|
11.8.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 261/42 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1184
tas-17 ta’ Lulju 2020
dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mill-Ungerija skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi
(notifikata bid-dokument C(2020) 4862)
(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(6) tiegħu,
Billi:
1. FATTI U PROĊEDURA
|
(1) |
Fid-19 ta’ Lulju 2019, l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bl-intenzjoni tagħha li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
1.1. Leġiżlazzjoni tal-Unjoni
1.1.1. L-Artikolu 114(4) u (6) tat-TFUE
|
(2) |
L-Artikolu 114, paragrafi 4 u 6 tat-TFUE jistipula: “4. Jekk, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu. (…) 6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 […], tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perjodu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 […] għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati. Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perjodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perjodu ieħor sa sitt xhur.” |
1.2. Regoli ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-prodotti fertilizzanti
1.2.1. Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) japplika għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq bħala fertilizzanti bl-isem ta’ “fertilizzanti tal-KE”. Fertilizzant li jappartjeni għal tip ta’ fertilizzanti elenkat fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament jista’ jiġi ddeżinjat bħala “fertilizzant tal-KE” u jiċċaqlaq liberament fis-suq intern. |
|
(4) |
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ tipi ta’ fertilizzanti koperti mir-regoli ta’ armonizzazzjoni. Għal kull tip ta’ fertilizzant, hemm rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw, pereżempju, il-kontenut ta’ nutrijenti, is-solubbiltà tan-nutrijenti, jew il-metodi ta’ pproċessar. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 japplika l-aktar għall-fertilizzanti inorganiċi. Xi wħud mit-tipi ta’ fertilizzanti koperti għandhom kontenut ta’ fosforu ta’ 5 % ekwivalenti għal pentossidu tal-fosforu (P2O5) jew aktar skont il-massa. |
|
(6) |
L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera tal-fertilizzanti tal-KE fis-suq intern, billi jiddikjara li l-Istati Membri ma għandhomx, għal raġunijiet ta’ kompożizzjoni, ta’ identifikazzjoni, ta’ tikkettar jew ta’ ppakkjar, u fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra li jinsabu f’dak ir-Regolament, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzanti tal-KE li jikkonformaw ma’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Dak ir-Regolament ma jistabbilixxi l-ebda valur ta’ limitu għall-kontaminanti fil-fertilizzanti tal-KE. Għalhekk, bi ftit eċċezzjonijiet ibbażati fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi tat-TFUE (3), il-fertilizzanti tal-KE b’kontenut ta’ fosforu ta’ mill-inqas 5 % P2O5 jiċċaqalqu liberament fis-suq intern irrispettivament mill-kontenut tagħhom ta’ kadmju. |
|
(8) |
Minkejja dan, l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-kontenut ta’ kadmju mingħajr intenzjoni fil-fertilizzanti minerali diġà kien tħabbar fil-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. Skont dan “Il-fertilizzanti jistgħu jiġu kontaminati minn sustanzi li jistgħu potenzjalment joħolqu riskju għas-saħħa tal-bniedem u dik tal-annimali u għall-ambjent. B’żieda mal-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE), il-Kummissjoni biħsiebha tittratta l-kwistjoni dwar il-kontenut ta’ kadmju mingħajr intenzjoni f’fertilizzanti minerali u sejra, fejn ikun xieraq, tħejji proposta għal Regolament, li biħsiebha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn ikun xieraq, titwettaq reviżjoni simili għal kontaminanti oħra .” |
1.2.2. Ir-Regolament (UE) 2019/1009
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli ta’ armonizzazzjoni għal “prodotti fertilizzanti tal-UE”. Huwa jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 b’effett mis-16 ta’ Lulju 2022. |
|
(10) |
Prodotti fertilizzanti tal-UE huma prodotti fertilizzanti li jkollhom il-markatura CE meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq intern. Prodott fertilizzanti tal-UE jrid jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 għall-kategorija funzjonali ta’ prodotti (“PFC”) rilevanti u għall-kategorija jew għall-kategoriji tal-materjali komponenti, u jrid ikun ittikkettat f’konformità mar-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-istess Regolament. Hemm seba’ PFCs għal prodotti fertilizzanti tal-UE, u waħda minnhom tkopri l-fertilizzanti. |
|
(11) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 ikopri fertilizzanti inorganiċi b’mod aktar ġeneriku mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, soġġett għal xi rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw il-kwalità u s-sikurezza tagħhom. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2019/1009 japplika għal fertilizzanti organiċi u organominerali, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(12) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jintroduċi fil-livell tal-Unjoni l-kunċett ta’ “fertilizzanti fosfatiċi” għall-fertilizzanti inorganiċi ta’ makronutrijenti jew għall-fertilizzanti organominerali b’kontenut ta’ fosforu ta’ mill-inqas 5 % P2O5. |
|
(13) |
Ir-Regolament jistabbilixxi, għall-ewwel darba fil-livell tal-Unjoni, valuri ta’ limitu għall-kontaminanti fi prodotti fertilizzanti tal-UE. Abbażi tal-punt 3(a)(ii) fil-PFC 1(B), Fertilizzant organominerali, u tal-punt 2(a)(ii) fil-PFC 1(C)(I), Fertilizzant inorganiku ta’ makronutrijenti, tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009, il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi ma jistax jaqbeż il-valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5. |
|
(14) |
Il-prinċipju tal-moviment liberu huwa minqux fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009, skont liema l-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu, għal raġunijiet relatati mal-kompożizzjoni, mat-tikkettar jew ma’ aspetti oħra koperti minn dak ir-Regolament, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE li jikkonformaw ma’ dak ir-Regolament. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009, Stat Membru li, fl-14 ta’ Lulju 2019, jibbenefika minn deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti mogħtija f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE jista’ jkompli japplika l-valuri ta’ limitu nazzjonali għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi sa meta l-valuri ta’ limitu armonizzati għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jkunu daqs jew taħt il-valur ta’ limitu nazzjonali jkunu applikabbli fil-livell tal-Unjoni. |
|
(15) |
