European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2202

2.10.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/2202 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2026

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2026 (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 (4) ikkontribwew b’mod sinifikanti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru meta l-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom jiġu interrotti minħabba imbark miċħud, dewmien twil ta’ titjiriet, kanċellazzjonijiet jew ġestjoni ħażina tal-bagalji.

(2)

Il-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonferma l-għanijiet espressi fil-premessi 1 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fil-verżjoni oriġinali tiegħu għal leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri, li jitqiesu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali, bi qbil mal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li jogħlew l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti b’dak ir-Regolament, filwaqt li jiġi żgurat approċċ bilanċjat li jrawwem il-konnettività u l-kompetittività tat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni. Biex jinkisbu dawk l-għanijiet, dan ir-Regolament isaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, billi tittejjeb iċ-ċertezza legali kemm għall-passiġġieri tal-ajru kif ukoll għat-trasportaturi tal-ajru filwaqt li titqies il-ġurisprudenza konsiderevoli tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) fl-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kif ukoll billi jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru joperaw skont kundizzjonijiet armonizzati f’suq liberalizzat. Dak ifisser ukoll li jenħtieġ li l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 261/2004 jissaħħu. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, kif protetti skont ir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004 u (KE) Nru 2027/97, jitwettqu u jenħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni aktar effettiva, u effiċjenti u konsistenti ta’ tali drittijiet fl-Unjoni kollha, filwaqt li jitqiesu l-interessi tat-trasportaturi tal-ajru u jitkompla jinstab bilanċ bejn l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tat-trasportaturi tal-ajru.

(3)

Madankollu, ħadd ta’ nuqqasijiet, li ħarġu waqt l-implimentazzjoni tad-drittijiet skont ir-Regolamenti (KE) Nru 261/2004 u (KE) Nru 2027/97, xekklu l-potenzjal sħiħ ta’ dawk id-drittijiet fejn tidħol il-protezzjoni tal-passiġġieri. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni aktar effettiva, effiċjenti u konsistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru madwar l-Unjoni, hemm bżonn sensiela ta’ aġġustamenti fil-qafas legali attwali. Dan saħqitu l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu “Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakli għad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE” li ħabbar miżuri biex jiġu żgurati ġabra ta’ drittijiet komuni, b’mod partikolari għall-passiġġieri tal-ajru u l-infurzar xieraq ta’ dawn id-drittijiet.

(4)

Jenħtieġ li l-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq titjira koperta minn Obbligi ta’ Servizz Pubbliku, b’noll sħiħ jew imnaqqas, ikunu soġġetti għall-istess drittijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

(5)

Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru u l-passiġġieri tal-ajru, hemm bżonn definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji”. B’mod partikolari, u f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” jenħtieġ li jirreferi għal avvenimenti li, min-natura jew l-oriġini tagħhom, mhumiex marbuta mal-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u huma barra mill-kontroll reali ta’ dak it-trasportatur tal-ajru. Dawk iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi. Għal aktar ċarezza u prevedibbiltà, jenħtieġ li tiġi prevista wkoll lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti li jenħtieġ li jitqiesu li jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet bi qbil mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-lista ta’ ċirkostanzi straordinarji kull ħames snin u tagħmel proposta, kif xieraq, lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jaġġornaw dik il-lista. Sabiex jiġi invokat bħala ċirkostanza straordinarja, avveniment irid jissodisfa l-elementi kollha speċifikati fil-lista. Meta avveniment mhux inkluż fil-lista jiġi invokat bħala ċirkostanza straordinarja, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ hawn fuq jenħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ. L-okkorrenza ta’ ċirkostanza straordinarja u l-invokazzjoni tagħha minn trasportatur tal-ajru fir-rigward ta’ tfixkil għal titjira partikolari ma humiex raġunijiet suffiċjenti biex it-trasportatur tal-ajru jiġi eżentat mill-obbligu li jħallas kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Jenħtieġ li tali eżenzjoni tirriżulta biss meta t-trasportatur tal-ajru jagħti prova wkoll li ċ-ċirkostanzi straordinarji kkawżaw it-tfixkil u li t-tfixkil ma setax jiġi evitat anke kieku t-trasportatur tal-ajru ħa l-miżuri raġonevoli kollha.

(6)

Meta trasportatur tal-ajru jinvoka ċirkostanzi straordinarji, jenħtieġ li tingħata spjegazzjoni ċara u sostanzjata taċ-ċirkostanzi straordinarji lill-passiġġier. Dik l-ispjegazzjoni jenħtieġ li sservi biex tinforma lill-passiġġier, b’mod ċar u trasparenti, dwar iċ-ċirkostanzi li kkawżaw it-tfixkil. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tkun speċifika għat-tfixkil partikolari li seħħ fit-titjira tal-passiġġier. It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jipprovdu dik l-informazzjoni b’mod konċiż bl-użu ta’ lingwaġġ sempliċi, filwaqt li jevitaw lingwaġġ tekniku speċifiku għas-settur u legali, u li jinftiehem faċilment mill-passiġġier. Dik l-ispjegazzjoni jenħtieġ li sservi biss bħala informazzjoni lill-passiġġier u jenħtieġ li tkun distinta b’mod ċar mill-prova li t-trasportaturi tal-ajru jistgħu jkunu meħtieġa jipprovdu lill-korpi nazzjonali tal-infurzar, lil korpi oħra jew lill-qrati.

(7)

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-173/07 (Emirates Airlines - Direktion für Deutschland vs Diether Schenkel) (5) dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kunċett ta’ “titjira” fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma ġiex definit iżda l-Qorti tal-Ġustizzja interpretatu bħala li jikkonsisti essenzjalment minn operazzjoni ta’ trasport bl-ajru, bħala “unità” ta’ tali trasport, li ssir minn trasportatur tal-ajru li jiffissa l-itinerarju tagħha. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza u fid-dawl tal-esperjenza miksuba, jenħtieġ li issa tingħata definizzjoni aktar ċara ta’ “titjira”, kif ukoll il-kunċetti assoċjati ta’ “titjira ta’ konnessjoni” u “vjaġġ”.

(8)

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-537/17 (Claudia Wegener vs Royal Air Maroc SA) (6) dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 kien japplika għal parti ta’ kwalunkwe titjira li kienet parti minn vjaġġ wieħed fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, irrispettivament minn fejn seħħet it-titjira, inkluż titjiriet operati għalkollox barra mill-Unjoni. Meta l-punt tat-tluq inizjali jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplikaw it-Trattati, jew, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jkun trasportatur tal-ajru tal-Unjoni li jopera, meta d-destinazzjoni finali tal-vjaġġ tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplikaw it-Trattati, jenħtieġ li japplika dan ir-Regolament.

(9)

Il-biljetti jinħarġu jew jiġu awtorizzati minn trasportatur tal-ajru li jopera wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru ma’ passiġġier. Jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ numru uniku tal-biljett u jkun fihom referenza unika relatata ma’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru uniku maħruġ fil-ħin tal-prenotazzjoni. Jenħtieġ li jkopru titjira waħda jew titjira ta’ konnessjoni, mingħajr ma jitqiesu l-waqfiet intermedji għal finijiet tekniċi u operattivi. Jenħtieġ li jkun fihom diversi punti ta’ informazzjoni rigward dik it-titjira jew dik it-titjira ta’ konnessjoni bħad-data tat-titjira, l-ajruporti tat-tluq u tal-wasla, il-ħinijiet skedati tat-tluq u tal-wasla, l-isem u l-kunjom tal-passiġġier, in-numru tat-titjira u l-isem tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

(10)

Il-passiġġieri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati meta jaraw l-offerti ta’ nollijiet tal-ajru u jenħtieġ li jkunu jistgħu jiżguraw jekk il-protezzjoni mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tapplikax bis-sħiħ matul vjaġġ bir-ritorn lejn l-Unjoni u minnha. Għalhekk, jenħtieġ li jsir provvediment xieraq għal “Tikketta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru tal-Unjoni” volontarja. L-użu ta’ dik it-tikketta jenħtieġ li jibqa’ volontarju għat-trasportaturi tal-ajru u għall-intermedjarji meta juru għażliet differenti ta’ titjiriet, ħlief fejn trasportatur tal-ajru jew intermedjarju jkun obbligat li jużaha skont it-termini ta’ ftehim kummerċjali ma’ trasportatur tal-ajru li jopera.

(11)

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-22/11 (Finnair Oyj vs Timy Lassooy) (7) dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kunċett ta’ “imbark miċħud” għandu jiġi interpretat bħala relatat mhux biss ma’ każijiet ta’ imbark miċħud minħabba eċċessi fil-prenotazzjoni, iżda anki ma’ dawk ta’ imbark miċħud għal raġunijiet oħra, bħal raġunijiet operattivi. Jenħtieġ li l-passiġġieri li jkunu ppreżentaw ruħhom għall-imbark u li ma jitħallewx jitilgħu jew li jkunu ġew infurmati minn qabel li, kontra r-rieda tagħhom, mhux ser jitħallew jitilgħu jiġu rimborżati u provduti b’kumpens mingħajr dewmien żejjed.

(12)

Fl-istess ħin, hemm raġunijiet validi biex passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu, bħal saħħa, sikurezza, sigurtà jew dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar inadegwata. It-trasportaturi tal-ajru għandhom ukoll raġunijiet validi biex jiċħdu l-imbark lill-passiġġieri li juru mġiba problematika li thedded is-sikurezza jew is-sigurtà ta’ titjira, kif imsemmi fil-Konvenzjoni emendata dwar ir-Reati u Ċerti Atti Oħra Mwettqa abbord Inġenji tal-Ajru ffirmata f’Tokyo fl-14 ta’ Settembru 1963. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li t-trasportatur tal-ajru li jopera jġorr l-oneru tal-prova.

(13)

Sabiex jittejbu l-livelli ta’ protezzjoni, jenħtieġ li l-passiġġieri ma jiċċaħdux l-imbark fuq kwalunkwe titjira tal-vjaġġ ta’ ritorn għar-raġuni li ma jkunux ħadu titjira waħda jew diversi titjiriet tal-vjaġġ ta’ ħruġ koperti mill-istess kuntratt ta’ trasport bl-ajru. Barra minn hekk, it-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li ma jitħallewx jimponu lill-passiġġieri ebda tariffa minħabba li ma jkunux ħadu titjira waħda jew diversi titjiriet tal-vjaġġ ta’ ħruġ.

(14)

Bħalissa, fuq il-passiġġieri kultant jiġu imposti tariffi amministrattivi punittivi għall-korrezzjoni ta’ żbalji ta’ ortografija fl-ismijiet tagħhom. Jenħtieġ li korrezzjonijiet raġonevoli ta’ żbalji fil-prenotazzjoni, jew bidliet amministrattivi, jingħataw mingħajr ħlas u diskrepanza bejn l-isem fil-prenotazzjoni u l-isem ikkoreġut tal-passiġġier jenħtieġ li ma jikkostitwux raġuni għal imbark miċħud, sakemm il-korrezzjonijiet jew bidliet imfittxa ma jwasslux għal bidla fil-ħin tat-titjira, id-data, l-itinerarju jew il-passiġġier.

(15)

Jenħtieġ li f’każ ta’ kanċellazzjoni, l-għażla bejn ir-riċevuta ta’ rimborż, l-issoktar tal-vjaġġ permezz tal-għoti ta’ rotta alternattiva jew l-ivvjaġġar f’data aktar tard tkun id-deċiżjoni tal-passiġġier u mhux tat-trasportatur tal-ajru. F’ċerti sitwazzjonijiet, il-passiġġieri jistgħu jippreferu li jirċievu rimborż jew kumpens fil-forma ta’ vawċer. Sabiex tiżdied kemm il-flessibbiltà għat-trasportaturi tal-ajru kif ukoll l-għażla għall-passiġġieri bħala konsumaturi, fejn iseħħ tfixkil li jwassal għad-dritt tal-passiġġier għal rimborż jew kumpens, il-passiġġier jenħtieġ li jkollu d-dritt li jagħżel, wara li jkun ta l-kunsens espliċitu fuq mezz durabbli, li jaċċetta tali rimborż jew kumpens fil-forma ta’ vawċer ta’ valur li jikkorrispondi għal mill-inqas l-ammont tar-rimborż jew il-kumpens dovut. L-għażla ta’ vawċer jenħtieġ li tintwera b’mod ċar u fuq livell pari għal dak ta’ għażliet oħra għal rimborż u kumpens. Jekk il-vawċer ma jkunx issarraf jew ma jkunx issarraf kollu kemm hu sa tmiem il-perjodu ta’ validità tiegħu, it-trasportatur tal-ajru jenħtieġ li jirrimborża awtomatikament l-bilanċ li jifdal tal-vawċer kollu kemm hu.

(16)

Jenħtieġ li l-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti fl-ajruporti b’volum totali ta’ traffiku tal-passiġġieri annwali ta’ aktar minn erba’ miljun passiġġier għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi, u l-fornituri ta’ servizzi essenzjali tal-ajruport, b’mod partikolari t-trasportaturi tal-ajru u l-fornituri ta’ groundhandling, jikkooperaw biex itaffu kemm jista’ jkun l-impatt ta’ każijiet multipli ta’ tfixkil fit-titjiriet fuq il-passiġġieri. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti jħejju pjanijiet ta’ kontinġenza għal tali okkorrenzi u jenħtieġ li jiżviluppaw dawk il-pjanijiet ta’ kontinġenza mal-Kumitat tal-Utenti tal-Ajruport u ma’ fornituri oħra ta’ servizzi essenzjali tal-ajruport, inklużi fornituri ta’ assistenza speċjali għal persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Il-korpi nazzjonali tal-infurzar jenħtieġ li jimmonitorjaw il-konformità tal-korp ta’ tmexxija tal-ajruport fir-rigward tal-pjanijiet ta’ kontinġenza. Fl-ajruporti b’volum totali ta’ traffiku ta’ passiġġieri annwali ta’ inqas minn erba’ miljun passiġġier għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi, jenħtieġ li l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex jikkoordina u jagħmel arranġamenti mal-utenti tal-ajruport f’sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal numru konsiderevoli ta’ passiġġieri li jitħallew l-art u biex iżommu lill-passiġġieri li jitħallew l-art infurmati.

(17)

Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 jinkludi espliċitament id-dritt għal kumpens għall-passiġġieri li jesperjenzaw dewmien twil, f’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-402/07 (Christopher Sturgeon, Gabriel Sturgeon u Alana Sturgeon vs Condor Flugdienst GmbH) u C-432/07 (Stefan Böck u Cornelia Lepuschitz vs Air France SA) (8), li jinkludi limitu ta’ tliet sigħat għall-passiġġieri kollha u dispożizzjonijiet immirati għal titjiriet fuq distanzi twal barra mill-Unjoni li jinċentivaw lit-trasportaturi jiżguraw li l-passiġġieri jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fi żmien xieraq.

(18)

Dewmien fil-wasla jenħtieġ li jiġi kkalkulat mill-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali kif indikat fuq il-biljett tal-passiġġier. Dak huwa l-każ b’mod partikolari meta, pereżempju, inġenju tal-ajru jkun telaq iżda jkun sussegwentement imġiegħel jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq u jkun telaq mill-ġdid aktar tard. Fil-każ ta’ rotta alternattiva permezz ta’ mod ieħor tat-trasport, jenħtieġ li jintuża l-ħin tal-wasla effettiv tal-passiġġier fid-destinazzjoni finali tiegħu biex jiġi kkalkulat id-dewmien fil-wasla, irrispettivament mill-mod tat-trasport użat. Meta titjira tittardja jew tiġi skedata mill-ġdid għal ħin aktar tard inqas minn 14-il jum kalendarju qabel id-data tat-tluq indikata fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-prenotazzjoni, id-dewmien fil-wasla jenħtieġ li jiġi kkalkulat mill-ħin tal-wasla skedat indikat fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-prenotazzjoni. F’każijiet meta titjira tkun ġiet skedata mill-ġdid mill-inqas 14-il jum kalendarju qabel id-data tat-tluq indikata fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-prenotazzjoni, jew, jekk tiġi skedata mill-ġdid wara dak il-ħin, meta l-passiġġier ikun ħa titjira li kienet ġiet skedata mill-ġdid għal ħin aktar bikri, id-dewmien fil-wasla jenħtieġ li jiġi kkalkulat mill-ħin tal-wasla skedat indikat fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-iskedar mill-ġdid. Meta l-passiġġieri jingħataw rotta alternattiva wara tfixkil, fir-rigward tat-titjira b’rotta alternattiva, id-dewmien fil-wasla jenħtieġ li jiġi kkalkulat mill-ħin tal-wasla skedat indikat fuq il-biljett maħruġ għat-titjira b’rotta alternattiva.

(19)

L-iżgurar ta’ trasparenza aħjar rigward il-prestazzjoni ambjentali tas-servizzi tat-trasport jista’ jagħti lill-klijenti aktar informazzjoni meta jagħmlu l-għażliet tagħhom stess. It-Tikketta tal-Emissjonijiet tat-Titjira stabbilita skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) hija għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi tal-ajru biex juru fuq is-siti web tagħhom u fuq il-biljetti, b’format faċilment aċċessibbli u b’mod komparabbli, informazzjoni preċiża u oġġettiva dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mas-servizzi tal-ajru li joperaw.

(20)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 jikkonferma espliċitament li t-tibdil fl-iskedi tat-titjiriet għandu impatt simili fuq il-passiġġieri bħall-kanċellazzjonijiet jew id-dewmien u għaldaqstant jenħtieġ li jirriżulta fl-istess drittijiet.

(21)

Jenħtieġ li l-passiġġieri li jitilfu titjira ta’ konnessjoni li hija parti minn vjaġġ b’riżultat ta’ tfixkil ta’ titjira preċedenti jiġu assistiti kif xieraq waqt li jkunu qed jistennew li jingħataw rotta alternattiva. F’każijiet bħal dawn, f’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-11/11 (Air France vs Folkerts) (10), jenħtieġ li l-passiġġieri jkunu intitolati għal kumpens meta jaslu fid-destinazzjoni finali tat-titjira jew tat-trasport alternattiv tagħhom, fuq bażi simili għall-passiġġieri li jesperjenzaw tfixkil ta’ titjiriet diretti.

(22)

Fil-ħin tal-prenotazzjoni u qabel ix-xiri tal-biljetti, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru, jew, skont il-każ, l-intermedjarji, jinfurmaw b’mod ċar lill-passiġġieri jekk il-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom ikunux koperti minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru wieħed u dwar id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004, b’mod partikolari fir-rigward ta’ titjiriet ta’ konnessjoni mitlufa.

(23)

Sabiex titjieb il-protezzjoni tal-passiġġieri, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom ittardjat jenħtieġ li jibbenefikaw mid-drittijiet għal assistenza u kumpens irrispettivament minn jekk dawn ikunux qed jistennew fit-terminal tal-ajruport jew jekk ikunux diġà bilqiegħda abbord l-ajruplan. Madankollu, minħabba li fil-każ tal-aħħar ma jkollhomx aċċess għas-servizzi disponibbli fit-terminal, jenħtieġ li d-drittijiet tagħhom jissaħħu fir-rigward tal-ħtiġijiet bażiċi u fir-rigward tad-dritt għal żbark. Id-dritt għal żbark jista’ jkun limitat biss jekk ikun hemm raġunijiet relatati mas-sikurezza, l-immigrazzjoni, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru jew is-sigurtà. Jekk trasportatur tal-ajru jkun wasal biex jiżbarka l-passiġġieri iżda jiġi infurmat mill-awtoritajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru li t-titjira hija awtorizzata li titlaq b’mod imminenti, jenħtieġ li jitħalla jirrifjuta li jiżbarka l-passiġġieri.

(24)

Bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati s-sottomissjoni u l-bidu ta’ talbiet għal kumpens wara tfixkil, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu awtomatikament u b’mod elettroniku lill-passiġġieri b’informazzjoni dwar id-dritt ta’ kumpens tal-passiġġieri u struzzjonijiet ċari dwar kif għandha tiġi sottomessa talba.

