|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1561 |
17.7.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1561
tad-29 ta’ Ġunju 2026
dwar l-istabbiliment tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dak il-programm, il-linji gwida finanzjarji pluriennali għall-immaniġġar tal-assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2003/77/KE u 2008/376/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Għall-finijiet tal-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1545 (2), il-Kummissjoni għandha timmaniġġa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) f’likwidazzjoni u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (flimkien imsejħa l-“assi”). |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni 2008/376/KE (3) adottat il-Programm tar-Riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (il-“Programm tar-Riċerka”). Jenħtieġ li l-Programm ta’ Riċerka jikkontribwixxi għal aktar investiment pubbliku u privat fir-riċerka u fl-innovazzjoni fl-Istati Membri, u b’hekk jgħin biex tintlaħaq mira ta’ investiment ġenerali ta’ mill-inqas 3 % tal-prodott domestiku gross tal-Unjoni fir-riċerka u l-iżvilupp. |
|
(3) |
Għal dak il-għan, u f’konformità mal-objettivi tal-Programm ta’ Riċerka, jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet ta’ politika li qed jevolvu u l-prijoritajiet tal-Unjoni kif identifikati fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni “Boxxla għall-Kompetittività għall-UE”, “il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni”, “il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Azzar u l-Metalli” u “l-Patt Ekoloġiku Ewropew”. |
|
(4) |
Sabiex titrawwem tranżizzjoni ġusta, jenħtieġ li l-Programm ta’ Riċerka jikkontribwixxi għar-rivitalizzazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali tar-reġjuni tal-faħam u tal-azzar affettwati b’mod partikolari mit-tranżizzjoni tas-setturi tal-faħam u tal-azzar. |
|
(5) |
Jeħtieġ li fi tmien snin jiġu impenjati t-totalità tal-assi disponibbli biex jittejbu l-attraenza u l-impatt tal-Programm ta’ Riċerka, jiġi ingranat u aċċellerat l-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni, tingħata spinta lill-kompetittività u tiġi aċċellerata t-trasformazzjoni industrijali tas-setturi tal-azzar u tal-faħam lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u d-dekarbonizzazzjoni f’kuntest ġeopolitiku u ekonomiku diffiċli. |
|
(6) |
F’ambjent ekonomiku u finanzjarju li qiegħed jinbidel, l-esperjenza reċenti wriet li hemm bżonn ta’ aktar flessibbiltà u qafas finanzjarju u tekniku aktar attraenti biex jiġi implimentat l-Programm ta’ Riċerka. Jenħtieġ li l-linji gwida tekniċi pluriennali (“linji gwida tekniċi”) għall-Programm ta’ Riċerka jiffaċilitaw approċċ aktar flessibbli fl-implimentazzjoni tiegħu u għalhekk jenħtieġ li jkomplu jissimplifikaw l-aċċess għall-finanzjament skont dak il-programm u jimmassimizzaw l-effettività u l-impatt ta’ dak il-finanzjament. |
|
(7) |
Is-sostituzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/376/KE hija neċessarja biex jiġi ssimplifikat ix-xenarju tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari billi l-Programm ta’ Riċerka jiġi allinjat mal-istrumenti użati fil-qafas tal-Programm Qafas Orizzont Ewropa tal-Unjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027), stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u dawk li ser jintużaw taħt is-suċċessur ta’ dak il-Programm Qafas. Hemm bżonn allinjament, fost l-oħrajn, fir-rigward tar-rati ta’ finanzjament bejn il-programmi, li ser jippermetti komplementarjetajiet bejn diversi programmi fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar, li ser jipprovdi lill-applikanti perkors bla xkiel bejn il-programmi, meta rilevanti. Il-bidliet fl-immaniġġar korporattiv tal-għodod ta’ finanzjament kif ukoll il-“ġabra ta’ regoli unika” introdotta bir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) irriżultaw fil-ħtieġa li l-linji gwida tekniċi jiġu allinjati għall-Programm ta’ Riċerka. Dawk il-bidliet, flimkien mal-bidliet fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Riċerka biex jikseb l-objettivi ta’ investiment tiegħu, ikomplu jsaħħu l-ħtieġa li tiġi ssostitwita d-Deċiżjoni 2008/376/KE. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-Programm ta’ Riċerka jiffinanzja l-azzjonijiet abbażi ta’ sejħiet miftuħa. Jenħtieġ li l-azzjonijiet primarjament jieħdu l-forma ta’ proġetti ta’ riċerka li jkopru l-firxa sħiħa tal-Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika, minn baxxi sa għoljin, li jippermettu parteċipazzjoni akbar tal-industrija, inkluż intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u entitajiet pubbliċi u akkademiċi. |
|
(9) |
Sabiex jiġi kopert ir-riskju għall-Kummissjoni u benefiċjarji oħra assoċjati man-nuqqas ta’ rkupru tas-somom dovuti mill-benefiċjarji, u biex jitnaqqas il-piż fuq l-applikanti biex jipprovdu garanziji bankarji, jixraq li jiġi estiż l-użu tal-mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni mutwa stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/695 għall-Programm ta’ Riċerka. |
|
(10) |
Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ipprevediet l-istabbiliment ta’ ċentru tal-innovazzjoni għat-trasformazzjoni u l-emissjonijiet industrijali (“iċ-ċentru tal-innovazzjoni”). Billi jiġbor u janalizza informazzjoni dwar tekniki innovattivi, iċ-ċentru tal-innovazzjoni jikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għall-minimizzazzjoni tat-tniġġis, għad-dekarbonizzazzjoni, għall-effiċjenza fir-riżorsi u għall-ekonomija ċirkolari li tuża inqas sustanzi kimiċi jew sustanzi kimiċi aktar sikuri rilevanti għall-attivitajiet koperti minn dik id-Direttiva. Sabiex jiġi mmonitorjat il-progress teknoloġiku u jiġu vvalutati l-benefiċċji ambjentali u l-kompromessi għat-trasformazzjoni industrijali fl-Unjoni, jenħtieġ li r-rapporti perjodiċi tal-proġetti ta’ riċerka skont il-Programm ta’ Riċerka jiġu kondiviżi maċ-ċentru ta’ innovazzjoni, għall-finijiet ta’ informazzjoni. |
|
(11) |
