizzi ta' protezzjoni essenzjali għall-vittmi; jilqa' l-proposta tal-Presidenza Ġermaniża biex tiġi stabbilita linja telefonika għall-għajnuna fl-UE kollha bil-lingwi kollha tal-UE għall-vittmi tal-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru u jħeġġeġ lill-Kunsill jappoġġja din il-proposta; |
|
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji ta' sensibilizzazzjoni, informazzjoni u promozzjoni li jindirizzaw il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha bħall-vjolenza fiżika, il-fastidju sesswali, il-vjolenza ċibernetika u l-isfruttament sesswali, b'mod partikolari fir-rigward ta' miżuri ta' prevenzjoni maħluqa reċentement u sistemi ta' twissija ta' emerġenza flessibbli, sabiex jitħeġġeġ ir-rappurtar f'koordinazzjoni u f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u speċjalizzati tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni taħdem ma' pjattaformi tat-teknoloġija fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali biex tindirizza l-attivitajiet online illegali, inkluża l-vjolenza online kontra n-nisa u l-bniet fil-forom kollha tagħha, peress li l-internet ilu mill-bidu tal-pandemija jintuża ħafna għax-xogħol, l-edukazzjoni u d-divertiment, u se jkompli jintuża b'dan il-mod; |
|
18. |
Ifakkar li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa nnotat li l-kriżi tal-COVID-19 uriet in-nuqqas ta' implimentazzjoni xierqa tal-konvenzjonijiet ċentrali għall-protezzjoni u l-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'urġenza l-proċess ta' ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-UE abbażi ta' adeżjoni wiesgħa mingħajr l-ebda limitazzjoni u jippromwovi r-ratifika, l-implimentazzjoni rapida u xierqa, u l-infurzar tagħha min-naħa tal-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri li għad fadal biex jirratifikaw il-Konvenzjoni malajr u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll għall-protezzjoni tal-vittmi, b'mod partikolari matul il-perjodi ta' kriżi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu r-rakkomandazzjonijiet ta' GREVIO u jtejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom biex iġibuha aktar konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, b'mod partikolari fir-rigward ta' definizzjonijiet komuni għall-atti ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
19. |
Jistieden lill-Kunsill iżid il-vjolenza kontra n-nisa mal-lista tar-reati kriminali fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi direttiva biex tiġi indirizzata kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru sabiex jiġi stabbilit qafas legali b'saħħtu, tiġi kkoordinata l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, jiġi promoss il-ġbir preċiż u komparattiv tad-data, tiġi determinata s-sitwazzjoni reali ta' din il-vjolenza, titqies il-possibbiltà li jsiru previżjonijiet, u jiġi vvalutat l-impatt tal-COVID-19 fuq il-forniment tas-servizzi ewlenin lill-vittmi; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġ ġdid tal-UE dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li r-riżultati tiegħu għandhom jiġu ppreżentati fl-2023; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinġabar data armonizzata dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jipprovdu d-data rilevanti meta jintalbu jagħmlu dan, inkluż lill-Eurostat; |
|
20. |
Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu kemm għall-programm dwar il-Ġustizzja kif ukoll għall-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (ĊUDV); jilqa' l-ħolqien tal-fergħa l-ġdida tal-valuri tal-Unjoni fi ħdan il-programm ĊUDV u jenfasizza li din għandha tiffoka fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u s-sensibilizzazzjoni dwarhom billi tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi fil-livell lokali, f'dak reġjonali u f'dak transnazzjonali; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-iżgurar ta' finanzjament adegwat għal dawk il-programmi; jilqa' l-allokazzjoni addizzjonali għall-programmi emblematiċi kif miftiehem fin-negozjati finali dwar il-QFP għall-2021–2027 bejn il-Parlament u l-Kunsill, li minnha se jibbenefika l-programm ĊUDV; jilqa' l-ftehim proviżorju għall-baġit tal-UE għall-2021, li jalloka EUR 6,6 miljun addizzjonali għall-programm ĊUDV; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament adegwat minn dawn l-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet immirati lejn il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneruu u l-ġlieda