Barra minn hekk, sas-16 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha obbligu li tirrieżamina l-valuri ta’ limitu għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, bl-għan li tivvaluta l-fattibbiltà li tnaqqas dawn il-valuri ta’ limitu għal livell xieraq aktar baxx. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-fatturi ambjentali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kundizzjonijiet pedoklimatiċi, il-fatturi tas-saħħa, kif ukoll il-fatturi soċjoekonomiċi, inkluż il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà tal-provvista. |
1.2.3. Reġim fakultattiv
|
(16) |
Is-suq tal-UE għall-prodotti fertilizzanti huwa biss parzjalment armonizzat. |
|
(17) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 għandu l-għan li jiżgura ċ-ċirkolazzjoni libera tal-fertilizzanti tal-KE fis-suq intern. Madankollu, dan ma jaffettwax l-hekk imsejħa “fertilizzanti nazzjonali” mqiegħda fis-suq tal-Istati Membri f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-produtturi jistgħu jagħżlu li jikkummerċjalizzaw il-fertilizzant bħala “fertilizzant tal-KE” jew bħala “fertilizzant nazzjonali”. |
|
(18) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 iżomm ir-reġim fakultattiv mingħajr bidliet. B’hekk, jiżgura l-moviment liberu fis-suq intern tal-prodotti fertilizzanti tal-UE u jkompli jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti nazzjonali. L-għażla tibqa’ tal-manifattur. |
|
(19) |
Abbażi kemm tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 kif ukoll tar-Regolament (UE) 2019/1009, l-Istati Membri ma jistgħux jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzanti konformi tal-KE u, rispettivament, ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE, għal raġunijiet relatati mal-kontenut ta’ kadmju, fost l-oħrajn. |
|
(20) |
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu kwalunkwe valur ta’ limitu meqjus xieraq għall-kontaminanti fi prodotti fertilizzanti nazzjonali, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1009. Kull Stat Membru huwa mħasseb, aktar jew anqas minn oħrajn, mit-theddida li toħloq l-akkumulazzjoni tal-kadmju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-għelejjel. Il-maġġoranza tal-Istati Membri diġà introduċiet regoli li jillimitaw il-kontenut ta’ kadmju fi prodotti fertilizzanti nazzjonali bl-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-kadmju fl-ambjent u, b’hekk, l-esponiment tal-bniedem għall-kadmju. Din id-Deċiżjoni ma tirreferix għal dan it-tip ta’ regoli. |
|
(21) |
Għalhekk, ir-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni jeżistu flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-prodotti fertilizzanti. |
1.3. Dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati
|
(22) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mill-Ungerija (“id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati”) jinsabu fid-Digriet Nru 36/2006 tal-Ministru Ungeriż għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar l-awtorizzazzjoni, il-ħżin, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prodotti fertilizzanti. Id-Digriet Nru 36/2006 fih ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, il-Punt 1.2 tal-Anness 3 tad-Digriet jistabbilixxi valur ta’ limitu nazzjonali ta’ 20 mg/kg P2O5 għall-kadmju. Dan il-valur ta’ limitu japplika għal tliet kategoriji ta’ fertilizzanti nazzjonali: fertilizzanti fosforiċi, fertilizzanti NPK u fertilizzanti NPK + mikronutrijenti irrispettivament mill-kontenut tagħhom ta’ P2O5. Fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Settembru 2019, l-Ungerija kkonfermat li dak il-valur ta’ limitu mhuwiex applikabbli għall-fertilizzanti tal-KE. |
|
(23) |
L-Ungerija speċifikat fin-notifika tagħha u fl-informazzjoni addizzjonali ppreżentata lill-Kummissjoni li hija biħsiebha tapplika l-valur ta’ limitu msemmi hawn fuq għall-fertilizzanti inorganiċi u organominerali koperti mir-Regolament (UE) 2019/1009 u magħmula disponibbli fis-suq fl-Ungerija. B’mod partikolari, jekk jiġu approvati, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati japplikaw biss bħala deroga mid-dispożizzjonijiet dwar fertilizzanti fosfatiċi fil-punt 3(a)(ii) PFC 1(B) u fil-punt 2(a)(ii) PFC 1(C)(I) tal-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw fertilizzanti inorganiċi u organominerali b’kontenut totali ta’ fosforu li huwa daqs 5 % ekwivalenti għal pentossidu tal-fosforu (P2O5) jew aktar skont il-massa. |
|
(24) |
Fir-rigward tad-diversi kundizzjonijiet tad-Digriet Nru 36/2006 għajr il-limiti tal-kadmju, l-Ungerija kkonfermat li dawk il-kundizzjonijiet l-oħra ma għandhomx jitqiesu bħala dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 li għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni, peress li ma għandha l-ebda intenzjoni li tidderoga minn dak ir-Regolament lil hinn mill-valur ta’ limitu għall-kadmju. |
1.4. Proċedura
|
(25) |
Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1009, l-Ungerija kif ukoll is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka ffirmaw dikjarazzjoni politika li tesprimi d-dispjaċir tagħhom fir-rigward tal-ambizzjoni baxxa tal-kompromess finali dwar il-valur ta’ limitu għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, u li fiha diġà kienu indikaw l-appoġġ tagħhom għal derogi nazzjonali minnu abbażi tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(26) |
Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2019, irreġistrata fid-19 ta’ Lulju 2019, l-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009. Skont l-Artikolu 114(4) moqri flimkien mal-Artikolu 36 tat-TFUE, il-ġustifikazzjoni tal-Ungerija hija bbażata fuq raġunijiet ta’ ħtiġijiet kbar relatati mal-protezzjoni fit-tul tal-ħamrija u mal-protezzjoni li tirriżulta tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. |
|
(27) |
Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet in-notifika u informat lill-awtoritajiet Ungeriżi li l-perjodu ta’ sitt xhur għall-eżaminazzjoni tagħha skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE beda fl-20 ta’ Lulju 2019. |
|
(28) |
B’appoġġ għan-notifika tagħhom fuq il-bażi tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Settembru 2019 u tal-15 ta’ Ottubru 2019. Dik l-informazzjoni tipprovdi kjarifiki fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Ungerija qed tfittex li żżomm, kif ukoll data dettaljata dwar is-suq tal-fertilizzanti fl-Ungerija. |
|
(29) |
Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) sabiex tinforma lill-partijiet interessati dwar l-intenzjoni tal-Ungerija li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha, kif ukoll dwar ir-raġunijiet mogħtija b’appoġġ tat-talba. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni għarrfet ukoll lill-Istati Membri l-oħra dwar in-notifika u tathom l-opportunità li jippreżentaw xi kummenti dwarha fi żmien 30 jum. |
|
(30) |
Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti sa din l-iskadenza mingħand żewġ Stati Membri, jiġifieri: il-Latvja u r-Repubblika Ċeka. Il-Latvja ddikjarat li ma kinitx toġġezzjona għall-intenzjoni tal-Ungerija li żżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tal-valur ta’ limitu għall-kadmju tal-fertilizzanti fosfatiċi. Ir-Repubblika Ċeka semmiet li ma għandha l-ebda kumment fir-rigward tan-notifika. Ma wasal l-ebda kumment wara l-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(31) |
Fid-Deċiżjoni tagħha notifikata fis-17 ta’ Jannar 2020 (5), skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE, u fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni, u fin-nuqqas ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat mill-estensjoni fiha nnifisha, il-Kummissjoni qieset li kien iġġustifikat li l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE jiġi estiż għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur li jiskadi fl-20 ta’ Lulju 2020. Peress li l-kumplessità tal-kwistjoni kienet relatata mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, il-Kummissjoni rriżervat id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tan-notifika għal din id-deċiżjoni. |
2. VALUTAZZJONI
2.1. Ammissibbiltà
|
(32) |
Skont l-Artikolu 114(4) u (6) tat-TFUE, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jista’ jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti tiegħu minħabba n-neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36 tat-TFUE, jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, dment li jinnotifika dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni u diment li l-Kummissjoni tapprovahom. |
|
(33) |
L-Ungerija qed titlob lill-Kummissjoni tagħti deroga li tippermetti t-tqegħid fis-suq Ungeriż biss ta’ dawk il-fertilizzanti fosfatiċi b’kontenut minimu ta’ 5 % pentossidu tal-fosforu (P2O5) li ma jkunx fihom aktar minn 20 mg ta’ kadmju/kg P2O5. Fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Settembru 2019, l-Ungerija ċċarat li l-intenzjoni tagħha hija li żżomm deroga mill-valur ta’ limitu stabbilit għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, kemm għall-fertilizzanti inorganiċi ta’ makronutrijenti kif ukoll għall-fertilizzanti organominerali. |
|
(34) |
Sabiex taċċerta l-ammissibbiltà tat-talba, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kkonċernati humiex miżura preeżistenti li tidderoga mir-regola ta’ armonizzazzjoni li għadha kemm ġiet introdotta, u jekk humiex aktar stretti. |
2.1.1. Dwar l-eżistenza minn qabel tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati
|
(35) |
Għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni, huwa importanti li wieħed jieħu nota tal-kumplessità partikolari tas-sitwazzjoni inkwistjoni. |
|
(36) |
L-ewwel nett, il-lista eżawrjenti tat-tipi ta’ fertilizzanti tal-KE ddefiniti b’mod ristrett stipulata fir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 se tinbidel b’reġim regolatorju kompletament differenti. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2019/1009 se jissostitwixxi dawk it-tipi ta’ fertilizzanti b’kategoriji ta’ fertilizzanti ferm aktar ġeneriċi, u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni għal kategoriji ta’ prodotti li mhumiex fertilizzanti. Fi kliem ieħor, filwaqt li r-Regolament (UE) 2019/1009 se jkopri l-prodotti kollha li qabel kienu armonizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, dan se jikkostitwixxi l-ewwel miżura ta’ armonizzazzjoni tal-UE għal ċerti kategoriji ta’ fertilizzanti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tiegħu. |
|
(37) |
It-tieni nett, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jarmonizza l-fertilizzanti tal-KE, huwa ma jimponix valur ta’ limitu armonizzat għall-kadmju. Fi kliem ieħor, filwaqt li wħud mill-fertilizzanti fil-mira tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, bħala tali, diġà kienu soġġetti għal miżuri ta’ armonizzazzjoni, dawk il-miżuri ta’ armonizzazzjoni s’issa ma kinux immirati lejn ir-riskju li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jfittxu li jindirizzaw. |
|
(38) |
It-tielet nett, l-Ungerija ma applikatx għal deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, u bħalissa ma tapplika l-ebda limitu ta’ kadmju għall-fertilizzanti tal-KE. |
|
(39) |
Dawn il-kumplessitajiet iqajmu l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistgħux jitqiesu li huma fis-seħħ u notifikabbli lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE fir-rigward tar-Regolament (UE) 2019/1009 filwaqt li titqies l-armonizzazzjoni stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(40) |
Minn naħa waħda, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009 jestendi d-derogi preċedenti mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009, u b’hekk jippermetti li l-miżuri nazzjonali eżistenti japplikaw b’mod legali, abbażi tan-notifiki skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE u tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE, għall-fertilizzanti koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni previst mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 sabiex japplikaw ukoll għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li se jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ armonizzazzjoni estiż ġdid għall-ewwel darba bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dan jikkonferma wkoll li r-Regolament (UE) 2019/1009 huwa kontinwazzjoni tal-armonizzazzjoni li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(41) |
Min-naħa l-oħra, il-Premessa 11 tar-Regolament (UE) 2019/1009 tikkonferma li l-leġiżlatur, bil-parafrażi tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, qies li jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi kkunsidrat għall-fini tal-valutazzjonijiet skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE: “Diversi Stati Membri għandhom fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-kontenut ta’ kadmju f’fertilizzanti fosfatiċi għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Jekk Stat Membru jqis li hu meħtieġ li jżomm dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-adozzjoni ta’ valuri limitu armonizzati skont dan ir-Regolament, u sakemm dawk il-valuri limitu armonizzati huma ugwali għal jew aktar baxxi mill-valuri limitu nazzjonali diġà fis-seħħ, jenħtieġ li huwa jinnotifikahom lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 114(4) TFUE. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 114(5) TFUE, jekk Stat Membru jqis neċessarju li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda, bħal dispożizzjonijiet li jillimitaw il-kontenut tal-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, abbażi ta’ provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li huwa jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bir-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom. […]” |
|
