|
12.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 167/43 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/779
tal-10 ta’ Mejju 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kummerċ tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwadormin-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emendi għad-Deċiżjonijiet Nru 1/2014, Nru 2/2014, Nru 3/2014, Nru 4/2014 u Nru 5/2014 tal-Kumitat Kummerċjali sabiex titqies l-adeżjoni tal-Ekwador mal-Ftehim Kummerċjali u sabiex tiġi aġġornata l-lista ta’ arbitri u esperti fil-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim Kummerċjali”) ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Ġunju 2012. B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE (1), il-Ftehim Kummerċjali ilu japplika b’mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-Perù mill-1 ta’ Marzu 2013, u mal-Kolombja mill-1 ta’ Awwissu 2013. |
|
(2) |
Il-Ftehim Kummerċjali ġie emendat mill-Protokoll tal-Adeżjoni biex titqies l-adeżjoni tal-Ekwador, iffirmat fi Brussell fil-11 ta’ Novembru 2016 (2). B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 (3), il-Ftehim Kummerċjali ilu japplika b’mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-Ekwador mill-1 ta’ Jannar 2017. |
|
(3) |
B’konformità mal-punt (g)(vi) tal-Artikolu 13(2) tal-Ftehim Kummerċjali, il-Kumitat tal-Kummerċ jista’ jressaq ’il quddiem il-kisba tal-objettivi tal-Ftehim Kummerċjali permezz tal-modifiki, li huma previsti fih, ta’ dispożizzjonijiet oħrajn li huma soġġetti għal modifiki mill-Kumitat tal-Kummerċ skont dispożizzjoni speċifika tal-Ftehim Kummerċjali. |
|
(4) |
B’konformità mal-Artikolu 13(5) tal-Ftehim Kummerċjali, fl-eżerċitar ta’ kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13, il-Kumitat tal-Kummerċ jista’ jadotta kwalunkwe deċiżjoni kif previst fil-Ftehim Kummerċjali. |
|
(5) |
Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu jadotta deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jemenda d-Deċiżjonijiet Nru 1/2014, Nru 2/2014, Nru 3/2014, Nru 4/2014 u Nru 5/2014. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ, billi d-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni. |
|
(7) |
Id-Deċiżjoni Nru 1/2014 tal-Kumitat tal-Kummerċ tipprevedi l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu skont il-punt (j) tal-Artikolu 13(1) tal-Ftehim Kummerċjali. |
|
(8) |
Id-Deċiżjoni Nru 2/2014 tal-Kumitat tal-Kummerċ tipprevedi l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura u l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-arbitri skont il-punt (h) tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 315 tal-Ftehim Kummerċjali. |
|
(9) |
Id-Deċiżjoni Nru 3/2014 tal-Kumitat tal-Kummerċ tipprevedi l-istabbiliment ta’ lista ta’ arbitri skont l-Artikolu 304(1) u (4) tal-Ftehim Kummerċjali. |
|
(10) |
Id-Deċiżjoni Nru 4/2014 li l-Kumitat tal-Kummerċ tipprevedi l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilipp Sostenibbli skont l-Artikolu 284(6) tal-Ftehim Kummerċjali. |
|
(11) |
Id-Deċiżjoni Nru 5/2014 tal-Kumitat Kummerċjali tipprevedi l-ħolqien ta’ Grupp ta’ Esperti dwar kwistjonijiet koperti mit-Titolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli skont l-Artikolu 284(3) tal-Ftehim Kummerċjali. |
|
(12) |
Sabiex titqies l-adeżjoni tal-Ekwador fil-Ftehim Kummerċjali u tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-listi tal-arbitri u tal-esperti fil-Kummerċ u fl-Iżvilupp Sostenibbli, id-Deċiżjonijiet Nru 1/2014, Nru 2/2014, Nru 3/2014, Nru 4/2014 u Nru 5/2014 tal-Kumitat tal-Kummerċ jenħtieġ li jiġu emendati skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Kummerċ tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emendi għad-Deċiżjonijiet Nru 1/2014, Nru 2/2014, Nru 3/2014, Nru 4/2014 u Nru 5/2014 tal-Kumitat Kummerċjali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ (4).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, p. 1).
(2) ĠU L 356, 24.12.2016, p. 3.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 tal-11 ta’ Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 1).
(4) Ara d-dokument ST 7767/21 fuqhttp://register.consilium.europa.eu.