kontrih skont l-objettiv speċifiku DAPHNE u jilqa' l-allokazzjoni li sar qbil dwarha għal dak il-għan; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun aktar ambizzjuża fid-difiża tal-valuri tagħna u tipprovdi finanzjament adegwat għal dawn l-attivitajiet; jitlob, barra minn hekk, l-implimentazzjoni urġenti ta' miżuri ċari mmirati lejn il-ġeneru, permezz tal-allokazzjoni ta' fondi, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa wara l-kriżi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-impjiegi, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatat inkluż fi programmi u strumenti oħra fi ħdan Next Generation EU u fil-QFP għall-perjodu 2021–2027, f'konformità mal-approċċ doppju tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw dan meta jippreżentaw il-pjanijiet ta' rispons nazzjonali għall-COVID-19, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-miżuri u l-finanzjament eżistenti, filwaqt li jpoġġu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qalba tal-irkupru ekonomiku; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni japplikaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-miżuri ta' rkupru; |
|
21. |
Jinnota bi tħassib serju l-impatt tal-kriżi fuq il-persuni LGBTQI+, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, li ħafna minnhom kellhom iżommu d-distanza soċjali jew joqogħdu kwarantina f'ambjenti familjari ostili, filwaqt li żiedu r-riskju tagħhom li jiġu soġġetti għall-vjolenza domestika u għall-vjolenza marbuta mal-fobija għall-persuni LGBTQI+; jinnota li rata akbar mill-medja ta' persuni LGBTQI+ huma qiegħda jew jaħdmu f'impjiegi prekarji b'riżorsi finanzjarji limitati u instabbli, bir-riżultat li jibqgħu f'ambjent ostili jew abbużiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-inizjattivi kollha speċifiċi għall-COVID-19 rigward il-vjolenza domestika, abbażi tal-ġeneru u sesswali jqisu r-riskju akbar u l-isfidi speċifiċi tal-persuni LGBTQI+, u li s-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi u l-inizjattivi speċjali tal-COVID-19 li jirreaġixxu għall-vjolenza domestika jilħqu b'mod espliċitu lill-persuni LGBTQI+ vittmi tal-vjolenza domestika; |
|
22. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' appoġġ mediku u psikoloġiku effettiv, aċċessibbli, bi prezzijiet raġonevoli u ta' kwalità għall-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi fejn tali appoġġ irid jitqies essenzjali; jitlob lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (38), b'enfasi fuq il-perspettiva tal-ġeneru wara r-rapport ta' implimentazzjoni reċenti tagħha (39), u bil-ħsieb li jissaħħu d-drittijiet tal-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-Istrateġija l-ġdida dwar id-Drittijiet tal-Vittmi; |
Il-COVID-19, l-ekonomija, l-irkupru u l-impatt fuq il-ġeneri
|
23. |
Jappella lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill biex iqisu l-fatt li l-kriżi tal-COVID-19 taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa fl-isfera soċjoekonomika, inkluż l-introjtu u r-rata ta' impjieg tagħhom, u se tirriżulta f'inugwaljanzi saħansitra aktar profondi bejn l-irġiel u n-nisa u diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jistedinhom jaħdmu mal-Istati Membri biex jeżaminaw mill-qrib u jagħmlu dispożizzjoni speċifika għall-ħtiġijiet soċjoekonomiċi tan-nisa u l-irġiel wara l-kriżi, u biex jeżaminaw ukoll is-segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol meta jkunu qed jimplimentaw programmi fi ħdan il-baġit tal-UE għall-2021, il-QFP li jmiss u Next Generation EU filwaqt li jiżguraw li l-programmi kollha jinkorporaw il-perspettiva tal-ġeneru u l-ibbaġittjar skont il-ġeneru kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt ex post fir-rigward tal-ġeneru kif indikat fl-Istrateġija tal-Kummissjoni ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020-2025; jitlob l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effikaċi tal-istrateġija; jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw kapitolu b'azzjonijiet immirati biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, żviluppati f'kooperazzjoni mal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza; |
|
24. |