(42) |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta ulterjorment mid-differenza fil-kampi ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u tar-Regolament (UE) 2019/1009, fejn ir-Regolament (UE) 2019/1009 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 mhux biss b’kamp ta’ applikazzjoni estiż iżda wkoll b’reġim regolatorju kompletament differenti. |
|
(43) |
Jista’ jiġi nnotat ukoll li, f’kawżi fil-passat, fejn miżura ġdida ta’ armonizzazzjoni kienet ġiet issostitwita b’waħda eżistenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) irreferiet biss għall-miżura ta’ armonizzazzjoni adottata ġdida bħala dik li jenħtieġ li tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-valutazzjonijiet skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE. (6) |
|
(44) |
Bħala konklużjoni, peress li r-Regolament (UE) 2019/1009 huwa l-miżura ta’ armonizzazzjoni li jenħtieġ li tiġi kkunsidrata għall-fini tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha taċċerta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kinux diġà jeżistu qabel dak ir-Regolament, f’konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(45) |
Ir-raba’ nett, kemm ir-Regolament (UE) 2019/1009 kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 joperaw b’reġim fakultattiv kif deskritt hawn fuq, li jimplika li r-regoli nazzjonali jistgħu jeżistu flimkien mar-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-UE, fl-istess kamp ta’ applikazzjoni materjali bħar-regoli ta’ armonizzazzjoni, iżda biss għal prodotti li ma jitqegħdux fis-suq abbażi tar-regoli ta’ armonizzazzjoni. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati s’issa applikaw biss għal dawn il-prodotti msemmija l-aħħar, jiġifieri għall-fertilizzanti msemmija fil-premessa 17 aktar ’il fuq bħala “fertilizzanti nazzjonali”. Għalhekk, l-applikazzjoni attwali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għal fertilizzanti nazzjonali bħal dawn hija legali, minħabba li r-regoli ta’ armonizzazzjoni huma fakultattivi għall-persuna li tqiegħed il-fertilizzanti fis-suq. Madankollu, l-Ungerija issa għandha l-intenzjoni li tapplika l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati bħala deroga mir-Regolament (UE) 2019/1009 filwaqt li dawn mhumiex applikati bħala deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(46) |
Din il-kumplessità tqajjem il-kwistjoni dwar jekk in-notifika magħmula mill-Ungerija tistax titqies bħala li qed iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-fini tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, aktar milli tintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni skont l-Artikolu 114(5) tat-TFUE. |
|
(47) |
L-ewwel nett jista’ jiġi nnotat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ilhom fis-seħħ fl-istat attwali tagħhom mill-2006. Għalhekk, dawn kienu fis-seħħ fiż-żmien tat-tfassil tar-Regolament (UE) 2019/1009 u, għaldaqstant, ġew qabel dak ir-Regolament. B’hekk, l-Ungerija mhijiex qed titlob li tintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni, kif ikun il-każ għal notifika skont l-Artikolu 114(5) tat-TFUE. |
|
(48) |
Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi ddubitat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex se jinżammu skont it-tifsira tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, fl-istat attwali tagħhom, ma japplikawx għall-fertilizzanti tal-KE. Madankollu, hija l-intenzjoni tal-Ungerija li tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għall-prodotti fertilizzanti tal-UE. Sabiex dan ikun il-każ, huwa meħtieġ aġġustament fil-leġiżlazzjoni Ungeriża. |
|
(49) |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex preeżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, għalkemm dawn ikollhom bżonn jiġu adattati xi ftit sabiex jinkludu prodotti fertilizzanti tal-UE filwaqt li l-fertilizzanti tal-KE jibqgħu esklużi, huwa importanti li wieħed iħares lejn l-iskop tad-distinzjoni bejn l-Artikolu 114(4) u (5) tat-TFUE. |
|
(50) |
Din id-distinzjoni ġiet indirizzata mill-ġurisprudenza tal-Qorti. Fil-kawża C-3/00 Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, il-Qorti kkonkludiet, fir-rigward tal-Artikolu 95 tat-TKE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 114 tat-TFUE: “Id-differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 95 hija li, fl-ewwel waħda, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ġew qabel il-miżura ta’ armonizzazzjoni. Għalhekk, huma magħrufa mil-leġiżlatura tal-Komunità, iżda l-leġiżlatura ma tistax jew ma turix xewqa li tkun iggwidata minnhom għall-fini ta’ armonizzazzjoni. Għaldaqstant, huwa meqjus aċċettabbli li l-Istat Membru jitlob li r-regoli tiegħu stess jibqgħu fis-seħħ. Għal dak l-għan, it-Trattat tal-KE jeħtieġ li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn iridu jkunu ġġustifikati fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 30 KE jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol. Għall-kuntrarju, fit-tieni sitwazzjoni, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida għandha probabbiltà akbar li tipperikola l-armonizzazzjoni. L-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux, skont id-definizzjoni, iqisu t-test nazzjonali meta kienu qed ifasslu l-miżura ta’ armonizzazzjoni. F’dak il-każ, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 30 KE ma jiġux ikkunsidrati, u r-raġunijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol biss jiġu aċċettati, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jipprovdi evidenza xjentifika ġdida u li l-ħtieġa li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda tirriżulta minn problema speċifika għall-Istat Membru kkonċernat li tirriżulta wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (7) |
|
(51) |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, jenħtieġ li jitqies li l-għan tad-distinzjoni bejn l-Artikolu 114(4) u (5) tat-TFUE huwa li jiġu imposti rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni ogħla f’każijiet fejn l-armonizzazzjoni x’aktarx li tkun ipperikolata peress li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx magħrufa mil-leġiżlatur fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miżura armonizzata u, għalhekk, ma ġietx ikkunsidrata meta tfasslet il-miżura ta’ armonizzazzjoni. |
|
(52) |
Kif diġà ġie stabbilit, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ilhom fis-seħħ fl-istat attwali tagħhom mill-2006. Għalhekk, dawn kienu fis-seħħ fiż-żmien tat-tfassil tar-Regolament (UE) 2019/1009 u, għaldaqstant, ġew qabel dak ir-Regolament ukoll. |
|
(53) |
Barra minn hekk, mill-Valutazzjoni tal-Impatt li Takkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti bil-markatura CE (8), huwa evidenti li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kienu magħrufa mil-leġiżlatura tal-Unjoni matul it-tfassil tar-Regolament (UE) 2019/1009. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jenħtieġ li jitqiesu bħala preeżistenti fid-dawl tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(54) |
