15.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/116


P9_TA(2022)0108

Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022: aġġustament tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 li jibbaġitja l-impatt fuq il-baġit tal-2022 tal-Aġġustament tal-qafas finanzjarju pluriennali b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (06310/2022 – C9-0052/2022 – 2022/0018(BUD))

(2022/C 434/20)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, adottat b'mod definittiv fl-24 ta' Novembru 2021 (2),

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021-2027 (3) (“ir-Regolament dwar il-QFP”),

—

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (4),

—

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (5),

—

wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022, adottat mill-Kummissjoni fit-28 ta' Jannar 2022 (COM(2022)0081),

—

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022, adottata mill-Kunsill fl-24 ta’ Frar 2022 u li ntbagħtet lill-Parlament fl-istess jum (06310/2022 – C9-0052/2022),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0051/2022),

A.

billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022 huwa marbut mal-aġġustament tal-qafas finanzjarju pluriennali f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-QFP, li jippermetti t-trasferimenti tal-allokazzjoni tal-2021 tal-approprjazzjonijiet ta' impenn jew mhux użati jew riportati għal disa' fondi taħt ġestjoni kondiviża, fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2021 ta' regoli jew programmi ġodda taħt ġestjoni kondiviża;

B.

billi l-approprjazzjonijiet ta' impenn li ma ntużawx fl-2021 għal programmi taħt ġestjoni kondiviża skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-QFP jammontaw għal EUR 48 988 299 856 fi prezzijiet attwali, li jikkorrispondu għat-totalità tal-approprjazzjonijiet ta' impenn tal-2021 li kienu ppjanati li jiġu implimentati f'ġestjoni kondiviża għal tmien fondi, peress li l-programmi tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biss kienu adottati bis-sħiħ fl-2021;

C.

billi dak l-ammont għandu jiġi trasferit fi proporzjonijiet indaqs għal kull waħda mis-snin 2022 sa 2025;

D.

billi l-għan tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022 huwa li jirrifletti l-impatt speċifiku tat-trasferiment ta' 25 % tal-allokazzjonijiet mhux użati fl-2021 għas-sena 2022 għal tmien fondi taħt ġestjoni kondiviża (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u l-Fond għas-Sigurtà Interna);

E.

billi l-impatt nett tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022 fuq in-nefqa jammonta għal żieda ta' EUR 12 247,1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn għad-diversi fondi taħt ġestjoni kondiviża taħt l-Intestaturi 2a, 3, 4 u 5; billi l-Kummissjoni ma hi titlob l-ebda approprjazzjoni ta' pagament addizzjonali;

1.

Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022, kif imressaq mill-Kummissjoni;

2.

Jinsab imħasseb dwar id-dewmien kbir fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża; itenni l-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida biex tappoġġja l-irkupru tal-Unjoni; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi biex jiżguraw li jkunu kompletament operazzjonali fl-2022 u biex iwettqu x-xogħol pendenti ħalli jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-programmi sal-2027;

3.

Iwissi dwar ir-riskji marbuta ma' livell insuffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament; ifakkar fl-impenn tiegħu li jipprevjeni kwalunkwe kriżi ta' pagament futura, bħal dik esperjenzata fil-bidu tal-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali preċedenti; jistenna, għalhekk, lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien kwalunkwe abbozz ta' baġit emendatorju li jitqies neċessarju għal żieda fil-pagamenti marbuta ma' aċċellerazzjoni tal-programmi u l-fondi tal-Unjoni;

4.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2022;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 1/2022 ġie adottat b'mod definittiv u biex tiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU L 45, 24.2.2022, p. 1.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(4)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(5)  ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.