Jenfasizza li se jkun hemm bżonn li n-natura u l-post tax-xogħol jerġgħu jiġu eżaminati wara l-kriżi; jenfasizza li x-xogħol mid-dar mhuwiex sostitut għall-indukrar tat-tfal jew il-ħtieġa għall-forniment ta' servizzi tal-kura tat-tfal ta' kwalità bi prezzijiet raġonevoli u l-aċċess għalihom, u lanqas ma huwa sostitut għall-aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol relatati mad-diżabilità; jirrimarka li xogħol flessibbli kif miftiehem ma' min iħaddem jista' jipprovdi opportunitajiet għan-nisa u l-irġiel biex jaħdmu mid-dar jew minn spazji lokali ta' xogħol konġunt, u għandu l-potenzjal li jwassal għal bilanċ akbar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li potenzjalment jirriżulta fi tkabbir inklużiv fuq perjodu twil ta' żmien mil-lat tal-ġeneri; jinnota li dan l-approċċ għandu l-potenzjal li jagħti spinta liż-żoni rurali u lill-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-miri ta' Barċellona jintlaħqu; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO tal-2019 dwar il-Vjolenza u l-Fastidju (Nru 190) mingħajr dewmien, u jimplimentawha flimkien mar-rakkomandazzjoni ta' akkumpanjament tagħha (Nru 206), li tkopri l-postijiet kollha fejn jistgħu jseħħu l-vjolenza u l-fastidju relatati max-xogħol, bħall-postijiet tax-xogħol pubbliċi u privati, kif ukoll komunikazzjonijiet relatati max-xogħol; |
|
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data diżaggregata u komparabbli dwar il-forniment ta' tipi differenti ta' indukrar, fosthom l-indukrar tat-tfal, l-indukrar għall-persuni akbar fl-età u l-indukrar għall-persuni b'diżabilità, kif ukoll il-ġeneru, l-età u l-istatus tal-impjieg tal-indukraturi, biex jikkontribwixxu għal studju li jeżamina d-differenza fl-indukrar, bil-ħsieb li titfassal Strateġija tal-UE dwar l-Indukrar li tieħu approċċ olistiku u tul il-ħajja għall-indukrar, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet kemm tal-indukraturi kif ukoll ta' dawk li jiġu indukrati; jinnota li l-istrateġija trid tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri u tar-reġjuni, iżda għandu jkollha l-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE permezz ta' inizjattivi u investiment rilevanti, inkluż fl-ambitu tal-programm InvestEU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b'benefiċċji għall-indukraturi informali u formali u għall-persuni li tagħhom huma responsabbli; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni u l-azzjoni fil-livell tal-UE, flimkien mal-użu effiċjenti tal-fondi tal-UE, jistgħu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' servizzi tal-indukrar li jkunu ta' kwalità, aċċessibbli u bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd; |
|
26. |
Jenfasizza li l-investiment fl-indukrar huwa importanti biex jiġu żgurati l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, il-bini ta' soċjetajiet reżiljenti u t-titjib tar-regolarizzazzjoni tal-impjiegi, is-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet fis-setturi ddominati min-nisa, u għandu wkoll effett pożittiv fuq il-PDG peress li jippermetti li aktar nisa jieħdu sehem f'xogħol imħallas; jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu l-mudelli fil-forniment tal-indukrar kif jidher bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 u miżuri relatati; f'dan l-isfond, jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-kwistjoni ta' prezzijiet għall-but ta' kulħadd tas-servizzi tal-indukrar, kif ukoll il-mudelli differenti ta' servizzi ta' indukrar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni tal-indukraturi informali u tikkondividi l-aħjar prattiki dwar kif l-Istati Membri jistgħu jirregolarizzaw il-ħidma tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-indukraturi fil-mument tal-irtirar; jappella f'dan ir-rigward għal proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-protezzjoni soċjali u s-servizzi għall-indukraturi; |
|
27. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jħeġġu lill-irġiel permezz ta' pereżempju miżuri ta' inċentiv, jagħmlu arranġamenti tax-xogħol flessibbli, peress li hemm numru sproporzjonat ta' nisa li normalment jagħmlu użu minn dawn l-arranġamenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu bis-sħiħ u jimplimentaw mingħajr dewmien id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u sistematikament l-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri fuq bażi annwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jmorru lil hinn mill-istandards stabbiliti fid-Direttiva, b'mod partikolari minħabba l-ħtieġa li jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi esposti mill-miżuri tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħhom fir-rigward tal-protokolli mediċi fil-faċilitajiet, inklużi faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal ta' kwalità; |
