Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fid‑9 ta’ Lulju 2026 (1)

Kawżi magħquda C‑535/25 sa C‑537/25

Amazon Italia Logistica Srl (C‑535/25),

Amazon Italia Services Srl (C‑536/25),

Amazon Italia Transport Srl (C‑537/25)

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

bl-intervent tal-:

Ministero delle Imprese e del Made in Italy

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Servizzi postali fl-Unjoni Ewropea — Direttiva 97/67/KE — Artikoli 2 u 9 — Awtorizzazzjoni ġenerali — Grupp ta’ impriżi responsabbli għall-kunsinna lill-klijenti finali ta’ merkanzija mibjugħa minn partijiet terzi — Impriżi li jagħmlu parti minn dan il-grupp li jipprovdu servizz postali — Kunċett ta’ fornitur ta’ servizzi postali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta lil dawn l-impriżi għal awtorizzazzjoni ġenerali”






1.        Fis-snin reċenti, iż-żieda fil-kummerċ elettroniku wasslet għal trasformazzjoni profonda tas-settur postali u ta’ setturi relatati (fosthom dak tal-loġistika), li l-operaturi tagħhom qegħdin iduru lejn mudelli ta’ negozju ġodda li jmorru lil hinn mill-kunċett klassiku ta’ “servizzi postali” (2).

2.        Wieħed minn dawn l-operaturi hija Amazon (3), li, permezz tas-suq elettroniku tagħha, taġixxi bħala intermedjarju fil-bejgħ ta’ oġġetti offruti minn bejjiegħa terzi. Hija tagħmel dan billi tipprovdi lill-klijenti tagħha servizzi integrati għall-ħażna, l-imballaġġ, u d-distribuzzjoni tal-prodotti kkummerċjalizzati.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi jekk, u sa liema punt, l-attività inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li titwettaq minn tliet impriżi tal-grupp Amazon (4), tikkostitwixxix “servizz postali”. Jekk iva, din l-attività tkun suġġetta għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67/KE (5).

4.        Preċiżament minħabba li ma kellhiex din l-awtorizzazzjoni, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM) (l-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet, l-Italja) issanzjonat lil kull waħda mit-tliet impriżi rikorrenti.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 97/67

5.        Skont l-Artikolu 2:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.      servizzi postali: servizzi li jinvolvu l-clearance, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali;

1a.      fornitur ta’ servizz postali: impriża li tipprovdi servizz postali wieħed jew aktar;

[…]

4)      clearance: l-operazzjoni tal-ġbir ta’ l-oġġetti postali minn fornitur ta’ servizz postali;

5)      tqassim: il-proċess mill-issortjar fiċ-ċentru tat-tqassim sal-kunsinna ta’ l-oġġetti postali lid-destinatarji tagħhom;

6)      oġġett postali: oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha ser jinġarr minn fornitur ta’ servizz postali. Minbarra l-oġġetti ta’ korrispondenza, dawk l-oġġetti jinkludu wkoll, per eżempju, kotba, katalogi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru;

[…]

14)      awtorizzazzjonijiet: kull permess li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi għas-settur postali u li jippermetti lill-impriżi biex jipprovdu servizzi postali u, fejn japplika, li jistabbilixxu u/jew iħaddmu n-netwerks tagħhom għall-forniment ta’ dawk is-servizzi, fil-forma ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ‘liċenzja individwali’ […]

[…]

19)      rekwiżiti essenzjali: raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru jimponi kondizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi postali. Dawn ir-raġunijiet huma l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, is-sigurtà tan-netwerk fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża, rispett għat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, skemi tas-sigurtà soċjali, […] u, fejn iġġustifikat, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ippjanar reġjonali. Il-protezzjoni tad-data tista’ tinkludi l-protezzjoni ta’ data personali, il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni mibgħuta jew maħżuna u l-protezzjoni tal-privatezza;

[…]”.

6.        L-Artikolu 9 jipprovdi:

“1.      Għal servizzi li jaqgħu barra l-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ sabiex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

[…]”.

B.      Id-dritt Taljan

7.        Id-Direttiva 97/67 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-decreto legislativo n. 261/1999 — Attuazione della direttiva 97/67/CE concernente regole comuni per lo sviluppo del mercato interno dei servizi postali comunitari e per il miglioramento della qualità del servizio (6), li l-Artikolu 1 tiegħu jinkludi definizzjonijiet li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

8.        Tapplika ratione temporis id-delibera Nru 129/15/CONS — Regolamento in materia di titoli abilitativi per l’offerta al pubblico di servizi postali (7), li l-Artikolu 8 (“Servizzi postali suġġetti għal awtorizzazzjoni ġenerali”), tal-Anness A tagħha, jipprovdi kif ġej:

“1.      L-offerta lill-pubbliku ta’ servizzi postali li ma humiex inklużi fis-servizz universali fis-sens tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 261/1999] hija suġġetta għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġenerali.

2.      Awtorizzazzjoni ġenerali għandha tkun meħtieġa anki għat-twettiq ta’ waħda biss mill-fażijiet li jinkludu l-attività tal-offerta ta’ servizzi postali msemmija fil-paragrafu 1 u għall-offerta ta’ servizzi postali b’valur miżjud”.

II.    Il-fatti, it-tilwimiet u d-domandi preliminari

9.        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2018 (8), l-AGCOM issanzjonat lit-tliet impriżi tal-grupp Amazon wara li kkonstatat li, mingħajr ma kellhom l-awtorizzazzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Taljana, offrew “servizz ta’ kunsinna lill-klijenti finali tal-prodotti [mibjugħa] fis-suq elettroniku [tagħhom] li huwa l-istess bħas-servizz ta’ tqassim ipprovdut mill-operaturi postali l-oħra […] u li jinkludi l-fażijiet ordinarji tal-katina postali […]”.

10.      Mill-proċess jirriżulta li Amazon taġixxi bħala intermedjarju fil-bejgħ ta’ oġġetti kkummerċjalizzati minn bejjiegħa terzi permezz tas-suq online tagħha (“Amazon Marketplace”). Il-mudell tan-negozju tagħha huwa strutturat kif ġej:

–        Bejjiegħ terz jibgħat il-merkanzija liċ-ċentru loġistiku ta’ Amazon (AIL) permezz ta’ trasportatur. Il-merkanzija tibqa’ f’kull ħin il-proprjetà tal-bejjiegħ.

–        Amazon (AIL) tirċievi, tissortja, u taħżen il-merkanzija.

–        Malli tirċievi ordni ta’ klijent, Amazon (AIL) tiġbor il-merkanzija mill-imħażen tagħha, tieħu ħsieb l-imballaġġ u t-tikkettjar (wara li tivverifika l-karatteristiċi speċifiċi tagħha, bħall-piż u d-dimensjonijiet).

–        Meta l-prodott mixtri jkun lest sabiex jintbagħat, jgħaddi minn proċess ta’ ssortjar progressiv (9). Inizjalment, AIL tqassam il-pakketti li diġà jkunu ttikkettjati fost l-impriżi ta’ kunsinna responsabbli għat-tqassim, li jistgħu jkunu, skont il-każ, jew impriżi li diġà joperaw fis-suq jew inkella “Amazon Logistics”.

–        Jekk il-kunsinna tkun f’idejn “Amazon Logistics” (unità tan-negozju ta’ AIT), AIT tiġbor (10) il-merkanzija miċ-ċentri loġistiċi ta’ AIL u teħodha fid-“Delivery Stations” (11),  li huma ġestiti minn AIT.

–        Fid-“Delivery Stations”, iseħħ it-tieni proċess ta’ ssortjar, permezz tal-assenjazzjoni tal-pakketti lil diversi impriżi tal-kunsinna lokali li magħhom Amazon tikkollabora fuq livell lokali (12).

–        L-operaturi lokali, taħt id-direzzjoni ta’ AIT (13), jieħdu ħsieb it-tqassim lill-klijent finali (l-hekk imsejjaħ “last mile” jew “l-aħħar mil”).

–        Il-kunsinna lill-klijent finali tista’ ssir fl-indirizz indikat mid-destinatarju jew, jekk id-destinatarju jitlob dan, permezz tal-lockers immaniġġjati minn AIS.

–        AIS “ma tipprovdix biss spazji fiżiċi għad-distribuzzjoni ta’ oġġetti postali lil terzi”, iżda pjuttost “timmaniġġjahom” billi tikkontrolla dawn il-lockers mill-bogħod, tissorvelja d-depożitu ta’ oġġetti postali minn impriżi tal-kunsinna u l-ġbir sussegwenti tagħhom mid-destinatarju (14).

11.      Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, l-AGCOM iddikjarat li:

–        L-attività tal-imballaġġ u tat-tikkettjar imwettqa minn AIL ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura postali. Madankollu, l-attivitajiet immedjatament sussegwenti, li permezz tagħhom oġġetti ppakkjati u ttikkettjati jsiru “oġġett finali” u jiġu mqassma fost id-diversi impriżi ta’ kunsinna skont it-termini tal-kunsinna u ż-żoni koperti, huma ta’ natura postali. Dawn l-attivitajiet jikkorrispondu għall-fażi ta’ “issortjar” li tikkaratterizza ċ-ċiklu ta’ attività tal-operaturi postali kollha (15).

–        L-attività ta’ ġestjoni tal-lockers imwettqa minn AIS “hija attività postali u l-innovazzjonijiet speċifiċi introdotti fil-mudell ma jimmodifikaw la n-natura tagħha, la l-klassifikazzjoni tagħha, u lanqas il-fatt li dan il-metodu ta’ kunsinna jifforma parti mill-fażi korrispondenti tas-servizz postali” (distribuzzjoni).

–        AIT u AIL ħolqu “netwerk unifikat organizzat għat-twettiq ta’ fażijiet tas-servizz postali mingħajr ma kisbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa, billi stabbilixxew il-kundizzjonijiet legali, tekniċi u ekonomiċi tiegħu, u billi użaw, fil-fażi tal-kunsinna, seba’ kumpanniji li ma kellhomx awtorizzazzjoni ġenerali sabiex jipprovdu dan is-servizz”. L-operaturi lokali “jitilfu kull awtonomija u kull indipendenza” bħala riżultat tal-linji gwida stretti maħruġa minn AIT, b’tali mod li din tal-aħħar tista’ titqies bħala d-“dominus” (sic) tas-servizz.

12.      It-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li quddiemha AIL, AIT, u AIS ikkontestaw separatament id-deċiżjoni tal-AGCOM, ikkonfermat, essenzjalment, din id-deċiżjoni.

13.      F’dan il-kuntest, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li ġie adit bl-appelli ta’ AIL, AIT, u AIS, jagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tliet kawżi:

“L-Artikoli 2 u 9 tad-Direttiva [97/67] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista għall-offerta lill-pubbliku ta’ servizzi postali[, l-]attivitajiet bħal dawk eżerċitati minn [AIL, AIS u AIT], u li huma deskritti fid-deċiżjoni[jiet] [kontenzjużi]?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      It-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2025. Minħabba r-relazzjoni mill-qrib tagħhom, ġie deċiż li jingħaqdu flimkien.

