8.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/22

tal-5 ta' Jannar 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri marbutin mal-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li tkun ibbażata, kollha kemm hi jew parti minnha, fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni addizzjonali magħha, u li hija stabbilita permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħrajn marbutin mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) għar-raġunijiet mogħtija fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunita (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Vettura utilitarja sportiva (SUV) bil-mutur, użata, li hija kumpatta u li tingrana fuq erba' roti, li għandha magna diżil b'ċilindrata ta' 2 000 ċm3, gerboks b'ħames gerijiet li titħaddem bl-idejn u ger tar-rivers. Il-piż gross totali ta' din il-vettura huwa ta' madwar 2 330  kg u l-kapaċità totali tat-tagħbija tagħha hija ta' madwar 700 kg.

Din il-vettura għandha spazju wieħed integrat għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Il-kabina tagħha fiha ringiela waħda ta' żewġ sits (inkluż dak tas-sewwieq), u ħames bibien bit-twieqi (il-bieba ta' wara tinfetaħ 'il barra). Il-parti tal-vettura maħsuba għall-merkanzija fiha tapit mal-art, u minn ġewwa l-vettura kollha hija miksija bit-tapizzerija mal-ġenb u mas-saqaf. Il-vettura għandha mekkaniżmu biex jittellgħu u jitniżżlu t-twieqi tal-ġenb ta' quddiem u ta' wara.

Il-vettura titranġa biex fiha jinġarru l-prodotti billi titneħħa t-tieni ringiela ta' sits, jitgħattew il-punti ta' ankraġġ li magħhom jitwaħħlu s-sits ta' wara u ċ-ċinturini tas-sikurezza, u l-kabina tingħażel mill-parti ta' wara permezz ta' xibka li sservi ta' lqugħ. Il-punti ta' ankraġġ li magħhom jitwaħħlu s-sits ta' wara u ċ-ċinturini tas-sikurezza ma tneħħewx jew spiċċaw ma jistgħu jintużaw qatt iktar.

8703 32 90

Il-klassifikazzjoni qed issir skont ir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u skont il-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8703 , 8703 32 u 8703 32 90 .

Il-vettura ma tistax tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8704 bħala vettura għat-trasport tal-prodotti, minħabba li għandha l-karatteristiċi ġenerali u d-dehra ġenerali ta' vettura ddisinjata b'mod ewlieni għall-ġarr tal-passiġġieri (fiha ħamest itwieqi, tapizzerija mal-ġenb u mas-saqaf u tapit). Il-bidliet li jsiru sabiex fiha jinġarru l-prodotti (it-tneħħija tas-sits ta' wara u l-istallazzjoni tax-xibka li sservi ta' lqugħ) faċli jitneħħew biex il-vettura tinġieb kif kienet oriġinarjament.

Għaldaqstant, il-vettura għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi tan-NM 8703 32 90 bħala vettura użata bil-mutur li hija ddisinjata b'mod ewlieni għat-trasport tal-passiġġieri.