|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3014 |
16.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3014
tat-13 ta’ Diċembru 2024
li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mill-Indja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Inizjazzjoni
|
(1) |
Fis-16 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi (“OFC”, optical fibre cables) li joriġinaw mill-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Din ippubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment imressaq fit-3 ta’ Ottubru 2023 minn Europacable (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-kejbils fibrottiċi fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien jinkludi evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienu biżżejjed biex jiġġustifikaw il-bidu tal-investigazzjoni. |
1.2. Reġistrazzjoni
|
(3) |
Kif stabbilit fil-premessi (3) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mill-Indja (3) (“ir-Regolament proviżorju”), l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma sarux soġġetti għar-reġistrazzjoni. L-ebda parti ma kkummentat dwar dan il-punt. |
1.3. Miżuri proviżorji
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fl-14 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet sommarju tad-dazji proposti u d-dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u tal-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien tlett ijiem tax-xogħol. Waslu kummenti mingħand MP Birla Group (“Birla Group”) (4). |
|
(5) |
Wara d-divulgazzjoni tas-sommarju tad-dazji proposti msemmija fil-premessa (4), STL Group sostna li d-dokument ta’ qabel id-divulgazzjoni ma kienx komplut peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjonijiet dettaljati dwar iċ-ċaħda tal-eliminazzjoni tal-profitt intragrupp. F’dak l-istadju tal-proċediment, il-Kummissjoni qieset biss kummenti li jikkonċernaw żbalji klerikali fil-kalkolu tad-dumping. L-affermazzjoni magħmula minn STL Group ma kinitx tikkonċerna tali żbalji klerikali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet dettaljati dwar iċ-ċaħda tal-affermazzjoni dwar l-eliminazzjoni tal-profitt intragrupp fil-premessa (74) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li d-dokument ta’ qabel id-divulgazzjoni u d-divulgazzjoni proviżorja pprovdew sett komplut ta’ informazzjoni skont il-preskrizzjoni fl-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, li jippermetti lill-kumpanija tikkummenta dwar id-divulgazzjoni proviżorja. |
|
(6) |
Fit-12 ta’ Lulju 2024, permezz tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mill-Indja. |
1.4. Proċedura sussegwenti
|
(7) |
Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġew imposti miżuri anti-dumping proviżorji (id-“divulgazzjoni proviżorja”), l-ilmentatur, kif ukoll il-produtturi esportaturi Birla Group, STL Group (5), APAR, Aberdare Technologies Private Limited (“Aberdare”) u Finolex Cables Limited (“Finolex”) u l-Gvern tal-Indja (“GOI”, Government of India) ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom sal-iskadenza prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju. |
|
(8) |
Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ ma’ STL Group u ma’ Birla Group. |
|
(9) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja l-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni qieset il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet proviżorji tagħha, fejn xieraq. |
|
(10) |
Kif stabbilit fil-premessa (81) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni investigat aktar il-bejgħ tal-esportazzjoni ta’ STL Group permezz tat-tieni kumpanija relatata tiegħu sabiex tiddetermina l-prezz tal-esportazzjoni maħdum f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. |
|
(11) |
Għal dan l-għan, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fuq il-post fil-bini ta’ Metallurgica Bresciana (Dello, l-Italja) biex tivverifika d-data ppreżentata. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-OFC li joriġinaw mill-Indja (id-“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. |
|
(13) |
Waslu kummenti wara d-divulgazzjoni finali minn żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi, jiġifieri Birla Group u STL Group. |
|
(14) |
Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ ma’ Birla Group u STL Group. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni pprovdiet divulgazzjoni addizzjonali fit-30 ta’ Ottubru 2024 għall-kummenti li waslu mingħand il-GOI wara d-divulgazzjoni proviżorja u li ma kinux ġew indirizzati fid-divulgazzjoni finali. Ma ġie ppreżentat l-ebda kumment ieħor dwar id-divulgazzjoni addizzjonali. |
1.5. Affermazzjonijiet tal-inizjazzjoni
|
(16) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-bidu tal-investigazzjoni wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (7) sa (39) tar-Regolament proviżorju. |
1.6. Kampjunar
|
(17) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kampjunar ta’ produtturi, importaturi u produtturi esportaturi tal-Unjoni fl-Indja, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (40) sa (46) tar-Regolament proviżorju. |
1.7. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni
|
(18) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (50) tar-Regolament proviżorju. |
2. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
|
(19) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Europacable tenniet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-affermazzjoni tal-produtturi esportaturi Indjani li l-fibri ottiċi “mhux miksija individwalment” jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott. Huma ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-riskju ta’ dikjarazzjoni ħażina tal-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM żbaljat u talbu li l-Kummissjoni tinforma lill-awtoritajiet doganali tal-UE dwar tali riskju potenzjali. Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan il-kumment. |
|
(20) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor li jikkonċerna l-prodott taħt investigazzjoni, il-prodott ikkonċernat, il-prodott simili u l-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (51) sa (61) tar-Regolament proviżorju. |
3. DUMPING
|
(21) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti bil-miktub mill-awtoritajiet Indjani, żewġ gruppi esportaturi ta’ produtturi inklużi fil-kampjun (Birla Group u STL Group), minn tliet produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u mill-ilmentatur. |
3.1. Valur normali
|
(22) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Birla Group ippreżenta erba’ kummenti rigward il-kalkolu tal-valur normali, b’mod partikolari dwar ċerti elementi rilevanti għall-istabbiliment tal-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) li jappartjenu għall-prodott simili matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni aċċettat kumment wieħed peress li nstab li kien iġġustifikat u ċaħdet it-tliet affermazzjonijiet l-oħra. Rigward il-kummenti li ġew miċħuda, il-Kummissjoni nnotat li l-kummenti nfushom, kif ukoll l-analiżi u r-raġunament rispettivi huma ta’ natura kunfidenzjali. Spjegazzjonijiet dettaljati ġew ipprovduti lil Birla Group fid-divulgazzjoni speċifika biss. |
|
(23) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, STL Group u l-GOI tennew li l-affermazzjoni deskritta fil-premessa (74) tar-Regolament proviżorju li l-kost tal-produzzjoni għall-OFC jenħtieġ li ma jinkludix il-profitt trasferit bejn partijiet relatati jew bejn diviżjonijiet tan-negozju li jimmanifatturaw il-prodotti semilesti (bħall-ħġieġ preformat u/jew il-fibrottiċi) użati fil-produzzjoni tal-OFC. Madankollu, la STL Group u lanqas il-GOI ma ġabu l-ebda element ġdid meta mqabbel maż-żjara ta’ verifika. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjonijiet proviżorji tagħha u ċaħdet din l-affermazzjoni. |
|
(24) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Birla Group għamel żewġ kummenti dwar il-kalkolu tal-valur normali, b’mod aktar speċifiku t-trattament ta’ ċerti spejjeż finanzjarji u s-sors tal-kostijiet u l-profitt SG&A meta jinħadem il-valur normali. Il-Kummissjoni ċaħdet dawn iż-żewġ affermazzjonijiet. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-kummenti nfushom, kif ukoll l-analiżi u r-raġunament rispettivi huma ta’ natura kunfidenzjali. Ingħataw spjegazzjonijiet dettaljati lil’ Birla Group. |