(25)

Fejn passiġġier ikun għażel rotta alternattiva mal-ewwel opportunità, it-trasportatur tal-ajru ħafna drabi jagħmel l-għoti tar-rotta alternattiva kundizzjonali għad-disponibbiltà ta’ postijiet fuq is-servizzi tiegħu stess, u b’hekk iċaħħad lill-passiġġieri tiegħu d-dritt li jagħżlu rotta alternattiva disponibbli aktar malajr minn servizzi alternattivi. Għalhekk, jenħtieġ li t-trasportatur tal-ajru jipproponi wkoll għażliet oħra għall-għoti ta’ rotta alternattiva, inkluż lejn ajruport alternattiv, b’rotta differenti, fuq servizzi ta’ trasportatur tal-ajru ieħor jew b’modi oħra ta’ trasport fejn dan jista’ jħaffef ir-rotta alternattiva. Jenħtieġ li l-għoti ta’ rotta alternattiva jkun soġġett għad-disponibbiltà ta’ postijiet bilqiegħda. Jenħtieġ li, dik ir-rotta alternattiva tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, bi spejjeż tat-trasportatur tal-ajru u pprovduta skont kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli.

(26)

Jenħtieġ li, meta l-passiġġieri jingħataw rotta alternattiva, it-trasportaturi tal-ajru jippruvaw jiżguraw li l-passiġġieri jkunu jistgħu jivvjaġġaw bil-bagalji tagħhom, inkluż il-bagalji li għaddew u dawk li ma għaddewx miċ-check-in. Jenħtieġ li trasportatur tal-ajru jitħalla jipproċedi mod ieħor mill-passiġġier jekk ir-restrizzjonijiet fuq it-trasport tal-bagalji jistgħu jikkawżaw aktar dewmien lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew l-għoti ta’ rotta alternattiva, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tiegħu fir-rigward tal-bagalji tal-passiġġieri rregolata mir-Regolament (KE) Nru 2027/97 u mill-Konvenzjoni tal-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli Relatati mat-Trasportazzjoni Internazzjonali bl-Ajru, miftiehma f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999 (“il-Konvenzjoni ta’ Montreal”).

(27)

Jekk il-kundizzjonijiet tat-trasport humiex komparabbli jista’ jiddependi minn għadd ta’ fatturi u miċ-ċirkostanzi partikolari. Fejn ikun possibbli u fejn ma jinvolvix aktar dewmien, jenħtieġ li l-passiġġieri ma jingħatawx servizzi ta’ trasport ta’ klassi ta’ trasport aktar baxxa meta mqabbla ma’ dik fuq il-biljett. Jenħtieġ li l-għoti ta’ rotta alternattiva jiġi offrut mingħajr ebda kost addizzjonali lill-passiġġier, anke jekk il-passiġġieri jingħataw rotta alternattiva ma’ trasportatur tal-ajru ieħor jew fuq mod ta’ trasport differenti jew fi klassi ogħla ta’ trasportatur jew b’noll ogħla minn dik imħallsa għas-servizz oriġinali. Jenħtieġ li jsiru sforzi raġonevoli biex jiġu evitati konnessjonijiet addizzjonali. Il-persuni b’diżabbiltà jew il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jenħtieġ li ma jkunu soġġetti għall-ebda titjira ta’ konnessjoni addizzjonali meta jingħataw rotta alternattiva, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor mill-passiġġier. Meta passiġġieri jingħataw rotta alternattiva, jenħtieġ li l-ħin totali tal-ivvjaġġar ikun kemm jista’ jkun viċin il-ħin tal-ivvjaġġar skedat tat-titjira oriġinali, filwaqt li jitqiesu l-għażliet disponibbli fl-ajruport fejn ikun seħħ it-tfixkil, u fl-istess klassi ta’ trasport jew f’waħda ogħla jekk ikun meħtieġ. Jekk ikunu disponibbli diversi titjiriet b’ħinijiet komparabbli, jenħtieġ li l-passiġġieri li jkollhom id-dritt għall-għoti ta’ rotta alternattiva jaċċettaw l-offerta tal-għoti ta’ rotta alternattiva magħmula mit-trasportatur tal-ajru, inkluż fuq dawk it-trasportaturi tal-ajru li jikkooperaw mat-trasportatur tal-ajru li jopera. Jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera jipprovdi lill-passiġġier rotta alternattiva b’kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, il-passiġġier jenħtieġ li jaċċetta tali rotta alternattiva. Jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera jipprovdi lill-passiġġier rotta alternattiva b’kundizzjonijiet tat-trasport li ma jkunux komparabbli, il-passiġġier jenħtieġ li jkun jista’ jirrifjuta tali rotta alternattiva. Jenħtieġ li jinżamm id-dritt għall-għoti ta’ rotta alternattiva, inkluż li wieħed jagħżel rotta alternattiva huwa stess. Jekk tkun ġiet prenotata assistenza għal persuni b’diżabbiltà jew għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa għat-titjira oriġinali, jenħtieġ li tali assistenza tkun disponibbli wkoll fuq ir-rotta alternattiva f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(28)

Fil-każ ta’ tfixkil, u meta t-trasportaturi tal-ajru li joperaw ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom li joffru assistenza, jenħtieġ li l-passiġġieri jkunu intitolati jagħmlu l-arranġamenti tagħhom stess. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru li joperaw jirrimborżaw lill-passiġġieri għall-ispejjeż li huma meħtieġa, raġonevoli, u proporzjonati għat-tul ta’ stennija. B’mod partikolari, jenħtieġ li jittieħed kont tal-kost speċifiku ta’ xorb u ikliet fil-post tal-ajruport. Fir-rigward tal-akkomodazzjoni, il-post fejn il-passiġġieri jitħallew l-art, kemm jekk it-tfixkil iseħħ matul perjodu bl-aktar użu intensiv kif ukoll jekk le, u ż-żieda fil-prezz minħabba prenotazzjonijiet tal-aħħar minuta jenħtieġ li jitqiesu meta jiġi vvalutat jekk l-ispejjeż humiex meħtieġa, raġonevoli u proporzjonati.

(29)

Meta passiġġier ikun informa lit-trasportatur tal-ajru li jopera bl-għażla tiegħu li jkompli l-vjaġġ tiegħu, u jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera ma jkunx offra rotta alternattiva fi żmien tliet sigħat b’kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, jenħtieġ li l-passiġġier ikollu d-dritt li jagħmel l-arranġamenti tiegħu stess għal rotta alternattiva sabiex jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu mingħajr aktar dewmien. Madankollu, jenħtieġ li l-passiġġier jibqa’ intitolat għal rotta alternattiva mit-trasportatur tal-ajru li jopera sakemm il-passiġġier ikun informa lit-trasportatur tal-ajru li jopera bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel l-arranġamenti tiegħu stess għal rotta alternattiva. Meta jagħmlu l-arranġamenti tagħhom stess għal rotta alternattiva, il-passiġġieri jenħtieġ li jillimitaw l-ispejjeż għal dawk li huma meħtieġa, raġonevoli u xierqa.

(30)

Jenħtieġ li trasportatur tal-ajru li jopera jkun jista’ jillimita jew jirrifjuta l-assistenza jekk il-forniment tagħha jikkawża aktar dewmien minnu nnifsu għall-passiġġieri li jkunu qed jistennew titjira mdewma jew l-għoti ta’ rotta alternattiva. Jekk titjira tiddewwem tard filgħaxija iżda tista’ tkun mistennija li titlaq f’perjodu qasir ta’ żmien u jekk it-trasferiment tal-passiġġieri lejn il-lukandi u t-teħid lura tagħhom lejn l-ajruport f’nofs ta’ lejl jista’ jwassal għal dewmien ħafna itwal, it-trasportatur tal-ajru li jopera jenħtieġ li jitħalla jirrifjuta li jipprovdi akkomodazzjoni f’lukanda u trasferimenti korrispondenti. Bl-istess mod, jekk trasportatur tal-ajru jkun se jipprovdi ikel u xorb iżda jiġi infurmat li t-titjira hija lesta biex jitilgħu l-passiġġieri, jenħtieġ li jitħalla jirrifjuta li jipprovdi tali assistenza. Minbarra dawk il-każijiet, it-trasportatur tal-ajru li jopera jenħtieġ li jkun jista’ biss jillimita jew jirrifjuta l-assistenza f’każijiet eċċezzjonali ħafna, peress li jenħtieġ li jsir kull sforz biex titnaqqas l-inkonvenjenza mġarrba mill-passiġġieri.

(31)

Jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru joffru lill-passiġġieri assistenza mill-ħin tat-tluq skedat sat-tluq tat-titjira jew tat-trasport alternattiv tagħhom. It-trasportaturi tal-ajru bħalissa jiffaċċjaw responsabbiltà illimitata għall-akkomodazzjoni tal-passiġġieri tagħhom fil-każ ta’ ċirkostanzi straordinarji fejn id-dewmien jippersisti għal perjodu ta’ ħin twil. Din l-inċertezza marbuta man-nuqqas ta’ kwalunkwe limitu prevedibbli fiż-żmien tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja ta’ trasportatur tal-ajru, bil-konsegwenza ta’ effetti negattivi għall-passiġġieri fejn tidħol il-konnettività. Għalhekk, jenħtieġ li trasportatur tal-ajru jkun jista’ jillimita l-provvista ta’ akkomodazzjoni għal tlett iljieli. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ippjanar ta’ kontinġenza u l-għoti rapidu ta’ rotta alternattiva jnaqqsu r-riskju li l-passiġġieri jibqgħu l-art għal perjodi twal.

(32)

Passiġġieri bi ħtiġijiet speċifiċi bħal persuni b’diżabbiltà, persuni b’mobbiltà mnaqqsa, minorenni mhux akkumpanjati, trabi, nisa tqal u, abbażi ta’ awtorizzazzjoni medika, persuni li jeħtieġu assistenza medika speċifika, jistgħu jkollhom bżonn attenzjoni speċifika mit-trasportatur tal-ajru li jopera, sakemm dawk il-persuni ma jiġux imċaħħda l-imbark għal raġunijiet ta’ sikurezza. B’mod partikolari, jista’ jkun aktar diffiċli li tiġi organizzata akkomodazzjoni għal kull waħda minn dawk il-kategoriji ta’ passiġġieri meta jseħħ tfixkil fit-titjiriet. Għaldaqstant, jenħtieġ li ma tapplika l-ebda limitazzjoni għad-dritt għal akkomodazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi straordinarji għal dawk il-kategoriji ta’ passiġġieri dment li t-trasportatur tal-ajru li jopera jkun ġie infurmat dwar is-sitwazzjoni tagħhom. Filwaqt li t-trasportaturi tal-ajru jeħtieġ li jkunu konxji mill-preżenza ta’ dawk il-passiġġieri fuq titjira jew titjira ta’ konnessjoni, jenħtieġ li jiġi evitat il-ħolqien ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ notifika mhux meħtieġ jew sproporzjonat. Fil-każ ta’ trabi, it-trasportatur tal-ajru jiġi mgħarraf b’mod sistematiku tal-preżenza tagħhom abbord għaliex id-data tat-twelid tagħhom tiġi pprovduta fil-ħin tal-prenotazzjoni. Fil-każ ta’ minorenni mhux akkumpanjati, it-trasportatur tal-ajru neċessarjament jiġi mgħarraf bil-preżenza tagħhom abbord mal-konklużjoni tal-ftehim għall-kura bejn it-trasportatur tal-ajru u l-gwardjan tal-minorenni. Fil-każ ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, it-trasportatur tal-ajru neċessarjament jiġi mgħarraf bil-preżenza tagħhom abbord bħala riżultat tan-notifika skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Fin-nuqqas ta’ tali notifika, u fil-każ ta’ nisa tqal, il-mod kif it-trasportatur tal-ajru jiġi mgħarraf u l-ħin li fih it-trasportatur tal-ajru jiġi mgħarraf jenħtieġ li jqisu s-sitwazzjoni partikolari tal-passiġġier, meta wieħed iqis li s-sitwazzjoni partikolari tal-passiġġier tista’ tiġi mgħarrfa biss mill-passiġġier mhux aktar tard minn meta l-passiġġier jiġi infurmat bit-tfixkil. Fil-każ ta’ passiġġieri li jeħtieġu assistenza medika speċifika, jekk tali passiġġieri ikunu żvelaw il-kondizzjoni medika tagħhom lit-trasportatur tal-ajru qabel it-titjira sabiex jirċievu awtorizzazzjoni medika biex itiru, it-trasportatur tal-ajru neċessarjament huwa mgħarraf bis-sitwazzjoni tagħhom meta jaċċetta l-ġarr ta’ tali persuni. Jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru jiżguraw li l-informazzjoni kollha meħtieġa għal tali notifiki skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tkun tista’ tiġi trażmessa faċilment mill-passiġġieri.

(33)

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 japplika wkoll għal passiġġieri li jkunu pprenotaw il-vjaġġ bl-ajru tagħhom bħala parti minn pakkett tal-ivvjaġġar. Dan ir-Regolament emendatorju għandu l-għan li jkompli jtejjeb aktar il-koerenza bejn id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u r-Regolament (KE) Nru 261/2004. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-passiġġieri jkunu jistgħu jagħżlu skont liema minn dawk iż-żewġ atti legali jintroduċu t-talbiet tagħhom u, meta jkun xieraq, jintroduċu talbiet skont iż-żewġ atti legali. Passiġġier li jkun ipprenota t-trasport bl-ajru bħala parti minn pakkett jista’ jintroduċi talbiet skont iż-żewġ atti legali meta, pereżempju, il-passiġġier ikun irċieva kumpens mit-trasportatur tal-ajru għal titjira mdewma, iżda jkun intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew kumpens li għandu jingħata mill-organizzatur għal servizzi speċifiċi, bħal akkomodazzjoni f’lukanda, ikliet, eskursjonijiet jew avvenimenti oħra, mitlufa bħala konsegwenza tat-titjira mdewma. Madankollu, jenħtieġ li l-passiġġieri ma jitħallewx jakkumulaw drittijiet sa fejn il-kumpens jew it-tnaqqis fil-prezz rilevanti mogħti skont iż-żewġ atti legali jissalvagwardja l-istess interess jew ikollu l-istess objettiv. Jekk il-passiġġieri jressqu t-talba tagħhom lit-trasportatur tal-ajru, it-trasportatur tal-ajru jenħtieġ li jħallas l-ammont sħiħ tal-kumpens dovut f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Jekk il-passiġġieri jintroduċu talba skont id-Direttiva (UE) 2015/2302, il-kumpens imħallas mit-trasportatur tal-ajru jenħtieġ li jitnaqqas mill-pagamenti dovuti f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/2302 sa fejn id-drittijiet sottostanti jissalvagwardjaw l-istess interess jew għandhom l-istess objettiv.

(34)

Ir-raġunijiet għal-livell attwali ta’ dewmien u titjiriet ikkanċellati fl-Unjoni ma jistgħux jiġu attribwiti biss lit-trasportaturi tal-ajru. Sabiex ikunu inċentivati l-atturi kollha fil-katina tal-avjazzjoni ħalli jfittxu soluzzjonijiet effiċjenti u f’waqthom, biex titnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjenza li d-dewmien u l-kanċellazzjonijiet joħolqu lill-passiġġieri, jenħtieġ li d-dritt tat-trasportaturi tal-ajru li jfittxu rimedju minn kwalunkwe parti terza li tkun ikkontribwiet għall-avveniment li wassal għal obbligi ta’ kumpens jew obbligi oħra ma jkunx ristrett bir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

(35)

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jirrikjedi li l-kuntrattur tat-trasport bl-ajru jinforma lill-passiġġier dwar l-identità tat-trasportatur tal-ajru li jopera u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (14) tirrikjedi li l-bejjiegħ jew il-fornitur jagħti informazzjoni lill-konsumatur dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Jenħtieġ li l-passiġġieri jiġu infurmati f’aktar dettall dwar id-drittijiet tagħhom fil-każ ta’ tfixkil tat-titjira, u jenħtieġ li jiġu infurmati wkoll kif xieraq dwar x’ikkawża t-tfixkil, malli l-informazzjoni ssir disponibbli. Jenħtieġ li, mill-inqas, tali informazzjoni tiġi pprovduta mit-trasportatur tal-ajru jew l-intermedjarju f’format aċċessibbli u, fejn xieraq, permezz tal-hekk imsejħa notifiki “push” minn applikazzjonijiet mobbli jew permezz ta’ mezzi diġitali oħra. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll mit-trasportatur tal-ajru li jopera.

(36)

Meta l-passiġġieri jagħżlu li jiġu rimborżati minflok ma jingħataw rotta ġdida, jenħtieġ li jiġu rimborżati awtomatikament, fil-ħin, mingħajr obbligu li jressqu talba ddedikata.

(37)

Jenħtieġ li l-passiġġieri jingħataw informazzjoni adegwata mit-trasportatur tal-ajru jew mill-intermedjarju dwar il-proċeduri rilevanti għat-tressiq ta’ talbiet għal kumpens u lmenti lit-trasportaturi tal-ajru jew lill-intermedjarji u jenħtieġ li jirċievu tweġiba f’waqtha mit-trasportaturi tal-ajru jew mill-intermedjarji.

(38)

Jenħtieġ li l-passiġġieri, wara lmenti lit-trasportatur tal-ajru, ikollhom ukoll l-għażla li jressqu tilwim individwali lil korp jew korpi responsabbli għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti. Madankollu, peress li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal huwa dritt fundamentali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li dawk il-miżuri la jipprevjenu u lanqas ixekklu l-aċċess tal-passiġġieri għall-qrati.

(39)

Sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ talbiet, ilmenti u tilwim individwali, jenħtieġ li l-passiġġieri jkunu jistgħu jagħmlu applikazzjoni direttament u personalment lit-trasportaturi tal-ajru, lill-intermedjarji, jew lill-korpi rilevanti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 261/2004, b’mod ċar u aċċessibbli.

(40)

Filwaqt li titqies il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (15), u sabiex jiġi żgurat li jingħata kumpens għall-ħsara lil tagħmir ta’ mobbiltà, il-qerda jew it-telfa tiegħu jew il-korriment jew il-mewt ta’ kelb tal-assistenza rikonoxxut li jkun ikopri l-kost sħiħ tas-sostituzzjoni tiegħu, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru joffru lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006, l-opportunità li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess fit-twassil fid-destinazzjoni (id-“dikjarazzjoni speċjali ta’ interess”) mingħajr ħlas, li skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal tippermettilhom ifittxu kumpens sħiħ. It-trasportaturi tal-ajru jenħtieġ li jinfurmaw lill-passiġġieri dwar il-possibbiltà li jagħmlu tali dikjarazzjoni ta’ interess u dwar id-drittijiet relatati fil-ħin tal-prenotazzjoni.

(41)

Jenħtieġ li persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkunu intitolati jirċievu immedjatament sostituzzjoni temporanja tat-tagħmir ta’ mobbiltà mingħand it-trasportaturi tal-ajru sabiex jissostitwixxu t-tagħmir li jkunu għaddew miċ-check-in fil-każ ta’ telf, qerda ta’ jew dannu għat-tagħmir li jkunu għaddew miċ-check-in. Minħabba li l-klieb tal-assistenza rikonoxxuti ma jistgħux jiġu sostitwiti faċilment, jenħtieġ li jiġu pprovduti soluzzjonijiet temporanji oħra meta kelb tal-assistenza rikonoxxut jintilef, imut jew jindarab.

(42)

Mhuwiex dejjem ċar għall-passiġġieri liema bagalji jistgħu jtellgħu fuq l-ajruplan, fejn jidħlu l-qisien, il-piż jew l-għadd ta’ oġġetti permessi. Sabiex jiġi żgurat li l-passiġġieri jkunu jafu sew il-kwoti tal-bagalji inklużi fil-biljett tagħhom, kemm għall-bagalji li ma jgħaddux miċ-check-in kif ukoll dawk li jgħaddu, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru jindikaw biċ-ċar dawn il-kwoti fil-ħin tal-prenotazzjoni u fl-ajruport. L-oġġetti personali li jikkostitwixxu aspetti meħtieġa tat-trasport tal-passiġġieri huma mifhuma bħala dawk l-oġġetti li huma essenzjali għat-tul tal-vjaġġ u jistgħu jinkludu passaporti u dokumenti oħra tal-ivvjaġġar, mediċini essenzjali, apparat personali u materjali tal-qari kif ukoll ikel u xorb xierqa għat-tul tat-titjira.