Biex jiġi żgurat li l-assi disponibbli kollha jiġu impenjati fi żmien tmien snin, jenħtieġ li jiġu aġġornati l-objettivi ta’ investiment tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar tal-assi. Jenħtieġ li l-assi jiġu investiti bl-objettiv li jiġi ppreżervat u, fejn possibbli, imtejjeb il-valur tagħhom sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta’ likwidità li jirriżultaw mis-sejħiet għal finanzjament. Jenħtieġ li l-aspetti l-oħra tal-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar tal-assi jiġu aġġustati sabiex jiġu allinjati mal-objettivi ta’ investiment aġġornat. |
|
(12) |
Jenħtieġ li l-linji gwida finanzjarji pluriennali (il-“linji gwida finanzjarji”) jippermettu approċċ flessibbli fir-rigward tal-aspetti tekniċi tal-implimentazzjoni u jenħtieġ li jispeċifikaw l-istrumenti ta’ investiment xierqa biex jinkisbu l-objettivi ta’ investiment. Ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-mod kif jitwettqu l-investimenti, jiġifieri dawk relatati mal-prinċipji tal-allokazzjoni tal-assi, mal-investimenti eliġibbli u ma’ kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza, huma ta’ natura teknika. Għal portafolli oħra mmaniġġati mill-Kummissjoni, fil-prinċipju dawn jiġu determinati f’konformità mar-regoli għad-delega ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni tal-baġit imsemmija fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tiddeċiedi li twessa’ l-ambitu tal-investimenti eliġibbli biex jiġu inklużi klassijiet ta’ assi u operazzjonijiet ta’ investiment oħra konsistenti mal-istrateġija u mal-objettivi ta’ investiment, kif ukoll muniti ta’ ekonomiji avvanzati oħra, kif elenkati mill-Fond Monetarju Internazzjonali u soġġett għall-iħħeġġjar tar-riskju tal-munita, f’konformità ma’ dawk ir-regoli. Barra minn hekk, biex il-linji gwida finanzjarji applikabbli għall-investimenti ambjentali, soċjali u ta’ governanza jiġu allinjati mar-regoli applikabbli għall-portafolli l-oħra li timmaniġġa, jenħtieġ li l-Kummissjoni titħalla wkoll tistabbilixxi linji gwida finanzjarji dettaljati. |
|
(13) |
Biex tiġi żgurata t-trasparenza finanzjarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu pprovduti b’rapport annwali li jkun fih informazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar tal-assi mwettqa skont il-linji gwida finanzjarji, inkluż informazzjoni dwar l-allokazzjoni tal-assi għall-klassijiet differenti tal-assi, u spjegazzjoni ta’ kwalunkwe bidla kbira fl-allokazzjoni strateġika tal-assi. |
|
(14) |
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 japplika għall-Programm ta’ Riċerka. |
|
(15) |
Sabiex jiġu akkomodati l-metodi speċifiċi differenti tal-parteċipanti, b’mod partikolari fl-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li kontribuzzjonijiet in natura minn partijiet terzi jiġu dikjarati bħala kostijiet eliġibbli, b’deroga mill-Artikolu 193 (2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Sabiex tiġi inċentivata l-valorizzazzjoni tar-riżultati, jenħtieġ li d-dħul iġġenerat minn tali valorizzazzjoni ma jitqiesx bħala dħul tal-azzjoni, b’deroga mill-Artikolu 195(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. |
|
(16) |
F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509,ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolamenti tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 (8), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9) u (UE) 2017/1939 (10), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, il-kxif, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 883/2013 u (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) huwa kompetenti biex jinvestiga u jieħu l-passi legali kontra frodi u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi l-fondi tal-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess lill-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, kif xieraq, l-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. |
|
(17) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament għall-proġetti ta’ riċerka. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). |
|
(18) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE (13) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE jiġu sostitwiti. |
|
(19) |
Jixraq li, għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, il-linji gwida tekniċi u finanzjarji jingħaqdu. |
|
(20) |
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-Programm ta’ Riċerka tal-2026, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2008/376/KE tkompli tapplika għall-finanzjament ta’ azzjonijiet li jirriżultaw minn proposti ppreżentati għal sejħiet ippubblikati sal-31 ta’ Diċembru 2026. |
|
(21) |
Għal raġunijiet ta’ ċarezza dwar ir-regoli applikabbli għall-azzjonijiet, jixraq li l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tiġi differita għall-1 ta’ Jannar 2027, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (il-“Programm ta’ Riċerka”) u tistabbilixxi l-objettivi ta’ dak il-programm u l-baġit tiegħu u l-linji gwida tekniċi pluriennali (il-“linji gwida tekniċi”) tiegħu u l-linji gwida finanzjarji pluriennali (il-“linji gwida finanzjarji”) għall-immaniġġar tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) f’likwidazzjoni u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (flimkien imsejħa “l-assi”).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“faħam” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
|
|
(2) |
“entità legali” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
|
(3) |
“riżultat ta’ azzjoni” tfisser kwalunkwe eżitu tanġibbli jew intanġibbli ta’ azzjoni speċifika, bħal data, għarfien jew għarfien prattiku, indipendenti mill-forma jew min-natura tiegħu, u minn jekk jistax jiġi protett, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut miegħu, inkluż id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; |
|
(4) |
“azzar” tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
|
|
(5) |
“valorizzazzjoni” tfisser l-użu tar-riżultati ta’ azzjoni fl-attivitajiet għajr dawk koperti mill-azzjoni kkonċernata, inkluż il-varar. |
Artikolu 3
Objettivi tal-programm
1. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jappoġġa l-kompetittività tas-setturi marbuti mal-industrija tal-faħam u tal-azzar billi jipprovdi appoġġ għal riċerka kollaborattiva b’orjentament iffukat fuq l-industrija f’dawk is-setturi, inkluż dwar applikazzjonijiet b’użu doppju.
2. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jipprovdi appoġġ għal teknoloġiji trasformattiva tal-azzar nadif, li jikkontribwixxu għall-objettivi tan-newtralità klimatika fl-Unjoni u li jsaħħu l-awtonomija strateġika tal-Unjoni tul il-katina tal-valur tal-azzar. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jipprovdi wkoll appoġġ għal proġetti ta’ riċerka għall-immaniġġar tat-tranżizzjoni ġusta ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw fil-passat jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u għall-infrastruttura relatata u r-reġjuni li jinsabu fihom, b’mod partikolari dawk li qegħdin jiffaċċjaw sfidi soċjali, ekonomiċi jew ambjentali sinifikanti li jirriżultaw mit-tranżizzjoni tas-setturi tal-faħam u tal-azzar.
3. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jippromwovi l-valorizzazzjoni u l-innovazzjoni, inkluż l-ittestjar u l-pilotaġġ ta’ metodi ġodda, biex tittejjeb ir-rilevanza għas-suq tal-eżiti tar-riċerka u jiżdied il-potenzjal tagħhom għal varar skalabbli. Din għandha tippromwovi wkoll soluzzjonijiet li jkunu kummerċjalment vijabbli u industrijalment skalabbli.
4. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jkun konsistenti mal-objettivi politiċi, xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni, u għandu jikkomplementa l-attivitajiet imwettqa fl-Istati Membri.
5. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jappoġġa sinerġiji ma’ programmi u strumenti ta’ finanzjament rilevanti oħra bil-għan li jiġi aċċellerat l-iżvilupp teknoloġiku għall-istatus tal-varar.
6. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jappoġġa proġetti ta’ riċerka mmirati lejn l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 għall-faħam u fl-Artikolu 5 għall-azzar.
Artikolu 4
Objettivi tar-riċerka għall-faħam
1. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jimmiraw li jaċċelleraw it-tranżizzjoni, sal-2050, lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima, bl-objettivi li jiġu appoġġati l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili, speċjalment tal-faħam, u li tiġi appoġġata r-rivitalizzazzjoni soċjali, ekonomika u ekoloġika tar-reġjuni tal-faħam, filwaqt li jiġu żviluppati attivitajiet alternattivi fuq siti li qabel kienu minjieri u tiġi evitata jew indirizzata l-ħsara ambjentali mill-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, mill-minjieri tal-faħam li kienu joperaw fil-passat u mir-reġjuni li fihom kienu jinsabu l-minjieri tal-faħam.
2. Għandha tingħata attenzjoni speċjali li tissaħħaħ it-tmexxija tal-Unjoni fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni, inkluż l-adattament, tal-minjieri tal-faħam li kienu joperaw fil-passat u tal-infrastruttura marbuta mal-faħam permezz ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi u mhux teknoloġiċi, filwaqt li jiġi appoġġat it-trasferiment teknoloġiku u mhux teknoloġiku. L-attivitajiet ta’ riċerka b’dawk l-objettivi għandhom jippreżentaw benefiċċji tanġibbli għall-klima u għall-ambjent f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050.
3. Fil-proġetti ta’ riċerka għandhom jitqiesu kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza fil-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u fil-minjieri tal-faħam li kienu joperaw fil-passat bil-ħsieb li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, kif ukoll kwistjonijiet ambjentali li jagħmlu ħsara lis-saħħa.
4. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jippruvaw jeliminaw l-impatt tal-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u tal-minjieri li kienu joperaw fil-passat fuq il-klima, l-atmosfera, il-ilma u l-ħamrija.
5. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jikkunsidraw:
|
(a) |
teknoloġiji ġodda u mtejba biex jiġi evitat it-tniġġis ambjentali, bħat-tnixxija ta’ metan u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati u l-kontaminazzjoni tal-wiċċ tal-ilma ta’ taħt l-art, tal-minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq, minjieri li kienu joperaw fil-passat u l-madwar tagħhom, inkluż l-atmosfera, l-art, il-ħamrija u l-ilma; |
|
(b) |
soluzzjonijiet għall-ġestjoni u l-użu mill-ġdid tal-iskart mill-estrazzjoni, it-titjib taċ-ċirkolarità u r-restawr tal-ambjent; u |
|
(c) |
teknoloġiji għar-restawr u għall-protezzjoni tas-siti minn effetti fit-tul. |
Artikolu 5
Objettivi tar-riċerka għall-azzar
1. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jimmiraw li jiżviluppaw, juru u jtejbu produzzjoni tal-azzar u proċessi tal-irfinar, li jkunu sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-prodott, tiżdied il-produttività u jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi.
2. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ prodotti tal-azzar u ta’ swieq tal-azzar relatati li jkunu avvanzati, sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-utenti tal-azzar filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatti ambjentali, f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva 2003/87/KE (14), id-Direttiva 2010/75/UE u r-Regolament (UE) 2024/1781 (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
3. Fil-produzzjoni tal-azzar kif ukoll fl-użu tiegħu, il-proġetti ta’ riċerka għandhom jippermettu l-konservazzjoni tar-riżorsi, il-preżervazzjoni tal-ekosistemi, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u għandhom iqisu l-kwistjonijiet ta’ sikurezza.
4. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet adattati għall-evoluzzjoni tas-settur lejn proċessi ġodda b’emissjonijiet tal-karbonju żero netti, għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u għall-promozzjoni ta’ standards għoljin tas-saħħa u tas-sigurtà u ta’ għajxien sostenibbli.
5. Il-proġetti ta’ riċerka għandhom jaċċelleraw l-użu tat-teknoloġiji diġitali, inkluż l-intelliġenza artifiċjali u l-apprendiment awtomatiku, fil-produzzjoni u fl-użu tal-azzar.
Artikolu 6
Baġit
1. Il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Riċerka għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2034 għandu jikkonsisti minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
kwalunkwe ammont tal-allokazzjoni annwali li sar disponibbli għall-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar b’riżultat tal-kanċellazzjoni tal-impenji baġitarji; |
|
(b) |
kwalunkwe assi u profitt li jifdal iġġenerati mill-assi li jifdal; u |
|
(c) |
l-ammonti tal-allokazzjonijiet annwali preċedenti li għadhom ma ddaħħlux fil-baġit. |
2. Il-pakkett finanzjarju tal-Programm tar-Riċerka għandu jiġi impenjat fl-intier tiegħu permezz ta’ erba’ programmi ta’ ħidma li jkopru s-snin mill-2027 u 2028, l-2029 u 2030, l-2031 u 2032, u l-2033 u 2034. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jipprevedu sejħiet annwali għall-proposti f’konformità mal-Artikolu 10.
Artikolu 7
Eliġibbiltà
1. Kwalunkwe entità legali stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tieħu sehem fil-Programm ta’ Riċerka u tapplika għall-assistenza finanzjarja.
2. Kwalunkwe entità legali stabbilita f’pajjiż kandidat tista’ tieħu sehem fil-Programm ta’ Riċerka mingħajr ma tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja, sakemm ma jkunx previst mod ieħor skont il-Ftehimiet Ewropej rilevanti u l-Protokolli tagħhom, jew fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni rispettivi.
3. Kwalunkwe entità legali stabbilita f’pajjiż terz tista’ tieħu sehem fil-Programm ta’ Riċerka abbażi tal-proġetti individwali mingħajr ma tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja, dment li tali parteċipazzjoni tkun fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 8
Implimentazzjoni u kontribuzzjoni finanzjarja
1. Il-Programm ta’ Riċerka għandu jiġi implimentat f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, taħt ġestjoni diretta mill-Kummissjoni, permezz ta’ aġenziji eżekuttivi.
2. Il-finanzjament skont il-Programm ta’ Riċerka għandu jiġi pprovdut fil-forma ta’ għotjiet f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, ħlief għall-finanzjament ta’ azzjonijiet meħtieġa għall-ġestjoni tajba u effettiva tal-Programm ta’ Riċerka, bħall-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni, l-istudji, ir-raggruppament u n-networking tal-proġetti ta’ riċerka ffinanzjati.
Artikolu 9
Sigurtà għal proġetti ta’ riċerka b’użu doppju
1. Il-proġetti ta’ riċerka b’użu doppju mwettqa fil-qafas tal-Programm ta’ Riċerka għandhom jikkonformaw mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar is-sigurtà, inkluż regoli dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE kontra żvelar mhux awtorizzat, u għandhom jikkonformaw ma’ kwalunkwe liġi rilevanti oħra tal-Unjoni u nazzjonali.
2. Fejn ikun meħtieġ, il-proposti għandhom jinkludu awtovalutazzjoni tas-sigurtà li tidentifika kwalunkwe kwistjoni ta’ sigurtà u tiddeskrivi kif dawk il-kwistjonijiet ser jiġu indirizzati biex ikun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali rilevanti.
3. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha twettaq proċedura ta’ skrutinju tas-sigurtà għal proposti li jqajmu kwistjonijiet ta’ sigurtà. L-entitajiet legali li jieħdu sehem fi proġett ta’ riċerka b’użu doppju għandhom jiżguraw il-protezzjoni kontra l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE użata jew iġġenerata mill-azzjoni. Għandhom jipprovdu evidenza tal-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal jew tal-approvazzjoni tas-sigurtà tal-faċilità mill-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali rilevanti, qabel il-bidu tal-attivitajiet ikkonċernati.