|
(25) |
Wara d-divulgazzjoni finali, STL Group tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-eliminazzjoni tal-profitt tad-diviżjonijiet bejn in-negozji skont ir-rekords kontabilistiċi tal-kumpaniji, il-GAAP Indjan u l-IFRS. Barra minn hekk, STL Group sostna li l-profitti li huma eliminati bejn il-kumpaniji ma kinux kostijiet assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat skont it-tifsira tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim Antidumping (ADA, Anti-Dumping Agreement) u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. STL Group sostna wkoll li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex użat is-sett ta’ data tad-diviżjonijiet tan-negozju minflok ir-rapporti finanzjarji konsolidati taż-żewġ kumpaniji li huma parti minn STL Group. Fl-aħħar nett, STL Group sostna li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-evidenza disponibbli kollha dwar l-allokazzjoni xierqa tal-kostijiet f’konformità mal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku billi ċaħdet id-dikjarazzjonijiet konsolidati. |
|
(26) |
Għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-kostijiet tal-produzzjoni huma stabbiliti għal kull tip ta’ prodott, jiġifieri l-PCNs, kif ukoll l-ammonti tad-dumping li mbagħad jintużaw biex jiġu kkalkulati l-marġnijiet tad-dumping. Fir-rekords kontabilistiċi interni tal-kumpaniji (STL u STCS) jiġu rreġistrati fil-livell tan-“numru tal-materjal” li jista’ jiġi marbut mal-PCN stabbilit f’din l-investigazzjoni. Id-dikjarazzjonijiet konsolidati tal-kumpaniji ma ppermettewx li jiġi stabbilit il-kost tal-produzzjoni għal kull PCN u għalhekk ma setgħux jintużaw. |
|
(27) |
Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (74) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni użat il-kostijiet tal-produzzjoni kif irreġistrati u rrapportati mill-kumpaniji fis-sistema kontabilistika tagħhom u vverifikati mill-Kummissjoni. Dawk il-kostijiet irreġistrati tad-diviżjonijiet tan-negozju kienu jirriflettu b’mod korrett il-kostijiet fir-rigward tal-prodotti semilesti użati fil-produzzjoni tal-OFC. Matul iż-żjara ta’ verifika, il-Kummissjoni talbet lill-kumpaniji jipprovdu spjegazzjonijiet dettaljati rigward il-profitt trasferit bejn id-diviżjonijiet tan-negozju. Il-Kummissjoni nnotat li STL Group ipprovda stimi differenti tal-profitti nozzjonali tad-diviżjonijiet tan-negozju, mingħajr ma pprovda l-ebda evidenza sottostanti, u naqas milli jistabbilixxi rabta bejn il-profitt konsolidat (ikkalkulat abbażi tal-eliminazzjoni tal-profitt tad-diviżjonijiet bejn in-negozji) u l-kost tal-produzzjoni tal-OFC fil-livell tan-numru tal-materjal. |
|
(28) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjoni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-evidenza disponibbli kollha dwar l-allokazzjoni xierqa tal-kostijiet, il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jittrattawx it-trattament tal-profitti bejn il-kumpaniji. Dawn l-Artikoli jistabbilixxu li l-kostijiet normalment iridu jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ rekords miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni. Din il-kwistjoni mhijiex f’riskju fl-investigazzjoni attwali peress li l-Kummissjoni ddeterminat il-kost tal-OFC tal-kumpaniji abbażi tar-rekords tagħhom. Barra minn hekk, dawn l-Artikoli jipprevedu l-metodoloġija li għandha tintuża meta r-rekords tal-kumpanija ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-kostijiet assoċjati mal-prodott u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni, u b’mod speċifiku li, jekk ma jkun disponibbli l-ebda metodu xieraq, trid tingħata preferenza lill-allokazzjoni tal-kostijiet fuq il-bażi tal-fatturat. Għal darb’ oħra, din il-kwistjoni mhijiex f’riskju fl-investigazzjoni attwali minħabba li l-kostijiet relatati mal-prodott ikkonċernat ġew irreġistrati mill-kumpanija skont id-diviżjoni tan-negozju u għalhekk ma kienet meħtieġa l-ebda allokazzjoni tal-kostijiet. Fl-aħħar nett, dawn l-Artikoli jipprevedu t-trattament tal-kost matul fażi tal-bidu, li mhijiex inkwistjoni fil-każ attwali. |
|
(29) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-evidenza disponibbli kollha ġiet ivvalutata u użata kif xieraq għad-determinazzjoni tal-valur normali. L-evidenza nstabet affidabbli u xierqa. Għalhekk, ġew miċħuda dawn l-affermazzjonijiet. |
|
(30) |
Fi STL Group, kumpanija relatata waħda (STL) irċeviet royalties u tariffi mill-kwartieri ġenerali minn kumpanija relatata oħra fl-istess grupp (STCS). Fl-istadju proviżorju l-Kummissjoni ma allokatx fil-kalkolu tal-kostijiet SG&A tal-bejgħ ta’ STL tal-OFC, id-dħul miksub mir-royalties u t-tariffi mill-kwartieri ġenerali imħallsa minn STCS. STL Group u l-GOI sostnew li fuq din il-bażi, jenħtieġ li fil-kalkolu tal-kostijiet SG&A ta’ STCS, il-Kummissjoni tinjora wkoll l-ispejjeż imġarrba minn STCS relatati mal-pagament ta’ dawn ir-royalties u t-tariffi mill-kwartieri ġenerali sabiex tkun koerenti. |
|
(31) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Ir-royalties u t-tariffi mill-kwartieri ġenerali mħallsa kienu jikkonċernaw b’mod ċar il-produzzjoni jew il-bejgħ tal-OFC u, b’hekk dawn l-ispejjeż iridu jiġu inklużi fl-ammont totali tal-kostijiet SG&A relatati mal-bejgħ tal-OFC. Għal STL, ir-royalties u t-tariffi mill-kwartieri ġenerali mħallsa minn STCS jitqiesu bħala dħul. B’mod partikolari, id-dħul li nkiseb mill-bejgħ tar-royalties mhuwiex ġenwinament relatat mal-“produzzjoni u l-bejgħ, […], tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Fi kliem ieħor, id-dħul mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mhuwiex “ġenwinament relatat mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott speċifiku taħt kunsiderazzjoni” skont it-tifsira tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha fi Sveza (6). Dawn it-tipi ta’ dħul huma relatati ma’ dawk li essenzjalment huma attivitajiet anċillari mill-perspettiva ta’ dan il-proċediment. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. |
|
(32) |
Wara d-divulgazzjoni finali, STL Group allega li l-Kummissjoni applikat standards doppji billi ttrattat ir-royalties u t-tariffi mill-kwartieri ġenerali mħallsa minn STCS bħala spiża u għalhekk inkludiet dawn l-ispejjeż fil-kalkolu tal-kostijiet SG&A għal STCS, filwaqt li eskludiet l-introjtu korrispondenti għal STL fil-kalkolu tal-kostijiet SG&A għal STL. STL Group tenna li għaż-żewġ kumpaniji, l-ispejjeż u d-dħul mir-royalties u t-tariffi mill-kwartieri ġenerali jenħtieġ li jew jiġu esklużi inkella inklużi fil-kalkolu tal-kostijiet SG&A ta’ dawn il-kumpaniji. |
|
(33) |
Il-Kummissjoni tiċċara li l-ispejjeż relatati mal-bejgħ tal-prodotti manifatturati minn kumpanija u l-ispejjeż amministrattivi huma inklużi fil-kalkolu tal-kostijiet SG&A ta’ kumpanija. Madankollu, id-dħul miksub mill-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi huwa dħul u skont id-definizzjoni mhux kostijiet SG&A. Għalhekk, għall-kalkolu tal-kostijiet SG&A għal STCS, il-Kummissjoni kellha tinkludi l-ispejjeż imħallsa relatati mar-royalties u mat-tariffi mill-kwartieri ġenerali għall-OFC peress li kienu marbuta mal-bejgħ tal-OFC. Bl-istess mod, għall-kalkolu tal-kostijiet SG&A għal STL, tqiesu l-ispejjeż relatati mal-bejgħ tal-OFC u ma kien hemm l-ebda bażi fattwali biex jitnaqqas id-dħul mill-bejgħ tar-royalties u tat-tariffi mill-kwartieri ġenerali mill-kostijiet SG&A tal-OFC peress li ma kinux marbuta mal-bejgħ tal-OFC. Barra minn hekk, STL Group ma rabatx dan id-dħul mal-kostijiet SG&A ta’ STL użati fil-kalkolu għal dik il-kumpanija, li setgħu jpaċuhom. Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni. |
|
(34) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, huma b’dan ikkonfermati l-premessi (62) sa (75) tar-Regolament proviżorju. |
3.2. Prezz tal-esportazzjoni
|