(43)

Mingħajr ma tiġi affettwata l-possibbiltà li t-trasportaturi tal-ajru u l-intermedjarji joffru nollijiet tal-ajru li ma jinkludux bagalja tal-idejn, huwa xieraq li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u t-trasparenza tal-prezzijiet bl-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni. Għal dak l-għan, il-passiġġieri jenħtieġ li jkunu jistgħu jqabblu n-nollijiet tal-ajru li jinkludu l-bagalji tal-idejn (trolley bag), b’mod aktar faċli. Jenħtieġ li jiġi introdott obbligu għat-trasportaturi tal-ajru, l-intermedjarji u l-metamagni tat-tiftix biex dejjem juru b’mod awtomatiku n-noll tal-ajru inklużi l-bagalji tal-idejn qabel il-bidu ta’ kwalunkwe proċess ta’ prenotazzjoni.

(44)

Jenħtieġ li tiġi pprovduta ċarezza akbar rigward talbiet relatati ma’ oġġett personali jew bagalja tal-idejn li jintesew abbord jew jintilfu fil-kabina tal-inġenju tal-ajru sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament ta’ talbiet bħal dawn, u jiġi żgurat proċess simplifikat u jiġi pprevenut kwalunkwe piż addizzjonali fuq il-passiġġieri jew nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-passiġġieri.

(45)

Jenħtieġ li l-passiġġieri jiġu infurmati fil-ħin tal-prenotazzjoni dwar il-qisien u l-piż massimi tal-bagalji li jistgħu jġibu magħhom fil-kabina. Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-libertà tal-ipprezzar, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru jiddefinixxu politika raġonevoli f’termini ta’ dimensjonijiet ta’ bagalji tal-idejn li tippermetti lill-passiġġieri jġorru bagalja tal-idejn fil-kabina, soġġett għall-kapaċità tal-kabina tal-inġenju tal-ajru, dment li l-bagalja tal-idejn tikkonforma mar-rekwiżiti operazzjonali, ta’ sikurezza u sigurtà applikabbli. Minħabba d-diversità tal-politiki tat-trasportaturi tal-ajru, huwa xieraq li fir-rieżami tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, jenħtieġ li tiġi vvalutata l-fattibbiltà li jiġu stabbiliti regoli minimi uniformi għall-bagalji tal-idejn.

(46)

Jenħtieġ li jsir provvediment xieraq għal passiġġieri li jagħżlu li jużaw verżjoni stampata minnhom stess ta’ karta tal-imbarkazzjoni maħruġa b’mod diġitali jew li jagħżlu li jitolbu kopja stampata mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera wara ċ-check-in.

(47)

L-istrumenti mużikali jistgħu jkunu ta’ valur monetarju, artistiku u storiku enormi. Barra minn hekk, l-istrumenti mużikali huma l-għodod tas-sengħa tal-mużiċisti li jużawhom regolarment biex jipprattikaw u jagħtu prestazzjonijiet fuqhom u ma jistgħux jiġu sostitwiti faċilment. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-passiġġieri jkunu intitolati li jġorru l-istrumenti mużikali fil-kabina taħt ir-responsabbiltà tagħhom, dment li dawk l-istrumenti jirrispettaw ir-regoli dwar il-kapaċità, is-sikurezza u s-sigurtà u l-politika dwar il-kwota massima ta’ bagalji tat-trasportatur tal-ajru. Meta r-rekwiżiti ta’ kapaċità, sikurezza u sigurtà jiġu ssodisfati, jenħtieġ li t-trasportatur tal-ajru jagħmel ħiltu biex jippermetti lill-passiġġieri jġorru strumenti mużikali fuq sitijiet addizzjonali, dment li t-tariffi korrispondenti jkunu tħallsu. F’każijiet bħal dawn, il-passiġġieri u l-istrumenti mużikali jenħtieġ li jkunu bilqiegħda u mqiegħda f’sitijiet ħdejn xulxin, bl-istrument mużikali f’sit ħdejn it-tieqa. Fejn dan ma jkunx possibbli, jenħtieġ li l-istrumenti mużikali, fejn possibbli, jinġarru fil-kundizzjonijiet xierqa fil-kompartiment tal-merkanzija tal-inġenju tal-ajru. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2027/97 jiġi emendat skont dan.

(48)

Minħabba l-iskadenzi qosra għat-tressiq ta’ lmenti għad-drittijiet u l-obbligi koperti mir-Regolament (KE) Nru 2027/97, jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu lill-passiġġieri l-possibbiltà li jressqu lment billi jipprovduhom b’formola għall-ilmenti f’formati li huma aċċessibbli għall-passiġġieri b’diżabbiltà u għall-persuni li ma jużawx għodod diġitali. Jenħtieġ li t-trasportaturi tal-ajru, tal-inqas, jagħmlu l-formoli għall-ilmenti disponibbli fuq l-applikazzjonijiet mobbli tat-trasportaturi tal-ajru u fuq is-siti web tagħhom. Fl-ajruporti bi traffiku tal-passiġġieri kummerċjali, il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti jenħtieġ li jipprovdu wkoll lill-passiġġieri b’formola komuni fiż-żoni ta’ konsenja tal-bagalji tal-ajruport tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-mudell għall-formola komuni, li jenħtieġ li jippermetti lill-passiġġier iressaq minnufih ilment dwar ħsara, dewmien jew telf ta’ bagalji.

(49)

Il-kwistjonijiet tal-assigurazzjoni huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(50)

Huwa meħtieġ li l-limiti monetarji msemmijin fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 jiġu emendati regolarment mit-trasportaturi tal-ajru sabiex iqisu l-iżviluppi ekonomiċi, kif rieżaminati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal.

(51)

Ir-rapport ta’ Draghi enfasizza r-rwol kritiku tat-trasport għall-kompetittività tal-Unjoni. Iddeskriva wkoll ir-riskju tad-devjazzjoni tan-negozju, li jirriżulta minn regolamenti asimmetriċi, mill-hubs tat-trasport fl-Unjoni għall-hubs fil-viċinat tal-Unjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 japplika għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport f’pajjiż terz lejn ajruport li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplikaw it-Trattati, biss jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera jkun trasportatur tal-ajru tal-Unjoni. Fi żmien ħames snin mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta’ reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament bil-ħsieb li tkompli ttejjeb il-livell tal-protezzjoni tal-passiġġieri u l-kundizzjonijiet ekwi bejn l-Unjoni u t-trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi.

(52)

Jenħtieġ li jiġi vvalutat mekkaniżmu għas-salvagwardja tal-passiġġieri fil-każ ta’ insolvenza ta’ trasportatur tal-ajru fil-kuntest ta’ reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

(53)

Greenland hija soġġetta għal kundizzjonijiet meteoroloġiċi partikolarment ħorox, u hija kkaratterizzata minn densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna u l-bogħod tal-postijiet popolati tagħha. Biex tiġi żgurata l-konnettività u biex tinżamm id-disponibbiltà tat-titjiriet ġo Greenland, jenħtieġ li t-titjiriet operati bejn punti ġo Greenland ma jkunux koperti mill-obbligi dwar il-kumpens, inkluż meta tali titjiriet jiffurmaw parti minn vjaġġ lejn it-territorju jew mit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplikaw it-Trattati.

(54)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tar-Renju ta’ Spanja fit-tilwima tiegħu mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tas-sovranità fuq l-istmu li fih jinsab l-ajruport ta’ Ġibiltà. Xejn f’dan ir-Regolament ma jipprekludi l-applikazzjoni futura tiegħu għal dak l-ajruport skont it-termini ta’ Ftehim fir-rigward ta’ Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, milħuq bil-qbil minn qabel tar-Renju ta’ Spanja. Fil-każ li l-Ftehim imsemmi hawn fuq jiġi tterminat, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għall-ajruport li jinsab fl-istmu ta’ Ġibiltà wara li dik it-tilwima tissolva b’tali mod li r-Renju ta’ Spanja jkun f’pożizzjoni li jiżgura l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal dak l-ajruport.

(55)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fir-rigward tad-disinn, il-kontenut u l-mudell tat-Tikketta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru tal-Unjoni u l-modalitajiet prattiċi rigward ir-rimborż li għandu jitħallas mill-korp ta’ tmexxija tal-ajruport lit-trasportatur tal-ajru li jopera, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(56)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 fir-rigward tal-formola komuni u l-formola għad-dikjarazzjoni speċjali ta’ interess, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(57)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru b’mod ġust u bbilanċjat, l-iżgurar tal-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-Unjoni u ż-żamma tal-konnettività għall-passiġġieri għal terminu ta’ żmien fit-tul, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kundizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri tal-ajru f’każ li:

(a)

jiċċaħdu milli jitilgħu;

(b)

it-titjira tagħhom tiġi kkanċellata, ittardjata jew skedata mill-ġdid;

(c)

jitilfu titjira ta’ konnessjoni;

(d)

jitqiegħdu fi klassi ogħla jew aktar baxxa.”

;

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (b) sa (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

‘trasportatur tal-ajru li jopera’ tfisser trasportatur tal-ajru li jagħmel, jew biħsiebu jagħmel, titjira taħt kuntratt ta’ trasport bl-ajru ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, ġuridika jew fiżika, li jkollha kuntratt ma’ dak il-passiġġier, inkluż trasportatur tal-ajru li juża l-inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru ieħor, bl-ekwipaġġ ta’ dak it-trasportatur tal-ajru l-ieħor jew mingħajru, għall-prestazzjoni tat-titjiriet tiegħu;

(c)

‘trasportatur tal-ajru tal-Unjoni’ tfisser trasportatur tal-ajru b’liċenzja operattiva valida mogħtija minn Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(ca)

‘korp ta’ tmexxija tal-ajruport’ tfisser korp ta’ tmexxija tal-ajruport kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(d)

‘organizzatur’ tfisser organizzatur kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (8), tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

(e)

‘pakkett’ tfisser kombinazzjoni ta’ servizzi tal-ivvjaġġar kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2015/2302;

(f)

‘biljett’ tfisser evidenza valida, irrispettivament mill-forma tagħha, ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru;

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1008/oj)."

(*2)  Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/12/oj); "

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2302/oj).”;"

(b)

il-punt (g) jitħassar;

(c)

il-punti (h) sa (l) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(h)

‘destinazzjoni finali’ tfisser id-destinazzjoni tat-titjira jew tal-aħħar titjira ta’ konnessjoni ta’ vjaġġ;

(i)

‘persuna b’diżabbiltà’ jew ‘persuna b’mobbiltà mnaqqsa’ tfisser kwalunkwe persuna li l-mobbiltà tagħha meta tuża t-trasport tkun imnaqqsa minħabba kwalunkwe diżabbiltà fiżika (sensorjali jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew insuffiċjenza intellettwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta’ diżabbiltà, jew età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni xierqa u l-adattament għall-ħtiġijiet partikolari tagħha tas-servizz disponibbli għall-passiġġieri kollha;

(j)

‘imbark miċħud’ tfisser ċaħda milli passiġġieri jinġarru fuq titjira, minkejja li jkunu ppreżentaw ruħhom għall-imbark f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(1), jew meta jkunu ġew infurmati minn qabel li mhux ser jitħallew jitilgħu kontra r-rieda tagħhom, ħlief fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal saħħa, sikurezza, sigurtà jew dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar mhux adegwata;

(k)

‘voluntier’ tfisser passiġġier li jkun ippreżenta ruħu għall-imbark f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(1) u li jwieġeb b’mod pożittiv għas-sejħa tat-trasportatur tal-ajru għal passiġġieri li huma lesti li ma jitilgħux fuq l-inġenju tal-ajru għat-titjira tagħhom bi skambju għal benefiċċji;

(l)

‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li qabel kienet ippjanata u li għaliha kien ġie konkluż kuntratt ta’ trasport bl-ajru, u tinkludi sitwazzjonijiet fejn:

(i)

l-inġenju tal-ajru jkun telaq iżda, għal kwalunkwe raġuni, ikun jew iddevja lejn ajruport differenti mill-ajruport tal-wasla indikat fil-biljett, jew reġa’ lura lejn l-ajruport tat-tluq, u ma setax jibqa’ sejjer sal-ajruport tal-wasla indikat fuq il-biljett, jew

(ii)

passiġġier ikun inħariġlu biljett għal titjira u l-ħin tat-tluq indikat fuq il-biljett tal-passiġġier ikun tmexxa ’l quddiem b’aktar minn siegħa;”

;

(d)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(m)

‘pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe pajjiż jew parti minn territorju ta’ Stat Membru li għalih ma japplikawx it-Trattati;

(n)

‘dewmien fit-tluq’ tfisser id-differenza fil-ħin bejn il-ħin tat-tluq skedat indikat fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-prenotazzjoni u l-ħin tat-tluq effettiv tat-titjira, ħlief meta:

(i)

titjira tkun ġiet skedata mill-ġdid mill-inqas 14-il jum kalendarju qabel id-data tat-tluq indikata fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-prenotazzjoni, jew, wara dak il-perjodu ta’ żmien, tkun ġiet skedata mill-ġdid għal ħin aktar bikri, f’liema każ ‘dewmien fit-tluq’ tfisser id-differenza fil-ħin bejn il-ħin tat-tluq skedat indikat fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-iskedar mill-ġdid u l-ħin tat-tluq effettiv tat-titjira skedata mill-ġdid;

(ii)

passiġġier jingħata rotta alternattiva wara tfixkil, fir-rigward tat-titjira b’rotta alternattiva, f’liema każ ‘dewmien fit-tluq’ tfisser id-differenza fil-ħin bejn il-ħin tat-tluq skedat indikat fuq il-biljett maħruġ għat-titjira b’rotta alternattiva u l-ħin tat-tluq effettiv tat-titjira b’rotta alternattiva;

(o)

‘dewmien fil-wasla’ tfisser id-differenza fil-ħin bejn il-ħin tal-wasla skedat indikat fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-prenotazzjoni u l-ħin tal-wasla effettiv tat-titjira, ħlief meta:

(i)

titjira tkun ġiet skedata mill-ġdid mill-inqas 14-il jum kalendarju qabel id-data tat-tluq indikata fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-prenotazzjoni, jew, wara dak il-perjodu ta’ żmien, meta l-passiġġier ikun ħa titjira li tkun ġiet skedata mill-ġdid għal ħin aktar bikri, f’liema każ ‘dewmien fil-wasla’ tfisser id-differenza fil-ħin bejn il-ħin tal-wasla skedat indikat fuq il-biljett tal-passiġġier kif maħruġ fil-ħin tal-iskedar mill-ġdid u l-ħin tal-wasla effettiv tat-titjira skedata mill-ġdid;

(ii)

passiġġier ikun ingħata rotta alternattiva wara tfixkil, fir-rigward tat-titjira b’rotta alternattiva, f’liema każ ‘dewmien fit-tluq’ tfisser id-differenza fil-ħin bejn il-ħin tal-wasla skedat indikat fuq il-biljetti maħruġa għat-titjira b’rotta alternattiva u l-ħin tal-wasla effettiv tat-titjira b’rotta alternattiva;

(p)

‘klassi tat-trasport’ tfisser parti mill-kabina tal-passiġġieri tal-inġenju tal-ajru kkaratterizzata jew minn kodiċi speċifiku indikat fil-kuntratt tat-trasport bl-ajru jew kombinazzjoni ta’ elementi bħal ta’ sitijiet differenti, konfigurazzjoni differenti tas-sitijiet u differenzi oħra fis-servizz, bħal catering speċifiku, ipprovdut lill-passiġġieri meta mqabbel ma’ x’jingħata lill-passiġġieri f’ partijiet oħra tal-kabina;

(q)

‘kuntratt ta’ trasport bl-ajru’ tfisser kuntratt ta’ ġarr konkluż bejn trasportatur tal-ajru jew l-aġent awtorizzat tiegħu u passiġġier jew passiġġieri, għall-provvista ta’ titjira waħda jew aktar;

(r)

‘ċirkostanzi straordinarji’ tfisser avvenimenti li minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaqgħu lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru;

(s)

‘titjira’ tfisser operazzjoni tat-trasport bl-ajru magħmula minn inġenju tal-ajru wieħed bejn żewġ ajruporti kif speċifikat fuq il-biljett permezz ta’ itinerarju determinat minn qabel, skeda u numru ta’ identifikazzjoni uniku, irrispettivament minn jekk hemmx waqfiet intermedji esklussivament għal skopijiet tekniċi u operazzjonali;

(t)

‘titjira ta’ konnessjoni’ tfisser titjira li, bħala parti minn vjaġġ, tkun intenzjonata li tippermetti lill-passiġġier jitlaq mill-punt ta’ tluq inizjali u li jasal f’punt ta’ trasferiment sabiex jaqbad titjira oħra, jew tkun intenzjonata li tippermetti lill-passiġġier jitlaq minn punt ta’ trasferiment sabiex il-passiġġier ikun jista’ jilħaq punt ta’ trasferiment ieħor jew id-destinazzjoni finali tal-passiġġier;

(u)

‘waqfien waqt ir-rotta’ tfisser interruzzjoni intenzjonata minn passiġġier ta’ vjaġġ taħt kuntratt ta’ trasport bl-ajru wieħed, miftiehem minn qabel mit-trasportatur tal-ajru jew l-aġent awtorizzat tiegħu, bejn il-punt tat-tluq inizjali u d-destinazzjoni finali, għal perjodu ta’ ħin li jaqbeż dak meħtieġ għal tranżitu dirett minn jew, meta jkun hemm bidla minn titjira għal oħra, għal perjodu li normalment jestendi sal-ħin tat-tluq tat-titjira ta’ konnessjoni li jmiss, li spiss jinkludi soġġorn ta’ lejl;

(v)

‘vjaġġ’ tfisser titjira jew titjiriet konnessi li jittrasportaw lill-passiġġier mill-punt tat-tluq inizjali sad-destinazzjoni finali tal-passiġġier skont kuntratt ta’ trasport bl-ajru wieħed, fejn it-titjiriet ta’ ħruġ u ta’ ritorn ikunu vjaġġi separati;

(w)

‘ħin tat-tluq’ tfisser il-ħin meta l-inġenju tal-ajru jitlaq mill-post tat-tluq, jew billi jiġi mbuttat lura jew bil-muturi tiegħu stess (il-ħin off-block);

(x)

‘ħin tal-wasla’ tfisser il-ħin meta l-inġenju tal-ajru jilħaq il-post tal-wasla u l-brejkijiet tal-parking tiegħu jkunu attivati (il-ħin on-block);

(y)

‘dewmien fuq it-tarmak’ tfisser perjodu ta’ ħin li jaqbeż 30 minuta li matulu l-inġenju tal-ajru jibqa’ fuq l-art bejn l-għeluq tal-bibien tal-inġenju tal-ajru u l-ħin tal-qtugħ mill-art tal-inġenju tal-ajru, fit-tluq, jew perjodu ta’ ħin li jaqbeż 30 minuta bejn l-inżul l-art tal-inġenju tal-ajru u l-ftuħ tal-bibien tal-inġenju tal-ajru, mal-wasla;

(z)

‘tfixkil’ tfisser imbark miċħud, kanċellazzjoni, dewmien fit-tluq, dewmien fil-wasla jew dewmien fuq it-tarmak;

(aa)

‘lejl’ tfisser il-perjodu bejn nofsillejl u s-06:00;

(ab)

‘wild’ tfisser persuna taħt l-età ta’ 14-il sena fid-data tat-tluq tat-titjira jew tal-ewwel titjira ta’ konnessjoni skont kuntratt ta’ trasport bl-ajru;

(ac)

‘minorenni mhux akkumpanjat’ tfisser persuna taħt l-età ta’ 18-il sena fid-data tat-tluq tat-titjira jew tal-ewwel titjira ta’ konnessjoni skont kuntratt ta’ trasport bl-ajru u li tivvjaġġa mingħajr gwardjan adult, u meta t-trasportatur tal-ajru jkun aċċetta r-responsabbiltà li jieħu ħsieb dik il-persuna f’konformità mar-regoli pubblikati tiegħu;

(ad)

‘tarbija’ tfisser persuna taħt l-età ta’ sentejn fid-data tat-tluq tat-titjira jew tal-ewwel titjira ta’ konnessjoni skont kuntratt ta’ trasport bl-ajru;

(ae)

‘mezz durabbli’ tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-passiġġier jaħżen informazzjoni b’mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura, għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mingħajr bidliet tal-informazzjoni maħżuna;

(af)

‘format aċċessibbli’ tfisser format li jagħti lill-persuna b’diżabbiltà jew lill-persuna b’mobbiltà mnaqqsa aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż billi jingħata lil dik il-persuna aċċess b’mod fattibbli u komdu daqs persuna mingħajr insuffiċjenza jew diżabbiltà, u li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà definiti f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

(ag)

‘punt tat-tluq inizjali’ tfisser il-punt tat-tluq tat-titjira jew tal-ewwel titjira ta’ konnessjoni ta’ vjaġġ;

(ah)

‘oġġett personali’ tfisser bagalja li ma għaddietx miċ-check-in, li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ sigurtà u sikurezza, u jew b’dimensjonijiet massimi ta’ 40x30x15 cm jew bil-kundizzjoni li toqgħod taħt is-sit ta’ quddiem is-sit li fuqu qed joqgħod il-passiġġier;

(ai)

‘bagalja tal-idejn’ tfisser bagalja li ma għaddietx miċ-check-in li mhijiex oġġett personali u li tikkonforma mar-rekwiżiti tas-sigurtà u s-sikurezza.