4. Jekk esperti esterni indipendenti jkollhom jittrattaw informazzjoni klassifikata tal-UE, l-approvazzjoni ta’ sigurtà xierqa għandha tkun meħtieġa qabel jinħatru dawk l-esperti.
5. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ twettaq verifiki tas-sigurtà.
6. Proposti jew azzjonijiet li ma jikkonformawx mar-regoli tas-sigurtà skont dan l-Artikolu għandhom jiġu miċħuda jew mitmuma fi kwalunkwe mument. L-Istati Membri għandhom jiġu infurmati bit-tmiem ta’ tali proġetti ta’ riċerka b’użu doppju li ma jikkonformawx ma’ dawk ir-regoli.
KAPITOLU II
Linji gwida tekniċi
Artikolu 10
Sejħiet għal proposti
1. Is-sejħiet għall-proposti għandhom jiġu ppubblikati darbtejn fis-sena. Il-kontenut u l-pubblikazzjoni tas-sejħiet għal proposti għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 197 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
2. Il-proposti għandhom ikunu marbuta mal-objettivi tar-riċerka stipulati fl-Artikoli 4 u 5, u fejn applikabbli, mal-objettivi prijoritarji elenkati fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal proposti.
3. Sabiex ikopru l-katina tal-valur kollha, il-programmi ta’ ħidma għandhom jitfasslu biex jindirizzaw il-firxa sħiħa ta’ Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika, minn baxxi sa għoljin, u għandhom jinkludu r-riċerka minn isfel għal fuq u proġetti ta’ gradi differenti biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati.
4. Il-proċeduri ta’ selezzjoni, ta’ aġġudikazzjoni u ta’ evalwazzjoni għal proposti għandhom isiru f’konformità mal-Artikoli 201, 202 u 203, rispettivament, tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
5. Għall-finijiet tal-Artikolu 153(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-kumitat tal-evalwazzjoni għandu jkun magħmul minn esperti esterni indipendenti, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.
Artikolu 11
Għotjiet
1. Il-proġetti bbażati fuq il-proposti magħżula għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim ta’ għotja. Il-ftehimiet ta’ għotja għandhom isegwu l-mudell korporattiv tal-ftehimiet ta’ għotja mfassal mill-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni, kif xieraq, tan-natura tal-attivitajiet ikkonċernati.
2. Il-benefiċjarji għandhom jimplimentaw l-azzjonijiet f’konformità mal-kundizzjonijiet u l-obbligi stipulati f’din id-Deċiżjoni, fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 u fil-ftehim ta’ għotja.
Artikolu 12
Rati ta’ finanzjament
1. Rata ta’ finanzjament unika għal kull azzjoni għandha tapplika għall-attivitajiet kollha ffinanzjati minn dik l-azzjoni. Ir-rata massima ta’ finanzjament għal kull azzjoni skont il-Programm ta’ Riċerka għandha tiġi stabbilita fil-kundizzjonijiet tas-sejħa.
2. Jistgħu jiġu rimborżati sa 100 % tat-total tal-kostijiet eliġibbli għal kull azzjoni skont il-Programm ta’ Riċerka.
Madankollu, fil-każ ta’ entitajiet legali li, skont il-forma legali tagħhom, ikunu bi skop ta’ qligħ jew li jkollhom fini legali jew statutorja li jqassmu l-qligħ lill-azzjonisti jew lill-membri individwali tagħhom, jistgħu jiġu rimborżati sa 70 % tat-total tal-kostijiet eliġibbli għal kull azzjoni skont il-Programm ta’ Riċerka.
Minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, fil-każ ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju sa 100 % tat-total tal-kostijiet eliġibbli għal kull azzjoni skont il-Programm ta’ Riċerka jistgħu jiġu rimborżati.
Artikolu 13
Kostijiet indiretti
1. Il-kostijiet eliġibbli indiretti għandhom ikunu 25 % tal-kostijiet eliġibbli diretti totali, esklużi l-kostijiet eliġibbli diretti għas-sottokuntrattar, għal appoġġ finanzjarju għall-partijiet terzi u għal kwalunkwe kost unitarju jew somma f’daqqa li jinkludu l-kostijiet indiretti.
Fejn xieraq, il-kostijiet eliġibbli indiretti inklużi fil-kostijiet unitarji jew fis-somom f’daqqa għandhom jiġu kkalkulati f’konformità mal-ewwel subparagrafu.
2. Minkejja l-paragrafu 1, jekk previst fil-kundizzjonijiet tas-sejħa, il-kostijiet eliġibbli indiretti jistgħu jiġu ddikjarati fil-forma ta’ somma f’daqqa jew ta’ kostijiet unitarji.
Artikolu 14
Kostijiet eliġibbli
1. B’deroga mill-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) 2024/2509, il-kostijiet tar-riżorsi li jsiru disponibbli minn partijiet terzi permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura għandhom ikunu eliġibbli sal-kostijiet eliġibbli diretti totali tal-parti terza.
2. B’deroga mill-Artikolu 195(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, introjtu ġġenerat mill-valorizzazzjoni ma għandux jitqies bħala dħul iġġenerat mill-azzjoni.