Kif ġie nnotat aktar ’il fuq, ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa meqjus bħala l-miżura ta’ armonizzazzjoni rilevanti għal din il-valutazzjoni partikolari. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jenħtieġ li jiġu vvalutati fid-dawl ta’ dak ir-regolament. Għad irid jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex deroga tar-Regolament (UE) 2019/1009 u jekk humiex aktar stretti minn dak ir-Regolament. |
2.1.2. Dwar l-istrettezza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati fir-rigward tar-Regolament (UE) 2019/1009
|
(55) |
Filwaqt li l-valur ta’ limitu għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi stipulat fil-punt 3(a)(ii) PFC 1(B) u fil-punt 2(a)(ii) PFC 1(C)(I) tal-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009, li minnu jidderogaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, huwa stabbilit għal 60 mg/kg P2O5, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistabbilixxu valur ta’ limitu ta’ 20 mg/kg P2O5 għall-kadmju. Għalhekk, huwa ċar li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/1009, u li huma aktar stretti minnhom. |
|
(56) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jistgħu jinsiltu l-konklużjonijiet li ġejjin: 1) id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kienu jeżistu qabel il-miżura ta’ armonizzazzjoni u kienu magħrufa mil-leġiżlatura fiż-żmien tat-tfassil tal-miżura ta’ armonizzazzjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2019/1009. Għalhekk, jenħtieġ li dawn jitqiesu bħala miżura preeżistenti skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE u 2) id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati li jidderogaw mill-punt 3(a)(ii) PFC 1(B) u mill-punt 2(a)(ii) PFC 1(C)(I) tal-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 huma aktar stretti mir-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(57) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li n-notifika ppreżentata mill-Ungerija hija ammissibbli fl-intier tagħha skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
2.2. Valutazzjoni tal-merti
|
(58) |
F’konformità mal-Artikolu 114(4) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE, il-Kummissjoni trid tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dak l-Artikolu li jagħtu s-setgħa lil Stat Membru li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. |
|
(59) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex iġġustifikati mill-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 tat-TFUE jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol u li ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv leġittimu mixtieq. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, hija għandha tivverifika, skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew humiex restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le, u jekk jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern jew le. |
|
(60) |
Fid-dawl taż-żmien stabbilit mill-Artikolu 114(6) tat-TFUE, il-Kummissjoni, meta teżamina jekk il-miżuri nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE humiex iġġustifikati, trid tieħu bħala bażi l-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mill-Istat Membru li jinnotifika. L-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-Istat Membru rikjedenti li jixtieq iżomm il-miżuri nazzjonali tiegħu. |
|
(61) |
Madankollu, meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif li fid-dawl tiegħu l-miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, li minnha jidderogaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, jaf ikun hemm bżonn tiġi riveduta, hi tista’ tqis dan it-tagħrif fil-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati. |
2.2.1. Il-pożizzjoni tal-Ungerija
|
(62) |
Il-pożizzjoni tal-Ungerija fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi b’tal-anqas 5 % P2O5 hija mmotivata mill-protezzjoni fit-tul tal-ħamrija u mill-protezzjoni li tirriżulta tas-saħħa tal-bniedem u mill-ħarsien tal-ambjent. |
|
(63) |
Fin-notifika tagħha lill-Kummissjoni, l-Ungerija analizzat l-effetti mistennija tal-valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009 fit-territorju nazzjonali tagħha. Dan il-valur ta’ limitu qajjem tħassib importanti fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Il-kadmju huwa kkwalifikat bħala sustanza karċinoġenika, ikklassifikata fost l-aktar elementi tossiċi. Il-pjanti jassorbu l-kadmju u, b’dan il-mod, il-kadmju jidħol fil-katina alimentari. L-Ungerija tinsab fil-quċċata tal-klassifika fl-Unjoni u fid-dinja għall-imwiet mill-kanċer tal-pulmun. Għalhekk, l-Ungerija tenfasizza l-ħtieġa li jkompli jitnaqqas l-esponiment għall-kadmju li jidħol fil-ġisem mal-ikel. |
|
(64) |
Minħabba li l-esponiment għall-kadmju fil-popolazzjoni ġenerali kien statistikament assoċjat ma’ żieda fir-riskju tal-kanċer fost l-oħrajn fil-pulmun, l-Ungerija tixtieq tkompli tnaqqas l-esponiment tal-popolazzjoni tagħha għall-kadmju permezz ta’ valur ta’ limitu aktar baxx fil-fertilizzanti fosfatiċi. |
|
(65) |
Minbarra t-tħassib dwar is-saħħa tal-bniedem, l-Ungerija tippreżenta wkoll ġustifikazzjonijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent u mal-protezzjoni fit-tul tal-ħamriji tagħha li minħabba li fil-maġġoranza tagħhom huma aċidużi jew estremament aċidużi, huma aktar vulnerabbli għall-akkumulazzjoni tal-kadmju u, għalhekk, jeħtieġu protezzjoni akbar. |
|
(66) |
Fir-raġunament tagħha, l-Ungerija tibbaża fuq studji li jorbtu l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ġisem tal-bniedem ma’ diversi problemi tas-saħħa, bl-aktar mod sever mal-kanċer tal-pulmun, iżda wkoll ma’ insuffiċjenza renali kronika u mal-osteoporożi. (9) Fin-notifika tagħha, l-Ungerija tibbaża wkoll fuq diversi sorsi fir-rigward tal-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija. (10) L-Ungerija ssostni li teżisti rabta diretta bejn l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija, il-konsum inevitabbli mal-ikel u mal-għalf u l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem. |
|
(67) |
Il-biċċa l-kbira tal-fertilizzanti fosfatiċi fis-suq Ungeriż huma fertilizzanti tal-KE. Madankollu, il-maġġoranza tal-fertilizzanti tal-KE fis-suq Ungeriż għandhom kontenut ta’ kadmju ta’ anqas minn 20 mg/kg P2O5. Billi 95 % tal-fertilizzanti importati diġà jirrispettaw il-valur ta’ limitu futur ta’ 60 mg/kg P2O5 stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009, l-Ungerija hija mħassba li x-xejra tal-importazzjonijiet se tinbidel fil-futur u li din se twassal għal żieda sinifikanti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’livelli ta’ kadmju ogħla minn 20 mg/kg P2O5 li jirriżultaw f’aktar akkumulazzjoni ta’ kadmju fil-ħamrija u, konsegwentement, fit-trasferiment tiegħu fil-katina alimentari. |
2.2.2. Evalwazzjoni tal-pożizzjoni tal-Ungerija
2.2.2.1.