15.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn AIL, minn AIS u minn AIT (flimkien), mill-Gvern Spanjol, minn dak Taljan, minn dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn dak Norveġiż u mill-Kummissjoni Ewropea.

16.      Ma tqisx li kien essenzjali li tinżamm seduta.

IV.    Fuq l-ammissibbiltà

17.      Il-Gvern Taljan jikkunsidra li t-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli minħabba nuqqas ta’ espożizzjoni ċara tal-fatti, sa fejn dawn ma ċċarawx bi preċiżjoni suffiċjenti dawn li ġejjin:

–        jekk id-domanda tirreferix, b’mod ġenerali, għall-attivitajiet kollha mwettqa minn kull waħda mill-impriżi involuti (inklużi attivitajiet li, f’fażijiet sussegwenti jew preċedenti, ma humiex imwettqa mill-impriżi rikorrenti l-oħra) jew, għall-kuntrarju, biss għall-attivitajiet imwettqa suċċessivament f’katina tal-provvista waħda minn AIL, AIT u AIS (16);

–        jekk id-domanda testendix għall-klassifikazzjoni bħala “servizzi postali” tal-attivitajiet imwettqa individwalment minn kull impriża jew, pjuttost, tal-attività ġenerali li tirriżulta mill-koordinazzjoni bejniethom (17).

18.      Jiena ma naqbilx mal-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan u, għall-kuntrarju, nemmen li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

19.      Ċertament, id-domanda preliminari (unika) hija fformulata b’mod konċiż u f’termini sostanzjalment identiċi fit-tliet kawżi, minkejja li l-problemi f’kull waħda minnhom huma differenti.

20.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha f’termini li jippermettu li wieħed jifhem ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Fil-qosor, hija tixtieq tkun taf:

–        Jekk l-assenjazzjoni tal-pakketti minn AIL wara t-tikkettar tistax titqies bħala “issortjar” ta’ “oġġett postali” (Kawża C‑535/25).

–        Jekk il-ġestjoni tal-lockers minn AIS hijiex parti mill-fażi ta’ “distribuzzjoni” ta’ oġġett postali (Kawża C‑536/25).

–        Jekk impriża (AIT) li, anki jekk ma twettaqx materjalment kompiti ta’ kunsinna u tqassim ta’ pakketti postali, torganizzahom billi teżerċita “setgħa ta’ amministrazzjoni u ta’ koordinazzjoni” fuq l-operaturi lokali li jikkollaboraw magħha, hijiex “fornitur ta’ servizzi postali” (Kawża C‑537/25).

–        Jekk, u b’liema mod, ir-rabta li teżisti bejn l-attivitajiet imwettqa minn AIL, minn AIS, u minn AIT tinfluwenzax il-klassifikazzjoni tas-servizzi msemmija iktar ’il fuq bħala “servizzi postali” (18).

–        Jekk teżistix “offerta pubblika ta’ servizzi postali” fejn is-servizzi pprovduti ma jkunux diretti b’mod indiskriminat lejn l-utenti kollha u ma jkunx hemm uffiċċji miftuħa għall-pubbliku (Kawża C‑535/25, rilevanti wkoll għall-Kawżi C‑536/25 u C‑537/25) (19).

21.      L-argumenti tal-partijiet u tal-intervenjenti f’din il-proċedura juru l-fehim tagħhom tal-kwistjonijiet kontenzjużi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-kwistjonijiet, minkejja l-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan.

22.      B’mod partikolari, jidher li d-dinamika operattiva tat-tliet impriżi ta’ Amazon hija deskritta (fid-digrieti tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet tal-partijiet) f’dettall suffiċjenti sabiex tiġġustifika d-dubji tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) u sabiex tiffaċilita r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja (20).

V.      Evalwazzjoni

A.      Osservazzjonijiet preliminari

23.      Problema ta’ mertu sottostanti għall dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari hija l-inadegwatezza tad-definizzjonijiet fid-Direttiva 97/67 sabiex jiġu applikati għall-kummerċ fuq pjattaformi bħal Amazon.

24.      Id-Direttiva 97/67 ġiet adottata f’kuntest iffukat fuq is-servizz postali “tradizzjonali”. Fl‑1997, is-servizz postali ġie fdat lil operaturi prinċipalment responsabbli għall-ġestjoni u għad-distribuzzjoni tal-posta, li kienet magħmula fil-parti l-kbira tagħha minn ittri u minn pakketti.

25.      Il-liberalizzazzjoni promossa mid-Direttiva 2008/6 biddlet il-fokus tas-sistema minn servizz universali għal xenarju miftuħ għall-kompetizzjoni: din iffaċilitat id-dħul fis-suq ta’ operaturi li s-servizzi tagħhom, filwaqt li żammew ċerta ekwivalenza funzjonali ma’ dawk tal-operatur postali “tradizzjonali”, kienu mmirati lejn oqsma oħra, bħal dawk ta’ kurrier espress. Fis-sentenza Confetra (21), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li dawn kienu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67 u mis-sistema ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fiha.

26.      Il-konsolidazzjoni ta’ mudelli ta’ negozju ġodda, ibbażati fuq il-kummerċ elettroniku u l-kunsinna tal-prodott fid-dar tal-klijent finali, żiedet l-għadd ta’ aġenti ekonomiċi involuti. Is-servizzi tagħhom, parzjalment analogi għal u parzjalment sostituttivi għal dawk tal-operaturi postali “tradizzjonali”, ma humiex faċilment inklużi fil-kunċett klassiku ta’ “servizz postali” (22).

27.      F’dan il-kuntest ġdid, xi kunċetti tad-Direttiva 97/67, imfassla għall-paradigma postali tradizzjonali, huma insuffiċjenti, jekk mhux saħansitra skaduti (23). B’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ “oġġett postali”, li fuqha hija bbażata s-sistema kollha, tbati minn ċirkolarità qawwija (24), li tikkomprometti ċ-ċarezza tagħha u tfixkel l-applikazzjoni tagħha għal każijiet konkreti. Id-Direttiva 2008/6 indirizzat dawn in-nuqqasijiet parzjalment biss (25).

28.      L-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni atti leġiżlattivi sussegwenti oħra, bħar-Regolament (UE) 2019/1020 (26) u r-Regolament (UE) 2018/644 (27), li ser niddiskuti iktar ’il quddiem.

29.      B’mod partikolari, ir-Regolament 2018/644, għalkemm ma huwiex applikabbli ratione materiae għal dawn il-kawżi, jista’ jipprovdi elementi utli għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/67, fid-dawl tar-relazzjoni ta’ komplementarjetà li teżisti bejn iż-żewġ atti (28).

30.      Madankollu, għandi nfakkar li f’talba għal deċiżjoni preliminari li rriżultat minn tilwima bejn l-AGCOM u diversi operaturi ekonomiċi, inklużi AIL u AIT, il-Qorti tal-Ġustizzja (29) diġà kklassifikat impliċitament lil dawn tal-aħħar bħala “fornituri ta’ servizzi ta’ pakketti”, li huma “servizzi postali” skont l-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament 2018/644 (30).

31.      Wara dawn il-kjarifiki, ser nagħmel analiżi separata ta’ kull waħda mit-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari.

B.      Il-Kawża C‑535/25

32.      Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf jekk l-attività ta’ AIL tistax tiġi kklassifikata bħala “offerta ta’ servizzi postali lill-pubbliku” (31).

33.      Huwa jindika li, qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat “meta l-attivitajiet imwettqa minn operatur partikolari jistgħu jiġu kklassifikati bħala ‘postali’”, u li f’dan il-kuntest huma rilevanti kemm id-definizzjoni ta’ “oġġett postali” kif ukoll il-kunċett ta’ “issortjar”. Huwa jżid li “kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni sottostanti għad-domanda magħmula hija dik dwar f’liema każ servizzi postali jistgħu jitqiesu bħala ‘offruti lill-pubbliku’”.

1.      L-“issortjar” ta’ “oġġett postali”

34.      Sabiex attività taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67:

–        Għandha tikkonsisti fil-provvista ta’ mill-inqas wieħed mis-“servizzi postali” elenkati fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva (32).

–        Is-servizz ipprovdut b’dan il-mod għandu wkoll ikun jikkonċerna “oġġett postali” (33).

a)      In-natura “postali” ta’ oġġett.

35.      Naqbel mal-qorti tar-rinviju (34) li l-element ċentrali tal-problema jikkonċerna d-definizzjoni ta’ “oġġett postali”. Din id-definizzjoni tiddetermina “d-distinzjoni bejn ‘servizzi postali’ u servizzi li, għalkemm jikkonsistu fl-istess attivitajiet materjali, ma humiex ‘servizzi postali’ peress li ma jikkonċernawx ‘oġġetti postali’”.

36.      L-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 97/67 jiddefinixxi l-“oġġett postali” bħala “oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha ser jinġarr minn fornitur ta’ servizz postali”.

37.      Abbażi ta’ din id-definizzjoni, l-AGCOM u l-qorti tal-ewwel istanza ddeċidew li “oġġett huwa postali meta, ladarba l-proċess tat-tikkettar ikun komplut, ikollu forma adattata sabiex jidħol fil-katina postali” (35). L-attività mwettqa minn AIL wara t-tikkettar għalhekk taqa’ taħt is-servizzi postali u “hija inkluża fil-kunċett ta’ issortjar, fis-sens tad-[Direttiva 97/67]” (36).

38.      Amazon ma taqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Hija temmen li l-attivitajiet ta’ AIL huma ta’ natura loġistika, sempliċement “preparatorji”, u jsiru “meta l-katina postali tkun għadha ma bdietx taħdem” (37).

39.      Insostenn għall-argument tagħha, Amazon essenzjalment tinvoka tliet argumenti, relatati ma’: a) id-definizzjoni ta’ “oġġett postali”; b) ir-relazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ “ġbir” u ta’ “issortjar” ta’ “oġġett postali”; u ċ) il-ħtieġa li tiġi identifikata l-linja diviżorja oġġettiva bejn attività “loġistika” u s-settur postali (38).

b)      Id-definizzjoni ta’ “oġġett postali”

40.      Amazon tagħmel riferiment għall-formulazzjoni litterali tad-definizzjoni ta’ “oġġett postali” (Artikolu 2(6) tad-Direttiva 97/67), billi targumenta li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dik id-dispożizzjoni jiffokaw fuq “il-mument kronoloġiku” li fih l-operatur postali “jieħu responsabbiltà” għall-oġġett postali “għall-finijiet tal-kunsinna tiegħu” (39).

41.      Minn din il-premessa, hija tiddeduċi li l-merkanzija kkumerċjalizzata permezz tas-suq online tagħha “ma tistax issir oġġetti postali sempliċement bit-twaħħil ta’ tikketta” minn AIL. In-natura “postali” tirriżulta “biss meta [dawn l-oġġetti] jiġu fdati fiżikament lil operatur postali għall-kunsinna tagħhom” (40).