(35) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni investigat il-kumpanija relatata ma’ STL Group Metallurgica Bresciana, li importat l-OFC mill-Indja. STL Group sostna li dawn l-importazzjonijiet intużaw minn Metallurgica Bresciana għall-manifattura ta’ prodotti oħra. Madankollu, il-verifika fuq il-post żvelat li l-valur miżjud miġjub mis-sussidjarja kien minimu u għalhekk dan il-bejgħ kien bejgħ mill-ġdid tal-OFC importat mill-Indja. STL Group spjega wkoll li dan ix-xiri sar biex jikkomplementa l-offerta tal-bejgħ ta’ Metallurgica Bresciana. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li filwaqt li Metallurgica Bresciana kienet manifattur tal-OFC, hija aġixxiet bħala importatur/negozjant relatat ma’ dawn it-tranżazzjonijiet. B’konsegwenza ta’ dan, kif deskritt fil-premessa (80) tar-Regolament proviżorju fir-rigward ta’ importaturi/negozjanti relatati oħra, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għal dawn it-tranżazzjonijiet. |
|
(36) |
STL Group u l-GOI tennew l-affermazzjoni ddikjarata fil-premessa (78) tar-Regolament proviżorju li jenħtieġ li l-Kummissjoni tittratta l-kumpanija relatata STL France bħala fergħa li timmaniġġja maħżen u mhux bħala importatur relatat. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza addizzjonali f’dan ir-rigward. |
|
(37) |
Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-fehma tagħha li STL France aġixxiet bħala importatur relatat u għalhekk il-prezz tal-esportazzjoni kellu jinħadem skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. |
|
(38) |
Wara d-divulgazzjoni finali, STL Group sostna li l-Kummissjoni kellha twettaq spezzjoni fiżika fuq il-post ta’ STL France u li l-Kummissjoni ma laħqitx l-“elementi viżwali vitali” ta’ din l-entità li kienu jippermettu lill-Kummissjoni tinnota li STL France “kienet tixbah negozjant” aktar milli importatur. STL Group sostna li, jekk il-kumpanija titqies bħala negozjant, jenħtieġ li jintuża profitt ta’ 10 % ibbażat fuq il-profitt ta’ “negozjanti fiċ-Ċina jew f’Hong Kong” użat skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku fl-investigazzjoni tal-OFC kontra ċ-Ċina. Barra minn hekk, STL Group sostna li peress li l-Kummissjoni “spezzjonat” Metallurgica Bresciana fil-bini tagħha fl-Italja, STL Franza ġiet ittrattata b’mod diskriminatorju. Fil-kummenti kunfidenzjali tiegħu għad-divulgazzjoni finali, STL Group irrefera għal wirja miġbura matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post ta’ STL. |
|
(39) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li STL Group ipprovda informazzjoni kontradittorja rigward ir-rwol ta’ STL France. Filwaqt li STL Group inizjalment sostna li STL France kienet maħżen, wara d-divulgazzjoni finali mingħajr ebda spjegazzjoni ulterjuri, beda jargumenta li STL France tkun negozjant u mhux importatur. |
|
(40) |
Il-Kummissjoni ċċarat li fil-kuntest ta’ investigazzjoni tad-difiża tal-kummerċ hija ma twettaqx spezzjonijiet fiżiċi tal-bini tal-kumpaniji iżda, kif innotat fl-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku, twettaq “żjarat biex teżamina r-rekords tal-importaturi, l-esportaturi, in-negozjanti, l-aġenti, il-produtturi, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali u l-organizzazzjonijiet u biex tivverifika l-informazzjoni pprovduta dwar id-dumping u d-dannu” . Fi kliem ieħor, hija twettaq żjarat ta’ verifika fuq il-post biex taċċerta li l-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba għall-kwestjonarju hija affidabbli, jiġifieri l-objettiv ta’ verifika fuq il-post huwa li tirrikonċilja t-tweġiba għall-kwestjonarju pprovduta mar-rekords kontabilistiċi tal-kumpanija u d-dokumenti kontabilistiċi dettaljati disponibbli fil-bini tal-kumpaniji. |
|
(41) |
Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fuq il-post fil-bini ta’ Metallurgica Bresciana fl-Italja peress li l-informazzjoni ma setgħetx tiġi vverifikata matul iż-żjara ta’ verifika mwettqa fil-bini ta’ STL Group fl-Indja. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet tivverifika l-informazzjoni pprovduta minn STL France matul il-verifika fuq il-post fil-bini ta’ STL peress li kien hemm aċċess għar-rekords kontabilistiċi ta’ STL France. Barra minn hekk, fit-tweġiba għall-ittra ta’ defiċjenza, STL Group iddikjara li s-sistema kontabilistika ta’ STL France kienet aċċessibbli fl-Indja iżda li l-kotba tal-kontijiet ta’ Metallurgica Bresciana kienu aċċessibbli biss fl-impjant fl-Italja, peress li d-dokumenti kontabilistiċi kollha tagħha nżammu fl-Italja. Iż-żewġ kumpaniji ma kinux fl-istess sitwazzjoni, u dan jiġġustifika l-approċċi differenti tat-tim investigattiv. Barra minn hekk, ġie mfakkar li ma hemm l-ebda obbligu legali li ssir verifika fuq il-post. Barra minn hekk, il-kumpanija naqset milli tispjega xi jkunu l-elementi viżwali li jiddifferenzjaw negozjant minn importatur. Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni li l-Kummissjoni kellha twettaq żjara ta’ verifika fuq il-post fil-bini ta’ STL France u li kienet ittrattat din il-kumpanija b’mod diskriminatorju. |
|
(42) |
Fir-rigward tal-affermazzjoni li STL France jenħtieġ li titqies bħala negozjant, il-Kummissjoni ċċarat li l-profitt ta’ 20 % użat fl-aġġustament ta’ STL France huwa bbażat fuq il-profitt miksub fuq l-attivitajiet kummerċjali (bejgħ mill-ġdid) tal-importaturi tal-OFC li nstabu fl-investigazzjoni preċedenti dwar iċ-Ċina, jiġifieri, kumpaniji li jagħmlu l-istess tip ta’ attivitajiet bħal STL France. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-kumpanija, din hija l-aħjar indikatur disponibbli għal STL France. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-missjoni li għaliha rrefera STL Group fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tiegħu ma turix li l-kumpanija mhijiex l-importatur għat-tranżazzjonijiet rilevanti u għalhekk ma tappoġġax l-affermazzjoni magħmula minn STL Group f’dan ir-rigward. Għalhekk, ġiet miċħuda din l-affermazzjoni. |
|
(43) |
Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni proviżorja, STL Group u l-GOI sostnew li l-marġni ta’ profitt użat għall-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku (jiġifieri 20 %) ma jistax jitqies bħala raġonevoli. Ġie ddikjarat li s-sors tal-marġni ta’ profitt ta’ 20 % kien l-investigazzjoni preċedenti tal-OFC kontra ċ-Ċina (7) u b’hekk dan il-marġni ta’ profitt ma setax jitqies bħala rappreżentattiv ta’ importatur tal-OFC mill-Indja. |
|
(44) |
Il-marġni ta’ profitt ta’ 20 % kien ibbażat fuq ir-rapporti finanzjarji vverifikati rrapportati minn importatur mhux relatat matul l-investigazzjoni preċedenti dwar iċ-Ċina. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni qieset li dan għandu jkun indikatur xieraq u raġonevoli għall-bejgħ tal-OFC fis-suq tal-UE anki f’dan il-każ peress li l-profitt kien ibbażat fuq tranżazzjonijiet reali fis-suq Ewropew. |
|
(45) |
Barra minn hekk, STL Group u l-GOI argumentaw li l-marġni tad-dumping li nstab għall-importazzjonijiet miċ-Ċina kien ħafna ogħla mill-marġni tad-dumping iddeterminat għal STL Group fl-investigazzjoni attwali, li possibbilment spjega l-profitt għoli mġarrab mill-importaturi fil-każ taċ-Ċina. |
|
(46) |
F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-marġni tad-dumping huwa kkalkolat billi jitqiesu d-differenzi bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, filwaqt li l-marġni ta’ profitt huwa stabbilit billi jitqabbel id-dħul totali tal-OFC mal-kostijiet totali (il-prezzijiet tax-xiri flimkien mal-kostijiet SG&A). Għalhekk, l-analiżi tal-marġnijiet tad-dumping u/jew tal-prezzijiet tax-xiri ma tista’ twassal għall-ebda konklużjoni sinifikanti rigward il-livell tal-marġni ta’ profitt ta’ importatur mhux relatat. |
|
(47) |
STL Group ippropona diversi alternattivi għal marġni ta’ profitt raġonevoli ta’ importatur mhux relatat: (i) il-profitt akkumulat reali ta’ STL France, (ii) il-profitt tal-entità relatata tagħha fl-Italja Metallurgica Bresciana, jew (iii) 5 % abbażi tal-prattika tal-Kummissjoni meta ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni oħra. Fl-aħħar nett, STL Group sostna li l-Kummissjoni setgħet tuża l-marġnijiet ta’ profitt irrapportati minn kumpaniji involuti fl-istess qasam ta’ attività bħal STL France. Għal dak il-għan, STL Group ipprovda rapport li jelenka 14-il kumpanija, kollha mhux relatati ma’ STL Group. Dan ir-rapport ġie abbozzat inizjalment għall-awtoritajiet tat-taxxa Franċiżi. |
|
(48) |