|
28. |
Jistieden lill-Istati Membri biex, filwaqt li l-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 għadhom fis-seħħ, jistabbilixxu liv speċjali għall-indukraturi u għall-ġenituri li jaħdmu li ma jkunx trasferibbli u li jkun remunerat bis-sħiħ; |
|
29. |
Jirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi partikolarment ta' sfida li l-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza kbira tagħhom (85 %) huma nisa, ħabbtu wiċċhom magħhom matul il-perjodu tal-pandemija u ta' wara l-kriżi bħala riżultat ta' bosta piżijiet, fosthom l-indukrar kontinwu, it-tħassib dwar arranġamenti ta' kustodja, it-tħassib ekonomiku potenzjali u s-solitudni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu u jeżaminaw aktar is-sitwazzjoni speċifika tagħhom, inklużi l-piżijiet addizzjonali f'termini ta' xogħol, edukazzjoni u indukrar, l-aċċess għall-avukati u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kustodja; |
|
30. |
Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija u li jiġi żgurat tkabbir aktar inklużiv bħala parti mis-soluzzjoni għall-irkupru wara l-pandemija, peress li opportunitajiet indaqs u parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol fost in-nisa jistgħu jżidu l-impjiegi, il-prosperità ekonomika u l-kompetittività fl-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu l-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-Politiki dwar l-Impjiegi fl-UE, filwaqt li jqisu kif xieraq il-mudelli tas-suq tax-xogħol nazzjonali tagħhom; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jqisu kif xieraq is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-impjiegi prekarji, id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali permezz ta' politiki mfassla apposta; |
|
31. |
Jisħaq fuq il-fatt li paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali bejn in-nisa u l-irġiel trid tkun prinċipju ta' gwida għall-Kummissjoni, il-Parlament u l-Istati Membri kollha meta jfasslu miżuri ta' reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li tippreżenta fil-pront miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv id-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u l-pensjonijiet peress li indikaturi ekonomiċi jissuġġerixxu li dawn id-differenzi qed jiżdiedu aktar bħala konsegwenza tal-pandemija; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tikkunsidra l-aħjar prattiki tal-Istati Membri filwaqt li tqis kif xieraq il-kundizzjonijiet uniċi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-mudelli differenti tas-suq tax-xogħol fl-UE; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE; |
|
32. |
Jisħaq fuq l-isfidi għas-settur tal-indukrar domestika u fid-djar u għall-ħaddiema tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni 189 tal-ILO dwar il-ħaddiema domestiċi u jiżguraw li s-settur ikun eliġibbli għal miżuri mmirati biex itaffu l-impatt finanzjarju tal-kriżi sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew l-attività tagħhom f'kundizzjonijiet adegwati; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ir-regolarizzazzjoni tas-settur tax-xogħol domestiku; |
|
33. |
Jilqa' l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u l-pakkett CRII Plus, li jimmobilizzaw il-politika ta' koeżjoni biex isostnu s-setturi l-aktar esposti u jappella wkoll għal miżuri mmirati ħalli jindirizzaw is-setturi li jimpjegaw b'mod predominanti lin-nisa; jisħaq fuq l-importanza tal-istrument tal-Kummissjoni għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE), li jiżgura l-appoġġ għall-introjtu għall-ħaddiema qiegħda jew li jkunu assenti bil-permess; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt ta' dawn l-istrumenti fuq is-sitwazzjoni tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol tal-UE u, skont dan, jiġu aġġustati mill-ġdid il-politiki futuri; jenfasizza l-ħtieġa ta' programmi ta' taħriġ mill-ġdid u ta' titjib tal-ħiliet għan-nisa biex jitqiesu l-bidliet fis-suq tax-xogħol bħala konsegwenza tal-COVID-19; |
|
34. |
Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-intraprendituri, b'mod partikolari lill-intraprendituri nisa, huma u jfittxu li jiżviluppaw u jibnu fuq il-ħiliet jew l-interessi miksuba matul il-perjodu tal-COVID-19, inkluż permezz ta' opportunitajiet ta' intraprenditorija għall-ommijiet, il-ġenituri waħedhom u oħrajn li jimpenjaw ruħhom b'mod inqas frekwenti f'attività intraprenditorjali, sabiex tavvanza l-indipendenza ekonomika tagħhom u jittejbu l-aċċess u l-għarfien tas-self, il-finanzjament tal-ekwità u l-mikrofinanzjament permezz ta' programmi u fondi tal-UE sabiex il-kriżi ssir opportunità għall-progress permezz tal-adattament u t-trasformazzjoni bħala parti mill-ekonomija ekoloġika u dik diġitali; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħmlu enfasi speċjali fuq l-appoġġ għall-SMEs, b'mod partikolari l-SMEs immexxija min-nisa li spiss jiffaċċjaw sfidi uniċi fl-aċċess għall-finanzjament meħtieġ u li se jeħtieġu wkoll appoġġ matul il-fażi ta' rkupru; jistieden lill-Kummissjoni, lill-EIGE u lill-Eurostat iżidu l-ġbir tad-data dwar l-SMEs immexxija min-nisa, in-nisa li jaħdmu għal rashom u n-negozji ġodda mmexxija min-nisa, u dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19; |
|
35. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-preżenza tan-nisa u l-kontribut tagħhom għall-intelliġenza artifiċjali, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u s-setturi diġitali, kif ukoll għall-ekonomija ekoloġika; jitlob li jkun hemm approċċ f'diversi livelli biex jiġu indirizzati d-differenzi bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u l-impjiegi diġitali sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali li ġie żvelat peress li x-xogħol u l-edukazzjoni, kif ukoll bosta servizzi u faċilitajiet, f'daqqa waħda qalbu online; jisħaq li t-tnaqqis tad-distakk diġitali se jżid l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhux biss f'termini tas-suq tax-xogħol iżda wkoll permezz tal-aċċess għat-teknoloġiji fl-isfera personali; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-perspettiva tal-ġeneri fl-Istrateġija għal Suq Uniku u fl-Aġenda Diġitali bil-għan li tindirizza b'mod effikaċi s-sottorappreżentanza tan-nisa fis-setturi li qed jikbru għall-ekonomija futura tal-UE; jilqa' t-Tabella ta' Valutazzjoni dwar in-Nisa fid-Dinja Diġitali tal-Kummissjoni, li timmonitorja l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali, fl-użu tal-internet, fil-ħiliet tal-utenti tal-internet, fil-ħiliet speċjalizzati u fl-impjiegi; jisħaq fuq l-importanza tagħha biex tgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jistabbilixxu miri rilevanti, b'mod partikolari minħabba l-implikazzjonijiet tal-COVID-19; |
|
36. |
Jinnota l-importanza li titqies is-sitwazzjoni speċjali tan-nisa li qed jirritornaw mil-liv tal-maternità biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jaċċessaw l-appoġġ tal-gvern mingħajr diskriminazzjoni; |
|
37. |
Jisħaq fuq l-isfidi għas-settur agrikolu u għall-provvista tal-ikel fl-UE, kif ukoll is-sitwazzjoni speċifika tan-nisa fiż-żoni rurali; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm is-sottoprogramm tematiku eżistenti għan-nisa fiż-żoni rurali permezz tal-pjanijiet strateġiċi tal-politika agrikola komuni ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali; jisħaq li dan is-sottoprogramm ifittex li jinkoraġġixxi l-impjieg tan-nisa u l-intraprenditorija femminili; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-fondi tal-UE jiġu allokati biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fiż-żoni rurali; jitlob, barra minn hekk, li ssir riflessjoni dwar ir-rwoli tan-nisa rurali fis-salvagwardja tal-ambjent u l-bijodiversità skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-istatus professjonali tal-konjuġi ta' għajnuna fis-settur agrikolu u jitlob li l-Kummissjoni tħejji gwida f'dan ir-rigward; |
Il-COVID-19 u l-intersezzjonalità
|
38. |
Jisħaq li d-diskriminazzjoni intersezzjonali u strutturali toħloq ostakli u sfidi addizzjonali u impatti soċjoekonomiċi negattivi għal gruppi speċifiċi ta' nisa, u li s-sikurezza, il-protezzjoni u l-benessri soċjoekonomiku tal-persuni kollha jridu għalhekk jiġu żgurati u jeħtieġ li l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom jiġu indirizzati billi jitqies b'mod xieraq approċċ intersezzjonali għall-miżuri ta' kriżi u ta' wara l-kriżi; |
|
39. |
Jenfasizza l-importanza li n-nisa u l-bniet jiġu inklużi fit-tfassil ta' informazzjoni aċċessibbli u mmirata, u li din l-informazzjoni titqassam fl-ambjenti kollha, b'mod partikolari fiż-żminijiet ta' kriżi; |
|
40. |