42.      Fil-fehma tiegħi, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 97/67 ma jikkonfermawx l-argument ta’ Amazon. Fil-fatt, il-verżjoni Taljana tirreferi biss għall-“momento [mument]” (fis-sens kronoloġiku) tal-aċċettazzjoni fiżika tal-oġġett postali mit-trasportatur għall-iskop tal-kunsinna tiegħu (41). Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-verżjonijiet l-oħra li stajt nikkonsulta, li l-enfasi tagħhom pjuttost hija fuq il-forma (konfigurazzjoni materjali) li l-oġġett jikseb f’punt qabel it-trasport tiegħu (42).

43.      Il-kliem ta’ dawn il-verżjonijiet lingwistiċi ma jippermettix li jiġi sostnut li hija l-kunsinna fiżika lit-trasportatur biss li tiddetermina l-konverżjoni tal-oġġett f’“oġġett postali”. Dan ma jeskludix il-possibbiltà li, bejn il-mument li fih l-oġġett jakkwista l-forma finali tiegħu u l-mument li dan jiġi aċċettat għall-finijiet tat-trasport, iseħħu azzjonijiet oħra, possibbilment imwettqa mill-istess impriża li tkun ħadet ħsieb l-ippakkjar u t-tikkettar (43), li jistgħu jiġu kklasifikati bħala “ġbir” u “issortjar”.

c)      In-nuqqas ta’ “ġbir”

44.      Fit-tieni lok, Amazon tenfasizza s-sekwenza tal-istadji fil-katina postali li jirriżultaw mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67. Abbażi ta’ dan, hija targumenta li AIL ma setgħetx twettaq attività ta’ “issortjar” bejn il-“ġbir” u d-“distribuzzjoni” minħabba li hija timmaniġġja l-prodotti qabel ma jkun sar ebda “ġbir” (44).

45.      Skont Amazon, meta prodott ikun maħżun bħala inventarju, l-ispedizzjoni tiegħu tibqa’ f’“forma li ma hijiex finali” u l-oġġett ma jakkwistax natura “postali” sakemm ma titwettaqx l-operazzjoni fiżika ta’ “ġbir” (mit-trasportatur). Fil-każ ta’ AIL, fin-nuqqas ta’ tali ġbir, l-attività ta’ “issortjar” ma hijiex “servizz postali”, iżda pjuttost waħda “ta’ loġistika” u preparatorja.

46.      L-analiżi tal-argument ta’ Amazon teħtieġ li tiġi kkunsidrata l-evoluzzjoni tal-kunċett ta’ “ġbir”, wara l-emenda introdotta mid-Direttiva 2008/6.

47.      Fil-formulazzjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 97/67 kien jillimita l-ġbir għall-“operazzjoni tal-ġbir ta’ l-oġġetti postali depożitati fil-punti ta’ aċċess” (45). Madankollu, ir-riferiment għall-“punti ta’ aċċess” (46) tgħib fil-verżjoni attwalment fis-seħħ (47). Dan l-għajbien ifisser li l-kunċett preċedenti, li taħtu l-“ġbir” kien jinvolvi t-tneħħija ta’ oġġett postali minn “faċilità fiżika” “disponibbli għall-pubbliku [...]”, ippreċedut minn “depożitu” ta’ dan l-oġġett mill-“klijenti/mittenti”, ma għadux validu.

48.      It-twessigħ tal-portata tal-“ġbir” huwa konsistenti mal-objettiv li l-fornituri tas-servizzi postali jistgħu jiddiversifikaw l-attività tagħhom “billi jipprovdu servizzi ta’ kummerċ elettroniku jew servizzi oħra tas-soċjetà ta’ l-informatika” (premessa 14 tad-Direttiva 2008/6).

49.      Għalhekk, id-definizzjoni fis-seħħ ta’ “ġbir” tista’ tiġi adattata għal mudell ta’ negozju fejn il-mittent ma “jiddepożitax”, fil-bini ta’ fornitur tas-servizz postali, “oġġett postali” ppakkjat minn qabel, iżda pjuttost prodott li dan il-fornitur jaħżen u sussegwentement jittrasforma f’“oġġett postali” meta jipprepara l-ordnijiet (48).

d)      Id-distinzjoni bejn servizzi ta’ “loġistika” u “postali”

50.      Lanqas ma jiena konvint mill-argument ta’ Amazon rigward ir-Regolament 2019/1020. L-għan ta’ dan ir-Regolament ma huwiex li jiġi stabbilit qafas regolatorju għal “servizzi ta’ eżekuzzjoni [loġistika]” (49), iżda pjuttost “[…] li jiżgura li fis-suq tal-Unjoni jkunu disponibbli biss il-prodotti konformi li jissodisfaw rekwiżiti li jipprovdu għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi […]” (50).

51.      Ir-Regolament 2019/1020 jindirizza biss b’mod inċidentali (51) il-figura tal-“fornitur ta’ servizz ta’ eżekuzzjoni [loġistiċi]” li hija ddefinita fl-Artikolu 3(11) ta’ dan ir-regolament. Huwa jispeċifika li din tfisser “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri, waqt attività kummerċjali, mill-inqas tnejn mis-servizzi li ġejjin, jiġifieri: dawk ta’ ħżin, imballaġġ, indirizzar u dispaċċ, mingħajr ma jkollha s-sjieda tal-prodotti involuti, esklużi s-servizzi postali kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [97/67] […]” (enfasi miżjuda minni).

52.      Il-qorti tar-rinviju u Amazon ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni ta’ din l-esklużjoni tas-servizzi postali:

–        Għal Amazon, “jidher ċar minn din id-definizzjoni li impriża tista’ twettaq l-erba’ attivitajiet ta’ ħażna, imballaġġ, indirizzar, u dispaċċ (bħal fil-każ ta’ AIL), mingħajr ma tkun ‘fornitur ta’ servizzi postali’ minħabba f’hekk” (52).

–        Għall-qorti tar-rinviju, għall-kuntrarju, id-definizzjoni tikkonferma li “l-istess attivitajiet materjali ta’ natura loġistika jistgħu jkunu jew jistgħu ma jkunux ta’ natura postali, skont jekk is-suġġett tagħhom tkunx ‘kunsinni postali jew le’” (53).

53.      Jiena naħseb li din l-aħħar interpretazzjoni hija korretta.

54.      Minn perspettiva sostantiva, l-attivitajiet “ta’ loġistika” u “postali” għandhom karatteristiċi komuni. Id-diffikultajiet fid-delimitazzjoni tagħhom huma dovuti għall-fatt, fl-ambitu tal-attività postali, hija inevitabbli l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ loġistika, mifhuma bħala l-globalità ta’ mezzi u metodi meħtieġa għall-ġestjoni effiċjenti tal-katina tal-provvista postali.

55.      Ix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament 2019/1020 (54), kif ukoll l-għanijiet tiegħu, jikkonfermaw li l-klawżola ta’ esklużjoni mdaħħla fl-Artikolu 3(11) tiegħu, hija intiża li tevita li fornitur li jipprovdi esklużivament servizzi postali jkun suġġett għas-sistema ta’ responsabbiltà li r-Regolament 2019/1020 jimponi fuq il-fornituri tas-servizzi ta’ loġistika.

56.      Skont il-loġika tar-Regolament 2019/1020, il-fornituri tas-servizzi ta’ loġistika jipparteċipaw fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq Ewropew (55). Fuq din il-bażi, huma jistgħu jkunu suġġetti, fuq bażi sussidjarja, għall-istess obbligi bħall-importatur fil-qasam tal-konformità mar-regolamenti dwar il-konformità tal-prodotti kkumerċjalizzati (56).

57.      Għandu jiġi preżunt li parteċipant fil-katina tal-provvista kummerċjali jkollu l-informazzjoni meħtieġa sabiex iwettaq dawn l-obbligi, u dan ma jistax jingħad għal xi ħadd li sempliċement jipprovdi servizzi postali esklużivament. Dan tal-aħħar ma jkunx involut fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, u jillimita ruħu għall-ġestjoni tal-prodotti li diġà jkunu ppakkjati “fil-forma finali tagħhom”. Għalhekk, ma jkollux għarfien dettaljat dwar il-kontenut ta’ dawn l-oġġetti u għalhekk ma għandux l-obbligu li jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ konformità.

58.      Fil-fehma tiegħi, l-esklużjoni li qiegħda tiġi analizzata hawnhekk ma hijiex maħsuba sabiex teżenta, b’mod ġenerali, lill-“fornituri tas-servizzi ta’ loġistika” mill-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67, meta dawn l-operaturi jipparteċipaw kemm fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kif ukoll fid-distribuzzjoni tagħhom permezz ta’ servizz ta’ natura postali.

59.      L-għanijiet rispettivi tad-Direttiva 97/67 u tar-Regolament 2019/1020 ma jeskludux lil xulxin (57). Għalhekk, xejn ma jipprekludi l-applikazzjoni kumulattiva tagħhom meta, minħabba n-natura tal-attività mwettqa minn operatur partikolari, ikun meħtieġ li tiġi żgurata konformità mat-tnejn.

60.      Għalhekk naqbel mal-qorti tar-rinviju li l-kwistjoni deċiżiva hija li jiġi ċċarat jekk AIL tiġġestix “oġġetti postali” u, jekk iva, minn liema mument.

61.      Kif jindika r-rapport tal-ERGP, kjarifika tal-kunċett ta’ “oġġett postali” mil-leġiżlatur tal-Unjoni tkun l-aħjar soluzzjoni għall-problema. Madankollu, de lege lata, għandha tiġi segwita d-Direttiva 97/67, b’riferiment, fejn xieraq, għar-Regolament 2018/644.

62.      Id-definizzjoni ta’ “oġġett postali” fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 97/67 fiha lista li, filwaqt li ma hijiex eżawrjenti, tiġbor flimkien oġġetti b’karatteristiċi relattivament omoġenji. Din il-lista tinkludi “pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru”, li mingħajr ebda dubju huwa kunċett wiesa’ ħafna.

63.      Sabiex jiġu ddefiniti l-profili ta’ dan il-kunċett, huwa utli r-Regolament 2018/644, li l-Artikolu 2(1) tiegħu (58) jispeċifika li l-pakketti huma kunsinni postali li fihom oġġetti b’valur kummerċjali jew mingħajru, minbarra l-korrispondenza, b’piż massimu ta’ 31.5 kg. Din u karatteristiċi oħra tal-prodott (bħall-forma li tieħu l-ordni ladarba titlesta l-fażi preparatorja tal-imballaġġ u t-tikkettjar) jistgħu jkunu rilevanti, sa fejn “oġġett postali” mhux biss irid ikun indirizzat lil riċevitur speċifiku, iżda għandu jiġi ppreżentat ukoll f’konfigurazzjoni finali u li l-kontenut tiegħu ma jkunx jista’ jinbidel iktar.

e)      Il-“klassifikazzjoni” tal-oġġetti

64.      Fid-dawl tal-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess, u mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni finali li hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju, kollox jidher li jindika li, kif tiddikjara l-AGCOM, AIL tipproċessa oġġetti li diġà jkollhom natura “postali”.