Il-Kummissjoni qieset li ma kienx possibbli li jintużaw il-marġnijiet ta’ profitt tal-partijiet relatati, li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, peress li jitqies li huwa affettwat mill-assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li marġni ta’ profitt ta’ 5 % huwa applikat biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali (jiġifieri ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli oħra). Dan mhuwiex il-każ hawnhekk, fejn l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni turi b’mod ċar li marġni ta’ profitt ta’ 5 % f’dan il-każ mhuwiex xieraq. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat ir-rapport ippreżentat minn STL Group u sabet li erbgħa biss mill-kumpaniji elenkati kellhom fibrottika fil-katalgu tal-prodotti tagħhom. Barra minn hekk, dawn il-kumpaniji ma kinux speċjalizzati fin-negozju tal-fibrottika iżda pjuttost kienu bejjiegħa bl-ingrossa ta’ diversi kejbils tal-elettriku tar-ram, materjali elettriċi u għodod industrijali oħra. Barra minn hekk, ir-rapporti finanzjarji disponibbli pubblikament ta’ dawn il-kumpaniji la pprovdew il-profittabbiltà ta’ kull segment u lanqas il-piż ta’ kull segment fil-fatturat totali. Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar jekk dawn il-kumpaniji fil-fatt ipproduċewx jew sempliċiment importawx OFC għall-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-UE. Għalhekk, il-marġni ta’ profitt tal-importatur mhux relatat stabbilit fl-investigazzjoni Ċiniża baqa’ l-aktar alternattiva xierqa peress li l-profitt relatat ma’ importatur mhux relatat, kien jikkonċerna n-negozju tal-OFC u ġie vverifikat. Fl-aħħar nett, u b’mod partikolari, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza minn l-ebda parti interessata li tissuġġerixxi li marġni ta’ profitt, li tqies bħala “raġonevoli” għall-importazzjonijiet miċ-Ċina, ma jkunx raġonevoli għall-importazzjonijiet mill-Indja. Għalhekk, ġew miċħuda l-għażliet proposti minn STL Group. |
|
(49) |
Wara d-divulgazzjoni finali, STL Group tenna li l-aġġustamenti jistgħu jsiru biss għal profitti li kienu “dovuti” u “raġonevoli”. STL Group iddikjara wkoll li segwa l-parir ta’ Ernst &Young dwar ir-regoli tal-ipprezzar ta’ trasferiment, li indika li l-marġnijiet netti tipiċi għad-Distributuri b’Riskju Limitat (LRDs, Limited Risk Distributors) fl-Ewropa jvarjaw minn 2,7 % sa 9,1 %, b’medjan ta’ 5,1 % tal-bejgħ li kien konformi mal-marġni ta’ profitt ta’ STL France. Barra minn hekk, STL Group iddikjara li l-Kummissjoni użat marġni ta’ profitt mhux raġonevoli li qabeż dak li kien “xieraq” f’dan il-kuntest. STL Group iddikjara li jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-marġni ta’ profitt reali ta’ STL France, jew b’mod alternattiv, il-marġni ta’ profitt reali ta’ Metallurgica Bresciana. |
|
(50) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-fatt li l-marġni ta’ profitt ta’ STL France huwa fl-istess firxa bħall-medjan ta’ diversi kumpaniji, ma tax prova li l-marġni ta’ profitt ta’ STL France ma kienx affettwat mill-assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur. Il-marġni ta’ profitt ta’ Metallurgica Bresciana huwa affettwat ukoll mill-assoċjazzjoni mal-esportatur u għalhekk, bl-istess mod, il-marġni ta’ profitt tagħha ma jistax jintuża f’dan ir-rigward. Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni. |
|
(51) |
Barra minn hekk, STL Group tenna l-affermazzjoni tiegħu ddikjarata fil-premessa (43). Huwa sostna wkoll li l-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni preċedenti tal-OFC kontra ċ-Ċina (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020) kien il-perjodu matul il-pandemija tal-COVID-19 fejn l-industrija tal-OFC irreġistrat marġnijiet ta’ profitt eċċezzjonalment għoljin peress li matul il-lockdowns, il-produzzjoni tal-OFC naqset filwaqt li d-domanda żdiedet minħabba, inter alia, il-ħtieġa għal konnessjoni aħjar tal-Internet fid-djar tan-nies biex tippermetti x-xogħol mill-bogħod u t-tagħlim mill-bogħod. Għalhekk, STL Group sostna li l-marġni ta’ profitt użat mill-Kummissjoni f’dik l-investigazzjoni ma kienx jirrifletti marġni li l-importaturi normalment jirrealizzaw mingħajr iċ-ċirkostanzi speċifiċi matul il-pandemija tal-COVID-19. STL Group ipprovda wkoll diversi eżempji ta’ investigazzjonijiet preċedenti fejn il-Kummissjoni sabet li ċerta data ma kinitx rappreżentattiva jew mod ieħor affidabbli meta kienet affettwata miċ-ċirkostanzi straordinarji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. |
|
(52) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni preċedenti tal-OFC kontra ċ-Ċina (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020) kien affettwat parzjalment biss mill-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, fl-investigazzjoni preċedenti tal-OFC kontra ċ-Ċina, l-interess tal-importaturi mhux relatati ġie vvalutat mill-Kummissjoni. F’dik l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li “L-ebda wieħed mill-importaturi ma sostna li l-pandemija tal-COVID-19 kien ikollha impatt kbir fuq l-attività kummerċjali tagħhom. Importatur wieħed iddikjara li kien hemm ċertu tnaqqis fir-ritmu f’Marzu 2020 minħabba l-lockdown iżda enfasizza li l-importanza tal-proġetti tal-fibra sad-dar (“FTTH”) ġiet amplifikata minn din il-kriżi” (8) li “L-importaturi sostnew ukoll li għandhom kuntratti ta’ provvista fit-tul mal-klijenti tagħhom li fihom il-prezzijiet fissi huma miftiehma għat-terminu totali ta’ 2-4 snin u ma hemm l-ebda klawżola ta’ aġġustament tal-prezzijiet għal żidiet mhux previsti fil-prezzijiet tax-xiri tagħhom. Għalhekk, ma jkunx possibbli li l-kostijiet miżjuda jiġu mgħoddija lill-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, l-importaturi argumentaw li ma jistgħux jagħmlu offerti f’offerti li jitħabbru matul din l-investigazzjoni peress li ma jafux liema prezz se jħallsu għall-OFC f’każ li jiġu imposti miżuri” (9). B’hekk, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza li l-industrija tal-OFC irreġistrat profitti straordinarjament għoljin minħabba l-pandemija tal-COVID-19. STL Group ma ppreżenta l-ebda evidenza konkreta f’dan ir-rigward li tikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni. |
|
(53) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni b’dan ikkonfermat il-konklużjonijiet proviżorji tagħha stabbiliti fil-premessi (76) sa (81) tar-Regolament proviżorju. |
3.3. Tqabbil
|
(54) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, huma b’dan ikkonfermati s-sejbiet stabbiliti fil-premessi (82) u (88) tar-Regolament proviżorju. |
3.4. Marġinijiet tad-dumping
|
(55) |
Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF, cost, insurance and freight) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
|
(56) |
HFCL Group instab li ma kienx qed jagħmel dumping u għalhekk l-esportazzjonijiet tiegħu huma esklużi mill-miżuri. |
|
(57) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Aberdare u APAR sostnew ukoll li jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun aktar trasparenti fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. |
|
(58) |
Il-Kummissjoni ċċarat li l-marġni anti-dumping għall-kumpaniji l-oħra li kkooperaw ġie stabbilit abbażi tal-ammonti ta’ dumping u l-valuri CIF misjuba għal Birla Group u STL Group, kif preskritt mill-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. |
4. DANNU
4.1. Unità ta’ kejl
|
(59) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-determinazzjoni tal-unità ta’ kejl, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha stabbilita fil-premessa (96) tar-Regolament proviżorju. |
4.2. Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
|
(60) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha stabbilita fil-premessi (97) u (98) tar-Regolament proviżorju. |
4.3. Użu kaptiv
|
(61) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-użu kaptiv, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi (99) sa (104) tar-Regolament proviżorju. |
4.4. Konsum fl-Unjoni
|
(62) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi (105) sa (110) tar-Regolament proviżorju. |
4.5. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
4.5.1. Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
|
(63) |
Kif imsemmi fil-premessa (19), l-ilmentatur tenna l-kumment tiegħu li jikkonċerna d-dikjarazzjoni ħażina tal-volumi tal-importazzjoni mill-produtturi esportaturi Indjani abbażi tas-sentenza tat-Tribunal tal-Appell Indjan kif deskritt ukoll fil-premessa (112) tar-Regolament proviżorju u indika li filwaqt li din is-sentenza ma għandha l-ebda effett fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt doganali tal-UE, ħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali dwar ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping f’dan il-każ. |
