|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/719 |
23.3.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/719
tas-17 ta’ Marzu 2026
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-14-il laqgħa tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Użbekistan mad-WTO
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995. |
|
(2) |
Skont l-Artikoli IV:1 u IX:1 tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) għandha l-awtorità li tadotta deċiżjonijiet b’konsensus. |
|
(3) |
Huwa possibbli li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO, matul l-14-il laqgħa tagħha mis-26 sad-29 ta’ Marzu 2026 tadotta deċiżjoni dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Użbekistan (“Użbekistan”) mad-WTO. |
|
(4) |
Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-14-il laqgħa tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, billi d-deċiżjonijiet previsti huma vinkolanti fuq l-Unjoni. |
|
(5) |
In-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Użbekistan mad-WTO bdew fl-1995. Fil-21 ta’ Diċembru 1994 ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tal-Użbekistan. Il-11-il laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma saret mill-5 sas-6 ta’ Novembru 2025. F’Ottubru 2025, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, iffinalizzat negozjati bilaterali dwar serje komprensiva ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tal-Użbekistan. L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija li tagħti kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess tar-riforma ekonomika u l-iżvilupp sostenibbli fl-Użbekistan. Adeżjoni possibbli tenfasizza wkoll l-appoġġ għal sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli bid-WTO fil-qalba tagħha. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adeżjoni tal-Użbekistan mad-WTO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-14-il laqgħa tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) jew fi kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO għandha tkun li tingħaqad mal-kunsens milħuq fost il-Membri tad-WTO bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni rigward l-adeżjoni tal-Użbekistan mad-WTO li tappoġġa l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Użbekistan mad-WTO.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, tal-ftehimiet milħuqa fin-negozjati multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1994/800/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/719/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)