65.      Abbażi ta’ din il-premessa, AIL ser tkun suġġetta għad-Direttiva 97/67 (inkluż is-sistema ta’ awtorizzazzjoni li hija tipprevedi) jekk l-attivitajiet tagħha li jikkonċernaw dawn l-“oġġetti postali” jaqgħu, minn perspettiva sostantiva, f’wieħed jew iktar mill-istadji previsti fl-Artikolu 2(1) (ġbir, issortjar, trasport, u distribuzzjoni).

66.      Id-digriet tar-rinviju jiffoka, b’mod partikolari, fuq l-attività ta’ “issortjar”, li ma hijiex definita espressament fid-Direttiva 97/67. Skont il-kriterji ermenewtiċi komuni (59), l-“issortjar” jinkludi l-attivitajiet kollha li, bħala regola ġenerali, jitwettqu wara l-ġbir tal-oġġetti (60) u huma mmirati sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni korretta u effiċjenti tal-fażijiet sussegwenti ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni.

67.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-“attivitajiet speċifiċi mwettqa mis-suġġett […] sabiex jiġi evalwat l-involviment tiegħu fiċ-ċiklu postali u l-konnessjoni funzjonali bejn l-attivitajiet ta’ issortjar u l-fażijiet sussegwenti ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni” (61).

68.      Minn din il-perspettiva, ikun hemm “issortjar” ta’ oġġetti postali meta l-“aġir attiv” tal-operatur ekonomiku:

–        jimmaterjalizza fis-separazzjoni u fl-ordnar tal-oġġetti skont kriterji territorjali, loġistiċi u operattivi, sabiex jiġu integrati b’mod razzjonali fil-katina postali;

–        jippermetti l-ottimizzazzjoni tar-rotot tat-trasport, it-tnaqqis tal-ħinijiet ta’ tranżitu, l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi jew ikollu għanijiet simili.

69.      Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha għarfien sħiħ tal-fatti, li għandha tiddetermina jekk l-attivitajiet imwettqa minn AIL jistgħux jiġu inklużi taħt dan il-kunċett.

2.      L-“offerta lill-pubbliku” ta’ servizzi postali

70.      Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf, f’dan ir-rigward, “taħt liema ċirkustanzi s-servizzi postali jistgħu jitqiesu bħala ‘offruti lill-pubbliku’” (62).

71.      Id-domanda hija relatata mal-allegazzjoni ta’ Amazon bħala difiża għall-allegazzjoni li hija stess “ma toffrix servizzi postali ‘li ma humiex differenzjati’ lil min ikollu bżonn iwettaq il-ġestjoni loġistika ta’ oġġett għall-kunsinna tiegħu u ma għandhiex bini jew uffiċċji miftuħa għall-pubbliku” (63).

72.      Jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju, mal-Kummissjoni u mal-Gvern Spanjol li l-offerta ta’ servizzi b’mod mhux iddifferenzjat lill-“utenti kollha”, f’bini miftuħ għall-pubbliku fejn kulħadd jista’ jiddepożita l-oġġetti, huwa rekwiżit tipiku tas-servizz universali (64), iżda mhux ta’ kwalunkwe servizz postali.

73.      L-eżistenza ta’ “kaxxi ta’ l-ittri fornuti għall-pubbliku jew fuq awtostrada pubblika jew fil-post tal-fornitur(i) ta’ servizz postali” hija msemmija biss (u mhux b’mod eżawrjenti) fir-rigward ta’ “punti ta’ aċċess.” Infakkar li l-kunċett ta’ “punti ta’ aċċess” sparixxa mid-definizzjoni ta’ “ġbir,” applikabbli għal kwalunkwe “fornitur tas-servizz postali,” u jintuża biss, fil-verżjoni fis-seħħ tad-Direttiva 97/67, fir-rigward tal-fornitur tas-servizz universali (65).

74.      Għalhekk nemmen li “offerta lill-pubbliku” ta’ servizzi postali ma teħtieġx il-provvista tagħhom b’mod indiskriminat lill-utenti kollha permezz ta’ bini jew uffiċċji disponibbli għall-pubbliku.

3.      Il-konklużjoni interim

75.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, u mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni tal-fatti li għanda ssir mill-qorti tar-rinviju, nikkunsidra li l-attività tal-allokazzjoni ta’ prodotti ppakkjati u ttikkettjati minn qabel fost trasportaturi differenti permezz ta’ għażla attiva, skont kriterji ta’ loġistika li jqisu t-termini tal-kunsinna u ż-żoni koperti, tista’ tikkostitwixxi “issortjar ta’ oġġetti postali” skont it-tifsira tad-Direttiva 97/67.

C.      Il-Kawża C‑536/25

76.      AIS tiġġestixxi l-lockers użati għall-kunsinna u l-ġbir ta’ “oġġetti postali” li jkun fihom prodotti kkummerċjalizzati permezz ta’ Amazon (66). Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din l-attività tikkostitwixxix “servizz postali” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67, u jekk AIS, għalhekk, hijiex “fornitur ta’ servizz postali” skont it-tifsira tal-paragrafu 1a tal-istess artikolu.

77.      Il-qorti tar-rinviju (67), il-Gvern Spanjol u l-Gvern Taljan (68) u l-Kummissjoni (69) jaqblu li din l-attività taqa’ taħt il-kunċett ta’ “distribuzzjoni ta’ oġġetti postali” (70), l-istadju finali tal-katina postali kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67.

78.      Amazon ma taqbilx ma’ din il-klassifikazzjoni. Hija targumenta li d-depożitu fil-lockers huwa sempliċement “alternattiva” għall-kunsinna fil-kaxxa tal-ittri residenzjali tad-destinatarju (71): il-katina postali għalhekk tintemm malli jsir dan id-depożitu (72). Fil-fehma tagħha, il-lockers huma “punt ta’ kuntatt” li l-ġestjoni tagħhom, bħal dik tal-kaxxi tal-ittri li jikkostitwixxu l-“punti ta’ aċċess”, hija eskluża mis-“servizzi postali” (73).

79.      Għal darba oħra, ma naqbilx mal-argument ta’ Amazon (74).

80.      Id-depożitu ta’ oġġett fil-kaxxa tal-ittri residenzjali tad-destinatarju huwa differenti mid-depożitu tiegħu f’lockers ġestiti minn AIS:

–        Naqbel ma’ Amazon li l-kaxxi tal-ittri, meta jiffunzjonaw bħala sempliċi punti ta’ “aċċess” jew ta’ “ħruġ” tan-netwerk postali, għandhom jitqiesu bħala esterni għal dan in-netwerk. Il-ġestjoni tagħhom hija purament passiva (kif rifless fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 97/67), peress li l-kaxxa tal-ittri hija sempliċement post għad-“depożitu” jew il-“ġbir” tal-oġġett mill-partijiet interessati (il-mittent u d-destinatarju). F’dan il-kuntest, is-servizz postali huwa pprovdut biss mill-fornitur li jwettaq il-“ġbir” u d-“distribuzzjoni”.

–        Min-naħa l-oħra, kif tosserva ġustament il-qorti tar-rinviju, in-natura attiva tal-ġestjoni tal-lockers (75) minn AIS iddgħajjef il-“paralleliżmu ċar” li Amazon tipprova tistabbilixxil bejn dawn u l-kaxxi tal-ittri. L-oġġett iddepożitat fil-lockers jinsab taħt il-kustodja u s-superviżjoni attiva ta’ AIS sakemm jinġabar mid-destinatarju. Jekk il-prodott ma jinġabarx fil-perijodi ta’ żmien stabbiliti minn AIS, l-oġġett jiġi rritornat lill-mittent, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ ebda intervent mid-destinatarju (76).

81.      Ir-ritorn awtomatiku lill-mittent, li ma jseħħx fil-każ ta’ oġġett depożitat f’kaxxa tal-ittri residenzjali, jikkonferma n-natura “attiva” tal-ġestjoni tal-lockers u li d-depożitu fihom ma jfissirx il-“ħruġ” tal-oġġett mill-katina postali: ma sseħħx “kunsinna [vera u proprja] lid-destinatarju tal-oġġett”, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 97/67, qabel ma l-imsemmi destinatarju jinġabar effettivament dan l-oġġett.

82.      Din is-soluzzjoni hija kkonfermata mill-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 97/67.

83.      Minn perspettiva sistematika, ir-risposta li nipproponi hija konsistenti mal-kunċett ta’ “kunsinna” previst fid-Direttiva 2011/83/UE (77): f’dan il-kunċett, il-bidu tat-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt għall-irtirar u t-trasferiment tar-riskju huwa stabbilit billi jiġi stipulat li l-prodott mibjugħ mill-bogħod jitqies bħala “kkunsinnat” meta “[l]-konsumatur jew parti terza minbarra l-kunsinnatur u indikata mill-konsumatur jikseb il-pussess fiżiku tal-oġġetti” (78).

84.      Minn perspettiva teleoloġika, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva97/67 għandha l-għan li tippermetti li “tiġi garantita [minn dawn l-Istati] konformità mar-rekwiżiti essenzjali” ddefiniti fl-Artikolu 2(19). Jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju u mal-Gvern Taljan li l-kisba ta’ dan l-għan tista’ tkun meħtieġa wkoll minn operatur li jaġixxi bħala kustodju ta’ oġġetti postali, sal-mument tal-ġbir attwali tagħhom mid-destinatarju.

85.      Konsegwentement, il-ġestjoni tal-lockers imwettqa minn AIS tifforma parti mill-fażi ta’ “distribuzzjoni” ta’ oġġett postali, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 97/67.

D.      Il-Kawża C‑537/25

86.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk AIT tistax tiġi kklassifikata bħala “fornitur ta’ servizz postali” skont l-Artikolu 2(1a) tad-Direttiva 97/67, minkejja li materjalment ma twettaq l-ebda waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni (79).

87.      AIT targumenta li l-attività tagħha hija limitata għas-sempliċi organizzazzjoni tal-attività mwettqa minn partijiet terzi, l-operaturi lokali, u għalhekk ma tikkostitwixxix “servizz postali” (80). Konsegwentement hija ma hijiex fornitur ta’ servizz postali għaliex kull ma tagħmel huwa li torganizza l-attività ta’ partijiet terzi (l-operaturi lokali).

88.      Għall-kuntrarju, skont l-AGCOM u l-qorti tar-rinviju, “[...] anki min effettivament jorganizza is-servizzi postali huwa fornitur ta’ servizz postali [...] anki jekk jafda l-eżekuzzjoni tal-kompiti effettivi li fihom jikkonsisti dan is-servizz f’idejn partijiet terzi li jkunu awtonomi biss minn perspettiva formali” (81).

89.      Il-formulazzjoni letterali tad-definizzjoni ta’ “fornitur ta’ servizz postali” (Artikolu 2(1a) tad-Direttiva 97/67) ma hijiex utli sabiex issolvi d-dibattitu, minħabba n-natura tawtoloġika tagħha.

90.      Lanqas ma huwa konklużiv, għal dawn il-finijiet, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament 2018/644 li jipprovdi li “fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti” (is-servizzi tal-konsenja tal-pakketti huma “servizzi postali”) (82) jista’ jafda l-eżekuzzjoni ta’ fażijiet tal-katina postali lil “sottokuntrattur”, mingħajr ma jitlef l-istatus tiegħu minħabba f’dan.