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).”;"

(3)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplikaw it-Trattati;

(b)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplikaw it-Trattati, sakemm ma jkunux irċevew benefiċċji, kumpens u assistenza f’dak il-pajjiż terz li jkunu ekwivalenti u jikkorrispondu għall-fini ta’ dan ir-Regolament, jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera tat-titjira kkonċernata jkun trasportatur tal-ajru tal-Unjoni.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika bil-kundizzjoni li l-passiġġieri:

(a)

ikollhom biljett għat-titjira kkonċernata; jew

(b)

ikunu ġew ittrasferiti minn trasportatur tal-ajru jew intermedjarju mit-titjira li kellhom biljett għaliha għal titjira oħra, tkun xi tkun ir-raġuni.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-passiġġieri li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas li ma jkunx disponibbli direttament jew indirettament, għall-pubbliku, ħlief għal:

(a)

passiġġieri li jkollhom biljetti maħruġa taħt programm ta’ min itir ta’ spiss jew programm kummerċjali ieħor minn trasportatur tal-ajru jew intermedjarju, li għalihom dan ir-Regolament għandu japplika fl-intier tiegħu; u

(b)

trabi li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew b’noll imnaqqas li ma jkunx disponibbli, direttament jew indirettament, għall-pubbliku, u għall-persuni li jivvjaġġaw mingħajr ħlas jew b’noll imnaqqas li ma jkunx disponibbli, direttament jew indirettament, għall-pubbliku minħabba li jakkumpanjaw persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa f’konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5), li għalihom dan ir-Regolament għandu japplika bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e), dan ir-Regolament għandu japplika biss għal passiġġieri ttrasportati b’inġenji tal-ajru bil-ġwienaħ fissi u bil-magni.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jkun responsabbli biex iwettaq l-obbligi skont dan ir-Regolament.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-passiġġieri ttrasportati f’konformità mat-termini tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (3), tad-Direttiva (UE) 2015/2302, sakemm dak il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar ma jiġix terminat jew l-eżekuzzjoni tiegħu tkun affettwata għal raġunijiet differenti minn tfixkil ta’ dik it-titjira.

7.   L-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk it-tfixkil iseħħ fuq titjira ta’ konnessjoni li titlaq minn ajruport fi Greenland u tasal fih.

(*5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1107/oj).”;"

(4)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

Tikketta tal-Unjoni tad-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru

1.   B’dan qed tiġi stabbilita “Tikketta tal-Unjoni tad-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru (it-‘tikketta’) volontarja.

2.   It-tikketta għandha tippermetti lill-passiġġieri jiġu infurmati malajr dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal vjaġġ sabiex jiġu ffaċilitati t-tqabbil u l-għażla bejn l-offerti tal-biljetti.

3.   It-trasportaturi tal-ajru jew l-intermedjarji jistgħu jużaw it-tikketta meta joffru biljetti lill-passiġġieri għal vjaġġi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imwettqa mit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.

4.   L-użu tat-tikketta minn trasportatur tal-ajru jew minn intermedjarju għandu jkun fuq bażi volontarja, ħlief meta trasportatur tal-ajru li jopera jobbliga lil trasportatur tal-ajru jew intermedjarju juża t-tikketta abbażi ta’ ftehim kummerċjali.

5.   It-tikketta għandha tintwera biss matul l-attivitajiet ta’ bejgħ u kummerċjalizzazzjoni ħdejn jew konnessi direttament mal-offerta għal vjaġġ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imwettqa minn trasportatur tal-ajru tal-Unjoni. Meta jintwerew offerti ta’ vjaġġi multipli, għandu jkun ċar għal liema vjaġġ tapplika t-tikketta.

6.   Kwalunkwe reklamar jew użu falz jew qarrieqi ta’ kwalunkwe tikketta jew logo li jwassal għal konfużjoni mat-tikketta għandu jkun ipprojbit.

7.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-użu tat-tikketta mit-trasportaturi tal-ajru jew mill-intermedjarji.

8.   Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta, sat-23 ta’ Ottubru 2027, atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati dwar id-disinn, il-kontenut u l-mudell tat-tikketta magħmula disponibbli skont dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16h(2).”

;

(5)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Imbark miċħud

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-passiġġieri li, wara li lestew check-in online jew check-in fl-ajruport, jippreżentaw ruħhom mal-gate għall-imbark kif stipulat u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż b’mezzi elettroniċi) mit-trasportatur tal-ajru, jew l-intermedjarju, jew, jekk l-ebda ħin tal-imbark ma jkun indikat, mhux aktar tard minn 45 minuta qabel il-ħin tat-tluq indikat fuq il-biljett tal-passiġġier. Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-passiġġieri li ma jippreżentawx ruħhom għall-imbark meta jkunu ġew infurmati minn qabel li mhux ser jitħallew jitilgħu kontra r-rieda tagħhom.

2.   Meta trasportatur tal-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li jiċħad l-imbark fuq titjira, għandu jinforma minnufih lill-passiġġieri kkonċernati. It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, fl-istess ħin, jispeċifika lill-passiġġieri kkonċernati d-drittijiet speċifiċi tagħhom skont dan ir-Regolament li japplikaw għall-każ, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal kumpens kif stabbilit fl-Artikolu 7, tad-dritt għal rimborż jew għall-għoti ta’ rotta alternattiva f’konformità mal-Artikolu 8, u tad-dritt għall-assistenza f’konformità mal-Artikolu 9.

It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jagħmel sejħa għal voluntiera biex ma jitilgħux fuq l-inġenju tal-ajru bi skambju għal benefiċċji taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma bejn kull voluntier u t-trasportatur tal-ajru li jopera. It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jinforma lill-voluntiera dwar id-drittijiet tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-ftehim ma’ kull voluntier rigward il-benefiċċji għandu biss jissostitwixxi d-dritt tal-voluntier għal kumpens kif stipulat fl-Artikolu 7(1) f’każ li l-voluntier japprovah b’mod espliċitu fuq mezz durabbli. Fin-nuqqas ta’ approvazzjoni bħal din, il-voluntier għandu, mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji minn meta jiċċaħħad l-imbark, jiġi kkumpensat mit-trasportatur tal-ajru li jopera li jiċħad l-imbark f’konformità mal-Artikolu 7(1).

3.   Jekk l-għadd ta’ voluntiera ma jkunx suffiċjenti biex il-bqija tal-passiġġieri li jkollhom biljett ikunu jistgħu jitilgħu abbord it-titjira, it-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ mbagħad jiċħad l-imbark tal-passiġġieri, kontra l-volontà tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 11.

4.   It-trasportatur tal-ajru li jopera li jiċħad l-imbark għandu jipprovdi minnufih lill-passiġġieri kkonċernati bl-informazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti f’konformità mal-Artikolu 15a.

It-trasportatur tal-ajru li jopera li jiċħad l-imbark għandu, mingħajr dewmien żejjed, joffri lill-passiġġieri kkonċernati l-għażla bejn ir-rimborż u l-għoti ta’ rotta alternattiva f’konformità mal-Artikolu 8. B’deroga mill-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), meta l-passiġġieri li ġew miċħuda l-imbark ikunu intitolati għal rimborż, dan għandu jingħata mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji minn meta jiċċaħħad l-imbark.

It-trasportatur tal-ajru li jopera li jiċħad l-imbark għandu joffri lill-passiġġieri kkonċernati assistenza f’konformità mal-Artikolu 9. B’deroga mill-Artikolu 9(1), il-punt (a), għandu jingħata xorb minnufih.

It-trasportatur tal-ajru li jopera li jiċħad l-imbark lill-passiġġieri kontra r-rieda tagħhom għandu jikkumpensa lill-passiġġieri kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 7(1), mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji minn meta jiċċaħħad l-imbark.

5.   Il-passiġġieri ma għandhomx jiġu miċħuda l-imbark u ma għandhom jintalbu l-ebda tariffa għall-vjaġġ tad-dħul, inkluż vjaġġ li jikkonsisti minn titjiriet ta’ konnessjoni, minħabba li ma jkunux ħadu l-vjaġġ tal-ħruġ skont l-istess kuntratt ta’ trasport bl-ajru.”

;

(6)

l-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Kanċellazzjoni

1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira kkanċellata għandu jinforma minnufih lill-passiġġieri kkonċernati. Fl-istess ħin, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jispeċifika lill-passiġġieri kkonċernati d-drittijiet speċifiċi tagħhom skont dan ir-Regolament li japplikaw għall-każ, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ rimborż jew ta’ rotta alternattiva skont l-Artikolu 8 u l-assistenza skont l-Artikolu 9, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-proċess biex jintalab kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 u dwar it-trattament tal-ilmenti skont l-Artikolu 15a.

It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jispeċifika lill-passiġġieri kkonċernati, mingħajr dewmien żejjed, ir-raġuni għall-kanċellazzjoni.

2.   It-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira kkanċellata għandu, mingħajr dewmien żejjed, joffri lill-passiġġieri kkonċernati l-għażla bejn rimborż u l-għoti ta’ rotta alternattiva f’konformità mal-Artikolu 8.

3.   It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu joffri assistenza lill-passiġġieri kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 9.

4.   Il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt li jirċievu kumpens, fuq talba, mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira kkanċellata f’konformità mal-Artikolu 7.

5.   Id-dritt li wieħed jirċievi kumpens skont il-paragrafu 4 ma għandux japplika jekk il-passiġġieri jkunu ġew infurmati bil-kanċellazzjoni mill-inqas 14-il jum kalendarju qabel id-data tat-tluq indikata fuq il-biljett tal-passiġġier jew ikunu infurmati bil-kanċellazzjoni inqas minn 14-il jum kalendarju qabel il-ħin skedat tat-tluq u jiġu offruti rotta alternattiva, li tippermettilhom jitilqu mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin skedat tat-tluq u jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin skedat tal-wasla. L-oneru tal-provi fir-rigward li jiġi stabbilit jekk u meta l-passiġġier ikun ġie infurmat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandu jkun ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

6.   Id-dritt li wieħed jirċievi rimborż u jingħata rotta alternattiva kif stabbilit fil-paragrafu 2 u kumpens kif stabbilit fil-paragrafu 4 ma għandux japplika meta l-inġenju tal-ajru jkun telaq iżda ddevja lejn ajruport differenti mill-ajruport tal-wasla indikat fuq il-biljett, jekk l-ajruport tal-wasla effettiv u l-ajruport tal-wasla indikat fuq il-biljett jaqdu l-istess raħal, belt jew reġjun u t-trasportatur tal-ajru jkun ipprovda lill-passiġġier bit-trasport lejn l-ajruport tal-wasla indikat fuq il-biljett, bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-wasla fl-ajruport tal-wasla indikat fuq il-biljett ma jaqbiżx it-tliet sigħat. Għal dan il-għan, l-oneru tal-provi fir-rigward tal-istabbiliment tal-ħin tal-wasla, b’mezzi alternattivi ta’ trasport, fl-ajruport tal-wasla indikat fuq il-biljett għandu jkun ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika f’każijiet meta l-passiġġieri bi bżonnijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 11(3) jew kwalunkwe persuna li takkumpanja lil dawk il-passiġġieri jiġu jew imċaħħda biljett għal, jew mill-imbark fuq il-mezz alternattiv tat-trasport minħabba kwalunkwe rekwiżit tas-sikurezza applikabbli jew impossibbiltà fiżika ta’ imbark, jew ma jkunux jistgħu jużaw dak is-servizz tat-trasport minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ assistenza. It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jippermetti lil dawn il-passiġġieri aċċess għal mezz alternattiv tat-trasport. Id-dewmien tal-wasla fl-ajruport tal-wasla indikat fuq il-biljett għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-ħin tal-wasla tas-servizz tat-trasport li kien ipprovdut mit-trasportatur tal-ajru li jopera u li l-passiġġieri bi bżonnijiet speċifiċi jew, jekk applikabbli, kwalunkwe persuna li takkumpanjahom, fil-fatt ħadu jew setgħu jieħdu sabiex jaslu f’dak l-ajruport.”

;

(7)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Dewmien

1.   Meta trasportatur tal-ajru li jopera jistenna li titjira ser tittardja fit-tluq jew fil-wasla, dan għandu jinforma lill-passiġġieri kkonċernati immedjatament, meta possibbli, iżda mhux aktar tard mill-ħin tat-tluq indikat fuq il-biljett tal-passiġġier. Sa fejn ikun possibbli, il-passiġġieri għandhom jirċievu aġġornamenti regolari f’ħin reali. Fl-istess ħin, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jinforma lill-passiġġieri kkonċernati dwar id-drittijiet speċifiċi tagħhom skont dan ir-Regolament li japplikaw għall-każ, b’mod partikolari fir-rigward tal-assistenza skont l-Artikolu 9, u jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess biex jintalab kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 u dwar it-trattament tal-ilmenti skont l-Artikolu 15a.

It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdi lill-passiġġieri kkonċernati b’raġunijiet għad-dewmien tat-titjira fit-tluq jew fil-wasla.

2.   It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu joffri assistenza lill-passiġġieri kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 9.

3.   Meta d-dewmien fit-tluq jilħaq ħames sigħat, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, mingħajr dewmien żejjed, joffri lill-passiġġieri kkonċernati rimborż f’konformità mal-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a).

4.   Il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt li jirċievu, fuq talba, kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira mdewma f’konformità mal-Artikolu 7 meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien fil-wasla li jaqbeż tliet sigħat.”

;

(8)

jiżdiedu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 6a

Dewmien fuq it-tarmak

1.   Fil-każ ta’ dewmien fuq it-tarmak, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, sa fejn ikun possibbli, jipprovdi lill-passiġġieri b’aġġornamenti regolari u f’ħin reali.

2.   Soġġett għal restrizzjonijiet ta’ sikurezza jew sigurtà, meta jkun hemm dewmien fuq it-tarmak, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jiżgura tisħin jew tkessiħ adegwat tal-kabina tal-passiġġieri u aċċess bla ħlas għall-faċilitajiet sanitarji abbord u għandu jiżgura li l-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 11 jirċievu l-attenzjoni meħtieġa. Ħlief jekk dan iżid id-dewmien fuq it-tarmak jew sakemm ma jistax jiġi rikonċiljat mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ajru jew is-sigurtà tal-ajru, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jipprovdi ilma tax-xorb bla ħlas abbord.

3.   Fejn dewmien fuq it-tarmak jilħaq sagħtejn f’ajruport bi traffiku kummerċjali tal-passiġġieri li jinsab f’territorju ta’ Stat Membru li t-Trattati japplikaw għalih, l-inġenju tal-ajru għandu jipproċedi lejn il-gate jew lejn punt ieħor ta’ żbark adatt fejn il-passiġġieri għandhom jitħallew jinżlu. Dewmien fuq it-tarmak jista’ jittawwal aktar minn dak il-massimu ta’ ħin f’każ biss li jkun hemm raġunijiet relatati mas-sikurezza, l-immigrazzjoni, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru jew is-sigurtà għalfejn l-inġenju tal-ajru ma jkunx jista’ jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu fuq it-tarmak.

4.   Il-passiġġieri żbarkati f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu intitolati għad-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 u, fejn applikabbli, l-Artikolu 11, b’kont meħud tad-dewmien fuq it-tarmak u l-ħin tat-tluq indikat fuq il-biljett tal-passiġġier.

Artikolu 6b

Telfien ta’ titjira ta’ konnessjoni matul vjaġġi mwettqa skont kuntratt ta’ trasport bl-ajru wieħed

1.   Meta passiġġier jitlef titjira ta’ konnessjoni matul vjaġġ b’riżultat ta’ tfixkil fit-titjira preċedenti, it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira preċedenti għandu jkun responsabbli biex jagħti rotta alternattiva lill-passiġġier f’konformità mal-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u biex jipprovdi assistenza f’konformità mal-Artikolu 9.

2.   Meta t-trasportatur tal-ajru li jopera ma jkunx jista’ jagħti rotta alternattiva lill-passiġġier fi żmien ħames sigħat mill-ħin tat-tluq indikat fuq il-biljett tal-passiġġier tat-titjira ta’ konnessjoni li tkun intilfet, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, mingħajr dewmien żejjed, joffri wkoll lill-passiġġieri kkonċernati rimborż f’konformità mal-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a).

3.   Il-passiġġieri għandu jkollhom ukoll dritt li jirċievu, fuq talba, kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira mfixkla f’konformità mal-Artikolu 7, jekk jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom b’dewmien fil-wasla li jaqbeż tliet sigħat.

B’deroga mid-definizzjoni ta’ dewmien fil-wasla, fil-każ ta’ titjiriet konnessi mitlufa, id-dewmien fil-wasla għandu jiġi kkalkulat mill-ħin tal-wasla fid-destinazzjoni finali, kif indikat fuq il-biljett tal-passiġġier, qabel it-titjira ta’ konnessjoni mitlufa.

Artikolu 6c

Ċirkostanzi straordinarji

1.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, ċirkostanzi straordinarji jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, l-avvenimenti fil-lista ta’ ċirkostanzi straordinarji stabbilita fl-Anness.

2.   Trasportatur tal-ajru li jopera għandu jkun obbligat iħallas kumpens f’konformità mal-Artikolu 7, dment li ma jkunx jista’ juri li l-kanċellazzjoni, id-dewmien jew it-titjira ta’ konnessjoni mitlufa kienu kkawżati minn ċirkostanzi straordinarji u li l-kanċellazzjoni, id-dewmien jew it-titjira ta’ konnessjoni mitlufa ma setgħux jiġu evitati anki li kieku t-trasportatur tal-ajru ħa l-miżuri raġonevoli kollha. Ċirkostanzi straordinarji jistgħu jiġu invokati biss meta li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ dik iċ-ċirkostanza u t-tfixkil tat-titjira. L-oneru tal-provi fir-rigward tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ dik ir-rabta kawżali diretta u l-istabbilment li t-trasportatur tal-ajru jkun ħa l-miżuri kollha raġonevoli biex jevita t-tfixkil għandu jkun ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jopera.”

;

(9)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Dritt għal kumpens

1.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, il-passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għall-vjaġġi ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

(b)

EUR 400 għall-vjaġġi intra-Unjoni kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru, u għall-vjaġġi l-oħrajn kollha bejn 1 500 kilometru u 3 500 kilometru;

(c)

EUR 600 għall-vjaġġi kollha li ma jaqgħux taħt il-punti (a) jew (b).

2.   It-trasportaturi tal-ajru li joperaw jistgħu jnaqqsu l-kumpens previst fil-paragrafu 1, il-punt (c), b’50 % jekk il-ħin tal-wasla ma jaqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tal-vjaġġ oriġinarjament ipprenotat b’erba’ sigħat u fejn:

(a)

il-passiġġieri jiġu offruti rotta alternattiva f’ħin aktar tard lejn id-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skont l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b); jew

(b)

ikun hemm dewmien fil-wasla tal-vjaġġ oriġinarjament ipprenotat.

