|
11.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 377/7 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1668
tal-10 ta’ Novembru 2020
li jispeċifika d-dettalji u l-funzjonalitajiet tas-sistema tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li trid tintuża għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ merkanzija kummerċjalizzata legalment fi Stat Membru ieħor
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/515, is-sistema tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), magħrufa bħala s-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (“ICSMS”), trid tintuża għall-finijiet ta’ ċerti komunikazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2019/515. L-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jissostitwixxi l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, b’effett mis-16 ta’ Lulju 2021 (3). |
|
(2) |
Mir-Regolament (UE) 2019/515 jirriżulta li l-ICSMS trid tintuża, fost l-oħrajn, mill-awtoritajiet kompetenti u mill-Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li fl-ICSMS idaħħlu l-identità ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti u tal-Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti. |
|
(3) |
Biex ikun żgurat li l-informazzjoni meħtieġa mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni u tar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/515 tkun tista’ titfittex faċilment u tkun tista’ tiġi pproċessata aktar fl-ICSMS, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, minbarra li jtellgħu d-deċiżjoni amministrattiva jew is-sospensjoni temporanja, ikunu obbligati jipprovdu ċerta informazzjoni dwar dawk id-deċiżjonijiet f’forma strutturata. |
|
(4) |
Biex ikun żgurat li d-data fl-ICSMS tkun preċiża u aġġornata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jdaħħlu fl-ICSMS kull modifika f’deċiżjoni amministrattiva nnotifikata skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2019/515 jew f’sospensjoni temporanja nnotifikata skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2019/515. |
|
(5) |
Biex ikun żgurat li d-data personali fil-komunikazzjonijiet imdaħħla fl-ICSMS u d-data personali relatata ma’ persuni fiżiċi magħżula bħala utenti tal-ICSMS titħassar hekk kif ma tibqax meħtieġa għall-finijiet li għalihom dik id-data ddaħħlet fis-sistema, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-perjodi taż-żamma ta’ din id-data. |
|
(6) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fis-6 ta’ Ġunju 2020. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/515, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-kontenut tas-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq (“ICSMS”)
Għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/515, l-ICSMS għandha tkopri:
|
(a) |
in-notifika ta’ deċiżjonijiet amministrattivi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif imsemmi fl-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2019/515; |
|
(b) |
in-notifika ta’ sospensjonijiet temporanji lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2019/515; |
|
(c) |
in-notifika tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni lill-Istati Membri kollha kif imsemmi fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) 2019/515; |
|
(d) |
l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti tad-diversi Stati Membri kif imsemmi fl-Artikoli 5(7), 10(1)(a) u 10(3) tar-Regolament (UE) 2019/515. |
Artikolu 2
Aċċess għall-ICSMS
L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jdaħħlu fl-ICSMS l-identità tal-awtoritajiet kompetenti u tal-Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti li għandhom aċċess għall-ICSMS skont ir-Regolament (UE) 2019/515.
Artikolu 3
Notifika tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jillimitaw jew jiċħdu l-aċċess għas-suq
Meta tinnotifika deċiżjoni amministrattiva skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2019/515, l-awtorità kompetenti, minbarra li ttella’ kopja elettronika tad-deċiżjoni amministrattiva, għandha ddaħħal l-informazzjoni li ġejja fl-ICSMS:
|
(a) |
ir-regola teknika nazzjonali li abbażi tagħha tkun saret il-valutazzjoni; |
|
(b) |
l-isem tal-Istat Membru li fih l-operatur ekonomiku ddikjara li qed jikkummerċjalizza l-prodotti legalment; |
|
(c) |
ir-raġunijiet leġittimi ta’ interess pubbliku applikabbli koperti mir-regola teknika nazzjonali. |
L-awtorità kompetenti għandha ddaħħal fl-ICSMS kull tħassir jew irtirar tad-deċiżjoni amministrattiva nnotifikata skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2019/515.
Artikolu 4
Notifika ta’ sospensjonijiet temporanji
Meta tinnotifika sospensjoni temporanja skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2019/515, l-awtorità kompetenti, minbarra li ttella’ kopja elettronika tas-sospensjoni temporanja, għandha ddaħħal l-informazzjoni li ġejja fl-ICSMS:
|
(a) |
ir-regola teknika nazzjonali li abbażi tagħha se titwettaq il-valutazzjoni; |
|
(b) |
l-isem tal-Istat Membru li fih l-operatur ekonomiku ddikjara li qed jikkummerċjalizza l-prodotti legalment; |
|
(c) |
ir-raġunijiet leġittimi ta’ interess pubbliku għal sospensjoni temporanja tal-aċċess għas-suq kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2019/515. |
L-awtorità kompetenti għandha ddaħħal fl-ICSMS kull tħassir jew irtirar tas-sospensjoni temporanja nnotifikata skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2019/515.
Artikolu 5
Perjodi taż-żamma tad- data personali fil-komunikazzjonijiet imdaħħla fl-ICSMS
Id-data personali fil-komunikazzjonijiet imdaħħla fl-ICSMS u miżmuma f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għandha titħassar awtomatikament mill-ICSMS wara ħames snin minn:
|
(a) |
in-notifika ta’ sospensjoni temporanja skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2019/515; jew |
|
(b) |
in-notifika ta’ deċiżjoni amministrattiva skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2019/515, jekk dik id-deċiżjoni amministrattiva ma tkunx ġiet sottomessa lil SOLVIT; jew |
|
(c) |
l-aħħar skambju tal-informazzjoni skont l-Artikoli 5(7), 10(1)(a) u 10(3) tar-Regolament (UE) 2019/515; jew |
|
(d) |
meta jissolva l-każ ippreżentat lil SOLVIT. |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura t-tneħħija tad-data personali b’mezzi tekniċi f’konformità mal-ewwel paragrafu.
Artikolu 6
Perjodu taż-żamma tad- data personali tal-utenti tal-ICSMS
Id-data personali relatata ma’ persuna fiżika magħżula minn awtorità kompetenti jew minn Punt ta’ Kuntatt għall-Prodotti bħala utent tal-ICSMS għandha titħassar wara mhux aktar minn xahar minn meta l-Kummissjoni tkun infurmata li l-persuna fiżika ma għadhiex utent tal-ICSMS.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura t-tneħħija tad-data personali b’mezzi tekniċi f’konformità mal-ewwel paragrafu.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 91 tad-29.3.2019, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).