91.      L-“approċċ sostantiv” adottat mill-AGCOM jiffoka fuq is-sid effettiv tas-servizz postali u jenfasizza n-natura “purament formali” tal-awtonomija tal-operaturi lokali kkuntrattati. Anki jekk dawn l-operaturi lokali huma impriżi indipendenti u ma humiex parti mill-grupp Amazon, dawn huma suġġetti għall-awtorità ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ AIT fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom jipprovdu s-servizz tagħhom.

92.      F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju u l-AGCOM jenfasizzaw li:

–        Amazon tippjana puntwalment il-kompiti speċifiċi li kull impriża tal-kurrier trid twettaq matul il-fażi tat-tqassim. Skont l-AGCOM, dan l-ippjanar jieħu l-forma ta’ istruzzjonijiet mibgħuta direttament lix-xufier/kurrier, impjegat tal-impriża lokali, u jirreferu individwalment għal kull pakkett li l-kurrier jiġbor mid-“Delivery Station” għall-finijiet tal-kunsinna tiegħu (83).

–        Amazon timmonitorja t-twettiq ta’ dawn il-kompiti in itinere (bl-użu ta’ sistemi ta’ traċċar tal-vetturi u tagħmir ipprovdut lill-persunal).

–        Abbażi tal-informazzjoni miksuba b’dan il-mod, AIT timmonitorja a posteriori l-prestazzjoni tal-operaturi lokali bl-użu ta’ indikaturi stabbiliti minn AIT stess, u n-nuqqas li jintlaħqu dawn l-indikaturi jirriżulta f’sanzjonijiet finanzjarji għall-kumpanija lokali (84).

–        Il-kundizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-operaturi lokali u AIT jassenjaw lil Amazon il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-materjali meħtieġa għat-twettiq tas-servizz ta’ kunsinna (85).

–        Fir-rigward tar-riżorsi umani (impjegati tal-operaturi lokali), AIT tista’ tiddetermina t-termini tal-impjieg tagħhom (86) u titlob it-tkeċċija tal-impjegati tal-impriżi lokali li ma jkunux għas-sodisfazzjon tagħha (87).

93.      Fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mal-fatti ppreżentati lilha mill-qorti tar-rinviju (88). Dik il-qorti hija l-unika waħda li għandha l-kompetenza sabiex tevalwa jekk il-konstatazzjonijiet fattwali tal-AGCOM jirriflettux b’mod preċiż ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn AIT u l-operaturi lokali, kif ukoll is-setgħa ta’ ġestjoni li l-ewwel waħda teżerċita fuq it-tieni waħda (89).

94.      Għalhekk, fid-dawl tal-qafas fattwali ppreżentat mill-qorti tar-rinviju, naqbel mal-fehma tagħha li r-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ AIT mal-operaturi lokali “huma differenti mir-relazzjonijiet ordinarji li l-fornituri tas-servizzi postali ġeneralment ikollhom ma’ dawk li jużawhom għal servizzi speċifiċi”.

95.      Jekk jiġi kkonfermat li AIT teżerċita kontroll fuq il-kundizzjonijiet materjali tal-eżekuzzjoni tas-servizz mill-operatur lokali, inklużi dawk li jikkonċernaw il-ġestjoni tal-persunal ta’ dan tal-aħħar, kif targumenta l-AGCOM, l-affermazzjoni ta’ AIT (li tallega li “ma twettaqx materjalment is-servizz” ta’ tqassim u hija limitata għas-“sempliċi organizzazzjoni” tiegħu) ma hijiex konvinċenti.

96.      Fir-realtà, AIT tidher li hija responsabbli, minn perspettiva materjali u mhux sempliċement kunċettwali, għal parti sinjifikattiva tal-fażi tad-“distribuzzjoni”, mifhuma bħala “proċess” li jibda bl-“issortjar fiċ-ċentru responsabbli għall-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni” (id-“Delivery Stations”). F’dan il-kuntest, l-operatur lokali huwa responsabbli materjalment biss għat-trasport lejn id-destinatarju finali skont il-linji gwida dettaljati ta’ AIT, u ma jistax jiġi eskluż li s-“servizz postali” veru u proprju huwa pprovdut minn AIT, bl-użu tar-riżorsi tal-impriża lokali li l-livell ta’ indipendenza tagħha huwa kważi kompletament eliminat meta l-oġġett ikun ġestit minn Amazon (90).

97.      B’risposta għall-argument ta’ Amazon dwar in-nuqqas ta’ flotta ta’ vetturi tagħha stess u n-nuqqas ta’ relazzjonijiet kuntrattwali max-xufiera tal-kunsinna, il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenza Uber France (91). Amazon tikkontesta r-rilevanza ta’ dik is-sentenza għal din it-tilwima, billi targumenta li dik il-kawża kienet sostanzjalment differenti minn dik inkwistjoni hawnhekk (92).

98.      B’mod partikolari, Amazon tindika li l-kriterju tal-“influwenza deċiżiva” la kien l-uniku fattur u lanqas dak determinanti fid-deċiżjoni li ntlaħqet fis-sentenza Uber France. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-servizz tat-trasport ipprovdut mix-xufiera indipendenti ma kienx jeżisti mingħajr is-servizz ta’ intermedjazzjoni ipprovdut minn Uber, kundizzjoni li ma hijiex issodisfatta f’din il-kawża (93).

99.      Għalkemm l-osservazzjoni ta’ Amazon hija parzjalment korretta, għandu jiġi nnutat li:

–        Fis-sentenza Uber France, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rekwiżit tal-“ħolqien integrali tal-offerta” huwa spjegat fid-dawl tad-domanda magħmula dakinhar. Id-domanda kienet sabiex jiġi ċċarat jekk, fil-preżenza ta’ servizz imħallat, l-element li huwa pprovdut b’mezz elettroniku (servizz ta’ intermedjazzjoni permezz tal-applikazzjoni għall-ismartphones) kienx jikkostitwixxi l-“provvista prinċipali” tas-servizz imħallat. Kien biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv li s-servizz imħallat seta’ jiġi inkluż fil-qasam tas-“servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni” skont id-dritt tal-Unjoni (94).

–        B’kuntrast ma’ dan, fis-settur postali, skont is-sentenza Confetra, in-“natura anċillari” ta’ “servizz postali” meta mqabbel ma servizz ieħor ipprovdut mill-istess fornitur ma għandha l-ebda effett fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 97/67 (95).

–        Għalhekk, għall-finijiet tal-kawża preżenti, huwa rilevanti biss it-tieni wieħed mill-kriterji stabbiliti fis-sentenza Uber France, dwar “influwenza deċiżiva”. Dan il-kriterju jippermetti li l-provvista tas-servizz tiġi attribwita lill-parti li tistabbilixxi, speċifikament, il-kundizzjonijiet materjali li għandhom jiġu osservati fl-eżekuzzjoni ta’ dan is-servizz.

100. B’kunsiderazzjoni tal-influwenza deċiżiva li AIT teżerċita fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet applikati għall-operaturi lokali, jista’ jkun meħtieġ li hija tiġi obbligata tikseb “awtorizzazzjoni” sabiex tiġi żgurata konformità mar-“rekwiżiti essenzjali” msemmija fl-Artikolu 2(19) tad-Direttiva 97/67, jiġifieri, ir-raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru jimponi kundizzjonijiet fuq il-provvista ta’ servizzi postali.

101. Għal dan il-għan, ma huwiex biżżejjed li l-impriżi lokali li jikkollaboraw ma’ AIT ikollhom issa (96) awtorizzazzjoni sabiex joperaw bħala operaturi postali (li permezz tagħha, skont Amazon, diġà hija suffiċjentement iggarantita l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali) (97). Il-kwistjoni hawnhekk hija jekk AIT għandhiex tikseb tali awtorizzazzjoni hija stess.

102. Għalhekk nikkunsidra li l-Artikolu 2(1a) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz postali” jinkludi impriża, bħal AIT, li, anki jekk ma twettaqx materjalment is-“servizz postali”, teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet tal-provvista tiegħu minn operatur lokali li hija stess tissottokuntratta.

E.      L-impatt tar-rabta bejn l-attivitajiet ta’ AIL, AIT, u AIS

103. Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk “ir-rabta bejn l-attivitajiet ta’ [AIL, AIT, u AIS] tistax tinfluwenza r-risposta għad-domanda ta’ interpretazzjoni magħmula lilha u b’liema mod” (98).

104. Fl‑2022, il-Kummissjoni wettqet studju li indirizza l-emerġenza ta’ mudelli ta’ negozju ġodda fis-settur postali. Hija kkonkludiet li l-operaturi postali tradizzjonali jaffaċċjaw il-kompetizzjoni minn għadd kbir ta’ atturi ġodda u li l-katina tal-provvista postali tradizzjonali saret frammentata (99).

105. Din il-“frammentazzjoni” timmanifesta ruħha fuq żewġ livelli: (a) il-katina tal-provvista postali ma għadhiex ġestita minn operatur wieħed iżda minn ħafna operaturi, kull wieħed speċjalizzat fi stadju speċifiku tal-proċess; u (b) dawn l-operaturi normalment ikunu entitajiet ġuridikament awtonomi, spiss integrati fi strutturi korporattivi kumplessi u interdipendenti, bħal fil-każijiet inkwistjoni.

106. Xi awtoritajiet regolatorji nazzjonali tas-settur postali ppruvaw “ineħħu l-velu korporattiv”, billi argumentaw li attività ta’ natura postali ma setgħetx tiġi eskluża mill-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67 sempliċement bis-segmentazzjoni tal-personalità ġuridika tal-fornitur tagħha, li wassal sabiex “l-attività postali tal-grupp ‘[tintilef] f’din l-istruttura kollha’” (100).

107. Bl-istess mod, il-Gvern Taljan jipproponi, sussidjarjament (101), l-użu, b’analoġija, tat-teorija tal-“unità ekonomika”, użata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissanzjona kumpannija omm għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji tagħha (102).

108. Dan l-approċċ għandu l-għan li jippreserva l-effett utli tad-Direttiva 97/67, filwaqt li jevita d-distorsjonijiet iġġenerati meta l-frammentazzjoni korporattiva tintuża sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita f’din id-direttiva (103). Madankollu, nemmen li ma huwiex neċessarju li tintuża t-teorija tal-unità ekonomika (l-użu tagħha jista’ jkun, skont il-każijiet, saħansitra kontroproduttiv) (104) jekk l-analiżi tal-attività ta’ kull impriża fi ħdan il-grupp tiżvela, waħedha, li dik il-impriża tipprovdi servizzi postali.

109. Id-definizzjoni ta’ “fornitur ta’ servizzi postali” stabbilita mid-Direttiva 97/67 tippermetti li tiġi kkonċepita provvista frammentata, minn operaturi differenti, tas-servizzi li jiffurmaw il-fażijiet suċċessivi tal-katina postali, bl-istess mod, tippermetti li kull wieħed minn dawn l-operaturi jiġi kklassifikat bħala “fornitur ta’ servizzi postali”, suġġett għall-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67.