Jissottolinja li minħabba stennija tal-għomor ogħla u probabbiltà akbar li jesperjenzaw problemi tas-saħħa, in-nisa akbar fl-età spiss jiffurmaw il-maġġoranza tar-residenti fil-faċilitajiet tal-indukrar fit-tul (40) li saru hotspots tal-virus f'bosta pajjiżi minħabba, fost l-oħrajn, nuqqas ta' riżorsi suffiċjenti u għarfien biex jiggarantixxu s-sikurezza u l-protezzjoni tar-residenti; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-kuntesti differenti tal-forniment tal-indukrar formali u fit-tul u l-livell ta' reżiljenza tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw il-forniment tal-indukrar għall-persuni anzjani kemm fil-faċilitajiet tal-indukrar residenzjali kif ukoll fl-ambjenti ta' indukrar ibbażati fil-komunità, inkluż permezz tal-forniment tal-indukrar fid-djar għal 24 siegħa jew indukrar “live-in”, u jiżguraw il-benessri tan-nisa anzjani, inkluż l-aċċess għas-servizzi tal-indukrar u għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-indipendenza ekonomika; jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi miri għall-forniment tal-indukrar fit-tul aċċessibbli, bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd u ta' kwalità li jkunu ekwivalenti għall-objettivi ta' Barċellona; |
|
41. |
Jiddispjaċih li ħafna nisa b'diżabilità, inklużi dawk li jiddependu fuq oħrajn għall-indukrar ta' kuljum, u b'mod partikolari dawk li jgħixu f'istituzzjonijiet u ambjenti magħluqa oħra u bi ħtiġijiet kbar ta' appoġġ, intlaqtu b'mod sinifikanti mill-pandemija, iżda ma setgħux jaċċessaw in-networks ta' appoġġ tas-soltu tagħhom jew iżommu t-tbegħid fiżiku, u kellhom diffikultajiet biex jaċċessaw is-servizzi u l-prodotti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li dawn in-networks ta' appoġġ jitqiesu bħala servizzi essenzjali u jkunu adattati b'mod adegwat għaċ-ċirkostanzi, u li ssir dispożizzjoni għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari n-nisa u l-bniet, f'miżuri futuri ta' ppjanar għall-kriżijiet u l-emerġenzi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw id-drittijiet tan-nisa u l-bniet kollha b'diżabilità kif minqux fis-CRPD, inkluż id-dritt tagħhom għal għajxien indipendenti u aċċess għall-edukazzjoni, ix-xogħol u l-impjiegi; |
|
42. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ lin-nisa u l-irġiel migranti jingħata permezz ta' aċċess għall-kura tas-saħħa kritika matul il-kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċentri tar-rifuġjati u tal-akkoljenza jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet u r-riskji tan-nisa u l-bniet fid-dawl tal-isfidi magħrufa tat-tbegħid soċjali u taż-żamma tal-iġjene, kif ukoll tal-vulnerabbiltà tagħhom għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u li jingħataw fondi adegwati biex itaffu dawn ir-riskji; |
|
43. |
Jenfasizza ċ-ċirkostanzi uniċi tan-nisa mingħajr dar u n-nisa fil-prostituzzjoni u l-vulnerabbiltà akbar tagħhom għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll in-nuqqas ta' aċċess għall-faċilitajiet tal-iġjene u tal-kura tas-saħħa bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta' emerġenza sussegwenti; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi u l-appoġġ adegwat jingħataw lil dawk li jinsabu f'sitwazzjonijiet prekarji, inklużi n-nisa li jinsabu f'riskju ta' faqar jew li qed jgħixu fil-faqar, u nisa mingħajr dar jew vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali; jilqa' l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, li jipprovdi riżorsi addizzjonali biex jiġu indirizzati l-privazzjoni materjali u l-assistenza soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa mingħajr dar u mingħajr dokumenti jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa; jinnota li ċ-ċirkostanzi ta' dawn il-gruppi soċjetali ġew ikkunsidrati fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw b'mod xieraq lin-nisa mingħajr dar fil-pjanijiet tagħhom ta' rispons għall-pandemija; |
|
44. |
Jenfasizza l-ħtiġijiet addizzjonali tal-gruppi ta' minoranza, bħan-nisa ta' oriġini Romani, li jiffaċċjaw diskriminazzjoni stabbilita u ksur kontinwu tad-drittijiet tagħhom minħabba nuqqas ta' aċċess għall-infrastruttura, is-servizzi u l-informazzjoni bażiċi, speċjalment matul il-konfinament; |
|
45. |
Jenfasizza n-natura essenzjali tas-servizzi ta' appoġġ għall-persuni LGBTQI+, inkluż l-appoġġ għas-saħħa mentali, il-gruppi ta' appoġġ bejn il-pari u s-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
46. |
Jiddeplora l-każijiet ta' diskriminazzjoni ksenofobika u razzjali, li żdiedu fid-dawl tal-kriżi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu approċċ ta' tolleranza żero għall-attakki razzisti u jadottaw approċċ intersezzjonali fit-tweġibiet tagħhom li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-gruppi tal-popolazzjoni emarġinati, fosthom il-minoranzi razzjali u etniċi; |