3.   Fil-każ tal-għoti ta’ rotta alternattiva f’konformità mal-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), wara kanċellazzjoni, fejn il-vjaġġ b’rotta alternattiva jkun skedat li jitlaq aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat tal-vjaġġ jew tat-titjira oriġinali, it-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fl-Artikolu 5:

(a)

b’50 % jekk il-ħin tat-tluq skedat jitressaq ’il quddiem b’inqas minn sagħtejn u l-passiġġier ikun ħa t-titjira;

(b)

b’25 % jekk il-ħin tat-tluq skedat jitressaq ’il quddiem b’inqas minn tliet sigħat u l-passiġġier ikun ħa t-titjira.

4.   Meta passiġġier jista’ jkollu dritt għal kumpens f’konformità mal-Artikolu 5(4), mal-Artikolu 6(4) jew mal-Artikolu 6b(3), it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, fi żmien 96 siegħa mit-terminazzjoni tal-vjaġġ, jipprovdi b’mod elettroniku lill-passiġġier, fuq mezz durabbli, informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġier għal kumpens, u struzzjonijiet ċari dwar kif għandu jippreżenta talba għal kumpens.

5.   Sabiex jiġu ddeterminati d-distanzi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-bażi għall-kalkolu għandha tkun id-distanza bejn il-punt tat-tluq inizjali u d-destinazzjoni finali. Fil-każ ta’ titjira ta’ konnessjoni, għandhom jitqiesu biss il-punt inizjali tat-tluq u d-destinazzjoni finali. Dawk id-distanzi għandhom jitkejlu bil-metodu tar-rotta ortodromika.

6.   Meta l-passiġġier ikun għażel li jkompli l-vjaġġ tiegħu skont l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), (b) jew (c), u jkun hemm tfixkil ulterjuri waqt ir-rotta alternattiva li tingħata, il-passiġġier għandu jibqa’ jgawdi d-dritt tiegħu li jirċievi kwalunkwe kumpens ulterjuri matul ir-rotta alternattiva lejn il-punt inizjali tat-tluq jew lejn id-destinazzjoni finali tiegħu.

7.   Il-kumpens għandu jitħallas permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku jew, jekk ikun hemm il-qbil espliċitu min-naħa tal-passiġġier fuq mezz durabbli, b’mezzi oħra.

8.   L-oneru tal-prova fir-rigward tal-istabbiliment ta’ meta u kif il-passiġġier aċċetta l-ftehim rigward il-forma ta’ ħlas ta’ kumpens stabbilit fil-paragrafu 7 għandu jkun ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

9.   It-talbiet għal kumpens skont dan l-Artikolu għandhom jitressqu mill-passiġġier fi żmien disa’-xhur mid-data effettiva tat-tluq indikata fuq il-biljett tal-passiġġier. Fejn talba tiġi mressqa minn parti terza f’isem il-passiġġieri, it-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jitlob evidenza ta’ mandat validu biex jaġixxi. It-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom jirrikonoxxu minnufih li rċevew it-talba fuq mezz durabbli. Fi żmien 30 jum kalendarju minn meta jirċievi t-talba, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jħallas il-kumpens jew jagħti ġustifikazzjoni lill-passiġġier għaliex ikun naqas milli jħallas il-kumpens f’liema każ trid tiġi pprovduta informazzjoni għat-trattament tal-ilmenti skont l-Artikolu 15a. Jekk, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6c(2), it-trasportatur tal-ajru li jopera jinvoka ċirkostanza straordinarja, huwa għandu jispeċifika liema ċirkostanza straordinarja elenkata fl-Anness ikun qiegħed jinvoka u, jekk jinvoka avveniment li ma jkunx fuq dik il-lista, huwa għandu jispeċifika liema avveniment ikun qiegħed jinvoka u r-raġunijiet għalfejn għandu jitqies bħala ċirkostanza straordinarja. Kull meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jinvoka ċirkostanza straordinarja, huwa għandu jipprovdi spjegazzjoni ċara u sostanzjata, inkluża spjegazzjoni konċiża dwar kif iċ-ċirkostanza straordinarja invokata tissodisfa l-kundizzjonijiet rigward rabta kawżali diretta u l-miżuri raġonevoli kollha stabbiliti fl-Artikolu 6c(2).

Meta t-trasportatur tal-ajru li jopera ma jħallasx il-kumpens mitlub, il-passiġġier jista’ jressaq ilment f’konformità mal-Artikolu 15a.”

;

(10)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Dritt għal rimborż jew rotta alternattiva

1.   Fil-każ ta’ tfixkil, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, mingħajr dewmien żejjed u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4, 5, 6, jew 6b u f’dan l-Artikolu, joffri lill-passiġġieri għażla bejn l-għażliet li ġejjin, li trid tiġi pprovduta mingħajr ħlas:

(a)

rimborż awtomatiku fi żmien sebat ijiem kalendarji mill-għażla tal-passiġġier, bi trasferiment bankarju elettroniku jew, f’każ ta’ qbil espliċitu min-naħa tal-passiġġier fuq mezz durabbli, b’mezzi oħra, tal-prezz sħiħ tal-biljetti, u t-tariffi tal-intermedjazzjoni, meta applikati, għall-parti jew għall-partijiet tal-vjaġġ jew tal-vjaġġi li ma jseħħux, u għall-parti jew għall-partijiet tal-vjaġġ jew tal-vjaġġi li diġà jkunu seħħew jekk it-titjira ma tkunx għadha qed isservi skop b’rabta mal-pjanijiet tal-ivjaġġar oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti, titjira ta’ ritorn għall-punt tat-tluq inizjali, mal-ewwel opportunità wara l-ħin tat-tluq indikat fuq il-biljett tal-passiġġier jew, bi qbil mal-passiġġier, qabel dak il-ħin;

(b)

kontinwazzjoni tal-vjaġġ tal-passiġġier billi l-passiġġier tingħatalu rotta alternattiva, taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, lejn id-destinazzjoni finali tiegħu mal-ewwel opportunità wara l-ħin tat-tluq indikat fuq il-biljett tal-passiġġier jew, bi qbil mal-passiġġier, qabel dak il-ħin; jew

(c)

rotta alternattiva tal-passiġġier, taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, lejn id-destinazzjoni finali tiegħu f’data aktar tard għall-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għad-disponibbiltà ta’ postijiet bilqiegħda.

Meta l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jattiva l-pjan ta’ kontinġenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 10a, l-iskadenza msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tista’ tiġi estiża għal 30 jum kalendarju.

2.   Sabiex il-passiġġier jilħaq id-destinazzjoni tiegħu kif determinat skont il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), mal-ewwel opportunità u b’ħin tal-ivvjaġġar totali kemm jista’ jkun qrib il-ħin tal-ivvjaġġar totali skedat tat-titjira oriġinali, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, soġġett għad-disponibbiltà, joffri mill-inqas waħda mill-għażliet alternattivi li ġejjin għall-konsiderazzjoni tal-passiġġier, u qbil espliċitu fuq mezz durabbli:

(a)

titjira jew titjiriet ta’ konnessjoni, li jsegwu l-istess rotta kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport bl-ajru;

(b)

rotta differenti bejn l-istess ajruport tat-tluq u ajruport tal-wasla kif iddikjarat fil-kuntratt ta’ trasport bl-ajru;

(c)

rotta alternattiva lejn ajruport alternattiv jew minn ajruport alternattiv lejn l-ajruport iddikjarat fil-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, f’liema każ, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jħallas il-kost tat-trasferiment tal-passiġġier bejn l-ajruport iddikjarat fil-kuntratt ta’ trasport bl-ajru u l-ajruport alternattiv;

(d)

l-użu ta’ servizzi operati minn trasportatur tal-ajru ieħor; jew

(e)

fejn xieraq għad-distanza tal-vjaġġ, l-użu ta’ mezz ieħor ta’ trasport.

Fil-każ ta’ rotta alternattiva ma’ trasportatur tal-ajru ieħor jew permezz ta’ mod ieħor ta’ trasport, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jibqa’ responsabbli biex jipprovdi l-informazzjoni, l-assistenza u l-għoti ta’ rotta alternattiva biss sat-tluq ta’ dak is-servizz ta’ rotta alternattiva. It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jibqa’ responsabbli għall-kumpens għad-dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali f’konformità mal-Artikolu 7. L-operatur tas-servizz tal-għoti ta’ rotta alternattiva għandu jkun responsabbli għad-drittijiet l-oħra kollha marbuta ma’ dak is-servizz f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għal dak il-mod ta’ trasport.

3.   Meta passiġġier ikun informa lit-trasportatur tal-ajru li jopera bl-għażla tiegħu li jkompli l-vjaġġ tiegħu f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (b) u l-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, u jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera ma jkunx offra fi żmien tliet sigħat rotta alternattiva taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, il-passiġġier jista’ jagħmel l-arranġamenti tiegħu stess għal rotta alternattiva f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Jekk il-passiġġier jagħżel li jagħmel l-arranġamenti tiegħu stess għal rotta alternattiva, il-passiġġier għandu jinforma lit-trasportatur tal-ajru li jopera dwar dan. Il-passiġġier għandu jkollu d-dritt li jirrifjuta l-għażliet ta’ rotta alternattiva jekk dawk l-għażliet ta’ rotta alternattiva ma jkunux taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli, u, f’tali każ, għandu jżomm id-dritt tiegħu għall-assistenza f’konformità mal-Artikolu 9 waqt li jistenna l-għoti ta’ rotta alternattiva.

Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, l-ewwel subparagrafu għandu japplika mill-ħin tat-tluq indikat fuq il-biljett tal-passiġġier.

Meta jagħmlu l-arranġamenti tagħhom stess għal rotta alternattiva, il-passiġġieri għandhom jillimitaw l-ispejjeż għal dawk li huma meħtieġa, raġonevoli u xierqa. It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jirrimborża l-ispejjeż li ma jaqbżux 400 % tal-prezz sħiħ tal-biljett jew tal-biljetti u tariffi tal-intermedjazzjoni, meta applikati, imġarrba mill-passiġġier fi żmien 14-il jum kalendarju mis-sottomissjoni tat-talba. Meta l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jattiva l-pjan ta’ kontinġenza tiegħu, it-trasportatur tal-ajru jista’ jestendi dik l-iskadenza għal 30 jum kalendarju.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu, meta passiġġier ikun organizza waqfa waqt ir-rotta, huwa għandu jkollu d-dritt addizzjonali li jirrifjuta l-għażliet ta’ rotta alternattiva, jekk dawk l-għażliet ta’ rotta alternattiva jħallu barra dik il-waqfa waqt ir-rotta.

5.   Passiġġier jista’ jagħżel bejn rimborż f’konformità mal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), jew rotta alternattiva f’data aktar tard f’konformità mal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), sakemm il-passiġġier ikun aċċetta rotta alternattiva mal-ewwel opportunità offruta mit-trasportatur tal-ajru li jopera f’konformità mal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), jew sakemm il-passiġġier ikun iddeċieda li jagħmel huwa stess l-arranġamenti tiegħu għal rotta alternattiva f’konformità mal-paragrafu 3.

Il-passiġġier għandu jinforma lit-trasportatur tal-ajru li jopera bl-għażla tiegħu.

6.   It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, fuq talba tal-passiġġier, jipprovdi l-informazzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu f’forma stampata fuq karta. It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jiżgura li l-għażla magħmula mill-passiġġier skont dan l-Artikolu tiġi kkonfermata b’mod espliċitu fuq mezz durabbli.

7.   L-għażliet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jintwerew b’mod ċar, mingħajr ma jkunu soġġetti għal preselezzjoni, settings prestabbiliti jew piżijiet proċedurali addizzjonali li jiffavorixxu għażla waħda.”

;

(11)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

Vawċers

1.   Meta passiġġier ikun intitolat għal kumpens f’konformità mal-Artikolu 7, jew rimborż f’konformità mal-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), jew l-Artikolu 10(2), it-trasportatur tal-ajru jista’ joffri lill-passiġġier l-għażla ta’ vawċer ta’ valur li jikkorrispondi mill-inqas għall-ammont tar-rimborż jew għall-kumpens dovut.

2.   Il-passiġġier ma għandux ikun obbligat jaċċetta vawċer minflok pagament. L-aċċettazzjoni għandha tkun valida biss jekk il-passiġġier ikun ta kunsens espliċitu fuq mezz durabbli. L-għażliet kollha previsti fl-Artikolu 7(7) u l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għandhom jintwerew b’mod ċar, mingħajr ma jkunu soġġetti għal preselezzjoni, settings prestabbiliti jew piżijiet proċedurali addizzjonali li jiffavorixxu għażla waħda.

3.   It-trasportatur tal-ajru għandu jinforma lill-passiġġier b’mod ċar fuq mezz durabbli dwar l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafi 2, 4, 5 u 6, qabel ma l-passiġġier jeżerċita l-għażla msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Vawċer għandu:

(a)

ikollu perjodu massimu tal-validità ta’ 12-il xahar mid-data li fiha l-passiġġier jaċċetta l-vawċer; dak il-perjodu tal-validità jista’ jiġi estiż darba biss, għal perjodu massimu addizzjonali ta’ 12-il xahar, sakemm kemm il-passiġġier kif ukoll it-trasportatur tal-ajru jaqblu b’mod espliċitu dwar dik l-estensjoni fuq mezz durabbli;

(b)

ikun jista’ jintuża kompletament jew parzjalment għal kwalunkwe servizz tat-trasportatur tal-ajru matul il-perjodu tal-validità tiegħu inklużi servizzi prenotati matul il-validità tal-vawċer iżda mwettqa wara d-data tal-iskadenza tiegħu;

(c)

jinħareġ fuq mezz durabbli u l-valur, il-perjodu tal-validità u l-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu jkunu ddikjarati b’mod ċar; jekk il-valur ikun ogħla mill-pagament li għalih ikun intitolat il-passiġġier skont l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), jew l-Artikolu 10(2), il-vawċer għandu jindika dan.

5.   Il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru jistgħu jaqblu dwar pagament sħiħ jew parzjali fi kwalunkwe ħin qabel ma l-vawċer jissarraf jew jiskadi minkejja l-għażla inizjali mill-passiġġier ta’ vawċer.

6.   It-trasportatur tal-ajru għandu jirrimborża awtomatikament l-ammont li jifdal tal-vawċer ikkonċernat lill-passiġġier mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn sebat ijiem kalendarji:

(a)

lill-passiġġier wara t-tmiem tal-perjodu tal-validità tiegħu, jekk il-vawċer ma jkunx issarraf; dan japplika wkoll għal kwalunkwe ammont li jifdal tal-vawċer ikkonċernat f’każ li preċedentement ikun issarraf parzjalment;

(b)

lill-passiġġier meta, qabel ma jiskadi l-perjodu tal-validità tal-vawċer, il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru jaqblu dwar tali rimborż; jew

(c)

lill-persuna li tkun qed tieħu ħsieb l-affarijiet tal-passiġġier deċedut f’każ li l-passiġġier ikkonċernat imut, wara t-talba ta’ dik il-persuna u fuq preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn xierqa fuq mezz durabbli.”

;

(12)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Dritt għall-assistenza

1.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti, mingħajr ħlas, dan li ġej:

(a)

xorb kull sagħtejn ta’ ħin ta’ stennija;

(b)

ikla wara tliet sigħat u kull ħames sigħat ta’ ħin ta’ stennija minn hemm ’il quddiem b’massimu ta’ tliet ikliet kuljum;

(c)

aċċess għall-Internet u żewġ telefonati.

It-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jillimita jew jirrifjuta l-assistenza pprovduta skont l-ewwel subparagrafu jekk l-għoti tal-assistenza joħloq iżjed dewmien għat-tluq tat-titjira ttardjata jew għar-rotta alternattiva, inkluż it-tluq tat-trasportazzjoni alternattiva.

2.   Barra minn hekk, fejn ikun meħtieġ soġġorn ta’ lejl wieħed jew aktar waqt l-istennija għat-titjira jew trasport alternattiv, il-passiġġieri għandhom jingħataw mingħajr ħlas, dan li ġej:

(a)

akkomodazzjoni f’lukanda;

(b)

trasport mill-ajruport għall-akkomodazzjoni f’lukanda u r-ritorn.

3.   It-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ juża vawċers biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), u l-paragrafu 2. Il-vawċers ipprovduti f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom ikunu jistgħu jintużaw fil-ħwienet kollha li jipprovdu ikel u xorb fl-ajruport fejn il-passiġġieri kkonċernati jitħallew l-art, abbord it-titjira tagħhom, u, kif xieraq, fl-akkomodazzjoni prevista skont il-paragrafu 2, il-punt (a). Vawċer għall-akkomodazzjoni f’lukanda pprovdut f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a), jista’ jinħareġ biss jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera jkun ipprenota minn qabel kamra għall-passiġġier ikkonċernat.

4.   Fejn it-trasportatur tal-ajru li jopera ma jissodisfax l-obbligi tiegħu skont il-paragrafi 1, 2 u 3, il-passiġġieri kkonċernati jistgħu jagħmlu l-arranġamenti tagħhom stess. It-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira mfixkla għandu jirrimborża l-ispejjeż imġarrba mill-passiġġieri fi żmien 14-il jum kalendarju mis-sottomissjoni tat-talba għal rimborż, sa fejn dawk l-ispejjeż ikunu meħtieġa, raġonevoli u proporzjonati għat-tul ta’ stennija u għall-ispejjeż ta’ xorb u ikliet fil-post tal-ajruport jew fil-post tal-akkomodazzjoni fejn il-passiġġieri jitħallew l-art. Meta l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jattiva l-pjan ta’ kontinġenza tiegħu, it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira mfixkla jista’ jestendi dik l-iskadenza għal 30 jum kalendarju.

5.   Fl-ajruporti kollha tal-Unjoni bi traffiku kummerċjali tal-passiġġieri, il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jistabbilixxi arranġamenti biex jiżgura li l-ilma tax-xorb u l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-apparat elettroniku jkunu jistgħu jsiru disponibbli, mingħajr ħlas, irrispettivament mill-ħin tal-jum, it-titjira jew it-terminal.

6.   Jekk it-tfixkil ikun ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji u t-tfixkil ma setax jiġi evitat lanqas li kieku t-trasportatur tal-ajru kien ħa l-miżuri raġonevoli kollha, it-trasportatur tal-ajru jista’ jillimita l-akkomodazzjoni f’lukanda pprovduta f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a), għal massimu ta’ tlett iljieli.

7.   Meta passiġġier jagħżel rimborż skont l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), waqt li jkun fl-ajruport tat-tluq tal-vjaġġ tiegħu, jew jagħżel rotta alternattiva f’data aktar tard skont l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), il-passiġġier ma għandu jkollu l-ebda dritt ieħor fir-rigward ta’ assistenza skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu b’rabta mat-titjira rilevanti.”

;

(13)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Titjib u tnaqqis fil-grad

1.   Jekk trasportatur tal-ajru li jopera jpoġġi passiġġier fi klassi ta’ trasport ogħla minn dik għal liema nxtara l-biljett, ma għandu jitlob l-ebda ħlas supplimentari.

2.   Jekk trasportatur tal-ajru li jopera jpoġġi passiġġier fi klassi ta’ trasport aktar baxxa minn dik għal liema nxtara l-biljett, dan għandu, fi żmien 14-il jum kalendarju tat-tnaqqis fil-grad, jipprovdi lill-passiġġier b’rimborż awtomatiku tal-anqas ekwivalenti għal:

(a)

30 % tal-prezz tat-titjira għal titjiriet ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

(b)

50 % tal-prezz tat-titjira għat-titjiriet intra-Unjoni kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru, bl-eċċezzjoni ta’ titjiriet bejn it-territorju Ewropew tal-Istati Membri u r-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi, u għat-titjiriet l-oħra kollha ta’ bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(c)

75 % tal-prezz tat-titjira għat-titjiriet kollha li ma jaqgħux taħt il-punt (a) jew (b), inklużi titjiriet bejn it-territorju Ewropew tal-Istati Membri u r-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi.

3.   Fejn il-prezz tat-titjira ma jkunx indikat fuq il-biljett, ir-rimborż imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-proporzjon rilevanti tad-distanza tat-titjira meta mqabbel mad-distanza totali koperta mill-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 7(5).

4.   Il-prezz tat-titjira msemmi f’dan l-Artikolu jeskludi t-taxxi u l-imposti indikati fuq il-biljett, sakemm la r-rekwiżit li jitħallsu dawk it-taxxi u l-imposti u lanqas l-ammont tagħhom ma jiddependi mill-klassi tat-trasport li għaliha jkun inxtara dak il-biljett.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal servizzi anċillari, bħal postijiet bilqiegħda speċifiċi jew catering, li jkunu indipendenti mill-klassi tat-trasport u jinbiegħu separatament.”