110. Kif diġà indikajt, b’riferiment għall-analiżi tal-ERGP, id-diffikultajiet prinċipali f’kawżi bħal dawn jirriżultaw mill-inadegwatezza tad-definizzjoni attwali ta’ “oġġett postali”. De lege ferenda, ir-riformulazzjoni tagħha tippermetti fehim iktar ċar tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67 (105).

111. Madankollu, de lege lata, huwa biżżejjed li l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz postali” jiġi interpretat f’termini li jippermettu li diversi operaturi fl-istess katina postali jiġu kklassifikati bħala tali, inklużi dawk li sempliċement jorganizzaw l-attività tas-sottokuntratturi tagħhom, billi jissuġġettawhom għall-ġestjoni u l-kontroll tagħhom. Ir-riferiment fl-Artikolu 2(1a) tad-Direttiva 97/67 għal “servizz postali wieħed jew aktar” tipprovdi bażi għall-attribuzzjoni ta’ din il-klassifikazzjoni.

VI.    Konklużjoni

112. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:

“L-Artikoli 2 u 9 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jissuġġettaw għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali l-attivitajiet ta’ operatur ekonomiku li jikkonsistu f’dawn li ġejjin:

1)      l-allokazzjoni lil diversi fornituri ta’ servizzi, abbażi tat-termini u taż-żoni koperti, tal-kunsinna lill-klijent finali ta’ oġġetti postali li jkun fihom oġġetti mixtrija f’suq elettroniku, ippakkjati u ttikkettjati minn qabel mill-istess operatur li jwettaq din l-allokazzjoni;

2)      il-ġestjoni tal-lockers tal-kunsinna, li tinkludi s-superviżjoni attiva tad-depożitu ta’ oġġetti postali mill-operaturi lokali tat-tqassim u tal-ġbir sussegwenti tagħhom mid-destinatarju;

3)      l-organizzazzjoni ta’ servizz ta’ distribuzzjoni ta’ oġġetti postali mwettaq minn operaturi lokali legalment indipendenti, iżda li jwettqu dan is-servizz skont l-istruzzjonijiet dettaljati tal-aġent li, fir-realtà, ikollu s-setgħa ta’ direzzjoni u kontroll fuqhom”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Iddikjarajt dan fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Confetra et (C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2017:910), punt 39.


3      L-isem “Amazon” jirreferi għall-grupp li huwa proprjetarju ta’ pjattaforma online mfassla sabiex tgħaqqad bejjiegħa u konsumaturi bil-għan li jwettqu tranżazzjonijiet bejniethom relatati mal-bejgħ ta’ oġġetti. It-tilwimiet inkwistjoni ma humiex relatati mal-bejgħ dirett minn Amazon tal-prodotti tagħha.


4      Dawn huma Amazon Italia Logistica Srl, Amazon Italia Services Srl, u Amazon Italia Transport Srl; iktar ’il quddiem, ser nirreferi għalihom rispettivament bħala “AIL,” “AIS,” u “AIT” jew, iktar sempliċement, bħala “Amazon”.


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49).


6      Digriet Leġiżlattiv Nru 261 — Transpożizzjoni tad-Direttiva 97/67/KE dwar Regoli Komuni għall-Iżvilupp tas-Suq Intern tas-Servizzi Postali tal-Komunità u t-Titjib fil-Kwalità tas-Servizz tat‑22 ta’ Lulju 1999 (GURI Nru 182 tal‑5 ta’ Awwissu 1999, p. 4).


7      Deċiżjoni Nru 129/15/CONS — Regolament dwar awtorizzazzjonijiet għall-offerta ta’ servizzi postali lill-pubbliku. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (punti 12 sa 15), Amazon tiddikjara li fl‑2024 l-AGCOM adottat verżjoni ġdida ta’ dan ir-Regolament (Deċiżjoni Nru 388/24/CONS), li tikkonferma wħud mill-argumenti tagħha. Madankollu, dan ir-Regolament il-ġdid ma huwiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima.


8      Delibera n.º 400/18/CONS — Ordinanza ingiunzione a società del grupo Amazon per l’esercizio di attività postale senza titolo abilitante (Deċiżjoni Nru 400/18/CONS — Ordni li tirrikjedi li l-kumpanniji tal-grupp Amazon iwettqu attivitajiet postali mingħajr awtorizzazzjoni; iktar ’il quddiem “deċiżjoni tal-AGCOM”).


9      Deċiżjoni tal-AGCOM, punt 16.


10      Punt 73 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan.


11      Fil-punt 3 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon, dawn huma ddefiniti bħala “imħażen iżgħar, li jinsabu ħdejn il-bliet ewlenin, minn fejn il-merkanzija titwassal lill-klijenti finali permezz ta’ trasportaturi lokali [...] li jikkollaboraw ma’ AIT”.


12      Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għall-impriżi msemmija l-aħħar bħala “operaturi lokali” jew “impriżi lokali”. Dawn huma kollha impriżi indipendenti mill-grupp Amazon.


13      AIT ma twettaqx materjalment is-servizz ta’ kunsinna, iżda tiġġestixxi n-netwerk ta’ operaturi lokali, billi torganizza s-servizz ta’ tqassim skont il-bżonnijiet tagħha. AIT tiddefinixxi unilateralment il-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi tas-servizz permezz ta’ linji gwida stretti, li jikkonċernaw: (a) il-ġestjoni tal-persunal, inkluż il-persunal issottokuntrattat, responsabbli sabiex iwettaq il-kunsinni f’isem Amazon; (b) l-organizzazzjoni tar-rotot; (ċ) il-monitoraġġ tal-kisba tal-indikaturi tal-prestazzjoni; (d) it-tariffi; (e) il-provvista ta’ tagħmir/għodda lill-persunal; (f) l-użu ta’ sistemi ta’ traċċar tal-vetturi; (g) l-aspetti ta’ sigurtà; (h) il-ġestjoni tal-oġġetti rritornati; (i) il-ġbir ta’ oġġetti u/jew ir-ritorn tagħhom lejn l-istazzjon tal-kunsinna (ir-raba’ inċiż tal-punt 4 tad-digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑537/25).


14      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑536/25, punti 4, 25, u 34 sa 36. Skont il-punt 4, il-lockers huma konnessi permezz tal-internet mas-sistemi tal-kompjuter ta’ AIS, li jippermettu l-verifika kemm tal-kunsinna min-naħa tal-kurrier kif ukoll tal-ġbir tal-pakkett mid-destinatarju finali. F’dan ir-rigward, “il-lockers huma mmonitorjati mill-bogħod”. Ladarba l-oġġett jasal fil-locker magħżul, l-utent jirċievi notifika bil-posta elettronika bl-istruzzjonijiet u kodiċi għall-ġbir. Mill-mument li l-merkanzija tiġi ddepożitata fil-locker sakemm tinġabar mid-destinatarju, l-oġġetti jkunu taħt il-kustodja ta’ Amazon, li taġixxi bħala depożitarju. It-tqassim effettiv iseħħ meta l-utent jiġbor l-oġġett mill-locker, u minn dak il-punt Amazon ma tibqax responsabbli għalih.


15      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑535/25, punt 22.


16      Hekk nifhem il-punti 44 u 46 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan dwar l-attivitajiet ta’ AIL u AIS. Madankollu, ma nifhimx il-kritika li saret dwar l-attivitajiet ta’ AIT (punt 45).


17      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan, punt 50.


18      Digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑535/25, punt 70; digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑536/25, punt 44; digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑537/25, punt 58.


19      Flimkien ma’ dawn id-dubji, jitqajjem id-dubju dwar il-potenzjal ta’ awtoforniment tas-servizz. Il-partijiet u l-intervenjenti kollha (ħlief il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi) jiċħdu li s-servizz ta’ Amazon huwa pprovdut fuq bażi ta’ awtoforniment.


20      L-attivitajiet ta’ “issortjar” u ta’ “distribuzzjoni” attribwiti lil AIL u AIS, rispettivament, huma identiċi, irrispettivament minn jekk l-istadji sussegwenti jew preċedenti tas-servizz humiex fdati lil AIT jew jekk jinvolvux impriżi oħra. Fir-rigward tal-attività ta’ AIT, id-domanda hija limitata għall-attività li jwettqu l-operaturi lokali f’isem Amazon u mhux għall-klijenti tagħhom stess


21      Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Confetra et (C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370); iktar ’il quddiem is-“sentenza Confetra”.


22      Dan huwa l-każ bis-servizzi loġistiċi ta’ partijiet terzi (iktar ’il quddiem “third party logistics” jew “3PL”). F’dan il-mudell, impriża testernalizza l-ġestjoni sħiħa jew parzjali tal-katina loġistika tagħha lil operatur speċjalizzat, inklużi attivitajiet bħall-ħażna, it-tħejjija tal-ordnijiet, it-trasport, u d-distribuzzjoni. Tipikament, l-operatur 3PL jaġixxi bħala fornitur ta’ servizzi integrati, mingħajr ma jassumi titolu ta’ proprjetà fuq il-merkanzija ġestita, u jottimizza l-ġestjoni tal-flussi fiżiċi u operattivi tal-merkanzija bejn il-bejjiegħ u d-destinatarju finali.


23      Ara r-rapport tal-Grupp tar-Regolaturi tas-Settur Postali Ewropew, tat‑2 ta’ Lulju 2025 (disponibbli fuq https://webgate.ec.europa.eu/circabc-ewpp/d/d/workspace/SpacesStore/f1d8ad07-415d-429f-9673-0cb8e41dc806/download; iktar ’il quddiem, ir-“rapport tal-ERGP”). Fit-taqsima 4.1 tar-rapport jiġi osservat li, fid-dawl tal-avvanzi teknoloġiċi rapidi, xi definizzjonijiet fid-Direttiva 97/67 saru “obsoleti, ambigwi, u mhux prattiċi”.


24      Fid-definizzjoni ta’ “oġġett postali” prevista fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 97/67, il-kunċett ta’ “fornitur tas-servizz postali” jintuża bħala l-element ċentrali, jiġifieri, “impriża li tipprovdi servizz postali wieħed jew aktar”. Min-naħa tagħha, id-definizzjoni ta’ “servizzi postali” għandha bħala l-element ewlieni tagħha l-kunċett ta’ “oġġett postali”. It-taqsima 4.1 tar-rapport tal-ERGP tindika li l-kunċett ta’ “oġġett postali” għandu jkun iddefinit b’mod iktar ċar.


25      Id-Direttiva 2008/6 sempliċement introduċiet, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, id-definizzjoni ta’ “fornitur ta’ servizz postali” u indikat, fis-seba’ premessa tagħha, li “[i]s-swieq postali Ewropej għaddew minn bidliet drammatiċi fis-snin reċenti, żvilupp li kien inkoraġġut minn avvanzi teknoloġiċi u kompetizzjoni mkabbra li rriżultaw mid-deregolamentazzjoni [...]”. Il-premessa 14 iżżid li “[...] [s]abiex jiffaċċjaw il-kompetizzjoni, jissodisfaw il-ħtiġiet ġodda tal-konsumatur [...] il-fornituri ta’ servizz postali jistgħu jvarjaw l-attivitajiet tagħhom billi jipprovdu servizzi ta’ kummerċ elettroniku jew servizzi oħra tas-soċjetà ta’ l-informatika”.