|
47. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri japprovaw u jimplimentaw id-Direttiva kontra d-Diskriminazzjoni u jiggarantixxu li forom diversi u intersezzjonali ta' diskriminazzjoni jinqerdu fl-Istati Membri kollha tal-UE; |
|
48. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw l-aċċess kontinwu tat-tfal għall-edukazzjoni, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-gruppi minn sfondi soċjoekonomiċi emarġinati, lit-tfal u l-bniet vulnerabbli f'riskju ta' faqar jew li qed jgħixu fil-faqar, li huma f'riskju akbar ta' żwieġ prekoċi jew furzat; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tagħlim mill-bogħod ikun kompletament aċċessibbli għal kulħadd; jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi u l-appoġġ meħtieġa meta l-iskejjel ikunu magħluqin u li d-dħul mill-ġdid tagħhom fis-sistema edukattiva jiġi ffaċilitat ladarba tintemm il-kriżi; |
L-azzjoni esterna
|
49. |
Jenfasizza li n-natura globali tal-pandemija tal-COVID-19 tirrikjedi rispons globali; jaċċentwa l-pożizzjoni vulnerabbli tan-nisa u l-bniet f'bosta partijiet tad-dinja – speċjalment fi Stati fraġli u milquta mill-kunflitti – b'rabta mal-COVID-19, pereżempju minħabba nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, il-vulnerabbiltà għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru, fosthom il-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ bikri jew furzat, l-istatus tal-impjieg, in-nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni u l-faqar estrem u l-ġuħ; jinnota li f'bosta pajjiżi sħab in-nisa huma impjegati f'setturi femminili bħall-industrija tal-ħwejjeġ u l-produzzjoni tal-ikel, l-industriji li ntlaqtu l-aktar, b'impatti indiretti għal-livelli ta' faqar tal-familji u l-komunitajiet tagħhom u għall-indipendenza ekonomika u s-saħħa u s-sikurezza tan-nisa u l-bniet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-pajjiżi sħab biex ilaħħqu mal-kriżi jiġi allokat ukoll għall-appoġġ tan-nisa u l-bniet; jitlob appoġġ imsaħħaħ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jenfasizza li jrid isir kull sforz possibbli biex jiġi żgurat li vaċċin futur ikun disponibbli għal kulħadd; |
|
50. |
Jilqa' l-pakkett Tim Ewropa ppreżentat mill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-pajjiżi sħab fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ sensittiv għall-ġeneru u ta' infiq allokat għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-allokazzjoni ta' dawn il-fondi; jenfasizza l-ħtieġa ta' rispons sensittiv għall-ġeneru għall-COVID-19 fl-implimentazzjoni tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni III biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi uniċi tan-nisa u l-bniet u jiġu stimulati l-opportunitajiet ta' wara l-kriżi; jinkoraġġixxi t-tkomplija u l-prijoritizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-emerġenzi matul dan iż-żmien; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprijoritizzaw is-solidarjetà globali billi jżommu livell suffiċjenti ta' finanzjament tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u billi jappoġġjaw ir-reazzjonijiet tal-pajjiżi sħab għall-kriżi b'mod komprensiv; jistieden lill-UE tiffoka fuq it-tisħiħ tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, fir-rispons umanitarju u ta' żvilupp tagħha għall-pandemija tal-COVID-19, fl-iżvilupp internazzjonali, u fil-Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-prinċipji tal-ibbaġitjar għandhom jiġu segwiti fil-programmi ġeografiċi u tematiċi kollha tal-NDICI; |
|
51. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi politika kummerċjali tal-UE bbażata fuq il-valuri li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ambjent u rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; ifakkar li l-ftehimiet kollha tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment iridu jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru u jinkludu kapitolu ambizzjuż u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar li n-negozjati ta' ftehimiet kummerċjali jistgħu jirrappreżentaw għodda importanti għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa f'pajjiżi terzi; jitlob li tiġi promossa l-inklużjoni ta' kapitoli speċifiċi dwar il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE, u li din l-inklużjoni tiġi appoġġjata, abbażi tal-valur miżjud tagħhom, filwaqt li nkomplu nibnu fuq l-eżempji internazzjonali eżistenti; |
|