|
(68) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għandhom l-għan li jiksbu livell ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent minn dak previst fir-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tal-esponiment għall-kadmju, billi jipprevjenu aktar akkumulazzjoni ta’ kadmju fil-ħamrija. Il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-objettiv huma ż-żamma ta’ valur ta’ limitu massimu aktar baxx ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jkun fihom tal-anqas 5 % P2O5 skont il-massa meta mqabbel mal-valur ta’ limitu armonizzat stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(69) |
Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-kadmju huwa element mhux essenzjali u tossiku għall-bniedem, u ma għandu l-ebda benefiċċju għall-pjanti jew għall-annimali. B’mod partikolari, l-ossidu tal-kadmju ġie kklassifikat bħala sustanza karċinoġenika, kategorija 2, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
|
(70) |
Il-preżenza tal-kadmju fil-pjanti u l-konsum tal-kadmju mal-oġġetti tal-ikel jistgħu eventwalment iwasslu għal effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem fit-tul. Barra minn hekk, ladarba jiġi assorbit mill-ġisem tal-bniedem, jinżamm b’mod effiċjenti u jakkumula fih tul il-ħajja tiegħu. (12) |
|
(71) |
Il-kadmju jista’ jagħmel ħsara lill-kliewi, u jikkawża produzzjoni eċċessiva ta’ beta-2-mikroglobulina, proteina mneħħija fl-awrina, li hija indikatur bijoloġiku tal-funzjoni tal-kliewi. Id-durata u l-livell ta’ esponiment għall-kadmju jiddeterminaw is-severità tal-effett. Il-ħsara fl-iskeletru hija effett kritiku ieħor tal-esponiment kroniku għall-kadmju f’livelli kemxejn ogħla minn dawk li fihom il-proteina beta-2-mikroglobulina fl-awrina tkun indikatur bikri. Il-kadmju, li prinċipalment jinħażen fil-fwied u fil-kliewi, jiġi eliminat bil-mod, u jista’ jibqa’ fil-ġisem tal-bniedem għal għexieren sħaħ ta’ snin. |
|
(72) |
Il-pubbliku ġenerali huwa espost għall-kadmju minn diversi sorsi, inkluż it-tipjip. Għall-popolazzjoni li ma tpejjipx, l-ikel jirrappreżenta l-aktar sors dominanti ta’ konsum tal-kadmju. Il-kadmju huwa primarjament tossiku għall-kliewi, iżda jista’ jikkawża wkoll demineralizzazzjoni tal-għadam u kien assoċjat statistikament ma’ żieda fir-riskju ta’ kanċer fil-pulmun, fl-endometriju, fil-bużżieqa tal-awrina u fis-sider. (13) Barra minn hekk, ir-riskji għas-saħħa ma jistgħux jiġu esklużi għal persuni adulti li jpejpu u għal nies b’nuqqas ta’ ħadid f’ġisimhom u/jew li jgħixu qrib sorsi industrijali. (14) |
|
(73) |
Minħabba r-rata għolja ta’ mwiet mill-kanċer tal-pulmun fl-Ungerija, l-interess tagħha li tevita aktar esponiment għall-kadmju huwa ġġustifikat. |
|
(74) |
Barra minn hekk, minbarra l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem, aktar akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-bijodiversità tal-ħamrija u, għalhekk, fuq il-funzjonijiet tal-ħamrija (eż. id-dekompożizzjoni tal-materja organika) kif ukoll fuq il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art permezz ta’ lixxivjazzjoni fil-ħamriji. Kemm it-tossiċità kif ukoll il-bijodisponibbiltà tal-kadmju huma influwenzati mill-karatteristiċi tal-ħamrija. Il-mobbiltà u l-bijodisponibbiltà tal-kadmju huma ogħla f’ħamriji aktar aċidużi, u aktar baxxi f’ħamriji ġibsin/kalkarji. Madwar nofs il-ħamriji tal-Ungerija huma aċidużi jew estremament aċidużi, u dan iwassal għal sitwazzjoni speċifika għal dak l-Istat Membru li tagħmlu partikolarment vulnerabbli għall-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamriji. |
|
(75) |
It-tħassib dwar ir-riskji maħluqa mill-kadmju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent diġà ssemma mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Jannar 1988 (15). Il-Kunsill enfasizza l-importanza li titnaqqas l-introduzzjoni tal-kadmju fil-ħamriji mis-sorsi kollha inkluż mis-sorsi diffużi (eż. id-depożizzjoni atmosferika, il-fertilizzanti fosfatiċi, il-ħama tad-dranaġġ, eċċ.) permezz ta’, fost l-oħrajn, “miżuri xierqa ta’ kontroll għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi bbażati fuq teknoloġija adattata li ma tinvolvix kostijiet eċċessivi u li jqisu l-kundizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti tal-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
(76) |
Fil-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, diġà kien tħabbar l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-kontenut ta’ kadmju mingħajr intenzjoni fil-fertilizzanti minerali. |
|
(77) |
Fl-2002, il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent ikkonkluda li limitu ta’ 40 mg/kg P2O5 jew aktar iwassal għal akkumulazzjoni tal-kadmju fil-biċċa l-kbira tal-ħamriji tal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, limitu ta’ 20 mg/kg P2O5 jew anqas ma kienx mistenni li jirriżulta f’akkumulazzjoni fit-tul fil-ħamrija fuq perjodu ta’ 100 sena jekk ma jitqisux sorsi oħra ta’ kadmju. |
|
(78) |
Fil-proposta tagħha tar-Regolament (UE) 2019/1009 (16), fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli meta vvalutat l-impatti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-metall tal-kadmju u l-ossidu tal-kadmju b’mod ġenerali jistgħu joħolqu riskji serji għas-saħħa. Il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 fil-fertilizzanti fosfatiċi u li gradwalment dan il-valur ta’ limitu jitnaqqas għal 20 mg/kg P2O5 fi żmien 12-il sena wara l-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid. |
|
(79) |
Hemm qbil ġenerali wkoll li l-kadmju fil-fertilizzanti huwa bil-bosta l-aktar sors importanti ta’ introduzzjoni tal-kadmju fil-ħamrija u fil-katina alimentari. (17) Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 applikabbli mis-16 ta’ Lulju 2022. Il-maġġoranza vasta tal-fertilizzanti disponibbli fis-suq Ewropew diġà jikkonformaw ma’ dan il-valur ta’ limitu. Filwaqt li l-introduzzjoni ta’ dan il-limitu hija pass fid-direzzjoni t-tajba, fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli, x’aktarx li mhux se tnaqqas b’mod sinifikanti l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamriji fit-tul. |
|
(80) |
Filwaqt li jagħraf il-ħtieġa ta’ valur ta’ limitu armonizzat aktar ambizzjuż għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi fil-futur, ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex tivvaluta dawn il-limiti mill-ġdid bl-għan li tnaqqashom, jekk dan ikun fattibbli. |
|
(81) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, irid jitqies li l-valur ta’ limitu massimu stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huwa ġġustifikat mill-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem u tal-ambjent. |
2.2.2.2.