Artikolu 15
Immaniġġar tar-riżultati tal-azzjoni
Il-benefiċjarji għandhom jimmaniġġaw ir-riżultati tal-azzjoni tagħhom f’konformità mal-obbligi stabbiliti fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal proposti u fil-ftehim ta’ għotja.
Artikolu 16
Użu tal-mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni mutwa
Il-kontribuzzjonijiet għall-mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni mutwa stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2021/695 għandhom ikopru r-riskju assoċjat mal-irkupru tas-somom dovuti mill-benefiċjarji u għandhom jitqiesu bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-garanzija tal-Artikolu 155 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. L-ebda garanzija jew titolu addizzjonali ma għandhom jiġu aċċettati minn benefiċjarji jew imposti fuqhom.
Artikolu 17
Rapporti tekniċi
1. Għall-proġetti ta’ riċerka kollha, il-benefiċjarji għandhom ifasslu rapporti tekniċi perjodiċi. Tali rapporti għandhom jiddeskrivu l-progress tekniku li jkun sar waqt il-perjodu ta’ referenza. Għandhom jiġu kondiviżi maċ-ċentru ta’ innovazzjoni għat-trasformazzjoni u l-emissjonijiet industrijali stabbiliti skont l-Artikolu 27a tad-Direttiva 2010/75/UE, għal finijiet ta’ informazzjoni.
2. Mat-tlestija tal-ħidma, il-benefiċjarji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport tekniku finali li jinkludi valutazzjoni tal-impatt u tal-użu u tar-riżultati tal-proġett ta’ riċerka. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dak ir-rapport b’mod sħiħ jew f’forma mqassra skont ir-rilevanza strateġika tal-proġett ta’ riċerka.
Artikolu 18
Rieżami finali tal-attività
1. Wara l-konklużjoni tal-Programm ta’ Riċerka, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami finali tal-attivitajiet u għandha tippreżenta s-sejbiet tagħha f’rapport. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kumitat tal-Faħam u tal-Azzar.
2. Il-Kummissjoni tista’ taħtar esperti indipendenti bi kwalifiki għoljin biex jgħinu fir-rieżami finali tal-attivitajiet.
KAPITOLU III
Linji gwida finanzjarji
Artikolu 19
Linji gwida finanzjarji
1. L-assi għandhom jiġu maniġġati biex jipprovdu pagamenti annwali jew semiannwali fil-limiti tal-allokazzjonijiet annwali sabiex tiġi ffinanzjata riċerka kollaborattiva fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar. Il-pagamenti annwali jew semiannwali għandhom jiġu ffinanzjati mid-dħul nett mill-investimenti u bl-ammonti ta’ flus kontanti ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi, sal-ammont tal-allokazzjonijiet annwali.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-Artikoli 20 sa 26 fejn tqis li dan ikun xieraq. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid l-operat u l-effettività tal-linji gwida finanzjarji u għandha tipproponi emendi għalihom fejn tqis li dan ikun xieraq.
Artikolu 20
Użu ta’ fondi
1. L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni, inkluż kemm il-portafoll tas-self tiegħu kif ukoll l-investimenti tiegħu, għandhom jintużaw kif meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligi li jifdal tal-KEFA f’likwidazzjoni, relatati mas-self pendenti tiegħu, l-impenji tiegħu li jirriżultaw minn baġits operattivi preċedenti u kwalunkwe responsabbiltajiet li ma kinux prevedibbli.
2. L-assi li mhumiex neċessarji biex jiġu ssodisfati l-obbligi li jifdal tal-KEFA f’likwidazzjoni għandhom jiġu investiti b’mod prudenti mill-Kummissjoni, f’konformità mal-orizzont tal-investiment magħżul imsemmi fl-Artikolu 21, u użati għall-finanzjament ta’ riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u l-azzar.
Artikolu 21
Orizzont tal-investiment, objettiv u tolleranza tar-riskju tal-investiment
1. L-assi għandhom jiġu investiti bl-objettiv li jiġi ppreżervat, u fejn possibbli jittejjeb, il-valur ta’ dawk l-assi biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta’ likwidità li jirriżultaw mis-sejħiet ta’ finanzjament (l-“objettiv tal-investiment”). L-objettiv tal-investiment għandu jiġi segwit matul l-orizzont tal-investiment u mwassal b’livell għoli ta’ fiduċja.
2. L-assi għandhom jiġu mmaniġġati f’konformità mar-regoli prudenzjali u mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri stipulati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u mal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-Kummissjoni.
3. L-objettiv tal-investiment għandu jiġi segwit permezz tal-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ investiment prudenti bbażata fuq id-diversifikazzjoni fost il-klassijiet tal-assi eliġibbli, iż-żoni ġeografiċi, l-emittenti u l-maturitajiet (l-“istrateġija tal-investiment”). L-istrateġija tal-investiment għandha tqis l-orizzont tal-investiment u d-daqs tal-assi li jifdal u għandha tiżgura li l-fondi meħtieġa jkunu disponibbli f’forma likwida biżżejjed kif u meta jkunu meħtieġa.
4. L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi espressa fil-forma ta’ allokazzjoni strateġika tal-assi, li għandha tistipula l-allokazzjonijiet indikattivi fil-mira għal kategoriji differenti ta’ assi finanzjarji eliġibbli.