;

(14)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Pjanijiet ta’ kontinġenza tal-ajruport

1.   F’ajruport tal-Unjoni b’volum totali ta’ traffiku annwali ta’ passiġġieri ta’ aktar minn erba’ miljun passiġġier għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi, il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jiżgura li l-operazzjonijiet tal-korp ta’ tmexxija tal-ajruport u tal-fornituri tas-servizzi essenzjali tal-ajruport, b’mod partikolari t-trasportaturi tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi ta’ groundhandling, ikunu koordinati permezz ta’ pjan ta’ kontinġenza xieraq minħabba l-possibbiltà ta’ sitwazzjonijiet ta’ kanċellazzjonijiet multipli, ta’ dewmien tat-titjiriet multipli, jew it-tnejn li huma, li jirriżultaw f’numru konsiderevoli ta’ passiġġieri li jitħallew l-art fl-ajruport. Il-pjan ta’ kontinġenza għandu jsir sabiex ikun żgurat li jingħataw informazzjoni u assistenza adegwati lill-passiġġieri li jinqabdu xi mkien u għandu jkun fih arranġamenti sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-ħin li għandhom jistennew u l-iskumdità tagħhom.

2.   Il-pjanijiet ta’ kontinġenza tal-ajruport għandhom iqisu l-bżonnijiet partikolari u individwali tal-passiġġieri msemmija fl-Artikolu 11.

3.   Il-pjan ta’ kontinġenza għandu jsir b’mod partikolari bil-parteċipazzjoni tal-Kumitat tal-Utenti tal-Ajruport imsemmi fid-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (*6), tal-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling, u ta’ fornituri oħra ta’ servizzi essenzjali tal-ajruport, inklużi fornituri ta’ assistenza speċjali għall-persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Il-pjan ta’ kontinġenza għandu jsir bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti, meta xieraq. Il-pjan ta’ kontinġenza għandu wkoll ikun fih id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna jew persuni maħtura mit-trasportaturi tal-ajru parteċipanti fil-Kumitat tal-Utenti tal-Ajruport sabiex jirrappreżentahom fuq il-post fil-każ ta’ kanċellazzjonijiet multipli, ta’ dewmien tat-titjiriet multipli, jew it-tnejn li huma. It-trasportatur tal-ajru għandu jiżgura li kwalunkwe persuna maħtura jkollha l-mezzi meħtieġa għall-assistenza lill-passiġġieri f’konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament fil-każ ta’ tfixkil.

4.   Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jikkomunika l-pjan ta’ kontinġenza lill-Kumitat tal-Utenti tal-Ajruport imsemmi fid-Direttiva 96/67/KE u, fuq talba, lill-korp nazzjonali għall-infurzar maħtur skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament. Il-korp nazzjonali għall-infurzar għandu jimmonitorja l-konformità tal-korp ta’ tmexxija tal-ajruport mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

5.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ajruport mhux kopert mill-paragrafu 1, li jinsab fit-territorju tiegħu, għandu jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.

6.   F’ajruporti tal-Unjoni b’volum totali ta’ traffiku annwali ta’ passiġġieri taħt il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 jew mhux koperti minn deċiżjoni ta’ Stat Membru skont il-paragrafu 5, il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex jikkoordina l-utenti tal-ajruport u biex jagħmel arranġamenti mal-utenti tal-ajruport biex jinforma lill-passiġġieri li jitħallew l-art fil-każ ta’ kanċellazzjonijiet multipli, ta’ dewmien ta’ titjiriet multipli, jew it-tnejn, li jwasslu għal għadd konsiderevoli ta’ passiġġieri li jitħallew l-art fl-ajruport.

(*6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/67/oj).”;"

(15)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Passiġġieri bi bżonnijiet speċifiċi

1.   Id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet li huma jgawdu f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

2.   L-informazzjoni kollha pprovduta lill-passiġġieri f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta f’format aċċessibbli.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kategoriji ta’ passiġġieri li ġejjin għandhom jitqiesu bħala ‘passiġġieri bi bżonnijiet speċifiċi’:

(a)

persuni b’diżabbiltà, persuni b’mobbiltà mnaqqsa, u nisa tqal, dment li t-trasportatur tal-ajru li jopera jkun ġie infurmat bil-bżonnijiet partikolari tagħhom għall-assistenza, jekk possibbli fil-ħin tal-prenotazzjoni jew iċ-check-in, u mhux aktar tard minn meta l-passiġġier ikun ġie infurmat dwar tfixkil skont l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(1) jew l-Artikolu 6(1) jew jitlef titjira ta’ konnessjoni skont l-Artikolu 6b(1);

(b)

trabi u minorenni mhux akkumpanjati; u

(c)

persuni li jeħtieġu assistenza medika speċifika abbażi ta’ awtorizzazzjoni medika, sakemm huma ma jiġux miċħuda l-imbark għal raġunijiet ta’ sikurezza.

Kwalunkwe notifika pprovduta lit-trasportatur bl-ajru fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titqies li tkopri l-vjaġġi kollha taħt kuntratt ta’ trasport bl-ajru.

4.   Kwalunkwe persuna li takkumpanja l-persuni msemmija fil-paragrafu 3 jew li tkun qed takkumpanja wild, taħt l-istess kuntratt ta’ trasport bl-ajru, għandha tiġi offruta mit-trasportatur tal-ajru, mingħajr ħlas, il-possibbiltà li titqiegħed bilqiegħda fuq sit ħdejn dik il-persuna jew wild. Meta ma jkunux disponibbli sitijiet maġenb xulxin, it-trasportatur tal-ajru għandu jagħmel ħiltu biex jassisti lill-persuna jew lill-persuni li jakkumpanjawhom biex isibu sitijiet maġenb xulxin.

5.   Waqt l-imbark, it-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom jagħtu prijorità lill-persuni msemmija fil-paragrafu 3 u lil kwalunkwe persuna jew kelb ta’ assistenza rikonoxxut li jakkumpanjawhom, kif ukoll lit-tfal fi pram jew pushchair mal-persuna li takkumpanjahom.

6.   It-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom jiżguraw, mingħajr ħlas addizzjonali, li t-trabi u t-tfal li jeħtieġu pram jew pushchair jistgħu jiġu ttrasportati fl-pram jew il-pushchair tagħhom, sal-gate tal-imbarkazzjoni jew sal-bieb tal-inġenju tal-ajru, u li dak il-pram jew il-pushchair jiġi rritornat lilhom fil-bieb tal-inġenju tal-ajru, sakemm ma jkunx hemm restrizzjonijiet ta’ sikurezza, sigurtà, kapaċità jew restrizzjonijiet operazzjonali.

7.   Meta l-korp ta’ tmexxija tal-ajruport ma jissodisfax l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 u, b’riżultat ta’ dan, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jitilfu t-titjira tagħhom, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jkun responsabbli biex jipprovdi kumpens lil dawk il-passiġġieri, kif ukoll l-għoti ta’ rotta alternattiva u assistenza f’konformità mal-Artikoli 7, 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament. It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jipprovdi wkoll tali rotta alternattiva u tali assistenza lill-persuna li takkumpanjahom f’konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jirrimborża lit-trasportatur tal-ajru li jopera għall-kostijiet imġarrba minn dak it-trasportatur tal-ajru li jopera f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Sat-23 ta’ Ottubru 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16h(3) li jistabbilixxi l-modalitajiet prattiċi għal dak ir-rimborż. Dak l-att ta’ implimentazzjoni ma għandux jimmina r-responsabbiltajiet tat-trasportatur tal-ajru b’rabta mal-għoti ta’ kumpens, rotta alternattiva u assistenza lill-passiġġieri skont dan il-paragrafu.

8.   Meta t-trasportatur tal-ajru, jew l-aġent awtorizzat tiegħu, jikkonkludi kuntratt ma’ persuna li taġixxi f’isem minorenni mhux akkumpanjati bil-ħsieb li jipprovdi lil dawk il-minorenni b’assistenza speċifika għall-vjaġġ tagħhom, u, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ għoti ta’ assistenza speċifika, dawk il-minorenni jitilfu t-titjira tagħhom, it-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom ikunu responsabbli għall-għoti ta’ kumpens, rotta alternattiva u assistenza lil dawk il-minorenni f’konformità mal-Artikoli 7, 8 u 9.

9.   Meta japplika r-rotta alternattiva u l-assistenza f’konformità mal-Artikoli 8 u 9, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-persuni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. It-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu dik ir-rotta alternattiva u l-assistenza lil dawk il-persuni, inkluż lil kwalunkwe persuna jew kelb tal-assistenza rikonoxxut li jakkumpanjawhom, malajr kemm jista’ jkun.

10.   L-Artikolu 9(6) ma għandux japplika għal passiġġier imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jew għal kwalunkwe persuna jew kelb ta’ assistenza rikonoxxut li jakkumpanjawh.”

;

(16)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 11a

Oġġett personali u bagalja tal-idejn

1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, it-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom iħallu lill-passiġġieri jġorru oġġett personali fil-kabina u mingħajr kost miżjud.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, it-trasportaturi tal-ajru li joperaw, soġġett għall-kapaċità tal-kabina tal-inġenju tal-ajru, għandhom jippermettu lill-passiġġieri jġorru bagalja tal-idejn fil-kabina.

Kull meta n-nollijiet tal-ajru jiġu offruti jew ippubblikati, in-nollijiet tal-ajru inkluża l-kwota għal bagalja tal-idejn għandhom jintwerew b’mod awtomatiku qabel il-bidu ta’ kwalunkwe proċess ta’ prenotazzjoni.

Dan il-paragrafu ma għandux jipprevjeni lit-trasportaturi tal-ajru jew lill-intermedjarji milli joffru offerti kummerċjalment differenzjati lill-passiġġieri li volontarjament jagħżlu li jivvjaġġaw mingħajr bagalji tal-idejn.

2.   Fil-każ meta għal raġunijiet speċifiċi, bħal raġunijiet ta’ sikurezza, raġunijiet ta’ kapaċità jew bidla fit-tip tal-inġenju tal-ajru wara li tkun saret il-prenotazzjoni, ma jkunx jista’ jiġi trasportat fil-kabina oġġett personali jew bagalja tal-idejn imsemmija fil-paragrafu 1, it-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jirrikjedi fiċ-check-in jew fil-gate, kif ikun xieraq, li bagalji li ma jkunux għaddew iċ-check-in jinġarru fl-istiva tal-inġenju tal-ajru, iżda mingħajr kost ulterjuri għall-passiġġier.

3.   Dan l-Artikolu ma jaffettwax ir-restrizzjonijiet fuq il-bagalji li ma jgħaddux miċ-check-in stabbiliti bir-regoli tal-Unjoni, bħal dawk stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 (*8), jew dawk stabbiliti bir-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà u s-sikurezza.

Artikolu 11b

Karti tal-imbarkazzjoni

Il-passiġġieri ma għandhomx jiġu miċħuda l-imbark għar-raġuni li jkunu użaw verżjoni stampata minnhom stess ta’ karta tal-imbarkazzjoni maħruġa b’mod diġitali bil-kundizzjoni li tkun stampata b’mod ċar u li tinqara mill-magni. Il-passiġġieri ma għandhomx jiġu miċħuda l-imbark għar-raġuni li ma jkunux ħallsu imposta addizzjonali talli jkunu użaw verżjoni stampata minnhom stess ta’ karta tal-imbarkazzjoni maħruġa b’mod diġitali.

Meta t-trasportaturi tal-ajru jipprovdu għal karti tal-imbarkazzjoni diġitali, il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jiksbu l-karti tal-imbarkazzjoni tagħhom b’mod diġitali, maċ-check-in, mingħajr ebda talba ulterjuri u ma għandhomx ikunu obbligati jkollhom kont tal-utent jew applikazzjoni speċifika biex jiksbu u jistampaw il-karti tal-imbarkazzjoni tagħhom.

It-trasportaturi tal-ajru ma jistgħux jimponu imposta addizzjonali talli jipprovdu lill-passiġġier b’verżjoni stampata tal-karta tal-imbarkazzjoni jekk il-passiġġier ikun diġà għamel iċ-check-in.

(*7)  Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/300/oj)."

(*8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1998/oj).”;"

(17)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Drittijiet ulterjuri

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri mogħtija skont atti legali oħra inkluż id-Direttiva (UE) 2015/2302, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan l-Artikolu.

Il-kumpens mogħti f’konformità mal-Artikolu 7 jew ir-rimborż mogħti f’konformità mal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament għandu jitnaqqas mill-kumpens jew mit-tnaqqis tal-prezz mogħti f’konformità ma’ atti legali oħra, bħad-Direttiva (UE) 2015/2302, jekk id-drittijiet li għalihom huwa mogħti l-kumpens jew it-tnaqqis tal-prezz jissalvagwardjaw l-istess interess jew ikollhom l-istess objettiv. Bl-istess mod, il-kumpens jew it-tnaqqis tal-prezz mogħti f’konformità ma’ atti legali oħrajn, bħad-Direttiva (UE) 2015/2302, għandu jitnaqqas mill-kumpens mogħti f’konformità mal-Artikolu 7 jew mir-rimborż mogħti f’konformità mal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament, jekk id-drittijiet li għalihom ingħata il-kumpens jew it-tnaqqis tal-prezz jissalvagwardjaw l-istess interess jew għandhom l-istess objettiv.

Minkejja d-dritt ta’ organizzatur ta’ pakkett tal-ivvjaġġar li jfittex rimedju jew rifużjonijiet f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2015/2302, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, u b’deroga mill-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, jekk it-titjira tkun parti minn kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (3), tad-Direttiva (UE) 2015/2302, il-passiġġieri ma għandu jkollhom l-ebda dritt għal rimborż f’konformità ma’ dan ir-Regolament sa fejn dritt korrispondenti jirriżulta mid-Direttiva (UE) 2015/2302.

2.   Mingħajr preġudizzju għal prinċipji u regoli rilevanti tal-liġi nazzjonali, inkluż il-ġurisprudenza, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-voluntiera f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2).

3.   Meta jkun diġà tħallas kumpens jew rimborż lill-passiġġier f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz, l-ammont ta’ tali kumpens jew rimborż għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ kumpens jew rimborż mogħti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”

;

(18)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 12a

Korrezzjoni tal-ismijiet

1.   It-trasportatur tal-ajru li jopera għandu, malli jirċievi talba mressqa mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat, jikkoreġi l-iżbalji ortografiċi f’isem passiġġier jew, fil-każ ta’ bidla amministrattiva, jaġġorna isem il-passiġġier. Tali korrezzjoni jew aġġornament għandhom isiru mingħajr ħlas mill-inqas darba u ma għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet għal imbark miċħud f’konformità mal-Artikolu 4.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ titressaq minn:

(a)

passiġġier b’rabta ma’ isem dak il-passiġġier jew l-isem ta’ kwalunkwe passiġġier li l-biljett tiegħu jagħmel parti mill-istess kuntratt ta’ trasport bl-ajru tal-biljett tal-passiġġier li jressaq it-talba;

(b)

intermedjarju b’rabta ma’ isem il-passiġġier li fir-rigward tiegħu l-intermedjarju jkun għamel il-prenotazzjoni.

3.   Il-korrezzjoni jew aġġornament li jsiru skont il-paragrafu 1 ma għandhomx jikkostitwixxu trasferiment ta’ biljett mingħand il-passiġġier lil persuna oħra.”

;

(19)

l-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Dritt għal rimedju

F’każijiet fejn trasportatur tal-ajru li jopera jħallas kumpens jew jissodisfa l-obbligi l-oħra tiegħu skont dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament jew tal-liġi nazzjonali ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn xi persuna, inkluż partijiet terzi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali applikabbli. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tat-trasportatur tal-ajru li jopera li jfittex kumpens jew li jirkupra l-kostijiet tiegħu mingħand ajruport jew mingħand parti terza oħra li magħhom it-trasportatur tal-ajru li jopera jkun ikkonkluda kuntratt.”

;

(20)

l-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Obbligi li l-passiġġieri jiġu informati

1.   It-trasportatur tal-ajru li jopera u l-intermedjarju għandhom jinkludu fuq is-sit web u l-applikazzjoni għall-apparati mobbli tagħhom avviż ta’ informazzjoni li jispeċifika d-drittijiet skont dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni dwar il-proċess tat-trattament tal-ilmenti. Sabiex jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit, it-trasportatur tal-ajru li jopera u l-intermedjarju jistgħu jużaw sommarju tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament imħejji u magħmul disponibbli għall-pubbliku mill-Kummissjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

2.   Meta joffru biljetti għal titjira jew titjiriet ta’ konnessjoni u qabel ix-xiri tal-biljetti ta’ tali titjiriet, it-trasportaturi tal-ajru u l-intermedjarji għandhom jinfurmaw lill-passiġġier dwar dan li ġej:

(a)

it-tip ta’ biljett jew biljetti li qed jiġu offruti, b’mod partikolari jekk il-biljett jew il-biljetti humiex koperti minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru wieħed jew kombinazzjoni ta’ kuntratti ta’ trasport bl-ajru separati;

(b)

id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġier, tat-trasportatur tal-ajru li jopera u tal-intermedjarju skont dan ir-Regolament, kif mehmużin mal-kuntratt ta’ trasport bl-ajru, inkluż informazzjoni dwar il-proċessi tat-trattament tal-ilmenti u ta’ rimborż;

(c)

l-iskadenza u l-proċedura li biha passiġġier jista’ jitlob korrezzjoni ta’ isem kif speċifikat fl-Artikolu 12a;

(d)

it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru;

(e)

il-proċedura għall-irkupru ta’ oġġetti personali jew bagalji tal-idejn minsija fil-kabina; dik l-informazzjoni għandha tinkludi dettalji ta’ kuntatt elettroniċi, formoli applikabbli, u kwalunkwe dettall pertinenti ieħor meħtieġ għall-passiġġier biex jagħti bidu għal talba; u

(f)

id-dettalji ta’ kuntatt għall-għajnuna u l-assistenza fil-każ ta’ interruzzjoni.

3.   Intermedjarju jew trasportatur tal-ajru li jbigħ biljetti koperti minn kombinazzjoni ta’ kuntratti ta’ trasport bl-ajru għandu jinforma lill-passiġġier qabel ix-xiri, li l-biljetti huma koperti minn kuntratti ta’ trasport bl-ajru separati u li d-drittijiet skont l-Artikoli 7, 8 u 9 relatati mal-kumpens, mar-rimborż, ma’ rotta alternattiva jew assistenza fil-każ ta’ titjiriet sussegwenti mitlufin ma japplikawx skont il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru separat. Tali informazzjoni għandha tkun iddikjarata b’mod ċar u tingħata fuq mezz durabbli meta jinbiegħu l-biljetti.

4.   Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport jew, meta rilevanti, t-trasportatur tal-ajru li jopera, għandu jiżgura li fil-bankijiet taċ-check-in (inkluż il-magni taċ-check-in fejn wieħed jinqeda waħdu) u fil-gate tal-imbarkazzjoni, jintwera b’mod ċar it-test li ġej: ‘Jekk tiġi miċħud l-imbark jew jekk it-titjira tiegħek tiġi kkanċellata jew tittardja għal tal-inqas sagħtejn fit-tluq, jew tittardja għal aktar minn tliet siegħat fil-wasla fid-destinazzjoni finali tiegħek, staqsi fil-bank taċ-check-in jew fil-gate tal-imbarkazzjoni għall-avviż ta’ informazzjoni li jiddikjara d-drittijiet tiegħek, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rimborż jew rotta alternattiva, assistenza u l-possibbiltà ta’ kumpens’. Dak it-test għandu jintwera tal-anqas bil-lingwa jew lingwi tal-post tal-ajruport u b’lingwa li tintuża internazzjonalment. Il-korp ta’ tmexxija tal-ajruport għandu jiżgura wkoll li fil-bankijiet taċ-check-in, ħdejn dak it-test, jintwera kodiċi QR jew kwalunkwe mezz diġitali ieħor biex tiġi aċċessata l-applikazzjoni mobbli tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jkun fiha sommarju ta’ dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti għandhom jikkooperaw mat-trasportaturi tal-ajru li joperaw.