|
(64) |
Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan il-kumment u se taġixxi biex tiżgura li l-miżuri jiġu infurzati b’mod korrett, kif xieraq. |
|
(65) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment addizzjonali fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha stabbiliti fil-premessi (111) sa (118) tar-Regolament proviżorju. |
4.5.2. Prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat, twaqqigħ tal-prezz u soppressjoni tal-prezzijiet
|
(66) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat, it-twaqqigħ tal-prezz u s-suppressjoni tal-prezz, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (119) sa (125) tar-Regolament proviżorju. |
4.6. Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
4.6.1. Kummenti ġenerali
|
(67) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-kummenti ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (126) sa (129) tar-Regolament proviżorju. |
4.6.2. Indikaturi makroekonomiċi
|
(68) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-GOI nnota li l-volum tal-bejgħ, il-volum tal-produzzjoni u l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedu fil-PI minkejja tnaqqis fid-domanda tas-suq ħieles u li r-redditu fuq l-investiment wera wkoll xejra pożittiva mill-2022. |
|
(69) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Birla Group tenna l-affermazzjonijiet li saru mill-GOI u argumenta li l-indikaturi makroekonomiċi kollha wrew żvilupp pożittiv li juri li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbet l-ebda dannu materjali. Dan l-esportatur innota wkoll li l-iżvilupp tal-użu tal-kapaċità deskritt fil-premessa (133) tar-Regolament proviżorju huwa dovut għad-deċiżjoni tal-industrija tal-Unjoni li żżid il-kapaċità u li tnaqqas il-produzzjoni fl-istess ħin. |
|
(70) |
Birla Group innota wkoll li l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied bejn l-2022 u l-PI, minkejja t-tnaqqis żgħir fil-konsum tal-Unjoni. L-esportatur indika li matul l-istess perjodu, l-importazzjonijiet mill-Indja baqgħu stabbli filwaqt li żdied is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni. |
|
(71) |
Il-Kummissjoni ma kkontestatx li ċerti indikaturi tad-dannu wrew xejra pożittiva matul il-perjodu kkunsidrat, fatt li huwa stabbilit ukoll fil-premessa (169) tar-Regolament proviżorju. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni wrew xejra ta’ tnaqqis u li kien hemm żieda qawwija fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Indjani, li waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, u kkawżaw soppressjoni tal-prezzijiet matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Din il-pressjoni fuq il-prezzijiet ikkawżat tnaqqis sinifikanti fil-profittabbiltà u l-fluss ta’ flus tal-industrija tal-Unjoni u rriżultat f’livelli baxxi ħafna ta’ investimenti. Fil-kummenti tagħhom, il-GOI u Birla Group injoraw dawk il-fatti u s-sejbiet tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni li ma kien hemm l-ebda dannu materjali, abbażi biss tal-iżvilupp ta’ indikaturi makroekonomiċi, ġiet miċħuda, peress li ma tqisx l-iżvilupp tal-indikaturi tad-dannu li jifdal u tinjora l-konklużjoni ġenerali tal-Kummissjoni. |
|
(72) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-indikaturi makroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (130) sa (144) tar-Regolament proviżorju. |
4.6.3. Indikaturi mikroekonomiċi
|
(73) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-indikaturi mikroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (145) sa (168) tar-Regolament proviżorju. |
4.6.4. Konklużjoni dwar id-dannu
|
(74) |
L-ilmentatur qabel mas-sejbiet rigward iż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kif deskritti fil-premessa (117) tar-Regolament proviżorju u l-impatt tagħhom fuq l-indikaturi tad-dannu bħall-fluss ta’ flus, ir-redditu fuq l-investiment, u l-profittabbiltà. |
|
(75) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-konklużjoni dwar id-dannu, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (169) sa (170) tar-Regolament proviżorju. |
5. KAWŻALITÀ
5.1. Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping
|
(76) |
Tnejn mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri Aberdare Technologies Private Limited u APAR Industries Limited, sostnew li minħabba l-volumi baxxi ta’ importazzjoni tagħhom kemm f’termini assoluti kif ukoll f’dawk relattivi, u meta jitqiesu l-livelli tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom, ma setgħu kkawżaw l-ebda dannu lill-industrija tal-Unjoni. Fuq din il-bażi talbu li l-ebda dazju ma jenħtieġ li jiġi impost fuqhom. |
|
(77) |
Kif spjegat fil-premessa (14), il-kampjun tal-produtturi esportaturi tqies rappreżentattiv. L-analiżi tal-kawżalità kienet ibbażata fuq l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kollha tal-prodott ikkonċernat mill-Indja u mhux limitata għal produtturi esportaturi uniċi kif meħtieġ mill-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, ġew miċħuda dawn l-affermazzjonijiet. |
|
(78) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (172) sa (181) tar-Regolament proviżorju. |
5.2. Effetti ta’ fatturi oħrajn
|
(79) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-GOI sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-PI kienet affettwata mill-importazzjonijiet miċ-Ċina, meta jitqies li d-dazji kontra l-assorbiment fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina ġew imposti eżatt qabel tmiem il-PI. Il-GOI argumenta li minkejja l-miżuri fis-seħħ kontra l-importazzjonijiet miċ-Ċina dawn żdiedu u l-importazzjonijiet mill-Indja baqgħu fl-istess firxa mill-2022; u l-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina kienu taħt il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Indja. |
|
(80) |
F’dan il-kuntest il-Kummissjoni rreferiet għall-konklużjoni fil-premessa (187) tar-Regolament proviżorju, li skontha l-importazzjonijiet Ċiniżi setgħu affettwaw b’mod negattiv is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, madankollu ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Indjani oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Dan kien evidenzjat mill-fatt li wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni kontra l-assorbiment, li effettivament irduppjaw id-dazji anti-dumping ikkalkulati qabel (10), l-importazzjonijiet Ċiniżi wrew xejra ta’ tnaqqis fil-volum u xejra ta’ żieda fil-prezzijiet bi prezzijiet medji ogħla mill-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Indja (11). Għalhekk, meta jitqies li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza addizzjonali, ġiet miċħuda l-affermazzjoni. |
|
(81) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-GOI sostna wkoll li d-dannu tal-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat minn żieda fl-investimenti tagħha minkejja s-suq li qed jonqos u ż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija minħabba l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja matul l-istess perjodu. |
|
(82) |
Fir-rigward tal-livell tal-investimenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (156) u (201) tar-Regolament proviżorju, li skonthom l-investimenti baqgħu f’livell baxx matul il-perjodu kkunsidrat minkejja ż-żieda fil-PI, li ma tistax titqies bħala kawża tad-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Fir-rigward taż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija li kienet attribwita għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha stabbilita fil-premessa (147) tar-Regolament proviżorju, li ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni kienet prinċipalment dovuta għal żidiet fil-kost tal-materja prima f’konformità mal-iżviluppi inflazzjonarji u li kienet il-pressjoni fuq il-prezzijiet ikkawżata mill-importazzjonijiet Indjani oġġett ta’ dumping li ma ppermettietx lill-produtturi tal-Unjoni jirkupraw xi żieda fil-kostijiet. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll fil-premessa (199) tar-Regolament proviżorju li ż-żieda fil-kostijiet tal-materja prima u tal-enerġija ma tistax titqies bħala kawża tad-dannu jekk dawk iż-żidiet fil-kostijiet ma jistgħux jiġu mgħoddija lill-klijenti minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Filwaqt li jitqies li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza addizzjonali, ġew miċħuda dawn il-kummenti. |