5. Il-Kummissjoni għandha tirrifletti l-allokazzjoni strateġika tal-assi f’parametru referenzjarju strateġiku (il-“parametru referenzjarju”), li miegħu għandha titqabbel il-prestazzjoni tal-assi.
6. L-istrateġija tal-investiment u l-parametru referenzjarju għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli dwar id-delega ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni tal-baġit imsemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. F’każ li l-assi jiġu investiti biss f’kontijiet bankarji kurrenti u f’depożiti b’terminu, parametru referenzjarju tal-investiment u strateġija tal-investiment ma għandhomx ikunu meħtieġa.
7. Il-Kummissjoni tista’ timmodifika l-istrateġija tal-investiment u l-parametru referenzjarju f’każ ta’:
|
(a) |
bidla fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li tiġi pprovata debitament minn dokumentazzjoni rilevanti; |
|
(b) |
bidla sostanzjali fil-bżonnijiet u s-sitwazzjoni tal-istrumenti kontribwenti; jew |
|
(c) |
bidla sinifikanti fl-estimi tad-dħul jew tal-ħruġ. |
Il-proċedura għall-modifika tal-istrateġija tal-investiment għandha tkun l-istess bħal dik tad-determinazzjoni inizjali tagħha.
8. L-istrateġija ta’ investiment għandha tiġi stabbilita b’kunsiderazzjoni tal-orizzont tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju tal-assi.
Artikolu 22
Prinċipji tal-allokazzjoni tal-assi u investimenti eliġibbli
1. Għandha tiġi żgurata diversifikazzjoni suffiċjenti fost il-klassijiet kollha tal-assi u fi ħdanhom biex jitnaqqsu r-riskji ta’ investiment. Fil-prinċipju, aktar ma assi jkun riskjuż jew inqas likwidu, aktar għandha tkun baxxa l-konċentrazzjoni tal-iskopertura.
2. L-assi jistgħu jiksbu skopertura għall-klassijiet differenti ta’ assi u d-diversifikazzjoni permezz ta’ investimenti f’impriżi ta’ investiment kollettiv jew fi prodotti negozjati fil-borża.
3. L-assi għandhom jiġu investiti biss fil-klassijiet tal-assi li ġejjin, li għandhom jiġu denominati f’euro:
|
(a) |
assi tas-suq monetarju; |
|
(b) |
titoli ta’ introjtu fiss; |
|
(c) |
investimenti kollettivi regolati f’dejn u f’ekwità. |
4. L-assi għandhom jiksbu skopertura għall-klassijiet tal-assi msemmija fil-paragrafu 3 permezz ta’ investiment fl-istrumenti li ġejjin jew permezz ta’ involviment fl-operazzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
depożiti; |
|
(b) |
strumenti tas-suq monetarju u fondi tas-suq monetarju li joffru likwidità ta’ kuljum, skont ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16); |
|
(c) |
strumenti ta’ dejn, bħal bonds, kambjali u noti, u strumenti titolizzati skont kriterji sempliċi, trasparenti u standardizzati stabbiliti mir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17); |
|
(d) |
impriżi ta’ investiment kollettiv koperti mid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), inkluż fondi negozjati fil-borża li jinvestu f’ekwità jew fi strumenti ta’ dejn fejn it-telf massimu ma jistax jaqbeż l-ammonti investiti; |
|
(e) |
ftehimiet ta’ riakkwist f’konformità mal-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 215(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509; |
|
(f) |
ftehimiet ta’ retroriakkwist; |
|
(g) |
operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli b’sistemi tal-ikklerjar rikonoxxuti, inkluż Clearstream u Euroclear, jew ma’ istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin li jispeċjalizzaw f’dak it-tip ta’ operazzjoni. |
5. Derivattivi fil-forma ta’ kuntratti forward u tal-futuri u ta’ swaps għandhom jintużaw biss għall-finijiet tal-immaniġġar effiċjenti tal-portafoll u mhux għall-finijiet ta’ spekulazzjoni jew ta’ ingranaġġ ta’ pożizzjonijiet. Dawk id-derivattivi jistgħu jintużaw għall-aġġustament tad-durata, il-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu jew ta’ riskju rilevanti ieħor jew għal bidliet fl-allokazzjoni tal-assi konsistenti mal-istrateġija ta’ investiment.
6. L-assi jistgħu jiġu investiti f’assi likwidi tas-suq tal-flus u f’bonds denominati f’dollari Amerikani maħruġa minn entitajiet sovrani u supranazzjonali dment li huma investiti għall-finijiet biss tad-diversifikazzjoni u tal-iskopertura għal kurva oħra tar-rati tal-imgħax. Kwalunkwe riskju tal-munita għandu jiġi ħħeġġjat billi jsir użu xieraq ta’ swaps jew ta’ strumenti oħra għall-iħħeġġjar tal-munita, skont il-paragrafu 5.