5.   Wara x-xiri tal-biljetti, it-trasportaturi tal-ajru li joperaw għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lill-passiġġieri bl-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 fuq mezz durabbli.

6.   It-trasportaturi tal-ajru u l-intermedjarji, meta rilevanti, għandhom jipprovdu l-informazzjoni skont dan l-Artikolu bil-lingwa tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru u b’lingwa li tintuża internazzjonalment.

7.   L-informazzjoni għall-passiġġieri, il-korrispondenza jew l-iskambju ta’ formoli jew dokumenti magħhom skont dan ir-Regolament, inkluż komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4) u offerti għal għażliet jew ftehimiet f’konformità mal-Artikolu 4, 5, 6b, 7, 8 jew 8a għandhom ikunu disponibbli faċilment u pprovduti b’mod ċar u mhux ambigwu. Meta l-informazzjoni, il-korrispondenza, il-formoli jew id-dokumenti jiġu pprovduti b’mezzi elettroniċi, it-trasportaturi tal-ajru u l-intermedjarji għandhom jipprovduhom fuq mezz durabbli, u huma għandhom jinkludu d-data u l-ħin.

Għal tali finijiet, it-trasportaturi tal-ajru u l-intermedjarji għandhom jiżguraw li passiġġier ma jkunx obbligat li jkollu kont tal-utent jew applikazzjoni speċifika bħala prekundizzjoni biex jaċċessa jew jirċievi informazzjoni, korrispondenza, formoli jew dokumenti skont dan ir-Regolament, inklużi karti tal-imbarkazzjoni, iżda esklużi informazzjoni u dokumenti relatati ma’ kwistjonijiet bħal programmi ta’ vjaġġaturi frekwenti jew programmi kummerċjali oħra offruti minn trasportatur tal-ajru jew intermedjarju.

L-oneru tal-provi fir-rigward tal-istabbiliment jekk u meta jkunux ipprovdew l-informazzjoni, il-korrispondenza, il-formoli jew id-dokumenti meħtieġa inkluż fir-rigward tal-komunikazzjoni imsemmija fl-Artikolu 7(4) u karti tal-imbarkazzjoni jew offerti għal għażliet jew ftehimiet f’konformità mal-Artikolu 4, 5, 6b, 7, 8 jew 8a lill-passiġġieri għandu jkun ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru u tal-intermedjarji.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni għandhom jippermettu lill-passiġġier jikkuntattja lit-trasportaturi tal-ajru u lill-intermedjarji malajr, mingħajr ħlas u jikkomunika b’mod effettiv.”

;

(21)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 15a

Ilment lit-trasportatur tal-ajru jew lill-intermedjarju

1.   Kull trasportatur tal-ajru u intermedjarju għandu jistabbilixxi mekkaniżmu tat-trattament tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi koperti minn dan ir-Regolament fl-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tiegħu.

2.   Il-passiġġieri jistgħu jressqu lment lil kwalunkwe trasportatur tal-ajru jew intermedjarju fir-rigward tal-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tiegħu permezz tal-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 1. Tali lment għandu jiġi ppreżentat fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha tkun saret jew kienet skedata li ssir it-titjira, jew tliet xhur wara s-sottomissjoni ta’ talba għal kumpens, skont liema minnhom tkun aktar tard.

Fi żmien sebat ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi l-ilment, id-destinatarju għandu jikkonferma lill-passiġġier li rċieva l-ilment. Fi żmien xahar minn meta jasal l-ilment, id-destinatarju għandu jew jagħti tweġiba raġunata jew, f’każijiet debitament ġustifikati, jinforma lill-passiġġier li se jirċievi tweġiba finali f’inqas minn xahrejn mid-data minn meta jasal l-ilment.

It-tweġiba finali għandu jkun fiha wkoll id-dettalji ta’ kuntatt rilevanti tal-korp jew tal-korpi responsabbli għat-trattament tal-ilmenti skont dan ir-Regolament. Dak l-obbligu jista’ jiġi ssodisfat billi l-passiġġier jiġi riferut għal-lista ta’ korpi li jittrattaw l-ilmenti magħmula disponibbli mill-Kummissjoni.

3.   L-oneru tal-provi fir-rigward tal-istabbiliment tal-forniment tal-informazzjoni meħtieġa lill-passiġġieri għandu jkun ir-responsabbiltà tat-trasportatur tal-ajru u tal-intermedjarju.”

;

(22)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 16h

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*9)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).”;"

(23)

l-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

Rieżami u rapport

1.   Sat-23 ta’ Ottubru 2031, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-lista ta’ ċirkostanzi straordinarji stabbilita fl-Anness, fid-dawl tal-avvenimenti li jaffettwaw l-operat f’waqtu u effettiv tat-titjiriet li jkunu seħħew matul is-snin li jippreċedu kull rapport.

2.   Sat-23 ta’ Ottubru 2031 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat, l-infurzar u r-riżultati ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni fir-rapport għandha tinkludi informazzjoni dwar it-titjib fil-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru fuq titjiriet minn pajjiżi terzi operati minn trasportaturi tal-ajru ta’ pajjiżi terzi.

Dak ir-rapport għandu jinkludi wkoll rieżami tal-livelli limitu, u tal-ammonti stabbiliti f’dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, l-evoluzzjoni tan-nollijiet tal-ajru, ir-rata tal-inflazzjoni u l-istatistika dwar l-imbark miċħud, il-kanċellazzjonijiet, id-dewmien u t-titjiriet ta’ konnessjoni mitlufin imputabbli lit-trasportaturi tal-ajru kif ukoll l-istatistika dwar it-tnaqqis fil-grad, matul il-ħames snin preċedenti.

Fir-rapport skont l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll:

(a)

il-ħtieġa u l-fattibbiltà tar-reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament bil-ħsieb li tkompli ttejjeb il-protezzjoni tal-passiġġieri u l-kundizzjonijiet ekwi bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll l-aspetti ta’ konnettività. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-riskji ta’ kunflitt ta’ ġuriżdizzjonijiet u d-diffikultajiet relatati mal-infurzar u għandha tirrakkomanda modi biex jittaffew dawk ir-riskji u jiġu indirizzati dawk id-diffikultajiet;

(b)

il-fattibbiltà ta’ aktar awtomatizzazzjoni tat-talbiet ta’ kumpens għad-dewmien jew pagamenti ta’ kumpens għad-dewmien.

3.   Dawk ir-rapporti għandhom ikunu akkumpanjati, meta jkun meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi.”

;

(24)

It-test stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

‘trasportatur bl-ajru tal-Unjoni’ tfisser trasportatur bl-ajru b’liċenzja li jopera valida mogħtija minn Stat Membru f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10);

(*10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1008/oj).”;"

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(h)

‘tagħmir ta’ mobbiltà’ tfisser kwalunkwe tagħmir li huwa maħsub biex jassisti lill-persuni b’diżabbiltà jew lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11), fil-mobbiltà tagħhom;

(i)

‘kelb tal-assistenza rikonoxxut’ tfisser kelb imħarreġ speċifikament sabiex iżid l-indipendenza u l-awtodeterminazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà, rikonoxxut uffiċjalment f’konformità mar-regoli nazzjonali applikabbli, meta jkunu jeżistu regoli bħal dawn;

(j)

‘format aċċessibbli’ tfisser format li jagħti lill-persuna b’diżabbiltà jew lill-persuna b’mobbiltà mnaqqsa aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż billi jingħata lil dik il-persuna aċċess b’mod fattibbli u komdu daqs persuna mingħajr insuffiċjenza jew diżabbiltà, u li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà definiti f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*12);

(k)

‘intermedjarju’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, minbarra trasportatur, li tkun qed taġixxi, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha, f’isem trasportatur jew passiġġier għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport.

(*11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1107/oj)."

(*12)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).”;"

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Ir-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru tal-Unjoni fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal rilevanti għal din ir-responsabbiltà. Din tinkludi r-responsabbiltà ta’trasportatur bl-ajru tal-Unjoni fir-rigward tad-dewmien tal-passiġġieri jew tal-bagalji.

2.   L-obbligu li jkollok assigurazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*13) u l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 safejn jirrelata mar-responsabbiltà għall-passiġġieri għandu jiftiehem bħala li jeħtieġ li trasportatur bl-ajru tal-Unjoni għandu jkun assigurat sa livell li huwa adegwat sabiex jiżgura li l-persuni kollha intitolati għal kumpens jirċievu l-ammont sħiħ ta’ kumpens li huma intitolati għalih f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(*13)  Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/785/oj)”;"

(3)

l-Artikolu 3a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3a

Is-somma supplimentari li, f’konformità mal-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6a ta’ dan ir-Regolament, tista’ tintalab minn trasportatur bl-ajru tal-Unjoni meta passiġġier jagħmel dikjarazzjoni speċjali ta’ interess fil-konsenja tal-bagalji tiegħu f’destinazzjoni (id-‘dikjarazzjoni speċjali ta’ interess’), għandha, għal trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni, tkun ibbażata fuq tariffa li tirrifletti l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport u l-assigurazzjoni tal-bagalji vvalutati ’l fuq mil-limitu ta’ responsabbiltà. It-tariffa għandha tkun disponibbli għall-passiġġieri fuq talba.”

;

(4)

l-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Fil-każ tal-mewt jew tal-korriment ta’ passiġġieri, it-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni għandu mingħajr dewmien, u f’kull każ sa mhux aktar tard minn 15-il ġurnata wara li tkun ġiet stabbilita l-identità tal-persuna fiżika intitolata għall-kumpens, jagħmel ħlasijiet bħal dawn bil-quddiem kif jista’ jkun meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati fuq bażi proporzjonata meta titqies it-tbatija mġarrba.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ħlas bil-quddiem fil-każ ta’ mewt ta’ passiġġieri ma għandux ikun inqas minn 16 % għal kull passiġġier tal-ammont minimu ta’ responsabbiltà stabbilit skont l-Artikolu 21(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal.

3.   Ħlas bil-quddiem ma għandux ifisser rikonoxximent ta’ responsabbiltà u jista’ jiġi paċut ma’ xi somom sussegwenti mħallsa fuq bażi tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni, imma ma jistax jingħata lura, minbarra fil-każijiet previsti fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jew meta l-persuna li tkun irċeviet il-ħlas bil-quddiem ma tkunx il-persuna intitolata għal kumpens.”

;

(5)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   It-trasportaturi tal-ajru kollha għandhom, meta jbigħu trasport bl-ajru fl-Unjoni, jipprovdu lill-passiġġieri b’mod ċar u aċċessibbli informazzjoni komprensiva dwar il-proċeduri applikabbli li għandhom jiġu segwiti f’każ ta’ telf, dewmien jew ħsara tal-bagalji. It-trasportaturi tal-ajru għandhom jiżguraw li sommarju tad-dispożizzjonijiet prinċipali li jirregolaw ir-responsabbiltà għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, inkluż l-iskadenzi previsti għal azzjoni għal kumpens u l-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess, ikun disponibbli għall-passiġġieri fil-postijiet ta’ bejgħ kollha, inkluż bejgħ bit-telefon u permezz tal-Internet. Sabiex jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni għandhom jużaw l-avviż li jinsab fl-Anness. Dan is-sommarju jew avviż ma jistax jintuża bħala bażi għal talba għal kumpens, lanqas biex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew tal-Konvenzjoni ta’ Montreal.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

id-dritt li jagħmlu, mingħajr ħlas, dikjarazzjoni speċjali ta’ interess dwar il-valur tat-tagħmir ta’ mobbiltà tagħhom fejn il-passiġġier huwa persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa.”

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fil-każ tat-trasport kollu magħmul mit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni, il-limiti indikati f’konformità mal-obbligi ta’ informazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu dawk stabbiliti minn dan ir-Regolament sakemm it-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni ma japplikax volontarjament limiti ogħla. Fil-każ tat-trasport kollu magħmul minn trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi terzi, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw biss fir-rigward ta’ trasport lejn, minn jew fl-Unjoni.”

;

(d)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   It-trasportaturi bl-ajru kollha għandhom, fuq l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom u fuq is-siti web tagħhom, u l-korpi tal-ġestjoni tal-ajruporti fl-ajruporti kollha tal-Unjoni bi traffiku tal-passiġġieri kummerċjali, fiż-żoni ta’ konsenja tal-bagalji, jipprovdu formola li tippermetti lill-passiġġier iressaq minnufih ilment online jew b’verżjoni stampata dwar bagalji danneġġati, ittardjati jew mitlufa.

Il-formola li għandha tiġi pprovduta lill-passiġġieri mill-korpi tal-ġestjoni tal-ajruport għandha tkun il-formola komuni. Il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt li jressqu l-ilment tagħhom lit-trasportaturi bl-ajru billi jużaw dik il-formola komuni. It-trasportaturi bl-ajru jistgħu jipprovdu l-formola tagħhom stess lill-passiġġieri fuq is-siti web tagħhom, fuq l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom jew fuq karta, dment li tali formola toffri, f’format aċċessibbli, l-għażla u l-informazzjoni stabbiliti fil-formola komuni u tkun disponibbli mill-inqas bil-lingwa tal-prenotazzjoni.

Id-data tal-preżentazzjoni tal-formola għandha titqies mit-trasportatur bl-ajru bħala d-data li fiha jitressaq l-ilment skont l-Artikolu 31(2) u 31(3) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, anke jekk it-trasportatur bl-ajru jitlob aktar informazzjoni aktar ’il quddiem. Dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa d-dritt tal-passiġġier li jissottometti lment permezz ta’ mezzi oħra fl-iskadenzi mogħtija mill-Konvenzjoni ta’ Montreal.

5.   Sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-formola komuni. Dik il-formola komuni għandha tiġi stabbilita f’format aċċessibbli. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-formola komuni disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni fuq is-sit web tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6d(2).

6.   L-informazzjoni kollha pprovduta skont dan l-Artikolu, u l-formoli ta’ lment, għandhom ikunu f’format aċċessibbli u disponibbli wkoll għal persuni li ma jużawx għodod diġitali.

7.   L-obbligi kollha ta’ informazzjoni skont dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-intermedjarji, meta jbigħu trasport bl-ajru lejn, minn jew fl-Unjoni.”

;

(6)

jiżdiedu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 6a

1.   Meta jkun qed iġorr tagħmir ta’ mobbiltà li jkun għadda miċ-check-in jew klieb tal-assistenza rikonoxxuti, it-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni għandu jiżgura li l-persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa jingħataw għarfien dwar id-drittijiet tagħhom u jiġu offruti l-għażla li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess, f’format aċċessibbli, skont l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, fil-ħin tal-prenotazzjoni, fl-istess ħin tan-notifika skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, u mhux aktar tard minn meta t-tagħmir jingħata f’idejn it-trasportatur bl-ajru u, fil-każ ta’ kelb tal-assistenza rikonoxxut, waqt l-imbarkazzjoni. F’dak il-każ, it-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni ma għandux jimponi lill-passiġġieri kkonċernati jħallsu tariffa addizzjonali. Meta t-tagħmir jinqered, jintilef, issirlu ħsara jew jittardja, jew fil-każ tal-mewt jew tal-korriment ta’ kelb tal-assistenza rikonoxxut, it-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni jista’ jitlob prova tal-kost tas-sostituzzjoni, inkluż is-sostituzzjoni temporanja, tat-tagħmir ta’ mobbiltà jew tal-kelb tal-assistenza rikonoxxut mill-persuna b’diżabbiltà jew mill-persuna b’mobbiltà mnaqqsa biex issostni l-ammont iddikjarat fid-dikjarazzjoni speċjali ta’ interess.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi formola għad-dikjarazzjoni speċjali ta’ interess. Dik il-formola għandha tkun stabbilita f’format li jkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6d(2).

Il-passiġġieri għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw id-dikjarazzjoni speċjali ta’ interess tagħhom lit-trasportaturi bl-ajru billi jużaw dik il-formola. It-trasportaturi bl-ajru jistgħu jipprovdu l-formola tagħhom stess lill-passiġġieri fuq is-siti web tagħhom, fuq l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom jew fuq karta, dment li tali formola toffri, f’format aċċessibbli, l-għażla u l-informazzjoni stabbiliti fil-formola stabbilita mill-Kummissjoni u tkun disponibbli mill-inqas bil-lingwa tal-prenotazzjoni.

Meta jbigħu trasport bl-ajru f’isem it-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni, l-intermedjarji għandhom jinfurmaw lill-passiġġieri kkonċernati bid-drittijiet tagħhom u joffrulhom l-għażla li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess, f’format aċċessibbli, skont l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, fil-ħin tal-prenotazzjoni u fl-istess ħin tan-notifika skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006. Dik id-dikjarazzjoni speċjali ta’ interess għandha tingħata taħt l-istess kundizzjonijiet kif stipulati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. L-intermedjarju għandu jibgħat id-dikjarazzjoni lit-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni malajr kemm jista’ jkun.

3.   Fil-każ ta’ qerda, telf, ħsara jew dewmien fit-trasport ta’ tagħmir ta’ mobbiltà li għadda miċ-check-in jew fil-każ tal-mewt jew tal-korriment ta’ kelb tal-assistenza rikonoxxut, it-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni għandu jkun responsabbli għall-ħlas ta’ somma li ma taqbiżx is-somma ddikjarata mill-passiġġier; sakemm ma jurix li s-somma ddikjarata hija akbar mill-interess proprju tal-persuna fit-twassil fid-destinazzjoni.

4.   Fejn japplika l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7, 8 u l-Anness I, ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, it-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni għandhom jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha malajr biex jipprovdu sostituzzjonijiet temporanji meħtieġa minnufih għal tagħmir ta’ mobbiltà li għadda miċ-check-in u soluzzjonijiet temporanji minflok klieb tal-assistenza rikonoxxuti. Il-persuna b’diżabbiltà jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa għandha titħalla żżomm dik is-sostituzzjoni temporanja mingħajr ħlas sakemm il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 3 ikun tħallas jew sakemm it-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni jkunu kkumpensaw lill-persuni ġuridiċi jew fiżiċi għall-kostijiet tas-sostituzzjoni temporanja meħtieġa tat-tagħmir ta’ mobbiltà jew ta’ kelb tal-assistenza rikonoxxut.

5.   Il-konformità mal-paragrafu 4 ma għandhiex tikkostitwixxi rikonoxximent tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru tal-Unjoni.

Artikolu 6b

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, meta jbigħu trasport bl-ajru lejn, minn jew fl-Unjoni, it-trasportaturi bl-ajru u l-intermedjarji kollha għandhom jindikaw b’mod ċar f’format aċċessibbli fil-ħin tal-prenotazzjoni, kif ukoll fuq l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom u fuq is-sit web tagħhom, u barra minn hekk, fil-każ tat-trasportaturi bl-ajru, jagħmlu disponibbli fuq talba fl-ajruport (inkluż il-magni taċ-check-in fejn wieħed jinqeda waħdu):

—

il-kwota massima tal-bagalji f’termini ta’ qisien u piż li l-passiġġieri jitħallew iġorru fil-kabina, u fl-istiva tal-inġenju tal-ajru, li tikkorrispondi għan-noll tal-biljett skont il-klassi ta’ trasport għal kull titjira inkluża fil-prenotazzjoni ta’ passiġġier;

—

kwalunkwe restrizzjoni fuq l-għadd ta’ oġġetti li tiġi applikata fi ħdan kwota massima partikolari tal-bagalji;

—

il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jinġarru oġġetti fraġli jew ta’ valur, bħal strumenti mużikali, tagħmir tal-isport, pushchairs tat-tfal u siġġijiet tat-trabi fil-kabina tal-passiġġieri jew fl-istiva tal-inġenju tal-ajru;

—

kwalunkwe imposti addizzjonali potenzjali applikati għall-ġarr ta’ bagalji li għaddew jew li ma għaddewx miċ-check-in, inkluż strumenti mużikali msemmija fl-Artikolu 6c;

—

ir-raġunijiet speċifiċi li jistgħu jipprekludu l-ġarr fil-kabina ta’ bagalji li ma jgħaddux miċ-check-in.