|
(83) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Birla Group tenna l-affermazzjonijiet tal-GOI rigward l-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Huwa argumenta li l-valutazzjoni tad-dannu tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-inabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li jgħollu l-prezzijiet tagħhom, filwaqt li kienu l-prezzijiet li kienu qed jonqsu tal-importazzjonijiet Ċiniżi li pprevjenew lill-industrija tal-Unjoni milli żżid il-profitti tagħhom. Birla Group irrimarka wkoll li l-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kien minn tliet sa erba’ darbiet ogħla mill-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja u sostna li b’hekk, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu kapaċi jeżerċitaw pressjoni ħafna ogħla fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet Indjani. Birla Group ikkonkluda li minħabba li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Indjani kien taħt is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni, huma ma setgħux ikunu responsabbli għall-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tagħha. Barra minn hekk, l-esportatur sostna li l-prezzijiet tal-importazzjoni Indjani naqsu kemm xejn bejn l-2021 u l-2022 u għalhekk ma setax ikollhom impatt f’daqqa fuq il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni. |
|
(84) |
L-esportatur sostna li l-Kummissjoni kellha tistma l-ammont ta’ dannu li kellu jiġi attribwit għal fatturi magħrufa oħra, bħall-importazzjonijiet Ċiniżi. |
|
(85) |
Fl-aħħar nett, filwaqt li rrefera għas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali Gul Ahmed Textile Mills vs il-Kunsill (12), Birla Group sostna li l-fatt li l-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni kontra l-assorbiment kien jikkoinċidi mal-PI ta’ din l-investigazzjoni jfixkel il-valutazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet mill-Indja u l-analiżi sħiħa tal-attribuzzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, huwa talab li jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża l-analiżi tagħha tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-Indja fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fuq il-perjodu l-aktar reċenti anki wara l-PI ta’ din l-investigazzjoni, minħabba li din ma tkunx affettwata mill-importazzjonijiet taċ-Ċina. |
|
(86) |
Il-Kummissjoni tenniet is-sejbiet tagħha fil-premessi (172) u (173) tar-Regolament proviżorju, fejn innotat li d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida maż-żieda rapida tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Indja b’marġnijiet sinifikanti ta’ twaqqigħ tal-prezz, li kkawżaw soppressjoni tal-prezzijiet. Filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Indjani oġġett ta’ dumping żdied bi kważi tliet darbiet, iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni matul l-istess perjodu kienet b’rata ferm iżgħar. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li prinċipalment l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Indja bbenefikaw mit-tnaqqis tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu kkunsidrat u li kien hemm koinċidenza fiż-żmien bejn iż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Indja u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tirkupra s-sehem mis-suq u tirrealizza livelli sostenibbli ta’ profitt, kif konkluż fil-premessa (179) tar-Regolament proviżorju. Birla Group ma pprovda l-ebda evidenza li tixħet dubju fuq dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni. |
|
(87) |
Rigward it-talba li l-Kummissjoni tistma l-ammont ta’ dannu kkawżat minn fatturi magħrufa oħra, bħall-importazzjonijiet Ċiniżi, il-Kummissjoni tinnota li hija kkonformat mar-rekwiżiti tar-Regolament bażiku u vvalutat il-kawżi l-oħra kollha tad-dannu separatament u flimkien u kkonkludiet li anki flimkien ma setgħux inaqqsu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping Indjani u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Jiġi nnotat ukoll li l-marġnijiet tad-dannu kienu bbażati fuq it-tqabbil bejn il-prezzijiet fil-mira tal-industrija tal-Unjoni u l-prezzijiet reali tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Bħala tali dawk il-marġnijiet ġew ikkalibrati għall-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Indjani inklużi fil-kampjun. |
|
(88) |
Il-Kummissjoni fakkret fis-sejbiet tagħha fil-premessa (204) tar-Regolament proviżorju, fejn il-Kummissjoni analizzat individwalment fid-dettall l-effetti tal-fatturi magħrufa l-oħra kollha fuq l-industrija tal-Unjoni. L-analiżi wriet li filwaqt li ma setax jiġi eskluż li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina, l-importazzjonijiet Indjani mhux oġġett ta’ dumping, u l-importazzjonijiet mit-Turkija, setgħu kkontribwew għad-dannu materjali, dawn ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Indjani oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Birla Group ma pprovda l-ebda evidenza biex isostni l-affermazzjoni tiegħu u għalhekk ġiet miċħuda. Barra minn hekk, kif innotat fil-premessa (87), il-marġnijiet tad-dannu stabbiliti f’dan il-każ kienu kkalibrati b’mod preċiż mal-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Indjani. |
|
(89) |
B’referenza għas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, il-Kummissjoni ma taqbilx li kienet distorta l-valutazzjoni tad-dannu tagħha. L-ewwel nett, l-investigazzjoni attwali u l-investigazzjoni kontra l-assorbiment kontra ċ-Ċina ma kellhomx perjodi ta’ investigazzjoni li jikkoinċidu kif sostnut ħażin minn Birla Group: il-PI tal-investigazzjoni attwali jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023, filwaqt li l-perjodu ta’ investigazzjoni kontra l-assorbiment kien mill-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2022 (13). Aktar importanti minn hekk, kif spjegat fil-premessa (203) tar-Regolament proviżorju, huwa ċar mix-xejriet osservati matul il-perjodu kkunsidrat li filwaqt li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina naqsu b’mod konsistenti, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet qed tiddeterjora notevolment, b’mod partikolari l-profittabbiltà tagħha. Birla Group injora dawk ix-xejriet u bbaża biss fuq il-fatt li kien hemm investigazzjoni kontra l-assorbiment kontra ċ-Ċina biex jappoġġa l-affermazzjoni tiegħu u b’hekk ma weriex li kienet distorta l-valutazzjoni attwali. Għalhekk, ġiet miċħuda wkoll din l-affermazzjoni. |
|
(90) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-effett ta’ fatturi oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (182) sa (202) tar-Regolament proviżorju. |
5.3. Konklużjoni dwar il-kawżalità
|
(91) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-kawżalità li jbiddel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fir-Regolament proviżorju u b’mod partikolari l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (203) sa (205) tar-Regolament proviżorju. |
6. LIVELL TAL-MIŻURI
6.1. Marġini tad-dannu
|
(92) |
Kif spjegat fit-Taqsima 3.2, wara l-miżuri proviżorji, il-Kummissjoni inkludiet fil-kalkolu tagħha tal-prezz tal-esportazzjoni għal STL Group ċertu bejgħ mill-ġdid tal-entità relatata ma’ STL fl-Italja, Metallurgica Bresciana. Fid-dawl tal-inklużjoni ta’ dan il-bejgħ mill-ġdid, il-marġni tad-dannu proviżorju għal STL Group ġie rivedut minn 41,2 % għal 42,3 %. |
|
(93) |
Kif previst mill-Artikolu 9(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament bażiku, u minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, hija analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni biex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni deskritt fil-premessa (3) u, għalhekk, jekk din tirriflettix id-dannu addizzjonali li jirriżulta minn tali żieda fid-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu. |
|
(94) |
Abbażi tad-data mill-bażi tad-data ta’ Sorveljanza 3 (14), il-volumi tal-importazzjoni mill-Indja matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat ta’ qabel id-divulgazzjoni kienu 56 % ogħla mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat u 89 % ogħla mill-istess perjodu ta’ erba’ ġimghat fi żmien il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni. |