26      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU 2019, L 169, p. 1).


27      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ April 2018 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini (ĠU 2018, L 112, p. 19).


28      Il-premessa 13 tar-Regolament 2018/644.


29      Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2025, AGCOM (C‑345/24, EU:C:2025:1009), dispożittiv, punt 1.


30      Fil-Kawża C‑345/24, AIT u AIL ma kkontestawx din il-klassifikazzjoni u l-applikabbiltà ratione personae, b’konsegwenza ta’ dan, tar-Regolament 2018/644. Skont il-punt 13 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon f’dik il-kawża, dawk il-kumpanniji (jew mill-inqas AIL) kellhom l-awtorizzazzjoni nazzjonali meħtieġa mid-Direttiva 97/67 għal ċertu perijodu ta’ żmien, u rrinunzjawha biss wara l-emenda għar-Regolament tal-AGCOM imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


31      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑535/25, punt 23.


32      Sentenza Confetra, punt 34.


33      Sentenza Confetra, punt 34. L-“attività [biss] ta’ trasport” ta’ oġġetti postali hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67: ara l-premessa 17 tad-Direttiva 2008/6.


34      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑535/25, punt 35.


35      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑535/25, punt 7.


36      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑535/25, punt 7, u l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon, punt 30.


37      Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon, punt 22.


38      Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon, rispettivament it-taqsimiet IV (ii), IV (i) u IV (iii)‑(iv).


39      Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon, punt 31. Il-verżjoni oriġinali bit-Taljan ta’ dan il-punt tal-osservazzjonijiet tirreferi għall-“momento cronologico in cui l’invio viene ‘preso in consegna’ dall’operatore postale per la consegna”.


40      Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon, punt 38.


41      Fil-verżjoni Taljana tad-dispożizzjoni: “invio postale” tfisser “l’invio, nella forma definitiva al momento in cui viene preso in consegna dal fornitore di servizi postali” (enfasi miżjuda minni).


42      Fil-verżjoni Spanjola, “envío postal” tfisser “el envío con destinatario presentado en la forma definitiva en que deba ser transportado por el proveedor del servicio postal”. Fil-verżjoni Franċiża, tiġi ddefinita bħala “un envoi portant une adresse sous la forme définitive dans laquelle il doit être acheminé par le prestataire de services postaux”; fil-verżjoni Ingliża, “an item addressed in the final form in which it is to be carried by a postal service provider” (enfasi miżjuda minni). Verżjonijiet oħra, bħal dik Portugiża (“o envio endereçado na forma definitiva sob a qual fica a cargo do prestador do serviço postal”), dik Ġermaniża (“eine adressierte Sendung in der endgültigen Form, in der sie von einem Postdiensteanbieter übernommen wird”) jew dik Olandiża (“geadresseerde zending in de definitieve vorm die een aanbieder van postdiensten verzorgt”), ma jirreferux għat-“trasport” jew il-“kunsinna” u jużaw verbi (ficar a cargo, übernehmen, verzorgen) iktar qrib l-idea tat-teħid tar-responsabbiltà milli dik ta’ moviment fiżiku.


43      Dan huwa partikolarment ċar mill-verżjonijiet lingwistiċi li jużaw l-espressjoni “ikunu responsabbli għal”: minn perspettiva semantika, ma hemm xejn li jipprevjeni lil AIL milli “tkun responsabbli” għall-ġbir u għall-issortjar ta’ “oġġetti postali” hija stess u tkun il-“fornitur tas-servizzi postali” imsemmi fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 97/67. Din, fil-qosor, hija l-pożizzjoni tal-AGCOM.


44      Osservazzjonijiet bil-miktub minn Amazon, punt 25. Argument simili jinstab fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi: fin-nuqqas ta’ “ġbir”, l-attività ta’ AIL għandha tiġi kklassifikata bħala “awtoprovvista” ta’ servizzi postali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minkejja li jirrikonoxxi li l-Artikolu 2(1a) tad-Direttiva 97/67 jippermetti li stadji differenti tal-katina postali jiġu fdati lil operaturi differenti, jikkunsidra li “servizz” jista’ jiġi kklassifikat biss bħala “postali” meta “oġġett postali” jgħaddi mill-istadji kollha previsti fl-Artikolu 2(1). Madankollu, tali interpretazzjoni tikkontradixxi dak li ġie ddikjarat fis-sentenza Confetra u tikkomprometti l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 97/67.


45      Enfasi miżjuda minni.


46      Iddefiniti mill-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 97/67 bħala “faċilitajiet fiżiċi, inklużi kaxxi ta’ l-ittri provduti għall-pubbliku jew fuq awtostrada pubblika jew fil-post tal-fornitur ta’ servizz universali, fejn l-oġġetti postali jistgħu jiġu depożitati man-network pubbliku postali mill-klijenti” (il-verżjoni tal‑1997). Fl-emenda tal‑2008, l-espressjoni “fornitur ta’ servizz universali” ġiet sostitwita b’“fornitur(i) ta’ servizz postali”, “klijenti” saret “mittenti”, u “netwerk pubbliku postali” saret “netwerk postali”.


47      Fil-formulazzjoni attwali tiegħu, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 97/67 jiddefinixxi “clearance [ġbir]” bħala “l-operazzjoni tal-ġbir ta’ l-oġġetti postali minn fornitur ta’ servizz postali”.


48      Il-Gvern Taljan, fil-punt 69 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jasal għall-istess konklużjoni.


49      Xi verżjonijiet tar-Regolament 2019/1020, bħal verżjonijiet bit-Taljan u bl-Ispanjol, jużaw it-terminu, iktar ġenerali, “loġistika” (“servizi di logistica”; “servicios de logística”). Verżjonijiet oħra, bħal dik bl-Ingliż u dik bil-Franċiż, jagħmlu riferiment għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet (“fulfilment”; “exécution des commandes”), li huwa sottoproċess tal-loġistika ta’ spedizzjoni.


50      Artikolu 1(1): dan għandu l-għan li “jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jsaħħaħ is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti koperti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni […]”.


51      Il-premessa 13: Sabiex “tiġi evitata lakuna fis-sistema tal-infurzar, ikun xieraq li l-fornituri tas-servizzi ta’ eżekuzzjoni jiġu inklużi fil-lista tal-operaturi ekonomiċi li kontrihom huwa possibbli għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jieħdu miżuri ta’ infurzar.”


52      Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon, punt 40.


53      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑535/25, punt 40.


54      Ara l-formulazzjoni, li hija ferm iktar ċara, ta’ din l-esklużjoni fid-dokument 2017/0353(COD), disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CONSIL:ST_5841_2019_INIT: “[…] Services provided according to Article 1(1) of Directive 97/67/EC […] are not considered fulfilment services”.


55      Il-premessa 12 u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2019/1020.


56      L-Artikolu 3(13) tar-Regolament 2019/1020 jinkludi “fornituri tas-servizzi ta’ eżekuzzjoni [loġistika]” fil-kategorija ta’ “operaturi ekonomiċi” li, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, għandhom iwettqu l-kompiti elenkati fil-paragrafu 3 tiegħu bħala prerekwiżit għall-introduzzjoni ta’ prodott fis-suq tal-Unjoni. Dawn il-kompiti jinkludu l-verifika li l-prodotti suġġetti għal kummerċjalizzazzjoni jkollhom id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE jew dikjarazzjoni ta’ prestazzjonijiet u dokumentazzjoni teknika meħtieġa mil-liġi applikabbli fis-seħħ, kif ukoll iż-żamma ta’ dawn id-dokumenti u d-disponibbiltà tagħhom għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Huma għandhom ukoll jikkooperaw b’mod proattiv u permanenti ma’ dawn l-awtoritajiet. Il-“fornitur tas-servizzi ta’ loġistika” huwa responsabbli biss meta ma jkun hemm l-ebda manifattur, importatur, jew rappreżentant stabbilit fl-Unjoni (l-Artikolu 4(2)(d)).


57      Id-Direttiva 97/67 tindirizza r-regolamentazzjoni u l-liberalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi postali, filwaqt li r-Regolament 2019/1020 għandu l-għan li jiżgura l-osservanza tal-leġiżlazzjoni rigward il-konformità tal-merkanzija kkummerċjalizzata fis-suq intern.


58      Ara, ukoll, il-premessa 15 u 16 tiegħu.


59      Jiġifieri, is-sinjifikat u l-portata ta’ dan it-terminu “skont it-tifsira ordinarja tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jitqies ukoll il-kuntest li jintuża fih u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha”. Id-digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑535/25, punt 34, u l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol, punt 37, jirreferu, għal dawn il-finijiet, għas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża Maniero (C‑457/17, EU:C:2018:912), punt 30.


60      Dwar l-allegat nuqqas ta’ “ġbir” minn AIL, nirreferi għal dak li ġie espost iktar ’il fuq.


61      Punti 52 sa 54 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


62      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑535/25, punt 41. Madankollu, kif jindikaw il-Kummissjoni u l-Gvern Spanjol (rispettivament fil-punti 27 u 50 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom), la d-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 u lanqas l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67, li huma dispożizzjonijiet li għalihom tirreferi d-domanda preliminari, ma jeħtieġu li s-servizzi postali jiġu offruti “lill-pubbliku”. L-uniku riferiment f’dan ir-rigward jinsab fil-premessa 24 u fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 97/67, li ma humiex relatati mal-każ preżenti.


63      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑535/25, punt 10. Il-Gvern Taljan (punt 19 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu) jirrimarka, ġustament, li huwa dibattibbli jekk is-servizzi postali ta’ AIL (bħala servizzi anċillari għall-attività loġistika tagħha) jiġix offruti lil pubbliku mhux iddifferenzjat.


64      Skont il-premessa 12 tad-Direttiva 97/67, “l-iskop ta’ servizzi universali huwa li joffri lill-konsumaturi kollha aċċess faċili għal network postali permezz tal-provvista, b’mod partikolari, ta’ numru suffiċjenti ta’ punti ta’ aċċess u li jiżgura kondizzjonijiet sodisfaċenti fir-rigward tal-frekwenza tal-ġbir u t-tqassim [u jiggarantixxi lill-utenti kollha] trattament ġust u mhux diskriminatorju” (korsiv miżjud minni).


65      Il-premessa 12 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/67.


66      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan, punt 96.


67      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑536/25, punt 37.


68      Punti 90 sa 96 u 58 sa 60 tal-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom.


69      Punt 75 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


70      Id-Direttiva 97/67 tiddefinixxi “tqassim” fl-Artikolu 2(5) tagħha bħala “il-proċess mill-issortjar fiċ-ċentru tat-tqassim sal-kunsinna ta’ l-oġġetti postali lid-destinatarji tagħhom”.


71      Punt 3 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon.


72      Punti 81 sa 85 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon.


73      Punti 83 u 84 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon.


74      Fir-rigward tal-argument li n-“natura postali” tas-servizz ipprovdut minn AIS tkun eskluża għaliex ma hijiex indirizzata lil pubbliku li ma huwiex differenzjat, nirreferi għall-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑536/25, punt 35.