Artikolu 6c

1.   Trasportatur bl-ajru tal-Unjoni għandu jħalli passiġġier iġorr strument mużikali fil-kabina tal-passiġġieri ta’ inġenju tal-ajru soġġett għar-regoli ta’ sigurtà u sikurezza applikabbli u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-restrizzjonijiet tal-inġenju tal-ajru kkonċernat. L-istrumenti mużikali għandhom jiġu aċċettati għat-trasport fil-kabina tal-inġenju tal-ajru dment li dawk l-istrumenti jistgħu jiġu stivati b’mod sigur f’kompartiment xieraq tal-bagalji fil-kabina jew taħt sit tal-passiġġieri adatt. L-istrumenti mużikali għandhom jifformaw parti mill-kwota permessa tal-bagalji li ma jgħaddux miċ-check-in ta’ passiġġier. It-trasportatur bl-ajru jista’ jagħti lill-passiġġieri l-possibbiltà li jġorru bagalja tal-idejn oħra minbarra dik il-kwota, soġġett għal imposti addizzjonali possibbli.

2.   Soġġett għar-regoli ta’ sigurtà u sikurezza applikabbli, meta strument mużikali jkun kbir wisq biex jiġi stivat b’mod sikur f’kompartiment xieraq tal-bagalji fil-kabina jew taħt sit tal-passiġġieri adatt, it-trasportatur bl-ajru jista’ jitlob il-ħlas ta’ noll addizzjonali meta t-tali strumenti mużikali jinġarru bħala bagalji li ma jgħaddux miċ-check-in fuq sit ieħor. Tali noll sekondarju ma għandux ikun soġġett għall-ħlas ta’ taxxi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-punti (b), (c) u (d), tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Il-passiġġier u l-istrument mużikali għandhom ikunu bilqiegħda fuq sitijiet ħdejn xulxin, bl-istrument mużikali mqiegħed fuq sit ħdejn it-tieqa. Meta disponibbli u jekk jintalab hekk, l-istrumenti mużikali għandhom jinġarru f’parti msaħħna tal-istiva tal-inġenju tal-ajru soġġett għar-regoli ta’ sigurtà applikabbli, ir-restrizzjonijiet tal-ispazju u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-inġenju tal-ajru kkonċernat.

Artikolu 6d

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*14).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*14)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).”;"

(7)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-23 ta’ Ottubru 2031 dwar l-operat u r-riżultati ta’ dan ir-Regolament.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, meta jkun meħtieġ, minn proposta leġiżlattiva.”

;

(8)

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-23 ta’ Ottubru 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strażburgu, is-16 ta’ Settembru 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)   ĠU C 327, 12.11.2013, p. 115.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2014 (ĠU C 93, 24.3.2017, p. 336) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tad-29 ta’ Settembru 2025 (ĠU C, C/2025/5782, 30.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5782/oj). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2026 (ĠU C, C/2026/3701, 5.8.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3701/oj). Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2026 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2026.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/261/oj).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU L 285, 17.10.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/2027/oj).

(5)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines - Direktion für Deutschland vs Diether Schenkel, Kawża C-173/07, ECLI:EU:C:2008:400.

(6)  Is-sentenza tal-Qorti (It-Tmien Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018, Claudia Wegener vs Royal Air Maroc SA, il-Kawża C-537/17, ECLI:EU:C:2018:361.

(7)  Is-sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2012, Finnair Oyj vs Timy Lassooy, Kawża C-22/11, ECLI:EU:C:2012:604.

(8)  Is-sentenza tal-Qorti (Ir-Raba’ Awla) tad-19 ta’ Novembru 2009, Christopher Sturgeon, Gabriel Sturgeon u Alana Sturgeon vs Condor Flugdienst GmbH (C-402/07), u Stefan Böck u Cornelia Lepuschitz vs Air France SA (C-432/07), Kawżi Magħquda C-402/07 u C-432/07, ECLI:EU:C:2009:716.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation) (ĠU L, 2023/2405, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2405/oj).

(10)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), tas-26 ta’ Frar 2013, Air France vs Heinz-Gerke Folkerts u Luz-Tereza Folkerts, Kawża C-11/11, ECLI:EU:C:2013:106.

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1107/oj).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2302/oj).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ trasportaturi tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tat-trasportatur tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2111/oj).

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1993/13/oj).

(15)   ĠU L 23, 27.1.2010, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/48(1)/oj.

(16)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1008/oj).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/785/oj).

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).


ANNESS I

“ANNESS

Lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkostanzi meqjusin bħala ċirkostanzi straordinarji

Iċ-ċirkostanzi li ġejjin għandhom jitqiesu bħala straordinarji:

1.

ċirkostanzi mhux marbutin mal-operazzjoni tal-inġenju tal-ajru:

(a)

diżastri naturali li jkunu inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira;

(b)

diżastri ambjentali li ma joriġinawx mit-trasportatur tal-ajru li jopera u li jkunu inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira;

(c)

kundizzjonijiet meteoroloġiċi jew ħsara lill-inġenju tal-ajru marbuta ma’ avvenimenti meteoroloġiċi li jkunu inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira;

(d)

gwerra jew irvell li ikunu inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira;

(e)

theddid transfruntier serju għas-saħħa li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) jew (4) tar-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) li jkun inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira;

2.

inċidenti relatati ma’ passiġġier:

(a)

inċidenti li jinvolvu passiġġieri indixxiplinati skont it-tifsira tal-Protokoll ta’ Montreal tal-2014 li jkunu inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira, li jkunu jeħtieġu l-interruzzjoni jew id-devjazzjoni tat-titjira, jew li jittardjaw it-tluq tat-titjira, sakemm it-trasportatur tal-ajru li jopera ma jkunx ikkawża l-okkorrenza ta’ dik l-imġiba;

(b)

riskji għas-saħħa jew emerġenzi mediċi li jiġu skoperti ftit mumenti qabel it-tluq tat-titjira, jew li jirrikjedu l-interruzzjoni jew id-devjazzjoni tat-titjira;

3.

inċidenti oħra:

(a)

ħsara kkawżata minn atti ta’ sabotaġġ jew terroriżmu, li tkun inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira;

(b)

riskji għas-sigurtà jew ħsara kkawżata minn atti illegali oħra, li jkunu inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira, dment li s-sitwazzjoni tkun barra mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru li jopera;

(c)

difetti moħbija tal-manifattura jew tad-disinn żvelati mill-manifattur jew minn awtorità kompetenti, li jkun inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira;

(d)

restrizzjonijiet marbutin mal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jew mal-kapaċità tal-ajruport, jew l-għeluq tal-ispazju tal-ajru, inkluż l-għeluq tar-runway mill-awtoritajiet, dment li l-avveniment jirriżulta minn deċiżjoni li kienet lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru li jopera;

(e)

l-għeluq parzjali jew sħiħ mhux skedat ta’ ajruport, inkluż nuqqas ta’ funzjonament ġenerali fis-sistema tal-ajruport, qtugħ tad-dawl, kollass tal-komunikazzjoni elettronika, jew l-attivazzjoni tal-pjan ta’ kontinġenza mill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport inkompatibbli mal-operazzjoni skedata u sikura tat-titjira;

(f)

ħsara ġeneralizzata fis-sistema ta’ riforniment dment li s-sitwazzjoni ma tkunx intrinsikament marbuta mal-operazzjoni tal-inġenju tal-ajru u li tkun lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru li jopera;

(g)

strajkijiet għand fornituri ta’ servizzi essenzjali bħal korp ta’ tmexxija ta’ ajruport, fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, jew fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling li t-trasportaturi tal-ajru ma jagħżlux b’mod effettiv skont it-tifsira tad-Direttiva 96/67/KE, dment li dawk l-istrajkijiet ikunu lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru li jopera jew tal-grupp ta’ kumpaniji li għalih jappartjeni dak it-trasportatur tal-ajru;

(h)

strajkijiet għand it-trasportatur tal-ajru li jopera, dment li dawk l-istrajkijiet joriġinaw minn talbiet li l-awtoritajiet pubbliċi biss jistgħu jissodisfaw u li għalhekk huma lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru li jopera jew tal-grupp ta’ kumpaniji li għalih jappartjeni dak it-trasportatur tal-ajru;

(i)

ħsara lill-inġenju tal-ajru fuq l-art jew fl-ajru, ikkawżata minn partijiet terzi li t-trasportatur tal-ajru ma jkunx responsabbli għalihom, minn annimali jew oġġetti barranin u li tkun inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira;

(j)

runway ikkontaminata ta’ ajruport li tkun inkompatibbli mal-operazzjoni sikura tat-titjira, dment li l-kontaminazzjoni ma tkunx toriġina mit-trasportatur tal-ajru;

(k)

wara t-tluq, riskji għas-saħħa jew emerġenzi mediċi ta’ membru tal-ekwipaġġ li jirrikjedu l-interruzzjoni jew id-devjazzjoni tat-titjira;

(l)

nuqqasijiet operazzjonali ta’ fornituri ta’ servizzi essenzjali tal-ajruport, bħal korp ta’ tmexxija ta’ ajruport, fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, u fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling li t-trasportaturi tal-ajru ma jagħżlux b’mod effettiv skont it-tifsira tad-Direttiva 96/67/KE, dment li t-trasportatur tal-ajru li jopera ma setax jeżerċita kontroll effettiv fuq dawk il-fornituri ta’ servizzi essenzjali.


(*1)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2371/oj).”


ANNESS II

“ANNESS

Avviż ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6

AVVIŻ TA’ INFORMAZZJONI DWAR IR-RESPONSABBILTÀ TAT-TRASPORTATUR BL-AJRU GĦALL-PASSIĠĠIERI U L-BAGALJI TAGĦHOM

Dan l-avviż ta’ informazzjoni jiġbor fil-qosor ir-regoli dwar ir-responsabbiltà applikati mit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kif meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni ta’ Montreal.

KUMPENS FIL-KAŻ TA’ MEWT JEW TA’ KORRIMENT

Ma hemm l-ebda limiti finanzjarji għar-responsabbiltà għall-korriment jew il-mewt ta’ passiġġier ikkawżata minn inċident abbord l-inġenju tal-ajru jew matul l-operazzjonijiet ta’ imbarkazzjoni jew żbark.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal dwar l-eżonerazzjoni tat-trasportatur bl-ajru, għal danni sal-limitu f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal kif aġġornata mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (1), it-trasportatur tal-ajru ma jistax jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tiegħu. Jekk jinqabeż dak l-ammont, it-trasportatur tal-ajru ma jkunx responsabbli jekk huwa jagħti prova li:

—

il-ħsara ma tkunx ġiet ikkawżata min-negliġenza jew attività illeċita jew ommissjoni oħra tat-trasportatur bl-ajru jew tal-ħaddiema jew l-aġenti tiegħu, jew

—

il-ħsara tkun ġiet ikkawżata biss min-negliġenza jew attività illeċita jew ommissjoni oħra ta’ parti terza.

ĦLASIJIET BIL-QUDDIEM

Jekk passiġġier imut jew ikorri, it-trasportatur bl-ajru għandu jagħmel ħlas bil-quddiem, biex ikopri l-ħtiġijiet ekonomiċi immedjati, fi żmien 15-il jum minn meta tiġi identifikata l-persuna intitolata għall-kumpens. F’każ ta’ mewt, dan il-ħlas bil-quddiem ma għandux ikun inqas minn 16 % tal-limitu stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal kif aġġornata mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (2).

DEWMIEN IKKAWŻAT LILL-PASSIĠĠIERI

Fil-każ ta’ ttardjar ta’ passiġġier, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri kollha raġonevoli biex jevita l-ħsara jew sakemm ma kienx impossibbli li jittieħdu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għall-ittardjar ta’ passiġġier hija limitata għal-limitu stabbilit fl-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal kif aġġornata mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (3).

DEWMIEN TAL-BAGALJI

Fil-każ ta’ dewmien tal-bagalji, it-trasportatur tal-ajru huwa responsabbli għal ħsara sal-limitu stabbilit fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal kif aġġornata mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (4), fejn il-limitu tal-kumpens ikun applikabbli għal kull passiġġier u mhux għal kull bagalja li tkun għaddiet miċ-check-in. It-trasportatur bl-ajru ma għandux ikun responsabbli meta jkun ħa l-miżuri raġonevoli kollha biex jevita l-ħsara li tirriżulta minn tali dewmien jew meta kien impossibbli li jieħu t-tali miżuri.

QERDA, TELF JEW ĦSARA TAL-BAGALJI

It-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għal ħsara sal-limitu stabbilit fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal kif aġġornata mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (5), fejn il-limitu tal-kumpens ikun applikabbli għal kull passiġġier u mhux għal kull bagalja.

Fil-każ ta’ ħsara jew telf ta’ bagalji li jkunu għaddew miċ-check-in, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli sakemm il-ħsara ma tkunx ġiet ikkawżata minn difett, kwalità jew problema inerenti tal-bagalji.

Fil-każ ta’ bagalji li ma jkunux għaddew miċ-check-in (bagalji tal-idejn), inklużi oġġetti personali, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli biss jekk il-ħsara li tirriżulta tkun it-tort tiegħu jew tal-ħaddiema jew l-aġenti tiegħu.

LIMITI OGĦLA GĦALL-BAGALJI

Passiġġier jista’ jibbenefika minn limitu ogħla ta’ responsabbiltà billi jagħmel dikjarazzjoni speċjali ta’ interess ’l aktar tard, maċ-check-in, u billi jħallas tariffa supplimentari jekk ikun hemm bżonn. Dik it-tariffa supplimentari għandha tkun ibbażata fuq tariffa li tkun relatata mal-kostijiet addizzjonali involuti fit-trasport u l-assigurazzjoni tal-bagalji kkonċernati ’l fuq mil-limitu ta’ responsabbiltà tal-limitu stabbilit fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal kif aġġornata mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (6). It-tariffa għandha tkun disponibbli għall-passiġġieri fuq talba.

Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom sistematikament joffrulhom fil-ħin tal-prenotazzjoni, fl-istess ħin tan-notifika skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006, u mhux aktar tard minn meta t-tagħmir ta’ mobbiltà jingħata lit-trasportatur tal-ajru u, fil-każ ta’ kelb tal-assistenza rikonoxxut, mal-imbarkazzjoni, il-passiġġieri b’diżabbiltà u l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu offruti b’mod sistematiku l-għażla li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali ta’ interess, f’format aċċessibbli, għat-trasport, mingħajr kost addizzjonali, tat-tagħmir ta’ mobbiltà tagħhom jew tal-kelb tal-assistenza rikonoxxut tagħhom.

EŻONERAZZJONI

Jekk it-trasportatur bl-ajru jagħti prova li kwalunkwe ħsara koperta bir-regoli dwar ir-responsabbiltà applikati mit-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 2027/97 u l-Konvenzjoni ta’ Montreal, inkluż mewt jew korriment, kienet ikkawżata jew ikkontribwita min-negliġenza jew attività illeċita jew ommissjoni oħra tal-persuna li tkun qed tippretendi kumpens, jew il-persuna li mingħandha tieħu d-drittijiet tagħha, it-trasportatur bl-ajru għandu jkun eżonerat kompletament jew parzjalment mir-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tal-pretendent sa fejn tali negliġenza jew attività illeċita jew ommissjoni tkun ikkawżat jew ikkontribwiet għall-ħsara.

SKADENZA GĦALL-ILMENTI RIGWARD IL-BAGALJI

F’każ ta’ ħsara, dewmien, telf jew qerda tal-bagalji, jeħtieġ li l-passiġġier fil-każijiet kollha jressaq ilment quddiem it-trasportatur bl-ajru malajr kemm jista’ jkun. Jeħtieġ li l-passiġġier iressaq ilment fi żmien sebat ijiem fil-każ ta’ ħsara lil bagalji li jkunu għaddew miċ-check-in, u fi żmien 21 jum fil-każ li l-bagalji jdumu ma jaslu, fiż-żewġ każijiet mid-data li fiha l-bagalji jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-passiġġier. Għal dak l-għan, il-passiġġieri jistgħu jsibu formola ddedikata fiż-żona tal-konsenja tal-bagalji fl-ajruporti kollha tal-Unjoni bi traffiku ta’ passiġġieri kummerċjali, kif ukoll fuq is-siti web u fuq l-applikazzjonijiet online tat-trasportaturi bl-ajru li tista’ tiġi ppreżentata bil-miktub jew online. Tali formola ta’ lment jeħtieġ li tiġi aċċettata mit-trasportatur bl-ajru fl-ajruport bħala lment. Id-data tal-preżentazzjoni ta’ tali lment għandha titqies mit-trasportatur bl-ajru bħala d-data li fiha jitressaq l-ilment skont l-Artikolu 31(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, anke jekk it-trasportatur tal-ajru jitlob aktar informazzjoni aktar ’il quddiem.

RESPONSABBILTÀ TAT-TRASPORTATURI BL-AJRU KONTRAENTI U EFFETTIVI

Jekk it-trasportatur bl-ajru li effettivament jagħmel it-titjira ma jkunx l-istess bħat-trasportatur bl-ajru kontraenti, il-passiġġier għandu d-dritt li jindirizza lment jew jagħmel talba għal indennizz kontra wieħed mit-trasportaturi bl-ajru. Dan jinkludi każijiet fejn ikun sar qbil dwar dikjarazzjoni speċjali ta’ interess ma’ kwalunkwe wieħed miż-żewġ trasportaturi bl-ajru.

SKADENZA GĦAL RIKORS

Kull rikors fil-qorti biex issir talba għal indennizz jeħtieġ li jsir fi żmien sentejn mid-data li fiha jkun wasal l-inġenju tal-ajru, jew mid-data li fiha l-inġenju tal-ajru suppost ikun wasal.

QERDA, TELF, ĦSARA JEW DEWMIEN TA’ TAGĦMIR TA’ MOBBILTÀ

It-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għall-qerda, it-telf, il-ħsara jew id-dewmien ta’ tagħmir ta’ mobbiltà sal-limitu stabbilit fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (7) skont l-Artikolu 24(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal fejn il-limitu tal-kumpens ikun applikabbli għal kull passiġġier u mhux għal kull bagalja.

Passiġġier jista’ jibbenefika, mingħajr ebda kost addizzjonali, minn limitu ogħla ta’ responsabbiltà billi jagħmel dikjarazzjoni speċjali ta’ interess li fiha jispeċifika l-kost tas-sostituzzjoni tat-tagħmir ta’ mobbiltà tiegħu, mhux aktar tard miċ-check-in.

Fil-każ ta’ qerda, telf, ħsara jew dewmien ta’ tagħmir ta’ mobbiltà, it-trasportatur bl-ajru għandu jħallas kumpens li ma jaqbiżx is-somma ddikjarata fid-dikjarazzjoni speċjali ta’ interess.

Qabel iħallas dan il-kumpens, it-trasportatur bl-ajru għandu jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex jipprovdi immedjatament sostituzzjonijiet temporanji meħtieġa għat-tagħmir ta’ mobbiltà lil hinn minn meta jintemm il-vjaġġ tal-passiġġieri kkonċernati.

BAŻI GĦALL-INFORMAZZJONI

Il-bażi għar-regoli deskritti hawn fuq hija l-Konvenzjoni ta’ Montreal tat-28 ta’ Mejju 1999, li hija implimentata fl-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 (kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 u bir-Regolament (UE) 2026/2202) u fl-Istati Membri permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.”


(1)  It-trasportatur tal-ajru għandu jindika fil-parentesi l-ammont approssimattiv ta’ dak il-limitu fil-munita lokali.

(2)  It-trasportatur tal-ajru għandu jindika fil-parentesi l-ammont approssimattiv tal-ħlasijiet bil-quddiem fil-munita lokali.

(3)  It-trasportatur tal-ajru għandu jindika fil-parentesi l-ammont approssimattiv ta’ dak il-limitu fil-munita lokali.

(4)  It-trasportatur tal-ajru għandu jindika fil-parentesi l-ammont approssimattiv ta’ dak il-limitu fil-munita lokali.

(5)  It-trasportatur tal-ajru għandu jindika fil-parentesi l-ammont approssimattiv ta’ dak il-limitu fil-munita lokali.

(6)  It-trasportatur tal-ajru għandu jindika fil-parentesi l-ammont approssimattiv ta’ dak il-limitu fil-munita lokali.

(7)  It-trasportatur tal-ajru għandu jindika fil-parentesi l-ammont approssimattiv ta’ dak il-limitu fil-munita lokali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2202/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)