|
(95) |
Sabiex jiġi rifless id-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi taż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, li hija meqjusa bħala l-fattur ta’ ponderazzjoni rilevanti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, ikkalkulat fattur multiplikatur stabbilit bid-diviżjoni tas-somma tal-volum tal-importazzjonijiet matul l-erba’ ġimgħat tal-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni (12 374 km ta’ kejbils) u t-52 ġimgħa tal-PI (103 091 km ta’ kejbils) bil-volum tal-importazzjoni fil-PI estrapolat għal 56 ġimgħa (111 021 km ta’ kejbils). Iċ-ċifra li tirriżulta, 1,04, tirrifletti d-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet. B’hekk, il-marġnijiet tad-dannu proviżorji ġew immultiplikati b’dan il-fattur. |
|
(96) |
Kif previst fl-Artikolu 9(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament bażiku, tali żieda fil-marġni tad-dannu għandha tapplika għal perjodu li ma jkunx itwal minn dak imsemmi fl-Artikolu 11(2), jiġifieri ħames snin. |
|
(97) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Birla Group sostna li l-metodoloġija applikata għall-aġġustament tal-marġni tad-dannu kienet inkonsistenti mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku peress li jenħtieġ li l-valutazzjoni tkun ibbażata fuq il-prezzijiet u mhux fuq il-volum tal-importazzjonijiet. Dan l-esportatur sostna li l-Kummissjoni l-ewwel kellha tistma kwalunkwe dannu addizzjonali li jirriżulta miż-żieda fl-importazzjonijiet u sussegwentement biss iżżidu mal-marġni tad-dannu, milli l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni, jiġifieri biex tistma ż-żieda fl-importazzjonijiet u mbagħad iżżidha mal-marġni tad-dannu. |
|
(98) |
L-analiżi tad-dannu addizzjonali deskritt fl-Artikolu 9(4) hija marbuta b’mod ċar mal-volum tal-importazzjonijiet, peress li qed tirreferi għal “żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni”. L-istess artikolu jispeċifika wkoll li l-valutazzjoni titwettaq f’każ li “isseħħ żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni minn qabel” u li dannu addizzjonali minn tali żieda għandu jiġi rifless fid-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu. Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni. |
|
(99) |
STL Group sostna li l-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet tad-dannu proviżorji wrew li xi ħaġa kienet żbaljata fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping ta’ STL Group minħabba li: (i) filwaqt li l-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ STL Group kienu bil-bosta l-ogħla, bi prezzijiet tal-esportazzjoni li allegatament kienu aktar minn 45 % ogħla minn xi produtturi esportaturi oħra (marġni tad-dannu aktar baxx ovvjament jindika prezz tal-esportazzjoni ogħla); u (ii) filwaqt li STL Group kien l-uniku produttur esportatur integrat bis-sħiħ fl-Indja, li jimmanifattura l-prodott taħt investigazzjoni mill-produzzjoni tal-ħġieġ preformat, u b’hekk l-aktar produttur kosteffiċjenti, ir-riżultat xorta kien li STL Group irċieva l-ogħla marġni ta’ dumping. Barra minn hekk, il-grupp STL afferma li dan ir-riżultat kien matematikament impossibbli sakemm il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-Grupp STL ma kinux b’xi mod aktar minn 45 % ogħla minn dawk ta’ xi produtturi oħra, iżda dan żgur ma kienx il-każ peress li l-prezzijiet domestiċi tal-produtturi Indjani kollha fis-suq domestiku Indjan kienu simili jew tal-anqas ivarjaw f’medda li hija ħafna iżgħar minn 45 %. Dan il-paradoss li jkun hemm kemm l-ogħla prezzijiet tal-esportazzjoni kif ukoll l-ogħla marġni tad-dumping, għalhekk, wera li l-aġġustamenti tal-Kummissjoni għall-prezz tal-esportazzjoni u għall-kostijiet ta’ STL Group ħolqu sitwazzjoni legalment insostenibbli u matematikament impossibbli. |
|
(100) |
Il-Kummissjoni qieset li l-istabbiliment ta’ marġni tad-dumping huwa bbażat fuq bosta fatturi, bħall-istruttura tal-produzzjoni/bejgħ tal-grupp/kumpanija, il-livell tal-prezzijiet domestiċi għal kull tip ta’ prodott, l-istruttura tal-kostijiet għal kull tip ta’ prodott, l-għadd ta’ tipi ta’ prodotti manifatturati u mibjugħa fi swieq differenti, il-volum ta’ dan il-bejgħ bejn dawn is-swieq, ir-riżultat tal-andament normali tal-kummerċ u t-tip ta’ spejjeż. B’mod partikolari, l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma ġie kkontestat b’mod effettiv mil’ STL Group b’mod motivat. Il-prezz tal-esportazzjoni jrid jiġi vvalutat ukoll fid-dawl ta’ dawn il-fatturi meta jitqabbel mal-valur normali bl-għan li jiġi definit il-marġni tad-dumping. Għalhekk, il-marġni tad-dumping u l-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ produtturi esportaturi differenti inklużi fil-kampjun jistgħu jirriżultaw minn parametri differenti ħafna u jenħtieġ li ma tinsilet l-ebda konklużjoni diretta minn dawn iż-żewġ fatturi mingħajr ma jitqiesu wkoll tali parametri differenti. Għalhekk, ġiet miċħuda l-affermazzjoni. |
|
(101) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tas-sejbiet li jifdal stabbiliti fil-premessi minn (207) sa (220) tar-Regolament proviżorju, huma b’dan ikkonfermati. |
|
(102) |
Kif deskritt fil-premessi minn (92) sa (96), il-Kummissjoni aġġustat il-marġnijiet tad-dannu. Għalhekk, il-livell finali ta’ eliminazzjoni tad-dannu għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha huwa kif ġej:
|
7. INTERESS TAL-UNJONI
7.1. Interess tal-industrija tal-Unjoni
|
(103) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (223) sa (226) tar-Regolament proviżorju. |
7.2. Interess ta’ importaturi mhux relatati
|
(104) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (227) sa (229) tar-Regolament proviżorju. |
7.3. Interess tal-utenti, l-installaturi u d-distributuri
|
(105) |
Wara d-divulgazzjoni minn qabel tal-miżuri proviżorji, utent addizzjonali tal-OFC attiv fl-industrija tat-telekomunikazzjoni ppreżenta ruħu billi pprovda tweġiba għall-kwestjonarju tal-utenti. Din it-tweġiba ġiet sottomessa ferm lil hinn mill-iskadenzi meħtieġa u ma setgħetx tiġi vverifikata. Madankollu, dan l-utent ma importax l-OFC mill-Indja u la esprima appoġġ u lanqas oppożizzjoni għall-miżuri. Fi kwalunkwe każ, it-tweġiba tiegħu ma kien fiha l-ebda argument jew informazzjoni addizzjonali dwar l-aspetti tal-interess tal-Unjoni li setgħu affettwaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-interess tal-utenti. |
|
(106) |
Għalhekk, il-Kummissjoni iżżomm il-konklużjoni tagħha li l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda informazzjoni li turi li l-utenti jkunu affettwati sproporzjonalment b’mod negattiv mill-miżuri anti-dumping. |
|
(107) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (230) sa (233) tar-Regolament proviżorju. |
7.4. Provvista fis-suq tal-Unjoni
|
(108) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-provvista fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (234) sa (235) tar-Regolament proviżorju. |
7.5. Sitwazzjoni kompetittiva fis-suq tal-Unjoni
|
(109) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (236) sa (239) tar-Regolament proviżorju. |
7.6. Fatturi oħrajn
|
(110) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ fatturi oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (240) tar-Regolament proviżorju. |
7.7. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
|
(111) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (241) sa (243) tar-Regolament proviżorju. |
8. MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI
8.1. Miżuri definittivi
|
(112) |
Bil-ħsieb tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità, il-livell tal-miżuri u l-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat. |
|
(113) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:
|
|
(114) |
Kif innotat fil-premessa (56), HFCL Group instab li ma kienx qed jagħmel dumping u għalhekk l-esportazzjonijiet tiegħu huma esklużi mill-miżuri. |
|
(115) |
Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward tal-kumpaniji li kienu soġġetti għall-investigazzjoni. B’hekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u prodott mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Indja”. |