76      Dan skont is-sit web ta’ Amazon.it iddedikat għal-lockers: https://www.amazon.it/gp/help/customer/display.html?nodeId=GRQMENKQV9RQ6BWF.


77      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU 2024, L, 2024/90093). Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 18(1) u l-premessa 51. Għalkemm isegwu għanijiet differenti, id-Direttiva 2011/83 u d-Direttiva 97/67 għandhom diversi punti ta’ kuntatt, pereżempju, f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż tal-kunsinna u tal-posta, li jissuġġerixxi l-ħtieġa li jinżamm grad ta’ konsistenza interpretattiva bejniethom.


78      Rispettivament, l-Artikoli 9(2)(b) u 20 tad-Direttiva 2011/83. Il-premessi 37 u 51 jikkonfermaw li, għal dawn il-finijiet, id-depożitu tal-oġġett f’locker ma jistax jikkostitwixxi kunsinna, u li l-operatur tal-locker ma jistax jitqies bħala “l-parti terza” msemmija f’din id-definizzjoni.


79      Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “fornitur ta’ servizzi postali” hija l-impriża li tipprovdi servizz postali wieħed jew iktar.


80      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑537/25, punt 13.


81      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑537/25, punt 41.


82      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2018/644 jikkonferma, kif diġà spjegajt, li “pakkett” huwa “oġġett postali”. L-Artikolu 2(4) ta’ dan l-istess regolament jiddefinixxi “sottokuntrattur” bħala “impriża li tipprovdi l-ġbir, l-issortjar, it-trasport jew it-tqassim tal-pakketti għall-fornitur tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti”.


83      Punti 134, 162, 163, u 171 tad-deċiżjoni tal-AGCOM. Partikolarment, fid-“Delivery Stations”, flimkien mal-pakketti, ix-xufier jiġbor tagħmir mgħammar b’applikazzjoni tal-Amazon. Il-gwida għall-utent għal dan l-apparat tiddikjara: “ladarba tkun illoggjat, issib ir-rotta ssuġġerita għall-ġurnata kollha bil-waqfiet u l-kunsinni kollha li trid tagħmel.” L-AGCOM tirrimarka li, għalkemm ir-rotta hija “ssuġġerita” (li jimplika li ma hijiex obbligatorja), ix-xufier tal-kunsinna għandu dejjem jindika fuq l-apparat: i) il-punt tat-tluq eżatt; ii) in-numru ta’ kilometri vvjaġġati, fil-bidu u fit-tmiem tar-rotta, mill-vettura użata għall-kunsinna; iii) l-iskennjar tal-kunsinni kollha fil-ħin tal-ġbir.


84      Skont il-punt 166 tad-deċiżjoni tal-AGCOM, jekk impriża lokali tonqos milli tissodisfa anki wieħed mill-indikaturi msemmija hawn fuq fi kwalunkwe punt ta’ distribuzzjoni għat-tieni darba konsekuttiva, tkun meħtieġa tissottometti pjan ta’ rkupru lil Amazon li jiggarantixxi konformità immedjata mal-livell minimu ta’ servizz. Jekk dan il-livell minimu ma jintlaħaqx fi żmien erba’ ġimgħat mill-ksur, Amazon ser iżżomm 10 % tal-ammont totali tal-fatturi ppreżentati.


85      Digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑537/25, punt 38.


86      Deċiżjoni tal-AGCOM, punt 156. B’mod partikolari, Amazon tistabbilixxi l-paga minima u rekwiżiti oħra ta’ idoneità (età minima, esperjenza professjonali, bilanċ tal-punti fuq il-liċenzja tas-sewqan).


87      Digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑537/25, punt 39. Skont id-deċiżjoni tal-AGCOM, AIT tista’ teżerċita din is-setgħa “fi kwalunkwe ħin”, “fid-diskrezzjoni assoluta tagħha”, u “mingħajr ma tkun meħtieġa tagħti xi raġuni jew spjegazzjoni”.


88      “[I]l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, [bħala] prinċipju, tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti quddiemha, u għalhekk, għandha timxi abbażi tas-sitwazzjoni li din il-qorti tikkunsidra bħala stabbilita […]” (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany, C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


89      Fil-Kawżi C‑535/25 u C‑536/25, il-qorti tar-rinviju tindika li Amazon ma tikkontestax id-deskrizzjoni tal-fatti kif esposta fid-deċiżjoni tal-AGCOM, iżda biss il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. Għall-kuntrarju, fil-Kawża C‑537/25, il-bażi fattwali tat-talba għal deċiżjoni preliminari tidher iktar kontroversjali, u l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jirriżerva d-dritt li jwettaq “eventwali inkjesti dwar il-fatti [...] ladarba tkun ġiet ikkunsidrata t-talba għal deċiżjoni preliminari” (punt 36 tad-digriet tar-rinviju tal-Kawża C‑537/25).


90      Din il-konstatazzjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-operatur lokali jiddetermina liberament il-kundizzjonijiet tal-provvista tas-servizz fil-kuntratti konklużi ma’ klijenti oħra.


91      Sentenza tal‑10 ta’ April 2018 (C‑320/16, EU:C:2018:221), punt 21; iktar ’il quddiem is-“sentenza Uber France”. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li intermedjarju jista’ “jipprovdi” servizz (f’dak il-każ, servizz ta’ trasport) anki bl-użu ta’ mezzi u riżorsi umani li ma jappartjenux lilu meta dak l-intermedjarju jeżerċita “influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet tas-servizz” ipprovdut b’dawk il-mezzi.


92      Punti 65 sa 68 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Amazon.


93      Is-sitwazzjoni tal-operaturi lokali hija differenti, peress li diġà jkollhom il-klijentela tagħhom stess u jipprovdu servizzi (postali) ta’ kurrier espress, indipendentement mis-servizz intermedjarju offrut minn Amazon.


94      Hekk spjega l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża Uber France (C‑320/16, EU:C:2017:511), punti 15 u 16.


95      Sentenza Confetra, punti 34 u 35. Ma naqbilx mal-argument ta’ Amazon (punt 63 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) li dik is-sentenza tipprekludi l-ħtieġa għal monitoraġġ każ b’każ tal-livell ta’ influwenza li impriża waħda teżerċita fuq is-servizzi postali pprovduti minn impriża oħra. Tali monitoraġġ huwa essenzjali minħabba l-istrateġija tan-negozju ta’ Amazon stess, li tinvolvi s-segmentazzjoni tal-operazzjonijiet tagħha fost kumpanniji differenti fi ħdan il-grupp u s-sottokuntrattar ta’ wħud mis-servizzi tagħha lil impriżi terzi.


96      Amazon tispjega li l-AGCOM adottat id-Deċiżjoni tagħha (tal‑25 ta’ Lulju 2018) qabel ma kienet ingħatat is-sentenza Confetra. Hija tirrikonoxxi li, dak iż-żmien, l-operaturi lokali ma kellhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa, peress li Amazon qieset li l-kumpanniji tal-kurrier espress kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/67 (punt 17 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha) għaliex kienu involuti f’attività ta’ “sempliċi trasport”. Madankollu, wara dik is-sentenza, l-operaturi lokali kollha kisbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa mir-regolamenti postali. F’dan ir-rigward, nixtieq nirrimarka li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva li timponi sanzjoni adottata mill-AGCOM fid-dawl tal-fatti eżistenti fil‑25 ta’ Lulju 2018.


97      Meta l-operatur lokali jkun impriża żgħira li d-dħul tagħha jiddependi ħafna fuq il-kuntratti ma’ AIT, dan jista’ jiġi indott sabiex jaċċetta kundizzjonijiet ta’ servizz li jmorru kontra r-regoli fis-seħħ. Għalhekk, ma narax li huwa konvinċenti l-argument li, abbażi tal-esperjenza komuni, l-operatur lokali ma jkollu l-ebda interess li jaċċetta kundizzjonijiet li jipperikolaw l-awtorizzazzjoni tiegħu stess. Fi kwalunkwe każ, il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tinkiseb b’mod iktar effettiv permezz tas-superviżjoni ta’ AIT mill-AGCOM.


98      Din id-domanda tqum, skont il-qorti tar-rinviju, f’kuntest ta’ espansjoni tal-kummerċ elettroniku u l-emerġenza ta’ tipi ġodda ta’ kumpanniji li jipprovdu servizzi integrati fi ħdan struttura korporattiva kumplessa. Ara d-digriet tar-rinviju fil-Kawża C‑537/25, punt 25.


99      Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs u Copenhagen Economics, “Main developments in the postal sector (2017‑2021). Volume 1, Main report”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, disponibbli fuq https://op.europa.eu/es/publication-detail/-/publication/e8348d3f-79d0-11ed-9887-01aa75ed71a1/language-en. B’mod partikolari, jirreferi għad-dħul ta’ atturi ġodda f’livelli differenti tal-katina postali, għall-mudelli ta’ negozju ffukati speċifikament fuq il-kunsinna tal-aħħar mil (p. 194), u għall-integrazzjoni vertikali tal-bejjiegħa bl-imnut fil-provvista ta’ servizzi ta’ eżekuzzjoni u tqassim (p. 202, b’referenza speċifika għal Amazon).


100      Hekk għamlet il-Comisión Nacional de los Mercados y de la Competencia (CNMC) (il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq u l-Kompetizzjoni, Spanja) fid-deċiżjoni tagħha Nru STP/DTSP/006/20, tal‑24 ta’ Settembru 2020, li għaliha għamlet riferiment Amazon. Din id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem Sala de lo contencioso administrativo de la Audiencia Nacional (l-Awla Amministrattiva tal-Qorti Nazzjonali, Spanja), li, fis-sentenza Nru 4355/2023 tal‑14 ta’ Lulju 2023, annullatha, billi kkunsidrat li s-CNMC “kienet iktar tesprimi rieda għal kontroll milli realtà legalment sostenibbli” (punt 10). Is-sentenza Nru 4355/2023 ġiet appellata quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) (appell li għadu pendenti).


101      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan, punti 100 sa 102. Fi kwalunkwe każ, huwa jirrikonoxxi li dan l-approċċ ma jidhirx neċessarju f’dan il-każ.


102      Dwar l-oriġini ta’ din it-teorija u d-diversi applikazzjonijiet tagħha, nirreferi għall-analiżi eżawrjenti mwettqa mill-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:293).


103      L-effett ta’ distorsjoni huwa ddokumentat u analizzat b’mod estensiv fir-rapport tal-ERGP, fit-taqsimiet 4.1 u 4.2, u fl-istudju kkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 99.


104      Din tista’ tfixkel is-sorveljanza mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, sa fejn l-attività tkun attribwita lil kumpannija omm li ma tkunx tinsab fil-ġurisdizzjoni territorjali ta’ dawn l-awtoritajiet (AIL, AIS, u AIT huma sussidjarji ta’ kumpannija omm stabbilita fil-Lussemburgu).


105      Rapport tal ERGP, taqsima 4.1.