7. F’konformità mar-regoli dwar id-delega ta’ setgħat tal-implimentazzjoni tal-baġit imsemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, il-Kummissjoni tista’ twessa’ l-ambitu tal-investimenti eliġibbli biex jiġu inklużi klassijiet ta’ assi u operazzjonijiet ta’ investiment oħrajn li huma konsistenti mal-istrateġija u mal-objettivi ta’ investiment, kif ukoll muniti ta’ ekonomiji avvanzati oħra, kif elenkati mill-Fond Monetarju Internazzjonali u soġġetti għall-iħħeġġjar tar-riskju tal-munita. Kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu inklużi klassijiet ta’ assi ġodda jew ta’ operazzjonijiet ta’ investiment, jew muniti ta’ ekonomiji avvanzati oħra, għandha tiġi appoġġata minn ġustifikazzjoni sostanzjata għal kull klassi ta’ assi, operazzjoni jew munita, ta’ kif il-possibbiltajiet ta’ investiment estiżi ser itejbu l-prestazzjoni tar-riskju/redditu tal-assi. Dik il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-kapaċitajiet operazzjonali meħtieġa biex jiġu appoġġati dawk il-possibbiltajiet estiżi ta’ investiment.
Artikolu 23
Kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza
1. L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi implimentata billi jiġu ffavoriti l-investimenti ambjentali, soċjali u ta’ governanza meta dawn ikunu disponibbli u possibbli, dment li dawn jallinjaw mal-kriterji ta’ mmaniġġar tar-riskju.
2. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi linji gwida dettaljati applikabbli għall-investimenti ambjentali, soċjali u ta’ governanza, f’konformità mar-regoli dwar id-delega ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni tal-baġit imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
Artikolu 24
Trasferiment għall-baġit ġenerali tal-Unjoni biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ pagament tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar
Id-dħul nett mill-investimenti tal-assi u l-ammonti ta’ flus kontanti ġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi jew tat-totalità tagħhom, għandhom jiġu trasferiti mill-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni, mill-assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar meta jkun meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ pagament mil-linja baġitarja diretta lejn programmi ta’ riċerka għal setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar.
Artikolu 25
Ammonti li jifdal
Kwalunkwe ammont mhux minfuq jew irkuprat li jifdal wara l-implimentazzjoni tal-aħħar sejħa għal proposti għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar u għandu jintuża esklussivament għal riċerka fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar.
Artikolu 26
Proċeduri ta’ kontabilità u ta’ maniġġar
1. L-immaniġġar tal-fondi għandu jiġi kkunsidrat fil-kontijiet annwali għall-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni, fil-kontijiet annwali għall-assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Dawk il-kontijiet għandhom ikunu bbażati fuq ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjali tal-kontabilita’ tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 80 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509u ppreżentati f’konformità magħhom, b’kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Il-kontijiet għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni u eżaminati mill-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni għandha tqabbad ditti esterni biex iwettqu awditu annwali tal-kontijiet tagħha.
2. Fir-rigward tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, il-Kummissjoni għandha twettaq l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġjar imsemmija fl-Artikoli 20 sa 26 skont ir-regoli u l-proċeduri interni tal-Kummissjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali dettaljat dwar l-operazzjonijiet ta’ mmaniġġar imwettqa skont l-Artikoli 20 sa 26, u tibagħtu lill-Istati Membri. F’dak ir-rapport annwali, il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-klassijiet ta’ assi differenti, dwar ir-raġunijiet wara l-għażla tagħha li tinvesti fi klassijiet ta’ assi speċifiċi u dwar il-prestazzjoni osservata ta’ kull klassi ta’ assi.
KAPITOLU IV
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali
Artikolu 27
Deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament ta’ ċerti proġetti ta’ riċerka
Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-proġetti ta’ riċerka, fejn l-ammont stmat tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni skont il-Programm ta’ Riċerka jkun ta’ EUR 5 miljun jew aktar.
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(3).
Artikolu 28
Immaniġġar tal-Programm ta’ Riċerka u l-proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha timmaniġġa l-Programm ta’ Riċerka. Għandha tkun assistita minn gruppi tekniċi u konsultattivi b’għarfien espert rilevanti, stabbiliti b’deċiżjoni tal-Kummissjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Faħam u tal-Azzar. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Fejn l-opinjoni tal-kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, sat-terminu għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.
Artikolu 29
Tħassir u miżuri tranżizzjonali
Id-Deċiżjonijiet 2003/77/KE u 2008/376/KE huma mħassra.
Madankollu, id-Deċiżjoni 2008/376/KE għandha tkompli tapplika għall-finanzjament ta’ azzjonijiet li jirriżultaw minn proposti ppreżentati għal sejħiet għal proposti ppubblikati sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Meta jkun neċessarju, kwalunkwe kompitu li jifdal tal-Kumitat tal-Faħam u tal-Azzar stabbilit bid-Deċiżjoni 2008/376/KE marbut mal-azzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu għandu jitwettaq mill-Kumitat tal-Faħam u tal-Azzar imsemmi fl-Artikolu 28 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 30
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2027.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MOUSHOUTTAS
(1) L-opinjoni tad-19 ta’ Mejju 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1545 tad-29 ta’ Ġunju 2026 li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/76/KE (ĠU 2026/1545, 17.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1545/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/376/KE tad-29 ta’ April 2008 dwar l-adozzjoni tal-Programm ta’ Riċerka tal-Fond Ewropew għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm (ĠU L 130, 20.5.2008, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/376/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/695/oj).
(5) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(6) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/75/oj).
(7) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/883/oj).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1995/2988/oj).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2185/oj).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj).
(11) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1371/oj).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/77/KE tal-1 ta’ Frar 2003 li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multi-annwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (ĠU L 29, 5.2.2003, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/77(1)/oj).
(14) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).
(15) Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj)
(16) Ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1131/oj).
(17) Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2402/oj).
(18) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/65/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1561/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)