52. |
Jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed lin-nisa u l-bniet fil-qalba tar-rispons globali tagħha u tinvolvihom bis-sħiħ, tisma' leħinhom u tagħtihom is-setgħa li jkunu parti attiva mir-rispons għall-pandemija; |
Il-ġeneru u l-irkupru
|
53. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw bis-sħiħ l-impatti speċifiċi għall-ġeneru tal-kriżi u l-ħtiġijiet li jirriżultaw minnha flimkien mal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw riżorsi baġitarji addizzjonali u mmirati biex jgħinu lin-nisa jirkupraw mill-kriżi, inkluż fl-implimentazzjoni tal-pakkett ta' rkupru, b'mod partikolari fl-oqsma tal-impjiegi, il-vjolenza u s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, kif ukoll biex jimmonitorjaw dan l-infiq u jintegraw il-proposti baġitarji, politiċi u leġiżlattivi kollha, f'konformità mal-impenji tagħhom fl-Istrateġija ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rabta bejn il-politiki dwar it-tibdil fil-klima, il-politiki diġitali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proposti tagħha li jmiss; jenfasizza li l-azzjoni preparatorja hija l-aħjar mod biex tinbena r-reżiljenza fl-oqsma kollha għall-kriżijiet futuri; |
|
54. |
Jitlob li l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħala waħda mill-prijoritajiet ta' politika, għandha tiġi indirizzata fil-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa u biex l-UE tiżgura bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi tagħha u tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u lill-organizzazzjonijiet tan-nisa fil-ħidma tagħha biex tiżgura li l-ħtiġijiet tan-nisa jitqiesu wara l-pandemija tal-COVID-19; |
|
55. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżommu ambjent ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ politiku u livell suffiċjenti ta' finanzjament; |
o
o o
|
56. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta' Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal (ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).
(4) Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).
(5) Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).
(6) Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat- 8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13).
(7) Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).
(8) ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0039.
(10) Testi adottati, P9_TA(2020)0025.
(11) ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.
(12) Testi adottati, P9_TA(2019)0080.
(13) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 80.
(14) ĠU C 363, 28.10.2020, p. 164.
(15) ĠU C 390, 18.11.2019, p. 28.
(16) ĠU C 458, 19.12.2018, p. 34.
(17) ĠU C 346, 27.9.2018, p. 6.
(18) ĠU C 331, 18.9.2018, p. 60.
(19) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 49.
(20) ĠU C 298, 23.8.2018, p. 14.
(21) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 99.
(22) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 25.
(23) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 35.
(24) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 173.
(25) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
(26) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/604979/IPOL_STU(2018)604979_EN.pdf
(27) https://eige.europa.eu/covid-19-and-gender-equality/frontline-workers
(28) EIGE, Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, 2019.
(29) https://eige.europa.eu/covid-19-and-gender-equality/economic-hardship-and-gender
(30) Eurofound, Stħarriġ dwar il-COVID-19, 2020.
(31) Eurofound, L-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi: niddefendu l-progress u nwieġbu għall-isfidi tal-COVID-19 (2020).
(32) https://eige.europa.eu/covid-19-and-gender-equality/unpaid-care-and-housework
(33) https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/how-will-covid-19-crisis-affect-existing-gender-divides-europe
(34) Eurofound, Stħarriġ dwar il-COVID-19, 2020.
(35) UN Women, “From Insights to Action: Gender Equality in the wake of COVID-19” (Mill-Għarfien għall-Azzjoni: l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fid-dawl tal-COVID-19).
(36) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
(37) COM(2012)0614.
(38) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(39) Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Mejju 2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità (COM(2020)0188).
(40) https://eige.europa.eu/covid-19-and-gender-equality/gender-impacts-health