(a) In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni arbitrarja
|
(82) |
L-Artikolu 114(6) tat-TFUE jeħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika li ż-żamma tal-miżuri notifikati ma tkunx mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti (18), sabiex ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, sitwazzjonijiet simili ma jistgħux jiġu ttrattati b’modi differenti, u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm ma jkollhomx ġustifikazzjoni oġġettiva. In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni jfisser li r-restrizzjonijiet nazzjonali tal-kummerċ ma jistgħux jintużaw b’tali mod li joħolqu diskriminazzjoni fir-rigward ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra. |
|
(83) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati japplikaw kemm għall-prodotti domestiċi kif ukoll għall-prodotti mmanifatturati fi Stati Membri oħra. Billi ma hemmx evidenza tal-kuntrarju, jista’ jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mhumiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja. |
(b) Nuqqas ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ
|
(84) |
Il-miżuri nazzjonali, li jistabbilixxu kundizzjonijiet aktar stretti għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti meta mqabbla ma’ Regolament tal-Unjoni, normalment jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ. Dan għaliex, bħala riżultat tad-dispożizzjoni nazzjonali, uħud mill-prodotti li jitqiegħdu fis-suq legalment fil-bqija tal-Unjoni mhumiex mistennija jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat. Il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(6) TFUE huma maħsuba biex iżommu r-restrizzjonijiet ibbażati fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu milli jiġu applikati għal raġunijiet mhux xierqa, u li jikkostitwixxu fil-fatt miżuri ekonomiċi li ma jħallux l-importazzjoni ta’ prodotti minn Stati Membri oħra, jiġifieri, bħala mezz biex iħarsu b’mod indirett il-produzzjoni nazzjonali (19). |
|
(85) |
Billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jimponu wkoll valur ta’ limitu aktar strett fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi għall-operaturi ekonomiċi bbażati fi Stati Membri oħra fil-qasam, li fil-bqija tiegħu huwa armonizzat, huma jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija tal-kummerċ jew ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. |
|
(86) |
Fin-nuqqas ta’ evidenza li tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu miżura maħsuba sabiex tħares il-produzzjoni nazzjonali, jista’ jiġi konkluż li dawn ma jikkostitwixxux restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, jibqa’ f’idejn il-Kummissjoni li tikkunsidra jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jippreżentawx ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. |
(c) Nuqqas ta’ ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern
|
(87) |
L-Artikolu 114(6) tat-TFUE jirrikjedi li l-Kummissjoni tivverifika jekk iż-żamma tal-miżuri notifikati tikkostitwix ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern jew le. Il-kundizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod li hija tipprekludi l-approvazzjoni ta’ xi miżura nazzjonali li probabbli taffettwa l-funzjonament tas-suq intern. Fil-fatt, kull miżura nazzjonali b’deroga minn miżura ta’ armonizzazzjoni mmirata lejn l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern fis-sustanza tikkostitwixxi miżura li probabbli taffettwa s-suq intern. Għaldaqstant, sabiex jinżamm il-karattru utli tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 114 tat-TFUE, fil-kuntest tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE l-kunċett ta’ ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern irid jinftiehem bħala effett sproporzjonat b’rabta mal-objettiv mixtieq (20). |
|
(88) |
Meta jkun qed jiġi vvalutat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex adegwati u neċessarji sabiex jiksbu l-objettiv tagħhom, iridu jitqiesu diversi fatturi. Il-Kummissjoni trid tevalwa jekk il-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-valur ta’ limitu għall-kadmju stabbilit fil-leġiżlazzjoni Ungeriża huwiex effettiv fil-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bniedem minn naħa, u tal-ambjent min-naħa l-oħra. |
|
(89) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent billi jevitaw l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija. Fin-notifika tagħha lill-Kummissjoni, l-Ungerija timmotiva l-ħtieġa għad-deroga billi tirreferi għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-vulnerabbiltà speċjali tal-popolazzjoni Ungeriża minħabba n-numri għoljin ta’ mwiet bil-kanċer tal-pulmun u l-aċidità tal-ħamrija. |
|
(90) |
L-Ungerija tinsab fil-quċċata tal-klassifika fl-Unjoni u fid-dinja għall-imwiet mill-kanċer tal-pulmun. Minħabba dan il-fatt, l-Ungerija tenfasizza l-ħtieġa li jkompli jitnaqqas l-esponiment għall-kadmju li jidħol fil-ġisem mal-ikel. Barra minn hekk, madwar nofs il-ħamriji tal-Ungerija huma aċidużi jew estremament aċidużi, u dan iwassal għal sitwazzjoni speċifika għal dak l-Istat Membru li tagħmlu partikolarment vulnerabbli għall-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamriji. |
|
(91) |
Minbarra dan, valur ta’ limitu massimu ta’ 20 mg/kg P2O5 jew anqas ta’ konċentrazzjoni ta’ kadmju fil-fertilizzanti ġie identifikat bħala effiċjenti sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni fit-tul ta’ kadmju fil-ħamrija fuq 100 sena. |
|
(92) |
Filwaqt li jitqiesu wkoll l-elementi relatati mas-sitwazzjoni speċifika tal-Ungerija, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistgħu jitqiesu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti minnhom. |
|
(93) |
Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni li l-biċċa l-kbira tal-fertilizzanti fis-suq għandhom kontenut ta’ kadmju iktar baxx mil-limitu ta’ 20 mg/kg P2O5, għalkemm bħalissa dan mhuwiex meħtieġ għall-fertilizzanti tal-KE. Għalhekk, l-iffissar ta’ valur ta’ limitu għal 20 mg/kg P2O5 mhux se jikkawża tfixkil sinifikanti fis-suq. |
|
(94) |
L-applikazzjoni ta’ miżuri oħra bħar-restrizzjonijiet fuq l-użu tkun diffiċli ħafna sabiex tiġi kkontrollata fil-prattika u ma tkunx tista’ tilħaq l-objettiv mixtieq. Il-Kummissjoni tqis li ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mhijiex sproporzjonata u ma tikkostitwix ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE. |
|
(95) |
Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ ostakoli għat-tħaddim tas-suq intern hija ssodisfata. |
2.2.2.3.