|
(116) |
Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (15). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li t-tibdil ma jaffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(117) |
Biex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Indja”. |
|
(118) |
Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anki jekk jiġu ppreżentati fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-verifiki tagħhom tas-soltu u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport marittimu, eċċ.) għall-fini li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali. |
|
(119) |
Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’tali ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu. |
|
(120) |
Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mill-Indja japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(121) |
Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni biex ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ tali talba dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat minn dan iż-żmien ’il quddiem jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali. |
|
(122) |
L-istatistika kummerċjali tal-OFC frekwentement tiġi espressa f’km ta’ kejbils. Madankollu, ma hemm l-ebda tali unità supplimentari għall-OFC speċifikata fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (16). Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi previst li mhux biss il-piż f’kg jew f’tunnellati iżda wkoll in-numru ta’ km ta’ kejbils għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat iridu jiddaħħlu fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Il-km ta’ kejbils jenħtieġ li jiġu indikati għall-kodiċijiet NM u TARIC. |
8.2. Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji
|
(123) |
Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament. |
9. DISPOŻIZZJONI FINALI
|
(124) |
Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), meta ammont għandu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li għandu jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar. |
|
(125) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv jiġi impost fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi b’modalità waħda, magħmula minn fibra waħda jew aktar miksija individwalment, b’kisi protettiv, kemm jekk fihom kondutturi elettriċi kif ukoll jekk le, kemm jekk konnessi kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8544 70 00 (kodiċijiet TARIC 8544 70 00 10 u 8544 70 00 91) u li joriġinaw mill-Indja.
Il-prodotti li ġejjin huma esklużi
|
— |
kejbils ta’ inqas minn 500 metru tul li fihom il-fibri ottiċi kollha jkunu mgħammrin individwalment b’konnetturi operazzjonali f’estremità waħda jew fiż-żewġ estremitajiet; kif ukoll |
|
— |
kejbils għall-użu sottomarin, iżolati bil-plastik, li fihom konduttur tar-ram jew tal-aluminju, li fihom il-fibri jinsabu f’modulu/i tal-metall. |
2. Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġejjin:
|
Kumpanija |
Dazju anti-dumping definittiv (%) |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Birla Cable Ltd; Universal Cables Ltd; Vindhya Telelinks Ltd |
6,9 |
89CF |
|
Sterlite Technologies Limited; Sterlite Tech Cables Solutions Limited |
11,4 |
89CG |
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness |
9,0 |
|
|
L-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mill-Indja |
11,4 |
C999 |
3. Id-dazji anti-dumping mhumiex applikabbli għall-produttur esportatur Indjan HFCL Group, li jikkonsisti minn HFCL Limited u HTL Limited (kodiċi addizzjonali TARIC 89CH).
4. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni tal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum fl-unità li qed nużaw) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mill-Indja.
5. Meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fir-rigward tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, il-km ta’ kejbils tal-prodotti importati għandhom jiddaħħlu fil-qasam rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni, dment li din l-indikazzjoni tkun kompatibbli mal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87. Kull xahar, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bin-numru ta’ km ta’ kejbils importat taħt il-kodiċi NM ex 8544 70 00 (kodiċijiet TARIC 8544 70 00 10 u 8544 70 00 91).
6. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
L-ammonti ggarantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1943 għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti ggarantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 3
L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mill-Indja u jagħmilhom soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:
|
(a) |
ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023); |
|
(b) |
mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; kif ukoll |
|
(c) |
li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni. |
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) Avviż ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mill-Indja (ĠU C, C/2023/891, 16.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/891/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1943 tal-11 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ kejbils fibrottiċi li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 2024/1943, 12.7.2024, , ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1943/oj).
(4) MP Birla Group jinkludi Birla Cable Ltd, Universal Cables Ltd (“UCL”) u Vindhya Telelinks Ltd (“VTL”).
(5) STL Group jinkludi Sterlite Technologies Limited (“STL”) u Sterlite Tech Cables Solutions Limited (“STCS”).
(6) Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2024, il-Kawża T-2/22, Sveza Verkhnyaya Sinyachikha NAO vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI: EU:T:2024:615, il-paragrafi 124-144.
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2011 tas-17 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 410, 18.11.2021, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2011/oj), premessa 367: “il-medja ponderata tal-profitti tal-importaturi li kkooperaw intużat bħala marġni ta’ profitt raġonevoli. Dan il-marġni ta’ profitt ivarja bejn 15 % u 25 %”.
(8) Ibid, il-premessa (579).
(9) Ibid, il-premessa (583).
(10) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1617 tat-8 ta’ Awwissu 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-kejbils fibrottiċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 199, 9.8.2023, p. 34, ELI http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1617/oj).
(11) Il-premessa (187) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1943.
(12) Is-Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2019, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, T-199/04 RENV, ECLI :EU:T:2016:740, il-paragrafu 179, b’referenza għall-Komunitajiet Ewropej — Dazji Anti-Dumping fuq Aċċessorji ta’ Tubi jew Pajpijiet tal-Ħadid Fondut Malleabbli mill-Brażil (KE — Aċċessorji ta’ Tubi jew Pajpijiet), ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, WT/DS 219/AB/R (datata t-22 ta’ Ġunju 2003), il-paragrafi 190 u 191.
(13) Il-premessa (19) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1617.
(14) Is-Sistema ta’ sorveljanza tal-UE timmonitorja l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi lejn is-suq/mis-suq uniku tal-Unjoni f’termini ta’ volumi u/jew ta’ valur.
(15) Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat G, Rue de la Loi/Wetstraat 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.
(16) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).
(17) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI : http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
ANNESS
Produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw li mhumiex parti mill-kampjun
|
Pajjiż |
Isem |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
L-Indja |
Aberdare Technologies Private Limited |
89CI |
|
L-Indja |
Aksh Optifibre Limited |
89CJ |
|
L-Indja |
Apar Industries Limited |
89CK |
|
L-Indja |
Finolex Cables Limited |
89IC |
|
L-Indja |
Polycab India Limited |
89CL |
|
L-Indja |
UM Cables Limited |
89CM |
|
L-Indja |
ZTT India Private Limited |
89CN |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3014/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)