|
(96) |
Sabiex jiġi żgurat li l-miżura nazzjonali, u l-ostakolu potenzjali għall-funzjonament tas-suq intern, ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi mfittxija mill-Ungerija, id-deroga nazzjonali jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien. Id-deroga ma tibqax meħtieġa jekk, fil-futur, il-valur ta’ limitu armonizzat jiġi stabbilit fil-livell tal-valur ta’ limitu Ungeriż jew taħtu. |
|
(97) |
Il-valur ta’ limitu armonizzat jista’ jiġi stabbilit biss fil-livell tal-valur ta’ limitu Ungeriż jew taħtu permezz ta’ deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni, pereżempju fil-kuntest tar-rieżami msemmi fl-Artikolu 49(b) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Għalhekk, jenħtieġ li l-perjodu li għalih tingħata d-deroga ma jkunx limitat għal ċerta data b’din id-Deċiżjoni, iżda jkun allinjat ma’ tali deċiżjoni futura mil-leġiżlatur. |
|
(98) |
Dan ikun konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009, li jistipula li d-derogi mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju jistgħu jkomplu japplikaw sakemm fil-livell tal-Unjoni jkunu applikabbli valuri ta’ limitu armonizzati għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jkunu l-istess bħal jew taħt dawk nazzjonali. |
|
(99) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati tkun tapplika sakemm fil-livell tal-Unjoni jkun applikabbli valur ta’ limitu armonizzat rivedut li jkun daqs jew taħt il-valur ta’ limitu Daniż. |
3. KONKLUŻJONIJIET
|
(100) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jenħtieġ li jiġi konkluż li n-notifika mill-Ungerija għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 kif ippreżentata fid-19 ta’ Lulju 2019 hija ammissibbli. |
|
(101) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssib li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati:
|
|
(102) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jiġu approvati, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mill-Ungerija skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, jiġifieri l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq Ungeriż ta’ fertilizzanti fosfatiċi li fihom tal-anqas 5 % P2O5 skont il-massa msemmija fil-punti 3(a)(ii) fil-PFC 1(B) u 2(a)(ii) fil-PFC 1(C)(I) fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 b’kontenut ta’ kadmju li jaqbeż l-20 mg/kg, P2O5, huma approvati sakemm fil-livell tal-Unjoni jkun applikabbli valur ta’ limitu armonizzat rivedut li jkun daqs jew taħt il-valur ta’ limitu Daniż.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1).
(3) Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006: 2006/347/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 19), 2006/348/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 25), u 2006/349/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 31).
(4) ĠU C 394, 21.11.2019, p. 2.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-perjodu msemmi fl-Artikolu 114(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti notifikati mill-Ungerija skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat (C(2020) 134 final).
(6) Ara C-360/14 P Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
(7) C-3/00 Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, il-punt 58. Ikkonfermata ulterjorment, eż., f’T-234/04 Ir-Renju tan-Netherlands vs Il-Kummissjoni, il-punt 58, fil-Kawżi Magħquda T 366/03 T-235/04 Land Oberösterreich u l-Awstrija vs Il-Kummissjoni, il-punt 62 u f’C-512/99 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, il-punt 41.
(8) Ara l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni li kienet speċifikament iddedikata għal-limitu tal-kadmju, SWD(2016) 64 final, PARTI 2/2; https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/10102/2016/EN/SWD-2016-64-F1-EN-MAIN-PART-2.PDF; ara b’mod partikolari l-paġni 5, 6, 25, 28, 29 u 32, u l-Anness I.
(9) Eż. HORVÁTH O, MAKRAINÉ HORVÁTH A ZS., 2006. A csontritkulás, korunk “néma járványa”. Nővér 2006 (19) 2, MÁTYUS J, OLÁH A, ÚJHELYI L, KÁRPÁTI I, BALLA J., 2008. Az idült vesebetegség epidémiája szükségessé teszi a glomerulus filtrációs ráta számítását. Orvosi Hetilap 149(2): 77-82 u IARC Monographs Volume 100C Cadmium and Cadmium Compounds. 2012.
(10) Eż. ADRIANO, D.C., 2001. Trace Elements in Terrestrial Environments. Biogeochemistry, Bioavailability and Risks of Metals. (it-tieni edizzjoni). Springer-Verlag. New York, ALLOWAY, B.J. (ed.)., 1990. Heavy Metals in Soils. Blackie and Son Ltd. Glasgow u Londra. John Wiley and Sons Inc. New York.
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(12) Ara r-rapport xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel “Cadmium dietary exposure in theEuropean population” (L-esponiment għall-kadmju mill-ikelfil-popolazzjoni Ewropea) tal-2012, ippubblikat fuq:https://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/scientific_output/files/main_documents/2551.pdf, (EFSA Journal 2012;10(1).
(13) EFSA Journal 2012;10(1).
(14) Ir-rapport tal-UE ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar il-kadmju u l-ossidu tal-kadmju, kif ikkwotat f’SWD(2016) 64 final, p. 11..
(16) COM/2016/0157 final - 2016/084 (COD).
(17) Ara l-istudju “Revisiting and updating the effect of phosphate fertilizers to cadmium accumulation in
European agricultural soils” ta’ Erik Smolders u Laetitia Six, ikkummissjonat minn Fertilizers Europe fl-2013,
ippubblikat fuq http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/environmental_risks/docs/scher_o_168_rd_en.pdf,
(18) Eż. C-492/14, Essent Belgium, il-punt 80, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2018 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma’ ċerti prodotti tal-laħam, C/2018/2721, il-punt 52 (ĠU L 118, 14.5.2018, p. 7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/348/KE, il-punt 38, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/347/KE, il-punt 39, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/349/KE, il-punt 39.
(19) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2018 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma’ ċerti prodotti tal-laħam, C/2018/2721, il-punt 54, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/348/KE, il-punt 40, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/347/KE, il-punt 41, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/349/KE, il-punt 41.
(20) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2018 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma’ ċerti prodotti tal-laħam, C/2018/2721, il-punt 55, (ĠU L 118, 14.5.2018, p. 7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/348/KE, il-punt 42, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/347/KE, il-punt 43, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/349/KE, il-punt 43.